Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2176(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0086/2016

Testi mressqa :

A8-0086/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.36
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0172

Testi adottati
PDF 454kWORD 115k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Kwittanza 2014: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)
P8_TA(2016)0172A8-0086/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0074/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0086/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0074/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0086/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0086/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2014 kien ta' EUR 79 701 222, li jirrappreżenta żieda ta' 2,11 % meta mqabbel mal-2013; billi l-baġit kollu tal-Awtorità ġej mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,69 %, li tfisser żieda ta' 0,86 % meta mqabbla mal-2013; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,31 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,48 % meta mqabbla mal-2013;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

2.  Jinnota li fi tmiem l-2014, 449 kariga mill-474 disponibbli kienu okkupati, li kienu jinkludu uffiċjali, aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali kif ukoll esperti nazzjonali ssekondati; jinnota li l-medja annwali tar-rata ta' okkupazzjoni tal-karigi fl-organigramma(aġenti temporanji u uffiċjali) hija ta' 95,1 %, filwaqt li dik għall-aġenti kuntrattwali hija ta' 92,4 %;

3.  Jitlob lill-Awtorità tapplika b'mod rigoruż il-miżuri rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, b'verifiki ta' sfond xierqa mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni sabiex l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

4.  Ifakkar lill-Awtorità li l-ewwel objettiv tal-politika tagħha dwar l-indipendenza għandha tkun ir-reputazzjoni tagħha u għaldaqstant biex tiżgura li l-Awtorità hija ħielsa minn kunflitti ta' interess reali jew ipperċepit, b'mod partikolari fir-rigward tas-setturi ekonomiċi li de facto hija tirregola;

5.  Jinnota li l-Awtorità stabbiliet proġett biex ittejjeb l-effiċjenza u l-konformità tal-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet permezz ta' strateġija ċentralizzata, l-introduzzjoni ta' proċessi u strutturi ta' ppjanar, monitoraġġ u rapportar, kif ukoll permezz ta' proċessi u strutturi ċentralizzati ta' finanzjament u ta' akkwist; jinnota b'sodisfazzjon li dan il-proġett ser jippermetti lill-Awtorità twettaq il-mandat tagħha b'mod aktar effiċjenti, tnaqqas iż-żmien meħtieġ biex tipproduċi riżultati u l-għadd ta' persuni involuti, li jirriżulta fi tnaqqis ekwivalenti għal 14-il membru tal-persunal full-time fl-2015;

6.  Jilqa' l-fatt li, fl-2014, l-Awtorità implimentat programm ta' ġestjoni tat-talenti biex tottimizza l-użu tar-riżorsi umani tagħha (persunal u esperti);

7.  Huwa partikolarment konxju tal-interess pubbliku fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Awtorità, li jsir skont ir-rwol u r-responsabbiltajiet ġuridiċi tagħha; jenfasizza l-fatt li regoli kredibbli dwar l-integrità huma essenzjali u, barra minn hekk, li l-komunikazzjoni u d-disponibbiltà għall-midja huma fundamentali; jinnota li l-Awtorità qed talloka 74 % tar-riżorsi umani tagħha għal attivitajiet xjentifiċi, evalwazzjoni u ġbir u komunikazzjoni ta' data; iħeġġeġ lill-Awtorità tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

8.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità nediet proġett biex tibdel il-mod li bih teżamina u tipproċessa d-dikjarazzjonijiet annwali ta' interess sabiex tiżgura koerenza aħjar u konformità ġenerali mar-regoli tagħha dwar id-dikjarazzjonijiet ta' interess; jinnota, barra minn hekk, li din is-sistema ġdida, li mistennija titlesta matul l-2016, tipprevedi eżami ċentralizzat tad-dikjarazzjonijiet annwali ta' interess u t-trasferiment ta' responsabbiltà mid-dipartimenti xjentifiċi tal-Awtorità għad-dipartiment legali u regolatorju tagħha; ;

9.  Jinnota li sabiex tkun tista' taħdem mal-akkademiċi ewlenin fl-industrija kif ukoll ikollha l-aktar politika effikaċi possibbli dwar il-kunflitti ta' interess, l-Awtorità tuża sistema biex tivvaluta l-interessi tal-esperti, li tieħu kont tar-rwol tal-esperti u l-mandat tal-grupp jew bord ta' ħidma xjentifiku li tiegħu l-espert ikun membru skont għadd ta' kriterji differenti; jinnota, barra minn hekk, li fl-2016, l-Awtorità se twettaq eżami tas-sistemi li għandha fis-seħħ sabiex tidentifika kunflitti ta' interess bħala parti minn ċiklu ta' rieżami regolari tal-politika tagħha dwar l-indipendenza; jitlob lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżiti tar-rieżami u l-aġġustamenti meħtieġa għall-proċeduri għall-għażla tal-esperti u għall-verifika tal-kredenzjali tagħhom;

10.  Jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta' kondotta, inkluż il-Parlament, biex itejbu l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

11.  Itenni t-talba tiegħu biex l-Awtorità tapplika perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn; ma jaċċettax il-ġustifikazzjoni tal-Awtorità dwar ir-rifjut tagħha li timplimenta t-talbiet ripetuti tal-awtorità ta' kwittanza biex tistabbilixxi tali perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn għall-interessi materjali kollha relatati mal-kumpaniji li hija tirregola;

12.  Jilqa' l-fatt li, biex ittejjeb il-politika tagħha dwar l-indipendenza u l-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-gruppi ta' esperti, fl-2014 l-Awtorità wettqet analiżi ex-post tar-regoli tagħha dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi; jinnota li din l-analiżi wasslet għal rieżami u adozzjoni ta' verżjoni ġdida, aktar sempliċi u aktar sofistikata ta' dawn ir-regoli; jistieden lill-Awtorità twettaq analiżijiet tal-politiki tagħha fuq bażi regolari sabiex tiżgura l-iżvilup kostanti tal-indipendenza tagħha;

13.  Ifakkar lill-Awtorità dwar id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tiddikjara li l-Awtorità "għandha tirrevedi r-regoli tagħha dwar il-kunflitt ta' interess" biex tiżgura li l-esperti li jaħdmu għall-akkademja jiddikjaraw l-informazzjoni relevanti kollha lill-Awtorità; huwa tal-fehma li jekk dan jaffettwa madwar terz tal-esperti kif iddikjarat mill-Awtorità, allura l-Awtorità għandha tagħti attenzjoni speċjali għall-kwistjoni u taħdem fuq miżuri speċifiċi flimkien mal-istituzzjonijiet akkademiċi kkonċernati biex tissalvagwardja l-integrità taż-żewġ istituzzjonijiet;

14.  Jieħu nota li l-proġett pilota żviluppat fl-2015 kellu l-għan li jesplora l-aħjar mod kif tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-awtorità ta' kwittanza sabiex il-proċess ta' validazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess jiġi ċċentralizzat; josserva li dan il-proġett pilota tlesta b'suċċess fl-istess sena u li ċentralizzazzjoni sħiħa mistennija li tiġi implimentata sa tmiem l-ewwel semestru tal-2016; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din iċ-ċentralizzazzjoni;

15.  Josserva li matul l-2014 l-Awtorità rċeviet għadd ta' kontributi dwar kwistjonijiet relatati mal-indipendenza minn partijiet interessati u organizzazzjonijiet mhux governattivi; jinnota, barra minn hekk, li dawn kkontribwew għar-rieżami tar-regoli ta' implimentazzjoni tal-politika dwar l-indipendenza;

16.  Jitlob li jkun hemm titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha, permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti u b'regoli aktar rigorużi dwar il-kunflitti ta' interess, bl-introduzzjoni jew bit-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għal miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Awtorità tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politiki dwar il-kunflitti ta' interess, flimkien ma' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin, u l-inklużjoni tal-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju matul il-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni;

18.  Jirrimarka li diversi regoli tal-Unjoni, inkluż fost oħrajn il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jagħtu lill-individwi d-dritt ta' aċċess għal dokumenti pubbliċi; ifakkar lill-Awtorità li r-rigorożita xjentifika tkun żgurata bl-aħjar mod jekk ikun hemm it-trasparenza u r-responsabbiltà tar-riżultati; jenfasizza li l-Awtorità għandha għalhekk tara li d-data użata biex jintlaħqu konklużjonijiet xjentifiċi tkun pubblika f'format li jista' jinqara minn magna sabiex tippermetti l-iskrutinju xjentifiku u l-progress kostanti;

19.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Awtorità biex ittejjeb it-trasparenza tal-ħidma tagħha kif ukoll id-data li ntużat għal dik il-ħidma; jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet legali eżistenti li hija taffaċċja biex iżżid it-trasparenza tad-data; jenfasizza li l-għan tad-divulgazzjoni tad-data huwa li tagħmilha possibbli li tiġi riprodotta l-ħidma tal-Awtorità u għalhekk il-miżuri meħuda lejn proċess trasparenti fil-valutazzjoni tar-riskju huma meqjusa bħala l-ewwel pass pożittiv, iżda għandha wkoll tiġi żgurata dik t-trasparenza tad-data; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija, f'Jannar 2013, tal-inizjattiva favur it-trasparenza; jilqa', f'dan il-kuntest, il-preżentazzjoni u l-aċċessibbiltà mtejba tal-informazzjoni u d-dokumenti fil-homepage tal-Awtorità u azzjoni oħra meħuda, bħal opinjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-impatt li għandhom fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, favur "EFSA miftuħa"; jinkoraġġixxi lill-Awtorità tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

20.  Jieħu nota li l-persunal tal-Awtorità huwa marbut legalment li jikkonforma mar-Regolamenti tal-Persunal rigward impjieg futur; jinnota, barra minn hekk, li l-valutazzjoni tal-impjieg futur tal-persunal ssir fuq bażi sistematika, u li jekk l-impjieg jitqies bħala kunflitt ta' interess potenzjali, l-ebda ħatra ma għandha ssir sakemm il-kunflitt potenzjali jkun ġie riżolt abbażi ta' kriterji ċari, trasparenti u verifikabbli; jirrimarka li fl-2013, mid-29 membru tal-persunal statutorju li ħallew l-impjieg tagħhom mal-Awtorità, tlieta marru fis-settur kimiku/farmaċewtiku b'firxa ta' restrizzjonijiet stabbiliti għal dawn l-individwi; jirrikonoxxi li l-Awtorità tqis li diġà hemm fis-seħħ qafas legali u ta' governanza ċar dwar bibien iduru (revolving doors);

21.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità wettqet eżerċizzju intern biex tivvaluta l-impatt li titneħħa l-possibbiltà li esperti janonimizzaw ċerti interessi fid-dikjarazzjonijiet tal-interess tagħhom; jinnota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Awtorità, li l-prattika li interessi jiġu anonimizzati ftit li xejn intużat fil-passat; jinnota, barra minn hekk, li fl-aħħar tiġdid tal-membri tal-bord li sar fl-2015, l-ebda espert xjentifiku ma għażel li janonimizza l-interessi tiegħu; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità m'għadhiex taċċetta interessi anonimizzati u neħħiet din l-għażla għall-esperti meta jimlew id-dikjarazzjoni tal-interess tagħhom; jitlob lill-Awtorità tivverifika d-dikjarazzjonijiet sottomessi mill-esperti li nħatru qabel l-2015 u li għażlu l-possibbiltà li janonomizzaw l-interessi tagħhom;

22.  Jitlob li l-Awtorità timplementa l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal billi tippubblika l-informazzjoni dwar l-uffiċjali għolja li ħallew is-servizz u l-elenku ta' kunflitti ta' interess fuq bażi annwali;

23.  Jistenna bil-ħerqa r-riżultati tar-rieżami sistemiku tal-Awtorità tal-politika tagħha dwar l-indipendenza u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet xjentifiċi fl-2016; jilqa' l-impenn tal-Awtorità li tikkunsidra l-pubblikazzjoni tar-remunerazzjonijiet tal-attivitajiet dikjarati tal-esperti;

24.  Jistieden lill-Awtorità tagħmel aktar użu estensiv mill-istatus il-ġdid għas-smigħ tal-esperti billi ssegwi l-eżempju tal-esperti mistiedna mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-użu ta' esperti fil-qasam tas-seduti tas-smigħ;

25.  Jenfasizza li l-esperti f'aġenziji regolatorji jeħtieġ li jitħallsu għall-ħidma tagħhom sabiex ikunu indipendenti mis-settur li jirregolaw; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-mezzi finanzjarji lill-Awtorità biex din tħallas lill-esperti esterni u tiżviluppa riċerka interna ħalli tiżgura l-indipendenza;

26.  Jitlob lill-korp responsabbli tal-Awtorità jimplimenta l-istrateġija kontra l-frodi mill-aktar fis possibbli;

Awditjar intern

27.  Jinnota li sitt rakkomandazzjonijiet maħruġa mis-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) u mmarkati bħala "Importanti ħafna" infetħu fil-bidu tal-2014; jirrikonoxxi li erbgħa mir-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna ġew irrappurtati bħala implimentati mill-Awtorità u bħalissa qed jistennew li jingħataw segwitu mill-IAS; josserva li t-tnejn li għad baqa' ngħalqu mill-IAS wara l-introduzzjoni tar-Regolamenti l-ġodda tal-Persunal fis-sena finanzjarja 2014; jistenna bil-ħerqa r-rieżami li jmiss tal-IAS dwar l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet implimentati;

28.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità wettqet simulazzjoni biex tivvaluta l-impatt tal-applikazzjoni ta' perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn għal ċerti interessi ta' esperti li jaħdmu fil-bordijiet tal-Awtorità; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità għandha tintroduċi perjodi ta' preklużjoni ta' sentejn fir-rigward tal-interessi msemmija hawn fuq qabel it-tiġdid li jmiss tal-bord; jieħu nota li fir-rigward ta' perjodi ta' preklużjoni għall-finanzjament tar-riċerka, l-Awtorità diġà għandha fis-seħħ sistema li tillimita l-finanzjament tar-riċerka minn sorsi privati għal massimu ta' 25 % tal-baġit totali tar-riċerka taħt kontroll ta' espert tal-Awtorità;

Kontrolli interni

29.  Jirrikonoxxi li r-rieżami tal-Istandards ta' Kontroll Intern tal-Awtorità mwettaq fl-2014 ikkonkluda li s-sistema ta' kontroll intern tagħha hija konformi ma' dawn l-istandards; jinnota, madankollu, li jeżistu oqsma fejn jista' jsir titjib biex tissaħħaħ il-kwalità tas-sistema ta' kontroll intern, b'mod partikolari rigward l-evalwazzjoni u l-iżvilupp tal-persunal, l-istruttura operattiva u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet; jistieden lill-Awtorità tipprovdi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet li għandhom jindirizzaw din il-kwistjoni u l-progress li sar f'dan ir-rigward;

30.  Jaċċerta li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern tal-Awtorità tqis li s-sistema ta' kontroll intern fis-seħħ tagħti assigurazzjoni raġonevoli dwar il-kisba tal-objettivi kummerċjali stabbiliti għall-proċessi awditjati, ħlief għall-monitoraġġ tad-drittijiet ta' aċċess għall-utent mogħti fis-sistema tal-kontabbiltà ABAC u l-ħatra formali tal-atturi finanzjarji; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan ir-rigward;

31.  Jinnota li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern segwiet l-azzjonijiet korrettivi kollha pendenti fl-oqsma tal-ġestjoni tad-data, tal-kontinwità kummerċjali u tas-sigurtà tal-IT; jinnota b'mod partikolari li l-azzjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni tad-data u s-sigurtà tal-IT ġew implimentati bis-sħiħ; jieħu nota li, rigward il-kontinwità kummerċjali, il-maġġoranza tal-azzjonijiet ġew implimentati u l-azzjonijiet li għad baqa' huma ppjanati li jiġu implimentati sa tmiem l-2016;

Kummenti oħra

32.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, b'segwitu għall-emendar tar-Regolamenti tal-Persunal fl-2004 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004(1), dawn jinkludu dispożizzjonijiet biex ir-remunerazzjoni futura tal-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta' Mejju 2004 m'għandhiex tkun inqas minn dik skont ir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti; josserva li l-awditu tal-Qorti żvela li ma kienx hemm konformità miegħu, fil-każ ta' tmienja mill-71 uffiċjal impjegati dak iż-żmien, li wassal għal pagament insuffiċjenti ta' EUR 87 000 għall-perjodu bejn l-2005 u l-2014; jinnota li l-Awtortià se tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tirrimedja din il-kwistjoni fi żmien debitu;

33.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità żviluppat numru ta' miżuri għall-appoġġ kemm tal-għanijiet ta' ftuħ u trasparenza kif ukoll għad-djalogu mal-partijiet interessati, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jieħu nota li l-Awtorità nediet inizjattivi ġodda biex is-soċjetà tipparteċipa aktar fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji tal-Awtorità, bħal laqgħat plenarji fi Brussell b'sessjoni ddedikata biex tinteraġixxi ma' osservaturi u partijiet interessati, konsultazzjonijiet pubbliċi ta' dokumenti preliminari għal dokumenti ta' gwida, konsultazzjonijiet pubbliċi dwar abbozzi ta' opinjonijiet segwiti minn laqgħat iddedikati mal-partijiet interessati u preżenza fil-midja soċjali;

34.  Jirrikonoxxi li parti kbira tad-diffikultajiet li l-Awtorità taffaċċja biex tiżgura l-indipendenza tagħha tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni tirrifjuta b'mod konsistenti li tallokalha biżżejjed mezzi operattivi għall-ħidma tagħha biex tiddefendi s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Unjoni b'mod indipendenti mill-influwenza tal-industrija regolata;

35.  Jilqa' l-isforzi tal-Awtorità biex timplimenta azzjonijiet korrettivi wara l-kummenti preċedenti tal-Qorti, partikolarment it-titjib li sar fil-programm ta' ħidma annwali tagħha biex dan jinkludi aktar dettalji dwar l-akkwisti u l-għotjiet ippjanati;

o
o   o

36.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 Li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1).
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0159.

Avviż legali - Politika tal-privatezza