Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2198(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0094/2016

Testi mressqa :

A8-0094/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.57
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0193

Testi adottati
PDF 441kWORD 101k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Kwittanza 2014: L-Impriża Konġunta Clean Sky
P8_TA(2016)0193A8-0094/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0054/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0094/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 17.
(2) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 19.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1.
(5) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0054/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0094/2016),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 17.
(2) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 19.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1.
(5) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0094/2016),

A.  billi l-Impriża Konġunta Clean Sky ("l-Impriża Konġunta") bdiet taħdem b'mod awtonomu fis-16 ta' Novembru 2009,

B.  billi, bl-għan li jiġu ffinalizzati l-attivitajiet ta' riċerka tas-Seba' Programm Kwadru (FP7), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014(1) issostitwixxa l-Impriża Konġunta Clean Sky bl-Impriża Konġunta Clean Sky 2 b'seħħ mis-27 ta' Ġunju 2014, u estenda l-eżistenza tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024,

C.  billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u sħab industrijali, bħall-mexxejja tad-"Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata" għal Clean Sky, flimkien mal-membri assoċjati tagħhom, kif ukoll il-Mexxejja u l-Assoċjati elenkati u s-Sħab Ewlenin magħżula skont ir-Regolament (UE) Nru 558/2014,

D.  billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni Ewropea għall-Impriża Konġunta Clean Sky hi ta' EUR 800 000 000, li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru, u dik għall-Impriża Konġunta Clean Sky 2 hi ta' EUR 1 755 000 000 li għandhom jitħallsu mill-baġit ta' Orizzont 2020, waqt li l-proporzjon tagħhom assenjat għal spejjeż ġestjonali ma jistax jaqbeż EUR 39 000 000,

E.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta Clean Sky apparti l-Kummissjoni għandhom jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż ġestjonali u għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta' kontribuzzjonijiet in natura ekwivalenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni,

F.  billi l-Mexxejja u s-Sħab Ewlenin tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għandhom jikkontribwixxu EUR 2 193 700 000 tul il-perjodu ta' eżistenza tal-Impriża Konġunta, inklużi kontribuzzjonijiet għal Attivitajiet Addizzjonali ta' mill-inqas EUR 965 200 000 tul l-istess perjodu li jikkonsistu minn kontribuzzjoniin natura u 50 % fi flus tal-ispejjeż ġestjonali fi flus,

Ġenerali

1.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri huwa bbażat fuq wisq rimarki ġenerali għad-detriment ta' rimarki vijabbli u speċifiċi; jappella għalhekk biex isir awditu li jkun iktar iffokat fuq il-prestazzjoni finanzjarja annwali, fuq l-istatus ta' implimentazzjoni tal-proġetti pluriennali (inkluża preżentazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena rispettiva u għas-snin preċedenti) u fuq ir-riżultati u l-implimentazzjoni tagħhom;

2.  Jinnota li l-Istituzzjonijiet u l-Korpi huma rikjesti jipproduċu Rapport dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja kull sena, u li l-informazzjoni pprovduta mill-Impriża Konġunta f'dan ir-rapport kienet nieqsa mill-armonizzazzjoni u spiss ma kinitx kompluta; qed tiġi rikjesta gwida mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura u l-kontenut tar-rapport;

3.  Jieħu nota tal-fatt li l-programm ta' ħidma tal-Qorti tal-Awdituri tal-2016 jinkludi rapport speċjali dwar l-awditjar tal-prestazzjoni tal-Impriżi Konġunti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-2014 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2014, kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli Finanzjarji tagħha(2);

5.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ("ir-Rapport tal-Qorti"), indikat li t-tranżazzjonijiet ta' bażi għall-kontijiet annwali kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha(3);

6.  Jinnota n-nuqqas ta' informazzjoni fir-rigward tal-awditi ex post imwettqa mill-Impriża Konġunta Clean Sky u l-Impriża Konġunta Clean Sky 2; jappella lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapporti tas-snin futuri, tinkludi informazzjoni rigward l-għadd ta' awditi ex post, l-ammonti totali koperti u s-sejbiet; jinnota li r-Rapport Annwali tal-Impriża Konġunta jinkludi t-tali informazzjoni;

7.  Jieħu nota tal-fatt li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għall-2014 kien jammonta għal EUR 229 241 765, inklużi EUR 27 640 836 ta' approprjazzjonijiet mhux użati riportati mill-2013; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta implimentat EUR 189 316 793 (82,58 %) f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 153 567 377 (90,19 %) f'approprjazzjonijiet ta' pagament(4);

8.  Jinnota li l-programm tal-Impriża Konġunta Clean Sky iffinanzjat taħt l-FP7 għadu għaddej; jieħu nota tal-fatt li dawn l-approprjazzjonijiet jibqgħu disponibbli sal-2016 minħabba r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta li jippermettulha terġa' ddaħħal l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament tagħha sa massimu ta' tliet snin wara li jkunu ġew ikkanċellati mill-baġit tal-Impriża Konġunta; jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta twettaq b'attenzjoni l-ippjanar baġitarju tagħha, filwaqt li tqis kif dovut il-proċess parallel;

9.  Jikkunsidra li, peress li r-rapport tal-Qorti ma jipprovdix separazzjoni ċara bejn l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-FP7 u Orizzont 2020, dawn l-indikaturi (approprjazzjonijiet u impenji) ma jiżgurawx evalwazzjoni reali tal-prestazzjoni; jappella lill-Qorti tal-Awdituri biex fir-rapporti futuri tinkludi informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tal-baġit taħt l-FP7 u, b'mod separat, taħt Orizzont 2020; jinnota li r-rapport annwali tal-Impriża Konġunta qed jippreżenta t-tali informazzjoni;

10.  Jinnota li l-eżekuzzjoni tal-baġit allokat għall-FP7 (Titolu III) hi ta' 95,2 % għall-impenji (EUR 87 800 000 minn EUR 92 200 000) u 92,5 % għall-pagamenti (EUR 112 900 000 minn EUR 122 200 000); l-eżekuzzjoni tal-baġit allokat għal Orizzont 2020 (Titolu IV) hi ta' 92,5 % għall-impenji (EUR 95 300 000 minn EUR 103 000 000) u 81,1 % għall-pagamenti (EUR 20 500 000 minn EUR 25 000 000)(5); jistenna li l-Impriża Konġunta tipprovdi kjarifika ulterjuri lill-awtorità ta' kwittanza rigward din il-kwistjoni;

11.  Jiddispjaċih li r-rapport tal-Qorti jipprovdi informazzjoni limitata rigward il-kontribuzzjonijiet in natura/fi flus; jappella lill-Qorti tal-Awdituri biex fir-rapporti futuri tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta' evalwazzjoni u l-livell ta' kontribuzzjonijiet in natura/fi flus għall-FP7 u għal Orizzont 2020, li għandhom jiġu ppreżentati b'mod separat;

12.  Jinnota li l-membri privati jistgħu jipprovdu l-kontribuzzjoniin natura tagħhom b'żewġ modi taħt il-programm Orizzont 2020; jinnota li, wara t-tnedija tal-programm tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2, it-total tal-kontribuzzjonijiet in natura kien ta' EUR 87 413 513; jieħu nota, barra minn hekk, li l-kontribuzzjoniin natura vvalidata taħt il-Programm FP7 kienet ta' EUR 448 424 340,47 (6), (7);

13.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-limiti ta' żmien għall-pagamenti mhux dejjem ġew rispettati, speċjalment fil-qasam tal-Ftehimiet ta' Għotja għas-Sħab, u dan wassal għal penalitajiet ta' EUR 41 000 fl-2014; jirrikonoxxi l-isforz tal-Impriża Konġunta biex tindirizza din il-kwistjoni;

Sejħiet għal proposti

14.  Jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta fetħet l-ewwel sejħa għal proposti (fejn l-allokazzjoni baġitarja għas-sħab għandha tkun mill-inqas 30 % tal-finanzjament operattiv disponibbli tal-UE flimkien ma' sejħiet għal offerti) f'Diċembru 2014(8);

15.  Jinnota li, f'termini ta' volum ta' attivitajiet operattivi, b'kollox ġew iffirmati erbgħa u sebgħin ftehim fl-2014 (64 Ftehim ta' Għotja għas-Sħab iffirmati u 10 Ftehimiet ta' Għotja għall-Membri ffinalizzati) u ġew eżegwiti 302 pagamenti (276 għas-Sħab u 26 għall-Membri - ikopru l-pagamenti individwali għal 201 benefiċjarju)(9);

16.  Jindika li f'Ġunju 2014 l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 ħadet f'idejha l-attività tal-Impriża Konġunta Clean Sky; jinnota li r-rapport tal-Qorti ma jinkludix informazzjoni ċara dwar il-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Impriża Konġunta Clean Sky (livell tal-pagamenti, pjan ta' pagament għas-snin li ġejjin);

Qafas ġuridiku

17.  Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 ġew adottati fit-3 ta' Lulju 2014 abbażi tal-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata, il-funzjoni ta' awditjar intern, u s-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) u waqt li tqiesu r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 558/2014(10);

Sistemi ta' kontroll intern

18.  Jinnota li, fis-sena finanzjarja 2014, l-IAS iffinalizza awditu tal-aspetti finanzjarji tal-ġestjoni tal-għotjiet; abbażi ta' dak l-awditu, l-IAS ħareġ żewġ rakkomandazzjonijiet importanti ħafna, li għalihom l-Impriża Konġunta rrispondiet billi implimentat pjan ta' azzjoni ddedikat; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet kienu jirrigwardaw il-linji gwida għall-validazzjoni ex ante u l-proċess ta' approvazzjoni tar-riżultati tal-proġetti; jinnota li, sa tmiem l-2014, l-azzjonijiet miftiehma għaż-żewġ rakkomandazzjonijiet ġew implimentati (11);

Kunflitti ta' interess

19.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-proċeduri tal-Impriża Konġunta jibqgħu applikabbli fil-qasam tal-kunflitti ta' interess sakemm il-Kummissjoni tiżviluppa mudell komuni għall-Impriżi Konġunti kollha(12);

Monitoraġġ u rapportar

20.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-qafas ġuridiku għal Orizzont 2020 jirrikjedi monitoraġġ speċifiku tar-riżultati tar-riċerka, abbażi ta' evidenza kwantitattiva u, fejn xieraq, kwalitattiva; b'mod li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' Orizzont 2020, għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Impriża Konġunta u l-Kummissjoni sabiex jittejbu r-rapportar u d-disseminazzjoni tar-riżultati ta' riċerka(13); jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta nediet attivitajiet konġunti mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-approċċ ġenerali għall-implimentazzjoni tal-linji gwida ta' Orizzont 2020 u dwar id-disseminazzjoni tar-riżultati ta' riċerka, u jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta ttejjeb ulterjorment il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

21.  Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Impriża Konġunta tar-Rapport dwar l-Impatt Soċjoekonomiku tal-Attivitajiet Clean Sky;

22.  Jilqa' l-iffirmar ta' memorandum ta' kooperazzjoni mal-Impriża Konġunta SESAR, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet u s-sinerġiji;

23.  Jilqa' l-fatt, li ġa lejn il-bidu tal-2014, inkisbu wħud mid-dimostraturi importanti tal-Programm Clean Sky taħt finanzjament mill-FP7, bħad-Dimostratur ta' Magni Kbar.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77).
(2) Ir-Rapport tal-Qorti 2014, p. 7.
(3) Ir-Rapport tal-Qorti 2014, p. 7.
(4) Il-kontijiet finali u r-rapport ta' Implimentazzjoni Baġitarja tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena 2014, p. 56.
(5) Ir-Rapport ta' Attività Annwali 2014, p. 149.
(6) Ir-Rapport ta' Attività Annwali 2014, p. 154.
(7) Kwittanza 2014 - Ir-rapport dwar il-kontribuzzjonijiet ipprovduti mill-Membri tal-Impriża Konġunta Clean Sky apparti l-Kummissjoni għall-programmi Clean Sky taħt l-FP7 u Orizzont 2020, p. 4.
(8) Ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-2014, p. 10.
(9) Ir-Rapport ta' Attività Annwali 2014, p. 7.
(10) Ir-Rapport tal-Qorti 2014, p. 8.
(11) Ir-Rapport ta' Attività Annwali 2014, p. 142.
(12)Ir-Rapport tal-Qorti 2014, p. 10.
(13) Ir-Rapport tal-Qorti 2014, p. 9.

Avviż legali - Politika tal-privatezza