Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2179(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0106/2016

Testi mressqa :

A8-0106/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.44
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0180

Testi adottati
PDF 443kWORD 101k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA)
P8_TA(2016)0180A8-0106/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0077/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0106/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 238.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 238.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0077/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0106/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 238.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 238.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0106/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014 kien ta' EUR 25 715 600, li jfisser tnaqqis ta' 0,55 % meta mqabbel mal-2013; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija ġej mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,34 %, li tfisser tnaqqis ta' 0,53 % meta mqabbla mal-2013; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 85,82 %, li tfisser tnaqqis ta' 2,3 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

Impenji u riporti

2.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu III (nefqa operattiva) kien ta' EUR 2 200 000 (37,7 %); jinnota barra minn hekk li dawn ir-riporti għandhom x'jaqsmu ma' dewmien ta' proġetti operazzjonali u tal-IT, u jirriżultaw minn kuntratti li ġew iffirmati tard fis-sena finanzjarja minħabba li l-proċeduri ta' akkwist tnedew biss wara l-adozzjoni tal-baġit u l-programm ta' ħidma tal-Aġenzija; jieħu nota tal-fatt li r-riporti huma segwiti mill-qrib mill-Aġenzija, u laħqu rata ta' eżekuzzjoni ta' mill-inqas 95 % fis-sena ta' wara;

3.  Jistieden lill-Aġenzija tnaqqas kemm jista' jkun il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati fil-ġejjieni sabiex issaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

4.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija fetħet mill-ġdid proċedura ta' kompetizzjoni għall-għoti ta' kuntratt speċifiku fil-kuntest tal-kuntratt qafas tas-''Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju''; jinnota madankollu li kemm l-enfasi eċċessiva fuq il-kwalità u kemm il-valur massimu għoli tal-kuntratt fil-ftuħ mill-ġdid tal-offerti wasslu għal offerti finanzjarji qrib il-valur massimu tal-kuntratt; jikkonstata, madankollu, li dan imur kontra l-objettiv tal-ftuħ mill-ġdid ta' proċedura ta' kompetizzjoni, li huwa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni fuq il-prezz; jirrikonoxxi li l-Aġenzija kienet qed tħejji gwida interna dwar l-użu tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta' kompetizzjoni biex tiżgura kompetizzjoni aħjar fuq il-prezz fiż-żmien tal-awditu; jitlob lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan ir-rigward;

5.  Jinnota li l-Aġenzija rrevediet il-proċeduri ta' għażla tagħha u għamlet xi titjib fil-proċess ta' reklutaġġ sabiex tiżgura trasparenza sħiħa u trattament indaqs tal-kandidati; jieħu nota tal-fatt li ġew identifikati xi nuqqasijiet oħra mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS), li wasslu biex l-Aġenzija introduċiet kontroll ex-ante sabiex tiżgura monitoraġġ indipendenti tal-proċeduri ta' għażla;

6.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija adottat deċiżjoni li tippermetti l-użu ta' impjiegi fit-tul għall-persunal operattiv tagħha; ikkonstatali din ippermettiet il-possibbiltà ta' impjiegi fit-tul għall-persunal operattiv, prevista fir-regolament il-ġdid tagħha, hekk kif din il-possibbiltà mistennija li tiġi inkorporata fir-regolament fundatur il-ġdid tal-Aġenzija(1);

7.  Jikkonstata li l-Aġenzija ppubblikat s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess tal-maġġoranza tal-membri tal-Bord Amministrattiv tagħha; jiddispjaċih madankollu, li xi dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess tal-membri tal-Bord Amministrattiv tagħha kif ukoll tal-persunal maniġerjali għadhom pendenti; jinnota espressament li din il-prattika ma żżidx it-trasparenza u li konsegwentement, l-Aġenzija għandha tippubblika d-dikjarazzjonijiet li fadal mingħajr dewmien;

8.  Jinnota r-riżultati tal-ewwel eżerċizzju ta' valutazzjoni komparattiva dwar il-karigi tal-Aġenzija, b'20,9 % tal-impjiegi ddedikati għall-appoġġ amministrattiv u l-koordinazzjoni, 67,6 % għall-kompiti operattivi u 11,7 % għall-kompiti ta' kontroll u l-kompiti finanzjarji;

9.  Jirrikonoxxi li l-proċeduri ta' għażla u reklutaġġ imwettqa fl-2014 wasslu biex jiġi kkompletat 96 % tal-organigramma; jilqa' t-tnaqqis fir-rata għolja preċedenti ta' bdil tal-persunal operattiv u jistenna li l-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se tippermetti lill-Aġenzija tikseb bilanċ xieraq ta' persunal fuq terminu qasir u dak fuq terminu twil, b'mod partikolari f'unitajiet operattivi, u dan sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

10.  Jikkonstata li l-Aġenzija ppubblikat s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess tal-maġġoranza tal-membri tal-Bord Amministrattiv tagħha; jinnota li l-Aġenzija mistennija tippubblika l-bqija tad-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess tal-membri tal-Bord Amministrattiv tagħha kif ukoll tal-persunal maniġerjali tagħha;

11.  Jinnota li l-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija ġiet ippreżentata lill-Bord Amministrattiv f'Novembru 2014 u adottata f'Marzu 2015; jinnota li din l-istrateġija kontra l-frodi tqis bis-sħiħ ''il-Metodoloġija u l-gwida għal strateġiji kontra l-frodi għall-Aġenziji deċentralizzati tal-UE'' tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi, u tipprevedi objettivi għad-Direttur Eżekuttiv u l-Bord Amministrattiv fil-ġlieda kontra l-frodi;

12.  Jinnota li mill-2012 'l hawn l-Aġenzija għandha stabbilita politika dwar il-kunflitti ta' interess għall-persunal u l-esperti nazzjonali ssekondati tagħha; jirrikonoxxi li din il-politika se tiġi eżaminata mill-ġdid fil-futur qrib u jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward;

Awditu intern

13.  Jikkonstata mill-Aġenzija li l-IAS matul l-2014 ħareġ rakkomandazzjoni waħda mmarkata bħala ''importanti ħafna'', li ngħalqet mill-Aġenzija f'Diċembru 2015; jieħu nota tal-fatt li, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu tal-IAS mis-snin preċedenti, l-Aġenzija għalqet żewġ rakkomandazzjonijiet filwaqt li erba' rakkomandazzjonijiet kienu qed jiġu indirizzati minnha fi tmiem l-2015; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

Kontrolli interni

14.  Jirrikonoxxi li f'Marzu 2014 inħatar Koordinatur ta' Kontroll Intern biex jappoġġa l-iżvilupp ta' sistema integrata ta' ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern, fatt li ser itejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-ħidma tal-Aġenzija;

15.  Jikkonstata li l-Aġenzija vvalutat l-effettività tas-sistemi ewlenin ta' kontroll intern tagħha matul is-sena finanzjarja 2014 u kkonkludiet li s-16-il Standard ta' Kontroll Intern (ICS) ġew implimentati b'mod effikaċi; jinnota barra minn hekk, li l-valutazzjoni tal-ICS uriet li l-Aġenzija kienet kompletament konformi ma' tmien ICS u parzjalment konformi mat-tmien ICS l-oħra; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-pjanijiet ta' azzjoni tagħha biex tinkiseb konformità sħiħa mal-ICS prijoritizzati;

Prestazzjoni

16.  Jinnota n-numru kbir ta' eżiti (240) u indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni (41) fil-programm ta' ħidma tal-Aġenzija tal-2014 u r-rapport annwali; jappoġġa l-fehma li sistema ta' rappurtar ibbażata fuq l-impatt tal-Aġenzija fuq is-settur ferrovjarju twassal għal żieda fit-trasparenza u l-viżibbiltà tat-twettiq ta' missjonijiet mill-Aġenzija;

Kummenti oħra

17.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tal-Aġenzija matul l-2014 kienet żgurata permezz tar-rappreżentanza tal-partijiet interessati tal-Aġenzija fil-Bord Amministrattiv tagħha u l-proċess ta' konsultazzjoni għall-iżvilupp tal-programm ta' ħidma tagħha; jieħu nota tal-viżibbiltà tal-Aġenzija permezz tal-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali, il-parteċipazzjoni f'avvenimenti pubbliċi, kooperazzjoni ma' akkademiċi relatati mal-ferroviji, l-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma u stħarriġ perjodiku tal-partijiet interessati bil-għan li jinkisbu u jiġu analizzati spunti mill-gruppi ta' interess;

18.  Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, bl-introduzzjoni jew bit-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għal miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

19.  Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-Aġenzija jista' jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapport annwali tagħha;

20.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija taqsam l-Uffiċjal tal-Kontabilità tagħha mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u ċerti faċilitajiet maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea sabiex jinħolqu sinerġiji u tinkiseb effettività fl-infiq;

21.  Jinnota li, għalkemm l-Aġenzija saret operattiva fl-2005, din kienet qed taħdem abbażi ta' korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti billi ma ġiex iffirmat ftehim komprensiv dwar is-sede bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti; jirrikonoxxi li l-Gvern tal-Istat Membru ospitanti dan l-aħħar beda diskussjonijiet informali mal-Aġenzija dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Aġenzija u lill-Istat Membru ospitanti jindirizzaw din il-kwistjoni b'urġenza u jinfurmaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress tan-negozjati;

22.  Jiddeplora l-fatt li l-Aġenzija hija esposta għal spejjeż addizzjonali peress li qed tuża żewġ lokalitajiet minn fejn twettaq l-attivitajiet tagħha, u li dan jirrappreżenta ħela ta' flus il-kontribwenti Ewropej; jeżiġi li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod li jerġa' jinkiseb valur għal flus il-kontribwenti u effiċjenza operattiva, filwaqt li jiġu evitati wkoll spejjeż indiretti bla bżonn bħal sigħat ta' xogħol "moħlija" minħabba vjaġġar jew xogħol amministrattiv addizzjonali;

23.  Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija fl-iżgurar tas-sikurezza u l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Ewropea; jilqa' r-rwol tal-Aġenzija għal dak li jirrigwarda s-segwitu tal-iżvilupp, l-ittestjar u l-implimentazzjoni tas-Sistema tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew (ERTMS), kif ukoll il-valutazzjoni ta' proġetti speċifiċi tal-ERTMS; jinnota barra minn hekk li bħalissa għaddej rieżami tar-rwol (eż. punt uniku ta' servizz għall-awtorizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-vettura) u tas-setgħat tal-Aġenzija bħala parti mir-Raba' Pakkett Ferrovjarju; jenfasizza li fil-każ li tingħata setgħat akbar, l-Aġenzija se jkun jeħtiġilha tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex twettaq il-kompiti ġodda u addizzjonali tagħha b'mod komprensiv u effiċjenti; jinnota bi tħassib il-kontradizzjoni bejn il-leġiżlazzjoni approvata reċentement li estendiet il-missjoni tal-Aġenzija u t-tnaqqis baġitarju relatat mal-Aġenzija, li jridu jiġu implimentati fl-ambitu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020;

24.  Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija tikkollabora mal-Istati Membri sabiex iżżid in-numru u l-kwalità ta' proġetti ferrovjarji, b'mod speċjali l-proġetti ERTMS, proposti taħt il-programm tat-trasport, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF); ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament fil-proċedura baġitarja għall-irkupru ta' ammonti totali rilokati mis-CEF għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

o
o   o

25.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004, COM(2013)0027, 30.1.2013.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0159.

Avviż legali - Politika tal-privatezza