Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2171(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0114/2016

Testi mressqa :

A8-0114/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.40
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0176

Testi adottati
PDF 452kWORD 110k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Kwittanza 2014: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)
P8_TA(2016)0176A8-0114/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0069/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0114/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.11.2015, p. 197.
(2) ĠU C 409, 9.11.2015, p. 197.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0069/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0114/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.11.2015, p. 197.
(2) ĠU C 409, 9.11.2015, p. 197.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0114/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 282 474 000, li jirrappreżenta żieda ta' 12,29 % meta mqabbel ma' dak għall-2013; billi 12,53 % tal-baġit tal-Aġenzija jinsilet mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti''), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2013

1.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fir-rigward ta' kumment wieħed li sar fir-rapport tal-Qorti tal-2012 u li kien immarkat bħala "Għadu għaddej" fir-rapport tal-Qorti tal-2013, ittieħdu azzjonijiet korrettivi, u li issa dak il-kumment huwa mmarkat bħala "Ikkompletat" fir-rapport tal-Qorti;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

2.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-Regolament dwar it-Tariffi tal-Aġenzija(1) jistipula d-dati għall-ġbir ta' tariffi mingħand l-applikanti u għall-ħlasijiet relatati mill-Aġenzija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jinnota li dawn id-dati ta' skadenza ma ġewx irrispettati għall-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet awditjati mill-Qorti; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija, li din fasslet mill-ġdid u ssimplifikat il-proċessi operattivi ewlenin tagħha, inklużi l-awtorizzazzjonijiet finanzjarji u l-ġbir ta' tariffi; jieħu nota li kien ippjanat li awtomatizzazzjoni ulterjuri ta' dawn il-proċessi tiġi implimentata mill-Aġenzija sa tmiem l-2015; jitlob li l-Aġenzija tieħu l-passi ulterjuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li taqdi bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet ta' farmakoviġilanza tagħha u li tirrapporta effettivament lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri implimentati bħala rimedju għal din il-kwistjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Ifakkar li, kif stipulat fir-regolament finanzjarju tagħha, id-dħul tal-baġit tal-Aġenzija huwa bbażat fuq flus riċevuti għal kontribuzzjonijiet mill-Unjoni, tariffi għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni għal prodotti farmaċewtiċi u għal attivitajiet wara l-awtorizzazzjoni, kif ukoll għal diversi attivitajiet amministrattivi;

4.  Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 94,32 %; jiddispjaċih, madankollu, li din ir-rata tirrappreżenta tnaqqis ta' 2.44 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet 82,30 %; jiddispjaċih li, hawnhekk ukoll, din ir-rata tirrappreżenta tnaqqis ta' 3,98 %;

5.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet ikkanċellati fl-2014 ammontaw għal EUR 16 054 189 (5,68 % tal-approprjazzjonijiet finali); jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija hija dipendenti fuq id-dħul mit-tariffi u li l-livell ta' approprjazzjonijiet ikkanċellati ma jindikax dewmien fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-Aġenzija; jirrimarka li dawn il-kanċellazzjonijiet jikkorrelataw ma' EUR 10 688 070 f'approprjazzjonijiet ta' dħul mhux miġbura sa tmiem is-sena, b'mod li joħloq bilanċ pożittiv tar-riżultat globali ta' 1,90 % tal-approprjazzjonijiet finali;

Impenji u riporti

6.  Jinnota b'sodisfazzjon ir-rati ta' approprjazzjonijiet impenjati u riportati li ġew realizzati mill-Aġenzija; jinnota, b'mod partikolari, li r-riporti awtomatiċi għas-sena finanzjarja 2015 ammontaw għal 17,7 % tal-approprjazzjonijiet impenjati, u jinnota wkoll l-assenza ta' riporti mhux awtomatiċi; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-awditu annwali tal-Qorti ma sab l-ebda kwistjoni notevoli fir-rigward tal-livell tar-riporti fl-2014, u jfaħħar lill-Aġenzija għall-konformità tagħha mal-prinċipju tal-annwalità u għall-eżekuzzjoni puntwali tal-baġit tagħha;

7.  Jitlob li l-Aġenzija kemm jista' jkun tnaqqas il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati fil-ġejjieni sabiex issaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà;

Trasferimenti

8.  Jinnota li, skont ir-rapport annwali dwar l-attività, kif ukoll skont is-sejbiet tal-Qorti, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2014 baqgħu fil-limiti tar-regoli finanzjarji; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija, li matul is-sena 2014 għamlet disa' trasferimenti li jammontaw għal EUR 29 811 800 jew 11,85 % tal-approprjazzjonijiet finali; jinnota, b'mod partikolari, li l-approprjazzjonijiet trasferiti ntużaw primarjament għal infiq fuq l-iżvilupp tal-informatika, ħlasijiet lir-relaturi u aġġustamenti oħra għal partiti tal-baġit amministrattiv;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

9.  Jieħu nota mill-Aġenzija li, sabiex iżżid il-livell ta' riżorsi umani allokati għal kompiti operazzjonali, qed tkompli ttejjeb il-proċeduri tagħha għar-reklutaġġ u l-ippjanar tar-riżorsi; jikkonstata mir-Rapport tal-Qorti li, fl-2014, l-Aġenzija kkonkludiet kuntratt ta' qafas ta' EUR 15 000 000 għal servizzi ta' konsulenza maniġerjali ta' livell għoli li jkopru l-perjodu 2014-2017; jinnota li l-objettivi u l-attivitajiet li kellhom jitwettqu ma kinux speċifiċi biżżejjed biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta' akkwist jew il-volum tal-kuntratt; jitlob li l-Aġenzija, għaldaqstant, f'ġieħ it-trasparenza u r-responsabbiltà, tiżgura li l-objettivi u l-attivitajiet li għandhom jitwettqu jkunu fil-fatt speċifikati; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ma sabet l-ebda evidenza li l-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija kien ġie kkonsultat rigward id-deċiżjoni dwar l-akkwist; jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija, li f'dan il-każ, ir-regoli finanzjarji ma kinux jirrikjedu li l-Bord ta' Tmexxija jiġi kkonsulat;

10.  Jitlob li l-Aġenzija tapplika strettament miżuri rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni rigward l-akkwist pubbliku, b'verifiki ta' sfond xierqa mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interessi, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

11.  Jikkonstata li l-Aġenzija qawwiet it-trasparenza rigward il-proċeduri ta' reklutaġġ tagħha billi tippubblika l-istatus ta' proċeduri esterni li jkunu għaddejjin, kif ukoll l-istatus tal-listi ta' riżerva, fis-sit web estern tal-Aġenzija, u li tejbet ukoll id-dokumentazzjoni relatata mal-proċeduri ta' reklutaġġ;

12.  Jinnota li l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti (KKAK), stabbilit fl-2012 biex jeżamina l-kuntratti ta' akkwist qabel ma jiġu ffirmati f'isem l-Aġenzija, eżamina 73 fajl matul is-sena 2014; jieħu nota li, tul l-2014, l-Aġenzija kkonkludiet 28 kuntratt ta' akkwist ġdid b'valur ta' aktar minn EUR 25 000 kull wieħed wara proċeduri ta' akkwist, meta mqabbla ma' 30 kuntratt fl-2013 u 43 kuntratt fl-2012,

13.  Jikkonstata li l-Aġenzija tuża s-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-Kummissjoni u li għandha aċċess għal database li jippermettilha twettaq kontrolli dwar l-istatus finanzjarju ta' kuntratturi potenzjali; jinnota li kwalunkwe riskju li jiġi identifikat jiġi avżat lill-KKAK u lill-Uffiċjal Awtorizzanti rilevanti; jilqa' l-ħolqien ta' Uffiċċju Ċentrali għall-Akkwisti f'Diċembru 2014, li huwa intiż biex itejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ġestjoni tal-Aġenzija rigward l-akkwisti u l-kuntratti, filwaqt li jiżgura l-konformità mar-Regolament rilevanti;

14.  Jilqa' l-fatt li 580 mill-599 post disponibbli kienu mtlew sa tmiem l-2014, u li 210 aġenti kuntrattwali, esperti nazzjonali ssekondati u persunal tal-aġenzija tal-impjiegi ġew impjegati mill-Aġenzija; jilqa' l-fatt li r-rata ta' okkupazzjoni żdiedet meta mqabbla mal-2013; jinnota li l-proporzjon ta' aġenti kuntrattwali, esperti nazzjonali ssekondati u persunal tal-aġenzija tal-impjiegi żdied meta mqabbel mal-2013; jifraħ lill-Aġenzija talli ddedikat madwar 79 % tar-riżorsi umani tagħha għal kompiti operazzjonali, u jinnota li dan jirrappreżenta tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2013;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi u trasparenza

15.  Jinnota, mill-informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija, li f'Novembru 2014 ippubblikat il-politika riveduta tagħha, li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2015, dwar it-trattament tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri u tal-esperti tal-Kumitat Xjentifiku; jirrikonoxxi li l-Aġenzija ddefiniet x'jikkostitwixxi interessi diretti u indiretti, u ordnat li l-esperti kollha jiddikjaraw kull interess dirett jew indirett fid-dikjarazzjoni tal-interessi annwali tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li lill-esperti li jiddikjaraw interessi diretti jew indiretti jsirulhom restrizzjonijiet, li jiddependu fuq l-attività li jkunu involuti fiha, b'tali mod li tinżamm id-distinzjoni tal-politika bejn dawk l-interessi bi qbil mal-leġiżlazzjoni rilevanti;

16.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija biex tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politiki li jittrattaw il-kunflitt ta' interessi, flimkien ma' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin u mal-inklużjoni tal-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju matul il-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni;

17.  Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontra tagħha, permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b'regoli aktar stretti dwar il-kunflitt ta' interessi, bl-introduzzjoni jew bit-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għal miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

18.  Jitlob lill-Aġenzija ttejjeb il-proċeduri u l-prattiki tagħha mmirati għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tikkontribwixxi attivament għal proċess ta' kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

19.  Jinnota li, f'Diċembru 2014, il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija adotta strateġija kontra l-frodi, li ġiet żviluppata fil-qafas tal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati, adottat f'Lulju 2012 mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-ambitu tal-istrateġija kontra l-frodi ma jħaddanx il-"frodi regolatorja", li tiġi ttrattata permezz ta' mekkaniżmi oħra, bħal spezzjonijiet; jikkonstata, mill-informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija, li se jerġa' jiġi kkunsidrat jekk l-ambitu tal-istrateġija għandux jitwessa' sabiex ikopri dan it-tip ta' frodi;

20.  Jitlob li l-Aġenzija tagħti attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tal-informaturi fil-kuntest tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li dalwaqt se tiġi adottata, dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom;

21.  Jissottolinja li l-Aġenzija għandha tiggarantixxi l-ogħla livell ta' trasparenza fl-għoti ta' aċċess għar-rapporti kliniċi, u jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Aġenzija li tippubblika b'mod proattiv id-data dwar il-provi kliniċi;

Kontrolli interni

22.  Jieħu nota li, fl-2014, l-Aġenzija wettqet proċedura amministrattiva rigward id-Diviżjoni tal-Informazzjoni, Komunikazzjoni u Teknoloġija (ICT) tagħha; jinnota li ġew irrappurtati dgħufijiet sinifikanti fil-kontroll tal-maniġment, li jimplikaw riskji operazzjonali u finanzjarji konsiderevoli għall-Aġenzija; jinnota, mill-informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija, li l-ebda riskju finanzjarju konsiderevoli ma ġie rrappurtat lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija fl-inkjesta amministrattiva; josserva li ġie stabbilit u implimentat pjan ta' azzjoni biex jindirizza l-kwistjoni; jitlob li l-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-effikaċja tal-miżuri meħuda wara li jkunu ġew evalwati;

23.  Josserva li l-Aġenzija vvalutat l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll interni prinċipali tagħha matul l-2014; jinnota li s-sejbiet tar-rieżami wera li l-kontrolli interni tal-Aġenzija operaw sewwa matul is-sena, b'tali mod li l-ebda falliment ta' kontroll ma espona lill-Aġenzija għar-riskji identifikati;

Awditu intern

24.  Jirrikonoxxi li, fl-2013, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar il-ġestjoni tal-partijiet interessati u dwar il-komunikazzjoni fl-Aġenzija, li wera li dawn l-oqsma huma ġestiti b'mod effikaċi; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS ressaq ir-rapport tiegħu dwar l-involviment ta' konsulenza fir-rigward tal-ġestjoni tal-proġetti tal-IT imwettqa fl-aħħar tal-2013; josserva li dan ir-rapport wera diversi dgħufijiet li l-Aġenzija ħadmet biex issolvihom billi implimentat bidliet fl-istruttura tagħha u fir-responsabbiltà interna; jinnota b'sodisfazzjon li, fi tmiem is-sena, ma kien għad hemm l-ebda rakkomandazzjoni kritika miftuħa, u li l-azzjonijiet fuq rakkomandazzjonijiet importanti ħafna saru fiż-żmien maqbul kif speċifikat fil-pjanijiet ta' azzjoni tal-Aġenzija;

25.  Jieħu nota li, fl-2014, il-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija wettqet awditi f'diversi oqsma, u li fi tmiem is-sena ma kien għad hemm l-ebda rakkomandazzjoni kritika miftuħa;

Kummenti oħra

26.  Jilqa' r-rappurtar ambjentali annwali tal-Aġenzija;

27.  Ifakkar li r-Regolament dwar Tariffi ta' Farmakoviġilanza(2) ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta' Ġunju 2014 u ilu japplika għal proċeduri mis-26 ta' Awwissu 2014, għalkemm tariffi annwali għall-appoġġ ta' sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u għal attivitajiet ta' monitoraġġ tal-letteratura mhux se jiġu imposti sal-2015; jixtieq jisħaq fuq il-fatt li dak ir-Regolament issa jippermetti lill-Aġenzija tiġbor tariffi mid-detenturi ta' awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni biex tiffinanzja dawn l-attivitajiet ta' farmakoviġilanza mwettqa fil-livell tal-Unjoni fir-rigward ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem; jirrimarka li l-introjtu jintuża biex jiġu remunerati l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għall-valutazzjoni xjentifika mwettqa mir-rapporteurs tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni tar-Riskju fil-qasam tal-Farmakoviġilanza tal-EMA u jikkontribwixxi għall-kostijiet tal-farmakoviġilanza tal-Aġenzija;

o
o   o

28.  Jirreferi, fir-rigward ta' kummenti oħra ta' natura trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(3)dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) L-Artikolu 10(1) u 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 297/95 dwar il-miżati li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni ta' Prodotti Mediċinali.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 658/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar tariffi pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għat-twettiq ta' attivitajiet ta' farmakoviġilanza fir-rigward ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 112).
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0159.

Avviż legali - Politika tal-privatezza