Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2162(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0109/2016

Testi mressqa :

A8-0109/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0158

Testi adottati
PDF 341kWORD 77k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: Il-baġit ġenerali tal-UE - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
P8_TA(2016)0158A8-0109/2016
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2015/2162(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0207/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 20.2.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2015/2162(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2016),

1.  Jikkonstata l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ("il-Kontrollur") kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor kienu effikaċi;

2.  Jikkonstata li fir-rapport annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kontrollur għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kontrollur;

3.  Jikkonstata li, fl-2014, il-Kontrollur kellu baġit allokat totali ta' EUR 8 012 953 (EUR 7 661 409 fl-2013), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 92 % (84,7 % fl-2013); jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar;

4.  Jiddispjaċih li r-rapport tal-Qorti kien iddikjarat bħala kunfidenzjali fir-rapport ta' attività annwali ("RAA") tal-Kontrollur għall-2014;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Kontrollur huwa wieħed purament amministrattiv u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

6.  Jikkonstata li r-rakkomandazzjonijiet pendenti kollha magħmula ms-Servizz tal-Awditjar Intern ingħalqu fl-2014, inkluża dik dwar is-sigurtà tad-data li tinsab fl-ilmenti;

7.  Jinnota li b'segwitu għal rakkomandazzjonijiet ta' awditjar intern u skont il-Pjan Strateġiku għall-Awditjar Intern tal-Kontrollur, ġie adottat Pjan ta' Akkwist għall-ewwel darba għas-sena 2014; iħeġġeġ lill-Kontrollur itejjeb l-awtonomija finanzjarja tiegħu;

8.  Jiddispjaċih li l-Kontrollur ma għamilx mezz li tkun disponibbli l-informazzjoni kollha dwar il-politika tiegħu marbuta mal-kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-Kontrollur josserva r-regoli koperti mill-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiddefinixxi regoli vinkolanti ċari fir-rigward tar-"revolving doors" skont il-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni u li jagħmel dik-informazzjoni disponibbli għall-Parlament fir-RAA tiegħu għall-2015;

9.  Jikkonstata li l-Kontrollur adotta deċiżjoni dwar regoli interni rigward l-iżvelar ta' informazzjoni protetta mill-Kontrollur fl-2015; jitlob lill-Kontrollur jinkludi tali informazzjoni fir-RAA tiegħu għall-2015 u jiżgura konformità sħiħa mal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014;

10.  Jikkonstata li verament ftit informazzjoni hija disponibbli dwar il-proċeduri ta' akkwist u l-kriterji tal-għażla ta' kuntratturi; josserva li, għall-2014, deċiżjoni ta' għoti ta' kuntratt waħda biss hija ppubblikata fuq is-sit web tal-Kontrollur; jistieden lill-Kontrollur jinkludi lista tal-kuntratti kollha mogħtija li pparteċipa fihom, anki jekk imnedija minn istituzzjonijiet oħra, kif ukoll il-proċeduri u l-kriterji tal-għażla tagħhom fuq is-sit web tagħhom u fir-RAA tiegħu għall-2015;

11.  Jikkonstata l-ftehim miksub fi tmiem l-2015 mill-Parlament u l-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku ġdid tal-protezzjoni tad-data, propost mill-Kummissjoni fil-25 ta' Jannar 2012;

12.  Itenni t-talba tiegħu biex ikun infurmat dwar l-użu tal-faċilitajiet ta' vidjokonferenzi fl-2014; jilqa' l-aħbar dwar l-użu ta' apparati ġodda, bħall-VoxBox tal-Parlament;

13.  Jappoġġa l-użu ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-valutazzjoni tal-użu effiċjenti ta' riżorsi; jistieden lill-Kontrollur ikompli jforni tabella ta' valutazzjoni fir-RAA tiegħu;

14.  Itenni t-talba tiegħu magħmula fl-2015 biex il-politika immobiljari tal-Kontrollur tkun annessa mar-RAA tiegħu, speċjalment meta jitqies li hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif xieraq u ma jkunux eċċessivi; jistieden għalhekk lill-Kontrollur iforni lill-awtorità ta' kwittanza l-politika immobiljari tiegħu fir-RAA tiegħu għall-2015;

15.  Itenni t-talba tiegħu magħmulafl-2015 li jkollu tabella eżawrjenti tar-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur, imqassma skont il-grad, is-sess u n-nazzjonalità; jikkonstata li din it-tabella għandha tkun inkluża awtomatikament fir-RAA tal-Kontrollur; jistieden lill-Kontrollur għaldaqstant iforni lill-Parlament b'tabella eżawrjenti tar-riżorsi umani kollha kif ġie deskritt f'dan il-paragrafu fir-RAA tiegħu għall-2015;

16.  Jikkonstata li approprjazzjonijiet allokati għal missjonijiet, vjaġġi u spejjeż oħra anċillari tal-Membri u l-persunal tiegħu nżammu l-istess matul l-2014; jistieden lill-Kontrollur inaqqas din in-nefqa, meta jkun possibbli, mingħajr ma jdgħajjef ir-rwol tiegħu;

17.  Jistieden lill-Kontrollur jipprovdi, sal-aħħar ta' Mejju 2016, informazzjoni dettaljata dwar il-missjonijiet imwettqa mill-Membri u l-persunal tiegħu fir-RAA, inklużi l-ispejjeż ta' kull missjoni;

18.  Jikkonstata t-tnaqqis fil-linji baġitarji għat-traduzzjoni, il-pubblikazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Kontrollur.

Avviż legali - Politika tal-privatezza