1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2187(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Istitut(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0085/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0085/2016),
1. Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2014;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2187(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Istitut(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0085/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0085/2016),
1. Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2187(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0085/2016),
A. billi, skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi ("l-Istitut") għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 7 340 081, li jfisser tnaqqis ta' 3,08 % meta mqabbel mal-2013;
B. billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2014 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;
1. Ifakkar li l-Istitut twaqqaf biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jsaħħaħha, inkluż qabel kollox, permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tal-Unjoni u l-politiki nazzjonali li jirriżultaw, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, u biex ikattar l-għarfien taċ-ċittadini tal-Unjoni f'dak li jirrigwarda l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2014, l-Istitut kiseb 95 % tar-riżultati li kellu ppjanati; jisħaq li l-objettivi u l-kompiti tal-Istitut jirrikjedu li fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni tinżamm entità ddedikata separata;
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
2. Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja għolja ta' 99,04 %, li turi li l-impenji saru f'waqthom; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 71,91 %, li tfisser żieda ta' 1,75 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;
Impenji u riporti
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati kompla jonqos, minn EUR 2 500 000 (32 %) fl-2012 u EUR 2 200 000 (29 %) fl-2013 għal EUR 1 900 000 (27 %) fl-2014; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' riporti kien għoli fl-ammont ta' EUR 1 800 000 (54 %) għat-Titolu III (nefqa operattiva); jirrikonoxxi li r-raġunijiet prinċipali għal dawn ir-riporti kienu d-dewmien fl-akkwist ta' stħarriġ u studji, kif ukoll studji li għadhom għaddejjin u li kienu mistennija li jiġu ffinalizzati fl-2015 kif ippjanat; jifhem li r-raġunijiet għad-dewmien fl-istudji taħt l-approprjazzjonijiet operattivi spiss ikunu jirrigwardaw ċirkostanzi li ma jkunux fil-kontroll tal-Istitut; jistieden madankollu lill-Istitut ikompli bl-isforzi tiegħu biex inaqqas l-ammont ta' riporti fil-baġit operattiv biex jirrispetta l-prinċipju baġitarju tal-annwalità;
4. Jinnota li mis-sena finanzjarja 2013 ġie riportat l-ammont ta' EUR 2 167 128; jinnota b'sodisfazzjon li 1.76 % biss tar-riporti tal-2013 ġew ikkanċellati;
5. Jistieden lill-Istitut biex fil-futur iżomm il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għas-sena sussegwenti baxx kemm jista' jkun;
Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ
6. Jinnota li l-kuntratti tal-akkwist pubbliku tal-Istitut kienu offruti fuq bażi kemm jista' jkun wiesgħa, filwaqt li għall-proċeduri negozjati dwar kuntratti ta' valur baxx l-għadd ta' kandidati mistiedna ġie stabbilit biex jiġi żgurat bilanċ bejn il-pubbliċità u l-proporzjonalità; jinnota barra minn hekk li twettqu 47 proċedura ta' akkwist operattiv għall-ammont ta' EUR 3 217 653, filwaqt li l-bqija tal-baġit operattiv għall-2014 intefaq fuq traduzzjonijiet, benefiċċji għall-għajxien ta' kuljum imħallsa lill-esperti, missjonijiet tal-persunal u xiri okkażjonali b'fatturi;
7. Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fi tmiem is-sena, l-Istitut kellu 29 kariga fl-organigramma tiegħu, li kollha kienu mimlijin; jikkonstata li fl-istennija għat-tnaqqis fil-persunal u prijoritajiet tax-xogħol li qed jevolvu, l-Istitut naqqas l-għadd ta' karigi tiegħu b'wieħed meta mqabbel mas-sena ta' qabel, filwaqt li huwa previst it-tnaqqis ta' żewġ karigi temporanji oħra għall-perjodu 2016-2017; josserva li b'kollox dan it-tnaqqis se jammonta għal tnaqqis totali ta' 10 % tal-organigramma tiegħu;
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza
8. Jindika li l-Istitut irid jiskrutinja d-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess tal-membri, il-persunal amministrattiv u l-esperti tiegħu u jippubblika r-rapport ikkonċernat mingħajr dewmien;
Awditjar intern
9. Jirrikonoxxi li f'Diċembru 2014 l-Istitut ippreżenta lis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) pjan ta' azzjoni li jindirizza oqsma ta' riskju għoli identifikati matul l-analiżi tar-riskju tal-IAS li saret fl-2013; jirrikonoxxi li, fi tmiem is-sena, il-proċessi kollha ġew implimentati kif xieraq fil-limitu taż-żmien stabbilit;
10. Jinnota li f'Marzu 2014 l-IAS wettaq Rapport Annwali tal-Awditjar Intern fl-Istitut għas-sena finanzjarja 2013; jinnota b'sodisfazzjon li l-IAS ma ħareġ l-ebda rakkomandazzjoni mmarkata bħala ''Kritika'' jew ''Importanti ħafna''; jieħu nota tal-fatt li wara eżerċizzju ta' valutazzjoni sħiħ tar-riskju, l-IAS ħejja Pjan Strateġiku tal-Awditjar Intern 2015-2017, li ġie approvat mill-Bord ta' Tmexxija tal-Istitut; jikkonstata li l-IAS, fir-rapport tiegħu ta' April 2015, ikkonferma li l-ebda rakkomandazzjoni miftuħa ma kienet ikklassifikata bħala ''Kritika'', u li rakkomandazzjoni miftuħa waħda kienet ikklassifikata bħala ''Importanti ħafna'';
Kontrolli interni
11. Jaċċerta li l-Istitut, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istandards ta' Kontroll Intern tiegħu, ikkonċentra fuq l-adozzjoni tal-qafas ta' ġestjoni tal-kwalità, l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll ex-ante, it-tisħiħ ta' ambjent kontra l-frodi u kontra l-fastidju kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-Pjan ta' Kontinwità tan-Negozju tiegħu; jinnota li xi miżuri ġew implimentati b'mod effettiv sal-2014 filwaqt li oħrajn kienu skedati li jkomplu matul l-2015;
Kummenti oħra
12. Jinnota li l-Istitut regolarment jikkonsulta l-Kumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar suġġetti definiti, permezz ta' kuntatti diretti mal-membri tiegħu jew permezz ta' intermedjarji; jinnota barra minn hekk li l-Istitut jieħu sehem fil-gruppi ta' ħidma tal-Kummissjoni (Eurostat) biex jesplora sinerġiji, iżda wkoll biex jipprovdi pariri dwar kwistjonijiet tekniċi, il-perspettiva tas-sessi tal-ġbir tad-data u l-armonizzazzjoni; jieħu nota tal-fatt li l-Istitut jaħdem mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound); josserva li dan huwa rifless fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u fir-rapporti ta' Beijing tal-Istitut għall-Presidenza tal-Kunsill;
13. Jistieden lill-Istitut itejjeb il-proċeduri u l-prattiki tiegħu intiżi sabiex jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jikkontribwixxi b'mod attiv għal proċess ta' kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;
14. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Istitut qed ifittex sinerġiji billi jaqsam ċerti kompiti u jintroduċi servizzi kondiviżi ma' aġenziji oħra; jinnota b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' ftehim dwar il-livell ta' servizz mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) fil-qasam ta' kontrolli ex-post;
15. Jilqa' l-kooperazzjoni produttiva li għaddejja bejn l-Istitut u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jappella għal aktar interazzjoni bejn il-prijoritajiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u r-riċerka tal-Istitut, filwaqt li jitqies ukoll l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi żviluppat mill-Istitut;
o o o
16. Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.