Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2181(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0115/2016

Testi mressqa :

A8-0115/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.54
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0190

Testi adottati
PDF 453kWORD 111k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)
P8_TA(2016)0190A8-0115/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0079/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0079/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 97 945 077, li jirrappreżenta żieda ta' 4,25 % meta mqabbel mal-2013,

B.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2014 kienet tammonta għal EUR 86 810 000, li tirrappreżenta żieda ta' 1,53 % meta mqabbel mal-2013,

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 (ir-"rapport tal-Qorti"), li ġie nnutat titjib konsiderevoli kemm fil-verifiki ex ante, kif ukoll f'dawk ex post tal-infiq iddikjarat mill-pajjiżi li kkooperaw fil-qafas ta' ftehimiet ta' għotja; jirrikonoxxi li f'Ġunju 2013 l-Aġenzija introduċiet sistema ta' kontrolli ex ante aktar komprensiva u bbażata fuq ir-riskji li tinkludi r-rekwiżit li jitressqu dokumenti ġustifikattivi partikolari flimkien mat-talba għall-ħlas finali; jinnota, barra minn hekk, li s-sistema ta' kontrolli ex ante hi kkomplementata b'kontrolli ex post imwettqa fuq il-post tal-benefiċjarji jew fl-għamla ta' rieżami dokumentarju, u li l-ħlasijiet li ma jkunux soġġetti għal kontrolli ex ante jkunu soġġetti għal kontrolli ex post;

2.  Josserva li l-Qorti kkonstatat li d-dokumentazzjoni li tiġġustifika l-infiq iddikjarat minn dawn il-pajjiżi mhijiex dejjem suffiċjenti; jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-Aġenzija ma talbitx iċ-ċertifikati tal-awditjar li, kieku, iżidu assigurazzjoni ulterjuri dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' għotja; jirrikonoxxi li, skont l-Aġenzija, fl-2010 kienu saru ċertifikati bħal dawn; jiddispjaċih li, minkejja laqgħa ta' tgħarrif organizzata għall-benefiċjarji tal-Aġenzija, iċ-ċertifikati tal-awditjar ma nħarġux minn korpi ta' awditjar indipendenti u d-dewmien għall-wasla tad-dikjarazzjoni finali twal ħafna; jistieden lill-Aġenzija teżamina l-possibbiltà ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' awditjar stabbiliti skont il-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond għas-Sigurtà Interna u tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-evalwazzjoni ta' din il-kooperazzjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,65 %, li tfisser żieda ta' 0,9 % meta mqabbel mal-2013; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 68,79 %, li tfisser żieda ta' 4,81 % meta mqabbel mal-2013;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li l-Aġenzija naqqset ir-rata kumplessiva ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati minn 35 % fl-2013 għal 30 % fl-2014; jirrikonoxxi li n-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija u r-riskju akbar ta' avvenimenti mhux mistennija jirrappreżentaw sfida partikolari fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit annwali; jinnota li l-livell ta' riporti għat-Titolu II (infiq amministrattiv) kien ta' EUR 4 500 000 (36 %) u kien relatat prinċipalment ma' xiri fi tmiem is-sena assoċjat maċ-ċaqliq lejn il-bini l-ġdid tal-Aġenzija f'Diċembru 2014; jinnota li r-riporti għat-Titolu III (infiq operazzjonali), kienu jammontaw għal EUR 29 200 000 (47 %) u kienu dovuti prinċipalment għan-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija u l-approvazzjoni ta' baġit addizzjonali f'Ottubru 2014 li kien jammonta għal EUR 4 200 000;

5.  Jirrimarka li l-infiq operazzjonali tal-Aġenzija jiddependi ħafna mill-preżentazzjoni f'waqtha tat-talbiet għar-rimborż tal-għotjiet min-naħa tal-Istati Membri; jirrikonoxxi li ż-żmien li jgħaddi bejn id-data finali tal-allokazzjoni ta' uffiċjal, inġenju tal-ajru jew bastiment għal operazzjoni konġunta kkoordinata u l-preżentazzjoni tad-dikarazzjoni tvarja, bħala medja, bejn erba' u sitt xhur;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

6.  Jinnota li, minn 1 087 proċedura ta' akkwist fl-2014, hemm informazzjoni pubblika dwar għadd limitat ħafna mill-kuntratti mogħtija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura t-trasparenza u biex tippubblika l-kuntratti kollha tagħha, kif ukoll il-proċeduri relatati mal-akkwist pubbliku;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

7.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija żviluppat u adottat regoli li jirregolaw it-trasparenza u l-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess fi ħdan il-Bord ta' Tmexxija, il-persunal u l-esperti nazzjonali sekondati, b'mod partikolari l-"Kodiċi ta' Mġiba tal-Persunal tal-Frontex", il-"Kodiċi ta' Mġiba għall-persuni kollha li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Frontex", u l-"Kodiċi ta' Mġiba għal operazzjonijiet konġunti ta' ritorn ikkoordinati mill-Frontex"; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li f'Awwissu 2015 id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija approva l-"Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Kontra l-Frodi" tagħha; jinnota li l-istrateġija kontra l-frodi tfasslet kemm bl-użu tal-linji gwida għall-aġenziji kif ukoll b'dawk tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

8.  Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat fuq is-sit tagħha d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta' impenn annwali għall-maġġoranza tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija tagħha; jinnota li l-curricula vitae (CVs) tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija ġew ippubblikati fuq is-sit tal-Aġenzija; jitlob li jiġu ppubblikati d-dikjarazzjonijiet ta' interess tad-Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-Bord ta' Tmexxija; iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-membri tal-Bord ta' Tmexxija tagħha jqiegħdu għad-dispożizzjoni d-dikjarazzjonijiet li għadhom ma ġewx ippubblikati;

9.  Jinnota li l-Aġenzija ħolqot abbozz ta' ġabra ta' regoli għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta li mistenni jiġi adottat sa tmiem l-ewwel semestru tal-2016; jistieden lill-Aġenzija tqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar dan; jistieden lill-Aġenzija ma ddewwimx ulterjorment l-adozzjoni ta' dawk ir-regoli u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni finali ta' dawk ir-regoli;

10.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politika li tittratta l-kunflitti ta' interess, pari passu mal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin diġà, u tinkludi l-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju waqt il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

11.  Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b'regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għall-miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

12.  Jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta' mġiba, fosthom il-Parlament, biex jintensifikaw il-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

13.  Jitlob li l-Aġenzija tapplika strettament il-miżuri li jirrigwardaw id-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, b'verifiki tal-preċedenti xierqa mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni sabiex l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Awditjar intern

14.  Josserva li, fl-2014, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar "Ir-Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati u l-Komunikazzjoni Esterna fil-Ġestjoni tar-Riżorsi Kollettivi", li wera li l-ġestjoni kumplessiva tar-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-komunikazzjoni esterna kienu effikaċi u effiċjenti fl-appoġġ għall-ġestjoni tar-riżorsi kollettivi; jirrikonoxxi li l-Aġenzija ħadet azzjonijiet ta' titjib waqt li l-awditu kien għadu għaddej u ħejjiet il-pjan ta' azzjoni formali biex tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha tar-rakkomandazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS wettaq awditu fil-qasam tar-riżorsi umani li rriżulta f'żewġ rakkomandazzjonijiet immarkati bħala "Importanti ħafna" u żewġ rakkomandazzjonijiet immarkati bħala "Importanti";

Kummenti oħra

15.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi li mhumiex fl-UE u li huma firmatarji tal-"Ftehim ta' Schengen" (l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, l-Iżlanda u n-Norveġja) jeħtieġ jiġi rfinut sabiex jirrifletti aħjar id-dispożizzjonijiet ġuridiċi relatati(1); jirrikonoxxi li l-Aġenzija se teżamina mill-ġdid il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet minn dawk il-pajjiżi u li se tistabbilixxiha f'format ġuridiku xieraq; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu ta' dan ir-rieżami;

16.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Aġenzija min-naħa tar-Renju Unit u l-Irlanda baqgħu stabbli għal ħafna snin minkejja l-firxa konsiderevolment estiża ta' attivitajiet li fihom huma involuti r-Renju Unit u l-Irlanda; jirrikonoxxi li l-Aġenzija indikat li l-"Grupp ta' Ħidma dwar il-baġit u l-kontijiet tal-Bord ta' Tmexxija" tagħha qed jeżamina mill-ġdid din il-kwistjoni u għandu jressaq quddiem il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija rakkomandazzjoni u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' dawk il-kontribuzzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu tar-rieżami;

17.  Jinnota bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li l-għadd kbir u dejjem jiżdied ta' ftehimiet ta' għotja, kif ukoll id-daqs tal-infiq relatat li jrid jiġi vverifikat u rimborżat mill-Aġenzija, jindika li jista' jintuża mekkaniżmu ta' finanzjament alternattiv aktar effiċjenti u kosteffikaċi għall-finanzjament tal-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija; jinnota, barra minn hekk, li f'dawn l-aħħar snin, il-kumplessità u l-piż amministrattiv tal-mekkaniżmi attwali wasslu biex il-Qorti ma tkunx tista' tiżgura l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet; jinnota wkoll li fl-2015 kien hemm żieda ulterjuri fid-daqs tal-operazzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija u l-kompiti ġodda u speċifiċi li ġiet inkarigata bihom fil-qafas tat-Task Force Reġjonali tal-UE; jistieden lill-Aġenzija tqis it-tħassib espress hawn fuq matul ir-rieżami u r-riforma tal-mekkaniżmi ta' finanzjament tagħha;

18.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija indikat li waħda mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Bord ta' Tmexxija tagħha wara l-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija tirrigwarda l-iffaċilitar tal-ġestjoni finanzjarja, u jitlob li l-limitazzjoni introdotta bir-regolament kostituttiv tal-Aġenzija tiġi abbandunata permezz ta' riferiment għall-għotjiet; jinnota li r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jwittu t-triq għal ġestjoni finanzjarja aktar effiċjenti u trasparenti;

19.  Jinnota li, meta Stat Membru jalloka uffiċjali u/jew tagħmir tekniku għall-operazzjonijiet ikkoordinati mill-Aġenzija, l-Istat Membru jiffirma Pjan Operattiv imfassal mill-Aġenzija u mill-Istat Membru ospitanti, li jindika b'mod ċar it-termini tal-kooperazzjoni operattiva; ifakkar li ma hemm l-ebda dispożizzjoni stabbilita li tagħti l-libertà lill-Istati Membri parteċipanti li jużaw modi u mezzi differenti biex jintlaħaq objettiv ta' politika partikolari, kif jissuġġerixxi l-istrument ta' għotja, peress li l-Pjan Operattiv jeħtieġ jiġi implimentat skont il-mod miftiehem u mingħajr devjazzjonijiet sakemm ma jiġix emendat; jinnota li l-proposta l-ġdida għall-istabbiliment ta' Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta(2) tmur saħansitra oltre, u tipproponi rwol proattiv għall-operazzjonijiet konġunti u l-attivitajiet ta' ritorn, u dan ma jmurx id f'id mal-karatteristiċi ta' għotja bħala strument finanzjarju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra dan meta tkun qed tipproponi regolamenti kostituttivi fil-ġejjieni;

20.  Jinnota li, minkejja li l-Aġenzija ilha topera mill-2005 u ilha minn dak iż-żmien twettaq l-operazzjonijiet tagħha, kienet qed taħdem biss abbażi ta' korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti minflok abbażi ta' ftehim komprensiv dwar is-sede bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti, li qatt ma ġie ffirmat; josserva li ftehim bħal dan jippromwovi aktar trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li l-Aġenzija u l-persunal tagħha joperaw taħthom; ifakkar li r-rekwiżit li jiġi stabbilit ftehim dwar is-sede ġenerali ġie introdott fir-regolament emendat tal-Aġenzija fl-2011(3); jinnota, bi tħassib, li n-negozjati mal-gvern tal-Istat Membru ospitanti għadhom għaddejjin; iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-gvern tal-Istat Membru ospitanti jikkonkludu ftehim dwar is-sede malajr kemm jista' jkun; jitlob li l-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-progress u l-eżitu ta' dawn in-negozjati;

21.  Jiddikjara li r-rapport annwali tal-Aġenzija jista' jkollu rwol importanti fil-konformità f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapport annwali tagħha;

o
o   o

22.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Arranġament bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta' dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 243, 16.9.2010, p. 4); Arranġament bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta' dawn l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 188, 20.7.2007, p. 19).
(2) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta (COM(2015)0671 final).
(3) Artikolu 15a introdott permezz tar-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1).
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0159.

Avviż legali - Politika tal-privatezza