Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2180(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0088/2016

Testi mressqa :

A8-0088/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.28
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0164

Testi adottati
PDF 442kWORD 98k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Kwittanza 2014: Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)
P8_TA(2016)0164A8-0088/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2180(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Kulleġġ(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kulleġġ fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0078/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/820/ĠAI(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 543/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0088/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 46.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 46.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.
(5) ĠU L 163, 29.5.2014, p. 5.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2180(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Kulleġġ(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kulleġġ fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0078/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/820/ĠAI(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 543/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0088/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 46.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 46.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.
(5) ĠU L 163, 29.5.2014, p. 5.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2180(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0088/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija ("il-Kulleġġ") għas-sena finanzjarja 2014 kien ta' EUR 8 575 859, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 1,48 % meta mqabbel mal-2013; billi l-baġit kollu tal-Kulleġġ huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Kulleġġ huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2013

1.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward taż-żewġ kummenti li saru fir-rapport 2011 tal-Qorti u li l-azzjoni korrettiva għalihom kienet immarkata bħala "Pendenti" fir-rapport 2012 tal-Qorti u bħala "Għadha għaddejja" fir-rapport 2013 tal-Qorti, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u issa l-azzjoni korrettiva għaż-żewġ kummenti fir-rapport tal-Qorti hija mmarkata bħala "Ikkompletata"; jinnota, barra minn hekk, li għal dak li għandu x'jaqsam ma' tliet kummenti li saru fir-rapport 2012 tal-Qorti li l-azzjoni korrettiva għalihom kienet immarkata bħala "Pendenti" jew "Għadha għaddejja" fir-rapport 2013 tal-Qorti, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u issa l-azzjoni korrettiva għaż-żewġ kummenti fir-rapport tal-Qorti hija mmarkata bħala "Ikkompletata", filwaqt li għal kumment wieħed hija mmarkata bħala "Għadha għaddejja"; jinnota li għat-tliet noti li saru fir-rapport 2013 tal-Qorti, l-azzjoni korrettiva għal tnejn minnhom hija mmarkata fir-rapport tal-Qorti bħala "Għadha għaddejja" filwaqt li għal waħda hija mmarkata "Mhux applikabbli";

2.  Jirrikonoxxi mill-Kulleġġ li:

   f'konformità mal-politika tal-Kulleġġ dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u mad-dikjarazzjoni ta' privatezza kkomunikati lis-suġġetti tad-data, il-Kulleġġ ippubblika fuq is-sit web tiegħu d-dikjarazzjonijiet ta' interess tad-direttur, il-viċi direttur, il-kap tas-servizzi korporattivi u l-membri tal-bord ta' tmexxija tiegħu; jirrikonoxxi li d-dikjarazzjonijiet ta' interess iffirmati mill-persunal tal-Kulleġġ, l-esperti nazzjonali ssekondati u individwi oħra li jikkollaboraw direttament mal-Kulleġġ mhumiex disponibbli għall-pubbliku sabiex jiġi limitat l-esponiment bla bżonn ta' data personali;
   serje ta' miżuri ġew stabbiliti wara r-rilokazzjoni tal-Kulleġġ minn Bramshill lejn il-kwartieri ġenerali li għadhom kif ġew immodernizzati f'Budapest sabiex jiġi żgurat li l-ambjent tax-xogħol tal-Kulleġġ ikun wieħed kosteffikaċi u ekoloġiku;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 97,40 %, rata li tirrappreżenta żieda ta' 2,51 % minn 94,89 % fl-2013; jikkonstata li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 82,40 %, rata li tirrappreżenta tnaqqis ta' 6,74 % minn 89,14 % fl-2013;

Impenji u riporti

4.  Jinnota mill-kontijiet finali tal-Kulleġġ li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati kien għoli fil-livell ta' EUR 1 287 094, ammont li jirrappreżenta 15 % tal-baġit ġenerali 2014 u żieda ta' 4 % meta mqabbel mal-2013; josserva mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' riporti kien għoli għat-Titolu II (Nefqa amministrattiva) fil-livell ta' EUR 383 940 (59 %), ammont li juri żieda ta' 29 % meta mqabbel ma' dak ta' EUR 145 414 (30 %) fl-2013; jirrikonoxxi, madankollu, li l-livell ta' riporti huwa ogħla mis-sena ta' qabel, prinċipalment minħabba r-rilokazzjoni tal-kwartieri ġenerali li saret f'Ottubru 2014 u fatturi relatati ma' taħriġ dovuti f'Jannar-Frar 2015 li ma waslux qabel l-għeluq tas-sena finanzjarja;

5.  Jinnota bi tħassib ir-rata ta' kanċellazzjoni għall-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2013 fil-livell ta' EUR 129 828 (15 %); jindika li r-rata ta' kanċellazzjoni għolja rriżultat prinċipalment mill-kanċellazzjoni tal-proġett Matrix kif ukoll minn spejjeż inqas milli stmati li kellhom jiġu rimborżati skont il-ftehimiet ta' għotja 2013; jistieden lill-Kulleġġ biex iħejji analiżi xierqa għall-utenti għal proġetti simili u biex jikseb informazzjoni aktar preċiża mingħand il-benefiċjarji tiegħu meta jiġu stmati l-ispejjeż tal-għotja; jindika li l-livell għoli ta' kanċellazzjonijiet relatati ma' spejjeż inqas milli stmati li kellhom jiġu rimborżati skont il-ftehimiet ta' għotja tas-sena preċedenti huwa fenomenu rikorrenti fil-ġestjoni baġitarja tal-Kulleġġ u għaldaqstant dan għandu jiġi eżaminat mill-Kulleġġ aktar bir-reqqa; jinnota, barra minn hekk, li 14 % tal-approprjazzjonijiet riportati għat-Titolu III, li jikkonsistu prinċipalment f'korsijiet u attivitajiet ta' komunikazzjoni, ġew diżimpenjati;

6.  Jindika li l-Kulleġġ tejjeb is-sistema ta' monitoraġġ baġitarju tiegħu billi implimenta rapporti tal-baġit ta' kull xahar u laqgħat minn żmien għal żmien bejn l-atturi kollha fiċ-ċirkwitu finanzjarju sabiex jiġu analizzati u minimizzati r-riporti potenzjali; jinnota li, bħala riżultat, l-aħħar ħames snin urew tnaqqis kontinwu f'punti perċentwali tal-livell ta' riporti u kanċellazzjonijiet; jistieden lill-Kulleġġ biex inaqqas ulterjorment il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għas-sena sussegwenti u biex iżomm tali livell baxx kemm jista' jkun;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

7.  Jikkonstata mill-Kulleġġ li dan adotta linji gwida għall-klassifikazzjoni tal-applikanti kif ukoll matriċi ta' preselezzjoni, li t-tnejn li huma jintużaw mill-Kumitat ta' Selezzjoni fi proċeduri ta' reklutaġġ u jorbtu l-punteġġi limiti mal-ġustifikazzjoni sottostanti; jinnota li dawn il-linji gwida ġew applikati għas-sessjonijiet ta' reklutaġġ li bdew f'April 2014; jistieden lill-Kulleġġ jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-valutazzjoni finali tal-linji gwida hekk kif dawn jiġu evalwati mill-Qorti u mis-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kulleġġ jinkorpora kwalunkwe titjib meħtieġ fil-linji gwida tiegħu mingħajr dewmien;

8.  Jitlob lill-Kulleġġ biex japplika strettament il-miżuri rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, b'verifiki ta' sfond xierqa mwettqa f'kull każ, u biex japplika l-kriterji ta' esklużjoni biex il-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitti ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

9.  Jinnota li s-sħab u l-partijiet interessati li l-Kulleġġ jikkoopera magħhom favur il-kisba tal-objettivi tiegħu huma rappreżentati minn korpi tal-Unjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u oqsma relatati oħra, kif ukoll korpi ta' taħriġ fl-Ewropa, bl-iżvolġiment ta' rwol sinifikanti min-naħa ta' kulleġġi nazzjonali għat-taħriġ tal-pulizija; jirrikonoxxi mill-Kulleġġ li, b'kont meħud tan-natura tal-attività tiegħu u l-kuntest speċifiku li jopera fih, ma jaħdimx mal-lobbyists f'attivitajiet leġiżlattivi jew attivitajiet oħra relatati;

10.  Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-Kulleġġ jistgħu jiżvolġu rwol importanti fil-garanzija tal-konformità rigward it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità; jistieden lill-Kulleġġ jinkludi kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapport annwali tiegħu;

11.  Jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta' mġiba, inkluż il-Parlament, biex itejbu l-miżuri tagħhom ta' implimentazzjoni, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

12.  Jitlob l-adozzjoni ta' strateġija ċara dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u regoli kontra l-prattika ta' "revolving doors". ifakkar lill-Kulleġġ li jeħtieġlu jadotta regoli interni vinkolanti dwar l-informaturi, skont l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014;

Awditu intern

13.  Jirrikonoxxi mir-rapport annwali tal-Kulleġġ li r-rakkomandazzjonijiet ta' awditjar kollha maħruġa mill-IAS ġew indirizzati; jinnota li, wara li rċieva informazzjoni dwar titjib mill-Kulleġġ, l-IAS ikkonferma tnejn mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu bħala magħluqin, filwaqt li r-reazzjoni fuq it-tliet rakkomandazzjonijiet pendenti għandha tiġi kkomunikata wara l-ewwel rieżami dokumentarju jew awditu ta' segwitu; jistieden lill-Kulleġġ jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżiti ta' dan ir-rieżami malli dawn ikunu disponibbli;

Prestazzjoni

14.  Jinnota li l-ispiża ta' rilokazzjoni tal-Kulleġġ mir-Renju Unit lejn l-Ungerija ġiet stmata għal EUR 1 006 515, li minnhom 43 % ġew iffinanzjati mill-Kulleġġ permezz ta' ffrankar dovut għall-koeffiċjent ta' korrezzjoni aktar baxx applikat għall-intitolamenti tal-persunal fl-Ungerija; jikkonstata li l-ammont li jifdal ġie ffinanzjat b'mod ugwali minn kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni u r-Renju Unit;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2014 il-bord ta' tmexxija tal-Kulleġġ esternalizza s-servizzi ta' kontabilità tiegħu lill-Kummissjoni biex inaqqas l-ispejjeż amministrattivi tiegħu; jinnota li l-ħatra tal-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni bħala l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kulleġġ daħlet fis-seħħ f'April 2014;

Kummenti oħra

16.  Jistieden lill-Kulleġġ biex itejjeb il-proċeduri u l-prattiki tiegħu mmirati lejn is-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jikkontribwixxi b'mod attiv għal proċess ta' kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

o
o   o

17.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0159.

Avviż legali - Politika tal-privatezza