Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 4 ta' Frar 2016 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea
 Il-Bahrain: il-każ ta’ Mohammed Ramadan
 Il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong
 Rapport tal-2015 dwar is-Serbja
 Proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
 Is-sitwazzjoni fil-Libja
 Is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer
 Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE)
 Il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea
PDF 272kWORD 87k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea (2016/2556(RSP))
P8_TA(2016)0043RC-B8-0173/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sħubija tal-Lvant, l-Ukrajna, u l-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tal-Missjoni dwar il-Valutazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Krimea mwettqa mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u l-Kummissarju Għoli tal-OSKE għall-Minoranzi Nazzjonali (HCNM),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu, tas-27 ta' Ġunju u tas-16 ta' Lulju 2014 li permezz tagħhom ġew imposti sanzjonijiet fuq il-Federazzjoni Russa b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna b'referenza għall-perjodu bejn is-16 ta' Awwissu u l-15 ta' Novembru 2015;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Freedom House "Freedom in the World 2016", li jivvaluta s-sitwazzjoni tal-libertajiet politiċi u ċiviċi fil-Krimea annessa illegalment bħala "mhux libera",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Federazzjoni Russa żiedet illegalment lill-Krimea u lil Sevastopol mat-territorju tagħha, u b'hekk kisret id-dritt internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna tal-1997;

B.  billi meta kienet għaddejja l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tal-Federazzjoni Russa f'Marzu 2014, l-Ukreni, inklużi t-Tartari tal-Krimea, kif ukoll l-armata Ukrena wrew kuraġġ u lealtà kbira lejn l-Ukrajna u opponew b'mod paċifiku l-att belliġerenti tal-annessjoni; billi diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u gruppi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw il-fatt li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea naqset ħafna mindu l-peniżola ġiet okkupata u annessa illegalment min-naħa tal-Federazzjoni Russa kmieni fl-2014;

C.  billi ġew rappurtati abbużi mmirati fil-konfront tal-membri tal-komunità Tartara, li l-maġġoranza tagħhom opponew il-mod kif ir-Russja ħadet il-poter u bbojkottjaw l-hekk imsejjaħ referendum tas-16 ta' Marzu 2014, partikolarment bl-infurzar tal-leġiżlazzjoni vaga u "antiestremista" ġenerika żżejjed tar-Russja li għandha l-għan li tintimida jew issikket lil min jikkritika r-reġim; billi dawn l-abbużi jinkludu ħtif, għajbien furzat, vjolenza, tortura u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji li l-awtoritajiet de facto naqsu milli jinvestigaw u jipproċedu kontrihom;

D.  billi diversi mexxejja tat-Tartari tal-Krimea, bħal Mustafa Dzhemiliev, membru tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, u Refat Chubarov, il-President tal-Mejlis, twaqqfu milli jidħlu fil-Krimea; billi issa jistgħu jidħlu, iżda huma mhedda bl-arrest; billi issa qorti Russa ħarġet mandat ta' arrest fil-konfront ta' Mustafa Dzhemiliev, li aktar qabel kien qatta' 15-il sena fil-ħabsijiet Sovjetiċi għall-isforzi tiegħu biex niesu jirritornaw f'art twelidhom fil-Krimea;

E.  billi l-komunitajiet reliġjużi kollha, inklużi l-knejjes Insara li huma indipendenti minn Moska, sofrew restrizzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom; billi dawn id-diffikultajiet ġejjin minn restrizzjonijiet serji fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni, esproprjazzjonijiet, dokumenti li ma jitħallewx jiġġeddu, kif ukoll tfittxijiet regolari mwettqa fil-postijiet li dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi għad baqgħalhom minn fejn joperaw;

F.  billi individwi li rrifjutaw li jieħdu ċ-ċittadinanza Russa wara l-annessjoni qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni u diffikultajiet serji fl-oqsma kollha tal-ħajja politika, soċjali u ekonomika;

G.  billi r-Russja qed timpedixxi l-aċċess għall-Krimea mhux biss lill-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti indipendenti, iżda anke lill-OSKE, in-NU u l-Kunsill tal-Ewropa; billi n-nuqqas ta' aċċess irendi l-monitoraġġ u r-rappurtar fil-Krimea diffiċli ħafna;

H.  billi l-popolazzjoni kollha tat-Tartari tal-Krimea, poplu indiġenu ta' dan it-territorju, fl-1944 sfat deportata bil-forza lejn partijiet oħra ta' dik li kienet l-Unjoni Sovjetika, mingħajr il-possibbiltà li tirritorna sal-1989; billi fit-12 ta' Novembru 2015 il-Verkhovna Rada tal-Ukrajna adotta riżoluzzjoni li fiha rrikonoxxa d-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea fl-1944 bħala ġenoċidju u stabbilixxa t-18 ta' Mejju bħala Jum ta' Tifkira;

1.  Itenni l-impenn qawwi tiegħu favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u favur l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; ifakkar fil-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea min-naħa tar-Russja u fl-impenn tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-komunità internazzjonali li jimplimentaw bis-sħiħ il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; jenfasizza wkoll li r-ritorn għall-kontroll Ukren fil-peniżola huwa wieħed mir-rekwiżiti preliminari biex jerġgħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa, li jinkludu s-sospensjoni tas-sanzjonijiet relattivi;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-livelli bla preċedent ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-konfront tar-residenti tal-Krimea, b'mod partikolari t-Tartari tal-Krimea, li ma josservawx ir-regoli li l-hekk imsejħa awtoritajiet lokali jimponu bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-terroriżmu;

3.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet serji fuq il-libertajiet ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, inkluż f'avvenimenti kommemorattivi tradizzjonali fosthom l-anniversarju tad-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea min-naħa tar-reġim totalitarju Sovjetiku ta' Stalin u l-avvenimenti kulturali tat-Tartari tal-Krimea; jenfasizza li, f'konformità mad-dritt internazzjonali, it-Tartari, bħala poplu indiġenu tal-Krimea, għandhom id-dritt iżommu u jsaħħu l-istituzzjonijiet politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali distinti tagħhom; jitlob rispett fil-konfront tal-Mejlis, bħala l-korp rappreżentattiv leġittimu tal-komunità tat-Tartari tal-Krimea, u jappella biex jieqfu l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni sistematika tal-membri tiegħu; jesprimi tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom fir-rigward tal-proprjetà, l-intimidazzjoni, il-priġunerija, kif ukoll id-diżrispett tad-drittijiet ċiviċi, politiċi u kulturali tagħhom; jinnota bi tħassib ukoll ir-rekwiżiti restrittivi ta' reġistrazzjoni mill-ġdid imposti fuq il-midja, kif ukoll fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi u lill-awtoritajiet lokali de facto jinvestigaw b'mod effikaċi, imparzjali u trasparenti l-każijiet kollha ta' għajbien, tortura u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pulizija u l-forzi paramilitari attivi fil-peniżola tal-Krimea minn Frar 2014 'l hawn;

5.  Ifakkar li l-Federazzjoni Russa, bħala potenza okkupanti, għandha r-responsabbiltà li tiżgura s-sikurezza tal-popolazzjoni kollha u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet kulturali u reliġjużi tat-Tartari indiġeni u tal-minoranzi l-oħra kollha tal-Krimea kif ukoll il-preservazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Krimea;

6.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet u l-esperti indipendenti tal-OSKE, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa ma ngħatawx aċċess għall-peniżola tal-Krimea, jew inkella ngħataw aċċess parzjali, u għalhekk dawn ma tħallewx jissorveljaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem minkejja l-mandati li kellhom biex iwettqu dawn l-attivitajiet fil-Krimea;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u lill-awtoritajiet de facto tal-Krimea, li huma marbutin bid-dritt umanitarju internazzjonali u bid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jagħtu aċċess bla xkiel għall-Krimea lill-istituzzjonijiet u l-esperti indipendenti tal-OSKE, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lil kwalunkwe NGO tad-drittijiet tal-bniedem jew kamra tal-aħbarijiet li tkun tixtieq iżżur, tivvaluta u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni fil-Krimea; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja f'dan ir-rigward; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li jibgħat lir-Rappreżentant Speċjali tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Krimea, li ż-żjara tiegħu – l-ewwel waħda mill-annessjoni Russa 'l hawn – mistennija tipprovdi valutazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni fil-post; jistenna b'interess il-konklużjonijiet tiegħu; jenfasizza li kwalunkwe preżenza internazzjonali fil-post għandha tkun ikkoordinata mal-Ukrajna;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ukrajna li, bil-għan li terġa' tiġi stabbilita s-sovranità Ukrena fil-Krimea, tistabbilixxi mekkaniżmu ta' negozjati internazzjonali fil-format "Ġinevra +", li għandu jinkludi l-involviment dirett tal-UE; jistieden lir-Russja tibda negozjati dwar id-deokkupazzjoni tal-Krimea mal-Ukrajna u mal-partijiet l-oħra, sabiex jitneħħew l-embargos fuq il-kummerċ u l-enerġija u jiġi revokat l-istat ta' emerġenza fil-Krimea;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-mexxejja Tartari mhux qed jitħallew imorru lura fil-Krimea, il-proċedimenti fil-konfront tagħhom, kif ukoll il-pressjoni inaċċettabli li qed tiżdied fuq il-Membri l-oħra tal-Mejlis; jiddeplora wkoll l-għeluq inġust tal-istazzjon televiżiv ATR li kellu segwitu sinifikanti fi ħdan il-komunità tat-Tartari tal-Krimea; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti l-assistenza finanzjarja meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ta' dan l-istazzjon u ta' mezzi tax-xandir oħra eżiljati fl-Ukrajna; iqis li l-għeluq tal-iskejjel u l-klassijiet tat-Tartari tal-Krimea u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-lingwa, flimkien mal-fatt li l-lingwa Ukrajna tneħħiet mill-isfera pubblika, jikkostitwixxu limitazzjonijiet serji fuq id-drittijiet bażiċi tal-membri tal-komunità;

10.  Jappella għall-preservazzjoni tal-ambjent multikulturali tal-Krimea u għar-rispett sħiħ tal-Ukren, it-Tartar u ta' minoranzi lingwistiċi u kulturali oħra;

11.  Jiddeplora l-azzjonijiet tal-amministrazzjoni de facto biex tfixkel il-funzjonament tal-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea, l-ogħla korp eżekuttiv u rappreżentattiv tat-Tartari tal-Krimea, permezz tal-għeluq tal-kwartieri ġenerali tiegħu, is-sekwestru ta' wħud mill-beni immobbli tiegħu u atti ta' intimidazzjoni oħrajn;

12.  Jikkundanna t-trażżin regolari fil-konfront tal-midja indipendenti, il-ġurnalisti u l-attivisti tas-soċjetà ċivili fil-Krimea; jiddeplora l-impożizzjoni furzata ta' passaporti Russi fuq ċittadini Ukreni fil-Krimea min-naħa tal-Federazzjoni Russa; jikkundanna wkoll il-prattika tal-awtoritajiet de facto li jimponu ċ-ċittadinanza Russa fuq ir-residenti tal-Krimea;

13.  Itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-UE li twaqqaf l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea sakemm ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat tal-oriġini mill-awtoritajiet Ukreni, kif ukoll għall-miżuri restrittivi b'rabta mal-esportazzjoni ta' ċerti prodotti u teknoloġiji, l-investiment, il-kummerċ u s-servizzi fil-Krimea; jistieden lill-Kunsill ikompli b'dawn is-sanzjonijiet sa ma titlesta l-integrazzjoni sħiħa tal-Krimea fl-ordinament ġuridiku tal-Ukrajna;

14.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tinvestiga l-każijiet kollha ta' tortura ta' priġunieri arrestati illegalment fil-Krimea, teħles lil priġunieri bħal Oleg Sentsov u Oleksandr Kolchenko, kif ukoll Ahtem Chiigoz, il-Viċi President tal-Mejlis, Mustafa Degermendzhi u Ali Asanov, li ġew arrestati fil-Krimea talli pprotestaw paċifikament kontra l-okkupazzjoni, u tiggarantixxi r-ritorn sikur tagħhom lejn l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa ttemm il-persekuzzjoni politika tad-dissidenti u l-attivisti ċiviċi; jikkundanna t-trasferiment sussegwenti tagħhom lejn ir-Russja u l-attribuzzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa;

15.  Jikkundanna l-militarizzazzjoni tal-peniżola tal-Krimea, li għandha impatt negattiv sinifikanti fuq il-ħajja ekonomika u soċjali, kif ukoll it-theddida min-naħa tar-Russja li tiskjera armi nukleari fil-Krimea, li jikkostitwixxi riskju sinifikanti għas-sigurtà reġjonali, Ewropea u mondjali; itenni l-appell tiegħu favur l-irtirar tal-forzi Russi kollha mill-Krimea u mil-Lvant tal-Ukrajna;

16.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni ekonomika, kif ukoll il-provvista ta' prodotti u servizzi bejn l-Ukrajna u l-peniżola tal-Krimea temporanjament okkupata, għandhom isiru f'konformità mal-qafas ġuridiku tal-Ukrajna u għandhom ikunu rispettati min-naħat kollha, biex b'hekk tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza negattiva għall-popolazzjoni li tgħix fil-Krimea; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw u jwaqqfu kwalunkwe każ ta' ksur f'dan is-sens;

17.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fil-Krimea, li ħżienet ħafna wara l-annessjoni Russa, u dwar l-azzjoni repressiva u t-theddid min-naħa tal-awtoritajiet de facto u l-gruppi paramilitari;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea.


Il-Bahrain: il-każ ta’ Mohammed Ramadan
PDF 265kWORD 82k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta’ Mohammed Ramadan (2016/2557(RSP))
P8_TA(2016)0044RC-B8-0174/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, b’mod partikolari dik tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b’mod partikolari l-każ ta’ Nabeel Rajab(1),

–  wara li kkunsidra l-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI) stabbilita permezz ta' Digriet Irjali biex tinvestiga u tirrapporta dwar l-avvenimenti li seħħew fil-Bahrain fi Frar 2011, u li ppubblikat ir-rapport tagħha f'Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tat-Tieni Rapport Annwali 2014 mill-President tal-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bnedmin (NIHR), Dr. Abdulaziz Abul, lill-Ministru tal-Intern, Lt.Gen.Shaikh Rashid bin Abdullah Al-Khalifa, fis-27 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Bahrain minn 33 Stat, mogħtija waqt it-30 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bnedmin tan-NU fl-14 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Bahrain tas-16 ta’ Lulju 2015 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-Relatur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni u r-Relatur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta’ għaqda paċifika u ta’ assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ Novembru 2011 mill-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI),

–  wara li kkunsidra l-appell għar-rilaxx immedjat tal-priġunier tal-kuxjenza, Dr. Abduljalil al-Singace, li qed jagħmel strajk tal-ġuħ,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Lega Għarbija, li ltaqa' fil-Kajr fl-1 ta' Settembru 2013, biex titwaqqaf qorti pan-Għarbija għad-drittijiet tal-bniedem fil-kapitali tal-Bahrain, Manama,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1988 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt tat-12 ta' April 2013,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom il-Bahrain huwa firmatarju,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 68/178 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u r-Riżoluzzjoni 25/7 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Bahrain huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Golf Persiku, inkluż fl-oqsma tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, l-enerġija, u s-sigurtà; billi huwa fl-interess reċiproku tagħna li napprofondixxu aktar is-sħubija tagħna sabiex inwieġbu aħjar għal sfidi futuri;

B.  billi sa mill-bidu tal-irvellijiet tal-2011, l-awtoritajiet tal-Bahrain ilhom iżidu l-użu ta’ miżuri ripressivi abbażi ta' allegazzjonijiet ta’ terroriżmu kontra dimostranti paċifiċi, inkluż l-użu tal-piena tal-mewt; billi l-qrati tal-Bahrain għaddew seba’ pieni ġodda tal-mewt fl-2015;

C.  billi fit-18 ta’ Frar 2014 Mohammed Ramadan, gwardja tas-sigurtà tal-ajruport ta’ 32 sena, ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Bahrain talli allegatament ħa parti — flimkien ma’ Husain Ali Moosa, li kien ġie arrestat preċedentement — f’ibbumbardjar f’Al Dair fl-14 ta’ Frar 2014 li qatel uffiċjal tas-sigurtà u fejn indarbu diversi oħra;

D.  billi s-Sur Ramadan allegatament kien arrestat mingħajr mandat, u billi ż-żewġ irġiel jirrappurtaw li huma kienu msawta u ttorturati b’mod vjolenti sakemm qablu li jammettu, iżda mbagħad irtiraw il-konfessjonijiet tagħhom quddiem il-prosekutur pubbliku; billi l-konfessjonijiet allegatament miksuba b'tortura kienu l-provi ewlenin fil-proċessi kontra s-Sur Ramadan u s-Sur Moosa;

E.  billi fid-29 ta’ Diċembru 2014, qorti kriminali tal-Bahrain ikkundannat lis-Sur Ramadan u lis-Sur Moosa għall-mewt; billi dawn ġew ikkundannati flimkien ma' 10 imputat ieħor, li 9 minnhom irċevew sentenzi ta’ ħabs ta’ sitt snin u l-ieħor sentenza ta’ għomor il-ħabs; billi l-liġi kontra t-terroriżmu tal-Bahrain intużat biex tiġġustifika l-piena tal-mewt;

F.  billi s-sentenzi tal-piena tal-mewt mogħtija lis-Sur Ramadan u s-Sur Moosa ġew milqugħa mill-Qorti ta’ Kassazzjoni, l-ogħla qorti ta' appell tal-Bahrain, fis-16 ta’ Novembru 2015, minkejja li l-irġiel irtiraw il-konfessjonijiet tagħhom u filwaqt li tennew li huma kienu ammettew taħt tortura; billi l-qrati tal-Bahrain naqsu milli jeżaminaw it-talbiet tagħhom jew saħansitra jiftħu investigazzjoni;

G.  billi s-Sur Ramadan huwa biss wieħed minn 10 persuni b'kundanna għall-mewt fil-Bahrain, u l-ewwel wieħed li ġie kkundannat għall-mewt mill-2011; billi s-Sur Ramadan huwa wieħed minn tal-ewwel li jkunu eżawrixxu t-toroq ġuridiċi kollha ta’ appell, u jinsab fir-riskju ta’ eżekuzzjoni imminenti; billi mhux maruf li seħħet l-ebda investigazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ tortura fil-każ tas-Sur Ramadan;

H.  billi fl-14 ta’ Awwissu 2014 ħames l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU esprimew it-tħassib tagħhom lill-Gvern tal-Bahrain dwar allegazzjonijiet dwar l-arrest arbitrarju, id-detenzjoni u t-tortura ta’ disa’ ċittadini tal-Bahrain, inkluż is-Sur Ramadan, u l-kundanna sussegwenti tagħhom wara proċessi li ma laħqux l-istandards internazzjonali ta’ proċess ġust;

I.  billi diversi NGOs tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw proċessi inġusti u l-użu tat-tortura u pieni tal-mewt min-naħa tal-Bahrain, li huma bi ksur ta’ diversi konvenzjonijiet internazzjonali, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Bahrain ssieħeb fih fl-2006;

J.  billi l-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI), stabbilita fid-29 ta' Ġunju 2011 fir-Renju tal-Bahrain permezz tad-Digriet Irjali Nru 28 biex tinvestiga u tirrapporta dwar l-avvenimenti li seħħew fil-Bahrain fi Frar 2011, għamlet sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-riformi politiċi;

K.  billi s-26 rakkomandazzjoni tal-BICI inkludew it-tibdil tas-sentenzi ta’ mewt kollha imposti għal atti li rriżultaw mill-avvenimenti ta’ Frar u Marzu 2011; billi din kienet waħda miż-żewġ rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati b’mod sħiħ, li rrappreżenta pass pożittiv lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

L.  billi dawn ir-rakkomandazzjonijiet wasslu lill-Gvern tal-Bahrain biex jistabbilixxi tliet korpi mill-2012 — l-Uffiċċju tal-Ombudsman fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, Unità ta’ Investigazzjonijiet Speċjali (SIU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, u Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti (PDRC) — b’mandat kollettiv biex itemmu l-użu tat-tortura f’faċilitajiet ta’ detenzjoni u ta’ interrogazzjoni;

M.  billi ħafna azzjonijiet riċenti mill-awtoritajiet tal-Bahrain ikomplu jiksru u jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ sezzjonijiet tal-poplu tal-Bahrain, b’mod partikolari d-dritt tal-individwi għall-protesta paċifika, għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali; billi l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw attakki sistematiċi, fastidju u detenzjoni;

N.  billi, skont rapporti, il-Bahrain għad għandu numru konsiderevoli ta’ priġunieri tal-kuxjenza;

O.  billi l-forzi tas-sigurtà tal-Bahrain allegatament għadhom jittorturaw lid-detenuti;

1.  Jesprimi t-tħassib u d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li l-Bahrain mar lura għall-prattika tal-piena kapitali; jitlob l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Bahrain, u b’mod partikolari lill-Maestà Tiegħu Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa, jagħti lil Mohammed Ramadan maħfra rjali jew jibdillu s-sentenza;

2.  Jikkundanna b’mod qawwi l-użu kontinwu tat-tortura u ta’ trattament jew pieni krudili jew degradanti mill-forzi tas-sigurtà kontra l-priġunieri; huwa estremament imħasseb dwar l-integrità fiżika u mentali tal-priġunieri;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu ta’ liġijiet ta’ kontra t-terroriżmu fil-Bahrain biex jikkastigaw twemmin u konvinzjonijiet politiċi u biex jipprevjenu liċ-ċittadini milli jeżerċitaw attivitajiet politiċi;

4.  Jenfasizza l-obbligu li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu assigurati l-protezzjoni u jitħallew ikomplu l-ħidma tagħhom mingħajr tfixkil, intimidazzjoni jew fastidju;

5.  Jinnota l-isforzi li għaddejjin bħalissa tal-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri ġuridiċi, u jħeġġeġ biex dan il-proċess jitkompla; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jirrispetta l-istandards internazzjonali dwar id-dritt għal proċess ġust u biex jikkonforma ma’ standards minimi internazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 9 u 14 tal-ICCPR;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu investigazzjoni imparzjali mingħajr dewmien dwar l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura, itellgħu il-qorti lil persuni suspettati li wettqu r-reat tat-tortura u jeliminaw kull kundanna li tkun saret abbażi ta’ konfessjonijiet miksuba taħt kondizzjonijiet ta’ tortura;

7.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l- Artikolu 15 tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta’ kull dikjarazzjoni magħmula bħala riżultat ta’ tortura; jitlob ir-ratifika immedjata tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-ICCPR bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain joħroġ stedina immedjata u miftuħa lir-Relatur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura biex jagħmel żjara fil-pajjiż, u jippermetti l-aċċess bla xkiel għad-detenuti u għall-postijiet kollha ta’ detenzjoni;

9.  Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman, il-PDRC u l-NIHR, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tad-detenuti u l-kondizzjonijiet fil-ħabsijiet, inkluż fir-rigward ta’ maltrattament u tortura allegati; madankollu, jitlob lill-Gvern tal-Bahrain biex jiżgura l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u tal-PDRC, u jiggarantixxi l-indipendenza tal-Unità ta’ Investigazzjonijiet Speċjali fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ mogħti lill-Bahrain, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi bis-sħiħ il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma għad-drittijiet tal-bniedem EU-Bahrain ;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain ineħħu l-projbizzjoni arbitrarja tal-ivvjaġġar ta' Nabeel Rajab u jwaqqgħu l-akkużi kollha pendenti miġjuba kontriha b'rabta mal-libertà tal-espressjoni;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0279.


Il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong
PDF 274kWORD 87k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong (2016/2558(RSP))
P8_TA(2016)0045RC-B8-0175/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(1) u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Jannar 2016 tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-għajbien ta' individwi assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-SEAE tad-29 ta' Jannar 2016 dwar it-tħassib tal-UE rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2014 tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, ippubblikat f'April 2015,

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina ilhom stabbiliti mis-6 ta' Mejju 1975,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Strateġika għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina għall-2020 li ntlaħaq qbil dwarha fil-21 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra n-negozjati għal Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni li ġew sospiżi,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-pubblikazzjoni tat-tieni abbozz ta' liġi ġdida dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin fil-5 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-34 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tielet rapport perjodiku ta' Hong Kong, iċ-Ċina, adottat mill-Kumitat fil-107 sessjoni tiegħu (11-28 ta' Marzu 2013),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura dwar il-ħames rapport perjodiku taċ-Ċina, adottati fl-1391 u l-1392 laqgħa tiegħu, li saru fit-2 u t-3 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (minn hawn 'il quddiem "il-Liġi Bażika"), b'mod partikolari l-artikoli dwar il-libertajiet personali u l-libertà tal-istampa, kif ukoll l-Ordinanza dwar id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet ta' Hong Kong,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'dawn l-aħħar erba' xhur, ħames bejjiegħa tal-kotba (Lui Bo, Gui Minhai, Zhang Zhiping, Lin Rongji u Lee Po), erbgħa minnhom residenti f'Hong Kong u l-ieħor mhuwiex, assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current u l-ħanut tal-kotba tagħha, minn fejn jinbiegħu xogħlijiet letterarji li jikkritikaw lil Beijing, għebu taħt ċirkostanzi misterjużi; billi tnejn minnhom huma ċittadini tal-UE – Gui Minhai, ċittadin Żvediż, u Lee Po, ċittadin Brittaniku; billi f'Jannar 2016 waslet konferma li ż-żewġ ċittadini tal-UE kienu fiċ-Ċina kontinentali, u billi hemm suspetti li anke t-tlieta l-oħra qegħdin hemmhekk; billi Lee Po temporanjament ingħaqad mill-ġdid ma' martu fit-23 ta' Jannar 2016 f'post mhux żvelat fiċ-Ċina kontinentali; billi n-nuqqas kontinwu ta' informazzjoni dwar il-benessri tagħhom u dwar fejn jinsabu huwa estremament inkwetanti;

B.  billi saru allegazzjonijiet konvinċenti mill-midja, u ntwera tħassib min-naħa tal-leġiżlaturi, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u għadd ta' ċivili, li l-ħames bejjiegħa tal-kotba nħatfu mill-awtoritajiet taċ-Ċina kontinentali; billi, b'mod partikolari, Lee Po nħataf minn Hong Kong u Gui Minhai għeb minn daru fit-Tajlandja;

C.  billi, fl-10 ta' Jannar 2016, eluf ta' dimostranti nġabru fit-toroq f'Hong Kong biex jitolbu li l-gvern tal-belt jieħu azzjoni biex jispjega l-għajbien tal-ħames bejjiegħa tal-kotba; billi l-għajbien ta' dawn il-persuni jsegwi sensiela ta' attakki vjolenti fl-2013 u fl-2014 kontra l-ġurnalisti ta' Hong Kong li jikkritikaw lil Beijing;

D.  billi Hong Kong jiddefendi u jipproteġi l-libertajiet tal-kelma, ta' espressjoni u tal-pubblikazzjoni; billi l-pubblikazzjoni ta' kwalunkwe materjal li jikkritika lill-mexxejja Ċiniżi hija legali f'Hong Kong, għalkemm hija pprojbita fiċ-Ċina kontinentali; billi l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" jiggarantixxi l-awtonomija ta' Hong Kong minn Beijing fir-rigward tal-libertajiet li huma minquxa fl-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika;

E.  billi ġew ippubblikati rivelazzjonijiet li 14-il pubblikatur u 21 pubblikazzjoni f'Hong Kong ġew identifikati bħala objettivi f'dokument intern tal-Partit Komunista ta' April 2015, fejn ġiet żvelata strateġija għall-"esterminazzjoni" tal-kotba pprojbiti f'Hong Kong u l-Macao minn fejn oriġinaw; billi l-biża' ta' ritaljazzjonijiet wassal biex xi bejjiegħa tal-kotba f'Hong Kong neħħew il-kotba li jikkritikaw liċ-Ċina mill-ixkafef tagħhom;

F.  billi l-gvern taċ-Ċina kontinentali jirrestrinġi u jikkriminalizza b'mod strett il-libertà tal-espressjoni, partikolarment permezz taċ-ċensura; billi s-sistema ta' sorveljanza tal-internet ("il-Great Firewall") taċ-Ċina tippermetti lill-gvern jiċċensura kwalunkwe informazzjoni li hija politikament inaċċettabbli; billi ċ-Ċina għandha restrizzjonijiet rigorużi fuq il-libertà tal-espressjoni, u l-popolarità ta' kotba li jikkritikaw liċ-Ċina mal-qarrejja fiċ-Ċina kontinentali hija meqjusa ta' theddida għall-istabbiltà soċjali;

G.  billi fis-17 ta' Jannar 2016 Gui Minhai ħareġ stqarrija għall-istampa fiċ-Ċina kontinentali, fejn stqarr li huwa vvjaġġa fuq bażi volontarja lejn iċ-Ċina kontinentali u ammetta, f'dak li jidher li hija konfessjoni furzata, akkuża preċedenti ta' sewqan taħt l-effett tal-alkoħol;

H.  billi kemm l-awtoritajiet Żvediżi u kemm dawk Brittaniċi talbu l-appoġġ sħiħ tal-awtoritajiet Ċiniżi biex jitħarsu d-drittijiet taż-żewġ ċittadini tagħhom kif ukoll tal-individwi l-oħra li "għebu";

I.  billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura rrapporta t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti konsistenti minn diversi sorsi dwar il-kontinwazzjoni ta' prattika ta' detenzjoni illegali f'postijiet ta' detenzjoni li la huma rikonoxxuti u lanqas huma uffiċjali, l-hekk imsejħa "ħabsijiet suwed"; billi huwa esprima wkoll it-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti konsistenti li jindikaw li l-prattika tat-tortura u t-trattament ħażin għadhom integrati sew fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, li hija dipendenti ħafna fuq il-konfessjonijiet bħala bażi għall-kundanni;

J.  billi ċ-Ċina uffiċjalment u nominalment aċċettat l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u, f'dawn l-aħħar tletin sena, għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati f'dan il-qasam, u b'hekk saret parti mill-qafas ġuridiku u istituzzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali;

K.  billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika, il-kostituzzjoni de facto ta' Hong Kong, jiggarantixxi "l-libertà tal-kelma, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni, tal-għaqda, li wieħed jipparteċipa f'purċissjoni u f'dimostrazzjoni"; billi l-Liġi Bażika, li kienet ġiet innegozjata bejn iċ-Ċina u r-Renju Unit, tiggarantixxi dawn id-drittijiet għal perjodu ta' 50 sena li jintemm fl-2047;

L.  billi s-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, tad-29 ta' Ġunju 2015, għolla r-relazzjonijiet bilaterali fuq livell ġdid, billi fil-qafas strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tagħha l-UE wiegħdet li se tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi;

M.  billi l-UE u ċ-Ċina impenjaw ruħhom fi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem sa mill-1995, u billi ż-żewġ naħat iqisu lid-drittijiet tal-bniedem bħala parti importanti tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom;

N.  billi skont il-21 rapport annwali (Lulju 2014) tal-Hong Kong Journalists Association, l-2014 kienet l-agħar sena għal-libertà tal-istampa f'Hong Kong f'għexieren ta' snin; billi xi ġurnalisti ġew attakkati fiżikament jew sfaw imkeċċija filwaqt li oħrajn li esprimew opinjonijiet kritiċi ġew trasferiti lejn żoni inqas sensittivi;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' għarfien dwar fejn jinsabu u l-benessri tal-ħames bejjiegħa tal-kotba li jinsabu nieqsa; jappella għall-pubblikazzjoni immedjata ta' informazzjoni dettaljata dwar fejn jinsabu u dwar il-benessri ta' Lee Po u Gui Minhai, u jappella għall-ħelsien immedjat b'mod sikur tagħhom u li huma jingħataw id-dritt li jikkomunikaw; jappella għall-ħelsien immedjat tal-persuni l-oħra kollha li ġew arrestati b'mod arbitrarju talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u pubblikazzjoni f'Hong Kong, inkluż it-tliet bejjiegħa tal-kotba l-oħra;

2.  Jappella lill-Gvern Ċiniż jirraporta mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni dwar il-bejjiegħa tal-kotba li jinsabu nieqsa, u jimpenja ruħu fi djalogu u komunikazzjoni immedjati li jkunu inklużivi u trasparenti dwar il-kwistjoni bejn l-awtoritajiet kontinentali u dawk ta' Hong Kong; jinnota bħala żvilupp pożittiv il-komunikazzjoni minn Lee Po u li huwa ngħaqad mill-ġdid ma' martu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti taċ-Ċina, ta' Hong Kong u tat-Tajlandja jinvestigaw u jikkjarifikaw iċ-ċirkostanzi tal-għajbien, skont l-istat tad-dritt, u, sa fejn huwa possibbli, jgħinu biex il-pubblikaturi jirritornaw lejn djarhom mingħajr periklu;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina kontinentali qegħdin joperaw f'Hong Kong; ifakkar li jkun hemm ksur tal-Liġi Bażika jekk l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina kontinentali qegħdin joperaw f'Hong Kong; jemmen li dan huwa inkonsistenti mal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi"; jistieden liċ-Ċina tirrispetta l-garanziji ta' awtonomija mogħtija lil Hong Kong skont il-Liġi Bażika;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-arresti arbitrarji, il-konfessjonijiet furzati, id-detenzjoni sigrieta, id-detenzjoni f'iżolament u l-ksur tal-libertà ta' pubblikazzjoni u tal-espressjoni; ifakkar li l-indipendenza tal-edituri, tal-ġurnalisti u tal-bloggers għandha tiġi salvagwardjata; jappella għat-tmiem immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika;

6.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet u l-kriminalizzazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, u jiddeplora l-limitazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Ċiniż itemm is-soppressjoni tal-fluss liberu ta' informazzjoni, inklużi r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-internet;

7.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-adozzjoni imminenti tal-abbozz ta' Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, peress li fl-istat attwali tagħha se tfixkel drastikament l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Ċiniża u se trażżan serjament il-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni fil-pajjiż, anke billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin li ma jkunux irreġistrati mal-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà Pubblika u d-dipartimenti tas-sigurtà pubblika provinċjali jiġu pprojbiti milli jiffinanzjaw lil kwalunkwe individwu Ċiniż jew organizzazzjoni Ċiniża, u billi l-gruppi Ċiniżi se jiġu pprojbiti milli jwettqu "attivitajiet" f'isem jew bl-awtorizzazzjoni tal-organizazzjonijiet mhux governattivi barranin li ma jkunux irreġistrati, inklużi dawk ibbażati f'Hong Kong u l-Macao; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrevedu b'mod sostanzjali dan l-abbozz ta' liġi sabiex iġibuh konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-impenji internazzjonali li ħadet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-abbozz ta' liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, li għandha tirfed u tistituzzjonalizza l-prattiki ta' ċensura u monitoraġġ fiċ-ċiberspazju, rigward il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali li ġiet adottata u l-abbozz ta' liġi kontra t-terroriżmu; jinnota l-biżgħat tal-avukati riformisti u d-difensuri tad-drittijiet ċivili Ċiniżi li din il-liġi se tkompli trażżan il-libertà tal-espressjoni u li l-awtoċensura se tikber;

9.  Jemmen li relazzjonijiet b'saħħithom u kontinwi bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom jipprovdu pjattaforma effikaċi għal djalogu matur, sinifikanti u miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq ir-rispett reċiproku;

10.  Jissottolinja l-impenn tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u tal-espressjoni f'Hong Kong;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kap Eżekuttiv u l-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0458.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0252.


Rapport tal-2015 dwar is-Serbja
PDF 380kWORD 130k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar ir-Rapport tal-2015 dwar is-Serbja (2015/2892(RSP))
P8_TA(2016)0046B8-0166/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospett tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni A/RES/64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet id-disponibilità tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet mir-raba' laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tas-7 u t-8 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent tat-8 ta' Ottubru 2015 fil-Lussemburgu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni dwar miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u l-migrazzjoni tad-9 ta' Novembru 2015 u tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni ta' 17-il punt li ġie maqbul waqt il-laqgħa dwar ir-rotta tal-migrazzjoni tal-Balkani tal-Punent li saret fil-25 ta' Ottubru 2015 bejn il-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE u Stati Membri mhux tal-UE li huma kkonċernati bl-influss ta' refuġjati u migranti,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissjoni dwar is-Serbja tal-10 ta' Novembru 2015 (SWD(2015)0211),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-rapport ta' progress tal-2014 dwar is-Serbja(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar l-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Roma – anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent min-naħa tal-UE tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' David McAllister bħala rapporteur permanenti għas-Serbja fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 iddeċieda li jibda n-negozjati mas-Serbja dwar l-adeżjoni; billi l-ewwel konferenza intergovernattiva (KIG) saret fil-21 ta' Jannar 2014; billi l-proċess ta' eżami analitiku tlesta f'Marzu 2015; billi f'Settembru 2015 is-Serbja stabbiliet kompletament it-tim tan-negozjati tagħha;

B.  billi fir-Rapport tal-2015 dwar is-Serbja, il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress li s-Serbja għamlet lejn l-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li vvalutat l-isforzi tagħha biex tkun konformi mal-kriterji ta' Copenhagen u l-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; billi l-Kummissjoni applikat approċċ ġdid għar-rapportar li jagħti gwida aktar ċara lill-pajjiżi inkwistjoni dwar fuq xiex għandhom jiffukaw;

C.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, għandha tiġi ġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha li tissodisfa, timplimenta l-istess sett ta' kriterji u tkun konformi magħhom, u billi d-dedikazzjoni tal-pajjiżi għar-riformi meħtieġa u għall-kwalità tagħhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

D.  billi s-Serbja ħadet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013; billi fil-25 ta' Awwissu 2015 intlaħqu erba' ftehimiet importanti; billi l-progress fin-negozjati għall-adeżjoni tas-Serbja jeħtieġ li jsir b'mod parallel mal-progress fil-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo f'konformità mal-qafas ta' negozjar; billi sforzi ulterjuri jibqgħu essenzjali sabiex dawn ir-relazzjonijiet jiġu kkalmati b'mod permanenti; billi huwa importanti ferm li l-ftehimiet kollha jiġu implimentati bis-sħiħ miż-żewġ partijiet;

E.  billi f'Lulju 2015 is-Serbja saret it-33 Stat parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;

F.  billi l-UE enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-governanza ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

G.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

H.  billi f'Jannar 2015, is-Serbja ħadet f'idejha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE);

1.  Jilqa' l-ftuħ tan-negozjati u l-ftuħ tal-Kapitoli 32 (Kontroll finanzjarju) u 35 (Kwistjonijiet oħra – Punt I: Proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo) fil-Konferenza Intergovernattiva fi Brussell fl-14 ta' Diċembru 2015; jilqa' l-impenn kontinwu tas-Serbja għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; jistieden lis-Serbja tippromwovi b'mod attiv din id-deċiżjoni strateġika fost il-pubbliku Serb; jinnota b'sodisfazzjon li s-Serbja bdiet taħdem fuq aġenda ambizzjuża ta' riforma; jistieden lis-Serbja tindirizza b'mod deċiżiv u dirett ir-riformi sistemiċi u soċjoekonomiċi; iħeġġeġ lis-Serbja tiddedika attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ tagħha meta timplimenta r-riformi tagħha;

2.  Jilqa' t-tħejjijiet tas-Serbja biex tibda n-negozjati ta' adeżjoni b'mod effikaċi bil-konklużjoni tal-proċess ta' eżami analitiku, u t-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni komprensivi għall-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, libertà u sigurtà); jesprimi t-tama li dawn il-kapitoli jistgħu jinfetħu kmieni fl-2016; jenfasizza li negozjati bir-reqqa għall-Kapitoli 23 u 24 huma essenzjali biex jiġu indirizzati r-riformi li għandhom jitwettqu u jiġu implimentati fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; ifakkar li se jkun jeħtieġ li l-progress f'dawn l-oqsma jsir b'mod parallel mal-progress fin-negozjati globali; jenfasizza li n-negozjar tal-Kapitolu 35 huwa ta' importanza kruċjali għall-progress tas-Serbja fit-triq tagħha lejn l-integrazzjoni fl-UE; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li n-normalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo hija kundizzjoni importanti għall-adeżjoni tas-Serbja mal-UE;

3.  Jissottolinja li implimentazzjoni bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tibqa' indikatur ewlieni tas-suċċess tal-proċess ta' integrazzjoni; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi tas-Serbja biex ikomplu bir-riformi meħtieġa għal allinjament mal-istandards tal-UE; jistieden lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda;

4.  Jilqa' l-progress tas-Serbja fl-ambjent kummerċjali, fit-tnaqqis tad-defiċit tal-baġit u fis-suq tax-xogħol, inklużi l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u l-politika tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jtejbu aktar il-klima tal-investiment madwar is-Serbja u jnaqqsu d-differenzi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni tagħha, biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' investimenti barranin u biex jiġu solvuti tilwimiet ta' investiment fit-tul, u, filwaqt li jirrikonoxxi l-progress fir-ristrutturar ta' kumpaniji pubbliċi, jinnota l-importanza ta' aktar progress relevanti u trasparenza fil-proċess ta’ privatizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li s-Serbja tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat mal-acquis;

5.  Jilqa' l-progress fir-riformi ekonomiċi, li tejjeb is-sitwazzjoni baġitarja tas-Serbja, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja lill-gvern fil-pjanijiet tagħha biex twettaq aktar riformi, speċjalment biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fiskali u r-riformi ta' setturi ewlenin tal-ekonomija;

6.  Ifaħħar l-approċċ kostruttiv tas-Serbja fil-mod kif tittratta l-kriżi tal-migrazzjoni; jinnota, madankollu, li għandu jitrawwem approċċ kostruttiv ma' pajjiżi ġirien; jinnota li s-Serbja hija sieħeb essenzjali u ta' għajnuna tal-UE fil-Balkani, u li huwa għaldaqstant indispensabbli li l-UE tipprovdi riżorsi u għajnuna finanzjarja adegwata; jieħu nota pożittiva tal-isforz sostanzjali li s-Serbja għamlet biex tiżgura li ċittadini ta' pajjiżi terzi jingħataw kenn u provvisti umanitarji b'appoġġ tal-UE u b'appoġġ internazzjonali; jistieden lis-Serbja żżid il-kapaċitajiet ta' akkoljenza tagħha rapidament; jinnota li jinħtieġu riformi komprensivi biex tiġi razzjonalizzata s-sistema sħiħa tal-asil sabiex tkun konformi mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali; jinnota li s-Serbja ħadet miżuri ulterjuri biex tindirizza applikazzjonijiet għall-asil infondati mressqa minn ċittadini Serbi fi Stati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ta' Schengen; jistieden lis-Serbja tikkontribwixxi għal tnaqqis ulterjuri fl-applikazzjonijiet infondati; jenfasizza li l-kapaċità u r-riżorsi li jippermettu lill-persuni ripatrijati jintegraw ruħhom mill-ġdid għadhom limitati;

7.  Jistieden lis-Serbja tagħmel sforzi akbar u progressivament tallinja l-politika barranija u ta' sigurtà tagħha ma' dik tal-UE, inkluża l-politika tagħha dwar ir-Russja; iqis deplorevoli, f'dan il-kuntest, it-twettiq ta' eżerċizzji militari konġunti bejn is-Serbja u r-Russja; jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tas-Serbja fl-operazzjonijiet internazzjonali ta' żamma tal-paċi;

Stat tad-Dritt

8.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt; jenfasizza l-importanza essenzjali ta' ġudikatura indipendenti; jinnota li, filwaqt li sar xi progress fil-qasam tal-ġudikatura, jiġifieri fl-adozzjoni ta' regoli għall-valutazzjoni ta' mħallfin u prosekuturi, l-indħil politiku għadu għoli; jinnota li l-korpi ġudizzjarji professjonali qed jeżiġu li jingħataw riżorsi adegwati; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw l-istrateġija nazzjonali għar-riforma ġudizzjarja kif stabbilita fil-pjan ta' azzjoni għall-Kapitolu 23 u jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura u li l-ħidma tal-imħallfin u l-prosekuturi tkun ħielsa minn influwenza politika; jistieden lill-gvern jadotta liġi ġdida dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas u jintroduċi bidliet legali sabiex jiġu indirizzati l-kwalità u l-konsistenza tal-prattika ġudizzjarja u l-edukazzjoni ġudizzjarja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni kontinwa ta' każijiet pendenti quddiem il-qorti, minkejja l-programm ta' tnaqqis tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni f'dan ir-rigward, u jħeġġeġ lis-Serbja tieħu passi ulterjuri sabiex iżżid il-fiduċja fil-ġudikatura;

9.  Ifakkar lill-Gvern Serb sabiex jimplimenta l-Liġi dwar ir-Riabilitazzjoni b'mod sħiħ u nondiskriminatorju; jissuġġerixxi wkoll lill-Gvern Serb jagħmel emendi ulterjuri għal-Liġi dwar ir-Restituzzjoni sabiex jitneħħa kull ostaklu proċedurali u kull impediment ġuridiku fir-rigward tar-restituzzjoni in natura;

10.  Jinnota li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tas-Serbja; jinnota li sar ċertu progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li madankollu għadu element ta' tħassib fis-Serbja, permezz ta' implimentazzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni u l-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-whistle-blowers; jenfasizza l-ħtieġa li jinbena rekord ta' investigazzjonijiet u atti ta' akkuża fir-rigward tal-korruzjoni, inkluża l-korruzzjoni ta' livell għoli u l-ħtieġa li l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni tiġi kkoordinata u mmonitorjata fl-istituzzjonijiet ewlenin kollha kif stabbilit fil-pjan ta' azzjoni għall-Kapitolu 23; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u l-Kunsill Kontra l-Korruzzjoni jkunu kapaċi jwettqu l-mandat tagħhom b'mod sħiħ u effikaċi, u li l-istituzzjonijiet tal-istat isegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu trattati b'mod aktar effikaċi; jitlob lill-istituzzjonijiet akkademiċi, flimkien mal-awtoritajiet tal-istat u l-uffiċjali pubbliċi, jadottaw regoli f'dan il-qasam sabiex jinvestigaw każijiet ta' plaġjariżmu u jipprevjenu wkoll każijiet futuri;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jemendaw u jimplimentaw it-taqsima tal-Kodiċi Kriminali dwar ir-reati ekonomiċi u ta' korruzzjoni sabiex jipprovdu qafas kredibbli u prevedibbli tal-liġi kriminali; itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 234 tal-Kodiċi Kriminali dwar l-abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli; jitlob, għal darb'oħra, rieżami indipendenti u bir-reqqa ta' każijiet riklassifikati relatati ma' abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli, sabiex prosekuzzjonijiet inġusti li ilhom għaddejjin ikunu jistgħu jitwaqqfu minnufih;

12.  Jinnota li jeħtieġ li jsir sforz akbar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u li għandu jinbena rekord ta' kundanni definittivi kif stabbilit fil-pjan ta' azzjoni għall-Kapitolu 24; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ espert sabiex jiġu stabbiliti qafas istituzzjonali u kompetenza sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata b'mod effikaċi; jitlob, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tas-Serbja u l-Kosovo u l-uffiċċji ta' kollegament f'Belgrad u Pristina;

Demokrazija

13.  Jieħu nota tal-isforzi biex jittejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni fil-parlament u biex ikompli jiżdied l-involviment tal-parlament fil-proċess ta' negozjati ta' adeżjoni mal-UE; jibqa' mħasseb dwar l-użu estensiv ta' proċeduri urġenti fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, inkluża l-leġiżlazzjoni marbuta mal-proċess ta' adeżjoni mal-UE, billi dawn il-proċeduri mhux dejjem jippermettu biżżejjed konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali; jenfasizza li jeħtieġ li tissaħħaħ aktar is-sorveljanza tal-parlament fuq l-eżekuttiv; jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tal-oppożizzjoni fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-istituzzjonijiet demokratiċi; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi għandu jkun trasparenti u f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali;

14.  Jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'soċjetà demokratika; jinnota li l-kooperazzjoni bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tjiebet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jieħdu miżuri addizzjonali biex jiżguraw djalogu trasparenti bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-istat u biex iżidu l-involviment effikaċi tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-minoranzi nazzjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu sostenn finanzjarju adegwat għall-funzjonament effiċjenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jitlob li ssir komunikazzjoni f'waqtha u trasparenti liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet u lill-pubbliku ġenerali dwar l-iżviluppi fil-proċess tan-negozjati ta' adeżjoni u li tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni wiesgħa tagħhom f'dan il-proċess;

15.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Serb biex jindirizza bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet OSKE/ODIHR, b'mod partikolari dawk li jiżguraw li l-finanzjament tal-kampanji u l-proċessi elettorali jkunu trasparenti; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw kif xieraq il-każijiet li seħħew matul l-elezzjonijiet muniċipali u avvenimenti oħra tal-kampanja li ġew immarkati bi vjolenza u allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u irregolaritajiet;

16.  Itenni l-importanza ta' entitajiet regolatorji indipendenti, inkluż l-Ombudsman, biex jiġu żgurati s-sorveljanza u r-responsabilità tal-eżekuttiv; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu lill-Ombudsman appoġġ politiku u amministrattiv sħiħ għal xogħlu u biex iżommu lura milli jesponuh għal kritika mhux ġustifikata;

17.  Jilqa' l-adozzjoni ta' pjan komprensiv ta' azzjoni għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, liġi dwar is-sorveljanza tal-ispezzjoni, strateġija nazzjonali ta' taħriġ għall-gvern lokali u l-liġi dwar l-ammont massimu ta' impjegati tas-settur pubbliku, u jitlob l-implimentazzjoni immedjata tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li l-amministrazzjoni pubblika tiġi depolitiċizzata u magħmula aktar professjonali u li l-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' tkeċċija jsiru aktar trasparenti sabiex jiġu ggarantiti l-professjonaliżmu, in-newtralità u l-kontinwità tal-amministrazzjoni pubblika;

Drittijiet tal-bniedem

18.  Jilqa' l-fatt li s-Serbja għandha qafas legali u istituzzjonali adegwat għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jinnota, madankollu, in-nuqqasijiet li għad hemm fl-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabilità, persuni bl-HIV/AIDS u l-persuni LGBTI; jilqa' s-suċċess tal-Pride March fl-20 ta' Settembru 2015; jissottolinja, madankollu, li d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTI għadha kwistjoni ta' tħassib serju; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-Gvern jindirizza r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri; jesprimi tħassib dwar l-għadd ta' attakki fuq membri ta' gruppi vulnerabbli li għadhom ma ġewx investigati bis-sħiħ; barra minn hekk, jesprimi tħassib dwar il-problema kontinwa tal-vjolenza domestika; jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu b'mod attiv ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ma sar ebda progress biex titjieb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni u tal-midja; jinnota bi tħassib il-pressjoni politika kontinwa li timmina l-indipendenza tal-midja, u li tirriżulta f'żieda fl-awtoċensura tal-mezzi tax-xandir; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-ġurnalisti jħabbtu wiċċhom ma' pressjoni politika, intimidazzjoni, vjolenza u theddid meta jeżerċitaw il-professjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw il-każijiet kollha ta' attakki kontra l-ġurnalisti u mezzi tax-xandir, li taw bidu għal protesti qawwija min-naħa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti; itenni li l-liġijiet il-ġodda dwar il-midja jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ; jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-midja u l-finanzjament tal-midja, kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-reklamar tal-istat;

20.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-każijiet ripetuti ta' kxif irregolari lill-midja dwar investigazzjonijiet kriminali li għadhom għaddejjin, bi ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw bis-serjetà għadd ta' kawżi ta' profil għoli fejn evidenza ta' mġiba ħażina allegata ġiet ippreżentata mill-midja;

Rispett u ħarsien tal-minoranzi

21.  Jissottolinja l-importanza tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali fir-rwol tagħhom ta' promozzjoni tad-drittijiet ta' minoranzi nazzjonali u n-natura demokratika tagħhom u jħeġġeġ ukoll il-finanzjament xieraq u verifikabbli tagħhom; jilqa' l-impenn tas-Serbja fl-abbozzar ta' Pjan ta' Azzjoni ddedikat għall-Minoranzi Nazzjonali, li se jipprovdi titjib ulterjuri fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' prattiki u l-qafas legali dwar il-minoranzi nazzjonali; itenni t-talba tiegħu lis-Serbja biex tiżgura li l-livell tad-drittijiet u l-kompetenzi miksuba jinżamm fil-proċess tal-allinjament legali tagħhom mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-Serbja u jħeġġeġ l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali mill-aktar fis possibbli għall-kjarifika tal-istatus legali tagħhom u ċ-ċertezza tal-ġuriżdizzjoni tagħhom; jesprimi tħassib serju dwar l-interruzzjoni tax-xandir ta' programmi fil-lingwi tal-minoranzi wara t-tħabbira tal-privatizzazzjoni tal-midja; jistieden lis-Serbja żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva u konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minoranzi u t-trattament nondiskriminatorju ta' minoranzi nazzjonali madwar is-Serbja kollha, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-finanzjament f'waqtu u t-traduzzjoni ta' kotba tal-iskola bil-lingwi tal-minoranzi, ir-rappreżentanza fl-amministrazzjoni pubblika u entitajiet rappreżentattivi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u l-aċċess għall-midja u s-servizzi reliġjużi fil-lingwi minoritarji; jistieden lill-Gvern Serb jimplimenta t-trattati internazzjonali u l-ftehimiet bilaterali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tal-minoranzi;

22.  Jinnota li d-diversità kulturali ta' Vojvodina tikkontribwixxi wkoll għall-identità tas-Serbja; jenfasizza li l-awtonomija ta' Vojvodina m'għandhiex tiddgħajjef u li l-liġi dwar ir-riżorsi ta' Vojvodina għandha tiġi adottata mingħajr aktar dewmien, kif previst mill-Kostituzzjoni;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jimplimentaw miżuri konkreti biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Rom, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment ta' dokumenti personali, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u l-impjiegi; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw rappreżentanza ugwali tar-Rom fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-ħajja pubblika, fosthom billi jagħtu attenzjoni speċjali lill-inklużjoni tan-nisa Rom; jenfasizza li l-politika ta' integrazzjoni tar-Rom jeħtieġ li tissaħħaħ ulterjorment u, filwaqt li tqis il-vjolenza li ġarrbu rappreżentanti ta' NGOs tal-minoranzi, jenfasizza li d-diskriminazzjoni jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod effettiv; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, li jara t-twettiq ta' miżuri tal-Istrateġija u Pjan ta' Azzjoni li jmiss dwar l-inklużjoni tar-Rom; jilqa' f'dan il-kuntest "id-Dikjarazzjoni ta' Pristina" li titlob lill-gvernijiet, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi u tas-soċjetà ċivili japplikaw bir-reqqa l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza meta jaħdmu u jieħdu azzjoni fil-qafas tal-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tar-Rom;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat

24.  Japprezza l-approċċ kostruttiv tal-Gvern Serb rigward ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, peress li dan ippermetta li jsir progress sostanzjali kemm fil-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll f'relazzjonijiet eqreb mal-UE, u jħeġġeġ lis-Serbja tkompli tibni fuq ir-relazzjonijiet ta' bon viċinat tagħha; jistieden lis-Serbja tippromwovi relazzjonijiet ta' bon viċinat u soluzzjoni paċifika tat-tilwim, li jinkludu l-promozzjoni ta' klima ta' tolleranza u l-kundanna ta' kull forma ta' diskors ta' mibegħda jew retorika ta' żmien il-gwerra u żżomm lura minn ċerti azzjonijiet, bħal pereżempju meta tilqa' pubblikament ir-ritorn ta' individwi kkundannati għal delitti tal-gwerra; jinnota li tilwimiet u kwistjonijiet pendenti, b'mod partikolari kwistjonijiet dwar id-demarkazzjoni tal-fruntieri, is-suċċessjoni, ir-ritorn ta' beni kulturali u l-iżvelar tal-arkivji Jugoslavi, għandhom jiġu solvuti f'konformità ma' prinċipji stabbiliti u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, fosthom permezz tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet legalment vinkolanti, inter alia l-ftehim dwar kwistjonijiet ta' suċċessjoni, u li tilwimiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati fl-istadji bikrija tal-proċess ta' adeżjoni f'konformità mad-dritt internazzjonali; jenfasizza r-rwol kostruttiv tas-Serbja fil-qafas tal-"proċess ta' Berlin" u l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività tagħha; jilqa' inizjattivi oħra ffokati fuq il-futur tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari l-Proċess Brdo li jirriżulta li huwa qafas importanti għall-kooperazzjoni kemm fil-qasam politiku kif ukoll dak tekniku, u huwa tal-fehma li kooperazzjoni konkreta fl-oqsma ta' interess reċiproku tista' tikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni tal-Balkani tal-Punent; jilqa', f'dan ir-rigward, l-ewwel laqgħa ministerjali konġunta bejn is-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina li saret fl-4 ta' Novembru 2015 f'Sarajevo; jistieden lis-Serbja tkompli tippromwovi l-istabbilizzazzjoni u t-tisħiħ istituzzjonali tal-Bożnja-Ħerzegovina permezz tal-kuntatti eżistenti tagħha u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat mal-pajjiż; itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Serbi biex jintroduċu miżuri ulterjuri għall-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri tal-UE fil-viċinat, inklużi l-Programmi ta' Kooperazzjoni Transfruntiera u Transnazzjonali 2014-2020 u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju; jilqa' l-idea li jingħata bidu għal negozjati għall-iffirmar ta' trattat ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat mal-ġirien tagħha, u jittama li dan iwassal għal żvilupp aktar pożittiv fil-kuntest reġjonali; jilqa' l-laqgħa ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport bejn il-Prim Ministri tal-Bulgarija, ir-Rumanija u s-Serbja;

25.  Iħeġġeġ lis-Serbja tikkoopera ulterjorment mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet ta' bon viċinat; jissottolinja l-importanza ta' strateġija nazzjonali komprensiva għall-ġestjoni domestika ta' delitti tal-gwerra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jaħdmu fuq il-kwistjoni tad-destin ta' persuni nieqsa, kif ukoll dwar it-tħejjija ta' skema ta' riparazzjoni għall-vittmi u l-familji tagħhom bħala prekondizzjoni importanti għar-rikonċiljazzjoni, biex b'hekk jiġi żgurat id-dritt tal-familji tal-vittmi li jsiru jafu x'sar minn qrabathom; jinnota li għandha tiġi adottata liġi dwar il-vittmi ċivili mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jitqies il-fatt li l-leġiżlazzjoni eżistenti ma tirrikonoxxix bosta gruppi ta' vittmi ta' delitti tal-gwerra; jinnota li għad hemm kontroversji, b'mod partikolari fil-kuntest ta' interpretazzjonijiet differenti tal-istorja reċenti; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva RECOM, il-kummissjoni reġjonali għall-istabbilment tal-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem f'dik li kienet il-Jugoslavja;

26.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' abbozz ta' strateġija nazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra, li jistabbilixxi pjanijiet biex tiġi indirizzata l-prosekuzzjoni ta' delitti mwettqa tul id-disgħinijiet f'dik li kienet il-Jugoslavja; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu u jiġu depolitiċizzati l-istituzzjonijiet Serbi li jittrattaw id-delitti tal-gwerra; jitlob lis-Serbja tistabbilixxi sistema effettiva għall-protezzjoni tax-xhieda u tal-vittmi, u tipprovdi lill-vittmi u lill-familji tagħhom bid-dritt ta' riparazzjoni; jitlob li tittejjeb il-kooperazzjoni reġjonali f'kawżi ta' delitti tal-gwerra; itenni t-talba tiegħu lis-Serbja biex teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-proċedimenti dwar id-delitti tal-gwerra, fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat flimkien mal-Kummissjoni u mal-pajjiżi ġirien tagħha;

27.  Jilqa' l-impenn kontinwu tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo, u l-finalizzazzjoni ta' ftehimiet ewlenin fil-25 ta' Awwissu 2015, jiġifieri dwar it-twaqqif ta' Assoċjazzjoni/Komunità ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba fil-Kosovo, dwar l-enerġija, dwar it-telekomunikazzjoni u dwar il-Pont ta' Mitrovica; iħeġġeġ lis-Serbja biex timplimenta malajr in-naħa tagħha ta' dawn il-ftehimiet u biex timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-Kosovo fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet futuri; jinnota li sar progress f'oqsma bħall-pulizija u l-protezzjoni ċivili, l-assigurazzjoni tal-vetturi, id-dwana, l-arranġamenti ta' koordinazzjoni u r-rekords katastali; itenni li l-progress fid-Djalogu għandu jitkejjel skont l-implimentazzjoni tiegħu fil-post; jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo jastjenu minn retorika negattiva u biex jimxu 'l quddiem bl-implimentazzjoni sħiħa, b'rieda tajba u fi żmien xieraq, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, u biex b'determinazzjoni jkomplu l-proċess ta' normalizzazzjoni; jitlob sforzi kontinwi kemm miż-żewġ gvernijiet kif ukoll mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkomunikaw u jispjegaw id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet li ntlaħqu, sabiex iqarrbu il-komunitajiet etniċi Albaniżi u Serbi lejn xulxin fil-Kosovo; ifaħħar l-isforzi tal-komunità tan-negozju, immexxija mill-Kmamar tal-Kummerċ biex tikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, billi tinvolvi ruħha fi djalogu bejn il-Kmamar tal-Kummerċ tas-Serbja u l-Kosovo, tindirizza l-ostakli għan-negozju bejn iż-żewġ naħat, u tiffaċilita l-kuntatt u l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja ż-żamma u l-iżvilupp ta' dawn l-attivitajiet fil-ġejjieni; iħeġġeġ lis-Serbja u lill-Kosovo jidentifikaw oqsma ġodda ta' diskussjoni għad-djalogu bl-għan li jitjiebu l-ħajjiet u b'mod komprensiv jiġu normalizzati r-relazzjonijiet; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni taż-żewġ naħat biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom; iħeġġeġ lis-Serbja taġixxi fi spirtu ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat u jesprimi t-tama li l-kwistjoni dwar il-fatt li l-Kosovo ma rnexxilux jikseb sħubija fil-UNESCO ma jxekkilx id-djalogu u l-integrazzjoni ulterjuri tal-Kosovo f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, u li l-kooperazzjoni u l-isforzi jkomplu għaddejjin għall-protezzjoni tal-wirt kulturali; iħeġġeġ lil Belgrad u lil Pristina jżommu relazzjonijiet ta' bon viċinat; jilqa' t-tkomplija tat-taħdidiet bejn il-Prim Ministru Serb Vučić u l-Prim Ministru tal-Kosovo Mustafa fis-27 ta' Jannar 2016; jinnota li s-suġġetti diskussi inkludew ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-università u d-diplomi professjonali u t-titjib tal-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq; jissottolinja li l-progress fuq il-post se jkun ta' benefiċċju għar-reġjun sħiħ;

28.  Jappoġġja, fil-kuntest tal-Proċess ta' Berlin, il-ħolqien tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent, li jagħti opportunità lil rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tar-reġjun biex jiskambjaw ideat, ileħħnu t-tħassib tagħhom u jfasslu rakkomandazzjonijiet konkreti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jitlob it-tkomplija ta' dan il-proċess fis-summit li jmiss isir f'Pariġi fl-2016, u għall-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun;

Enerġija, ambjent u trasport

29.  Jenfasizza li s-Serbja, bħala parti kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, għandha tibqa' attiva fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija u tkompli timplimenta l-acquis sabiex tibni sistemi ta' enerġija sostenibbli u sikuri; jistieden lill-awtoritajiet jibdew l-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti fl-istrateġija għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija, peress li m'hemmx investiment sinifikanti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ lis-Serbja tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tieħu miżuri biex ittejjeb l-allinjament mal-acquis fl-oqsma tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, u jitlob lis-Serbja tiffoka aktar fuq l-enerġija ekoloġika; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Gvern Serb fl-isforzi tiegħu biex inaqqas id-dipendenza tal-pajjiż fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u biex jiddiversifika l-provvista tal-gass tas-Serbja; jinnota li l-pakkett IPA II 2015, li ġie adottat dan l-aħħar, b'mod partikolari jinkludi programm ta' EUR 155 miljun biex jgħin fil-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura reġjonali ewlenin fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lis-Serbja tallinja ruħha mal-impenji medji tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-ftehim li ntlaħaq f'Pariġi fil-COP 21;

30.  Jistieden lill-Gvern Serb, meta titqies l-importanza tar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali għal aktar żvilupp tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ġirien tagħhom, biex jipprovdi l-isfond legali neċessarju li jippermetti l-parteċipazzjoni tas-Serbja fir-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali;

31.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex iżidu l-isforzi biex jagħlqu u jnaddfu miżblat illegali, u biex jiżviluppaw politika kredibbli ta' tnaqqis tal-iskart f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

32.  Jilqa' l-pjan biex jerġgħu jinbnew, jiġu mtejba u mmodernizzati partijiet tan-netwerk ferrovjarju, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jtejbu t-trasport pubbliku b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0065.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0095.


Proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
PDF 320kWORD 141k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar ir-Rapport tal-2015 dwar il-Kosovo (2015/2893(RSP))
P8_TA(2016)0047B8-0167/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li jadottaw id-Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet, iffirmat mill-Prim Ministri Hasim Thaçi u Ivica Dacic fid-19 ta' April 2013, u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, il-EULEX KOSOVO,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo fis-27 ta' Ottubru 2015, u r-ratifika mill-Assemblea tal-Kosovo fit-2 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet imwettqa attwalment mill-Missjoni ta' Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u l-iżviluppi relatati magħhom, inkluż l-aħħar rapport li nħareġ fit-3 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-proproga tal-mandat sat-28 ta' Frar 2017 tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għal Kosovo, Samuel Žbogar,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 intitolata "Strateġija tal-UE għat-Tkabbir" (COM(2015)0611),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkabbir u l-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, għandu wkoll igawdi mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha,

–  wara li kkunsidra t-tnedija ta' djalogu dwar il-kwistjoni tal-viża f'Jannar 2012, il-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża f'Ġunju 2012 u t-tieni rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2014 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża (COM(2014)0488), u l-missjoni ta' esperti tal-Kummissjoni f'Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħat pożittivament id-disponibbiltà tal-UE li taġevola d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008, tas-6 u s-7 ta' April 2009, tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2012, tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2013, u tad-29 u t-30 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2015 tal-Kummissjoni dwar il-Kosovo tal-10 ta' Novembru 2015 (SWD(2015)0215),

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Ulrike Lunacek bħala r-rapporteur permanenti għall-Kosovo fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 110 mill-193 stat membru tan-NU, inklużi 23 mit-28 Stat Membru tal-UE, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;

B.  billi l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo ġie ffirmat fis-27 ta' Ottubru 2015 u ratifikat mill-Assemblea tal-Kosovo fit-2 ta' Novembru 2015; billi l-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu fil-21 ta' Jannar 2016;

C.  billi kull pajjiż kandidat (potenzjali) se jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u billi r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

D.  billi l-UE tenniet għal bosta drabi r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tassisti l-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta' perspettiva Ewropea ċara, f'konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun;

E.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

F.  billi l-UE enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-governanza ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

G.  billi l-mandat tal-EULEX se jiskadi fl-14 ta' Ġunju 2016; billi r-rieżami strateġiku tal-missjoni tal-EULEX Kosovo għadu għaddej;

1.  Jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn l-UE u l-Kosovo fis-27 ta' Ottubru 2015, bħala l-ewwel relazzjoni kuntrattwali, u r-ratifikazzjoni rapida mill-Assemblea tal-Kosovo fit-2 ta' Novembru 2015; jenfasizza li l-FSA jwitti t-triq għall-integrazzjoni tal-Kosovo fl-UE u se jagħti inċentiv qawwi għall-implimentazzjoni u l-istituzzjonalizzazzjoni tar-riformi u se jippermetti l-istabbiliment ta' kooperazzjoni mal-UE f'firxa wiesgħa ta' oqsma, bl-għan li jissaħħu d-djalogu politiku u l-integrazzjoni kummerċjali aktar mill-qrib, flimkien mat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u tingħata għajnuna biex tiġi żgurata l-istabbiltà reġjonali; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-riformi komprensivi meħtieġa biex jonora l-obbligi tiegħu taħt l-FSA;

2.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' pakkett li jappoġġa r-riformi u l-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent – pakkett li jesprimi l-impenn tal-UE li tappoġġa l-proċess ta' riforma politika u ekonomika fil-pajjiżi fit-triq tal-adeżjoni tagħhom mal-UE;

3.  Jissottolinja li l-FSA għandu l-għan li jippromwovi l-istandards Ewropej f'oqsma bħall-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, il-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tal-konsumatur, u li jistabbilixxi żona ta' kummerċ ħieles bħala pass tanġibbli lejn l-integrazzjoni ekonomika tal-Kosovo fl-UE;

4.  Jilqa' l-progress li sar fl-2015 fejn intlaħaq qbil fil-qafas tal-proċess tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja, jiġifieri dwar l-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni/Komunità ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba fil-Kosovo, dwar l-enerġija, dwar il-pont Mitrovicë/Mitrovica, inkluż il-ftehimiet tal-25 ta' Awwissu 2015 dwar it-telekomunikazzjonijet, u ta' Ġunju 2015 dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi, u ta' Frar 2015 dwar il-ġudikatura; jappoġġa l-isforzi kontinwi ta' medjazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) bl-għan li r-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo jiġu normalizzati, li s'issa dan għadu ma nkisibx kompletament; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iwettaq valutazzjoni globali estensiva dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollha li ġew iffirmati s'issa fir-rigward tal-adozzjoni tal-liġijiet fuq il-post, u jirrapporta b'mod regolari dwar dan lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-parlamenti tal-Kosovo u tas-Serbja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tidentifika n-nuqqasijiet billi tesiġi li l-partijiet jonoraw l-impenji tagħhom, u jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo jżommu lura mir-retorika negattiva, jimxu 'l quddiem bl-implimentazzjoni sħiħa, b'bona fide u b'mod tempestiv, tal-ftehimiet kollha li s'issa ġew maqbula u jkomplu b'mod determinat il-proċess ta' normalizzazzjoni; jenfasizza li d-djalogu kontinwu u kostruttiv bejn Pristina u Belgrad u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet maqbula huma kruċjali għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jilqa' t-tkomplija tat-taħdidiet bejn il-Prim Ministru Serb Vučić u l-Prim Ministru tal-Kosovo Mustafa fis-27 ta' Jannar 2016; jinnota li s-suġġetti diskussi kienu jinkludu r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-università u d-diplomi professjonali u t-titjib tal-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq; jissottolinja li l-progress fuq il-post se jkun ta' benefiċċju għar-reġjun sħiħ;

5.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd għoli ta' persuni li għebu waqt il-perjodu tal-gwerra u li sar ftit progress f'dan ir-rigward; jappella għall-kooperazzjoni interstatali sħiħa f'dan ir-rigward, peress li kooperazzjoni sħiħa biex tinstab il-verità dwar il-persuni li għebu hija kruċjali għar-rikonċiljazzjoni reċiproka;

6.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi; japella għall-implimentazzjoni sħiħa u impenjata tal-ftehimiet maqbula; jappella għar-rispett tal-istat tad-dritt, jiddispjaċih li l-isforzi tal-oppożizzjoni ma approfittawx minn din is-sospensjoni biex ikomplu d-djalogu parlamentari, u jinkoraġġixxi lill-forzi politiċi kollha jaġixxu b'mod kostruttiv fl-interess ta' pajjiżhom, tal-istituzzjonijiet demokratiċi u taċ-ċittadini tagħhom; iqis li r-rispett sħiħ tar-regoli tad-demokrazija, id-djalogu politiku u l-ħidma parlamentari mingħajr xkiel bħala essenzjali għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-aġenda tar-riforma tal-Kosovo; jikkundanna bil-qawwa l-ostakli vjolenti fl-Assemblea, jappella biex jiġu evitati aktar protesti vjolenti fl-Assemblea, u jenfasizza li l-Membri tal-Parlament eletti għandhom jiltaqgħu u jiddiskutu fl-Assemblea b'rispett sħiħ lejn l-istituzzjoni; jenfasizza li l-Gvern għandu jirrispetta r-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Parlament u għandu jirrapporta, kif meħtieġ mill-korp leġiżlattiv, qabel ma jiddeċiedi li jiffirma ftehimiet ma' stati oħra; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta li hija preparata sew tal-20 ta' Novembru 2015 minn żewġ Membri Parlamentari Kosovjani rispettivament mill-koalizzjoni fil-gvern u mill-oppożizzjoni; jistieden lill-atturi politiċi kollha jkomplu d-djalogu politiku sabiex iħollu l-istall u jsibu soluzzjoni prattika li trodd lura l-funzjonalità normali tal-Assemblea tal-Kosovo; jistieden lill-mexxejja kollha tal-Kosovo jindirizzaw din is-sitwazzjoni b'importanza kbira u jaġixxu b'mod responsabbli, filwaqt li jżommu f'moħħhom li l-Assemblea hija eletta mill-poplu tal-Kosovo għall-poplu tal-Kosovo; jinsab imħasseb bil-kbir dwar atti ta' vjolenza ripetuti u jistieden lill-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi jwettqu d-dmirijiet tagħhom f'konformità sħiħa mal-proċeduri legali; jinnota bi tħassib li l-avvenimenti li wasslu għall-arrest ta' xi Membri tal-Parlament, u jappella li ssir investigazzjoni dwar abbużi eventwali ta' poter fir-rigward tal-arresti li twettqu; iħeġġeġ lill-Assemblea tal-Kosovo tikkjarifika r-regoli dwar it-tneħħija tal-immunità tal-membri tagħha; jieħu nota tat-talba tal-Ombudsman lill-Prosekutur tal-Istat ta' Pristina biex iniedi investigazzjoni dwar l-intervent tal-pulizija fit-28 ta' Novembru 2015;

7.  Jenfasizza li l-Assemblea teħtieġ li ssir aktar effiċjenti u tikkonforma mar-reġoli ta' proċedura tagħha stess fiċ-ċirkostanzi kollha, u li l-gvern għandu jirrispetta dawn ir-regoli; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tal-Assemblea, u b'mod partikolari, jistieden lill-Assemblea tadotta kemm jista' jkun malajr leġiżlazzjoni li tipprevedi rwol imsaħħaħ għall-Kumitat għall-Integrazzjoni mal-UE fil-proċess tal-integrazzjoni tal-Kosovo, u li tipprevedi l-involviment sħiħ tal-oppożizzjoni f'dan il-proċess; jinkoraġġixxi lill-Assemblea tikkonsulta regolarment, u tinvolvi lill-Kummissjoni ta' Venezja matul il-konsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jinħatru membri kompetenti għal korpi regolatorji u ta' sorveljanza biex jiġi żgurat il-funzjonament proprju tal-amministrazzjoni tal-istat, abbażi ta' proċess ta' għażla li jkun ibbażat fuq il-mertu, trasparenti u mhux politiku;

8.  Jieħu nota li ħames Stati Membri ma rrikonoxxewx formalment lil Kosovo, u huwa tal-opinjoni li aktar rikonoxximenti għandhom jgħinu t-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun, jiffaċilitaw aktar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo u jżiedu l-kredibbiltà tal-UE fir-rigward tal-politika esterna tagħha; f'dan ir-rigward jilqa' b'mod pożittiv id-deċiżjoni tal-ħames Stati Membri li ma rrikonoxxewx lil Kosovo biex fil-Kunsill jiffaċilitaw l-approvazzjoni tal-FSA; jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu l-almu tagħhom biex jiffaċilitaw il-kuntatti ekonomiċi u bejn il-persuni, u r-relazzjonijiet soċjali u bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Kosovo, fl-ispirtu tal-FSA u l-istabbiliment tar-relazzjonijiet kuntrattwali formali; jilqa' s-sottomissjoni mill-Kosovo tal-ewwel Programm ta' Riforma Ekonomika, li huwa mistenni li jkun l-ewwel pass għall-approfondiment tad-djalogu ekonomiku mal-UE;

9.  Jilqa' b'mod pożittiv il-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet tal-Kosovo biex itemmu x-xejra tal-migrazzjoni irregolari li kienet fl-aqwa tagħha fil-bidu tal-2015; jenfasizza li l-miżuri f'terminu qasir li għandhom l-għan li jiddiswadu lill-popolazzjoni milli titlaq għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta' żvilupp soċjo-ekonomiċi u li joħolqu x-xogħol biex b'hekk jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jibqgħu fil-Kosovo u jibnu l-futur tagħhom f'pajjiżhom; jinsab konvint li l-liberalizzazzjoni tal-viża se tgħin ukoll għat-trażżin tal-immigrazzjoni irregolari, peress li se tippermetti kuntatti bejn il-persuni, u tiftaħ il-possibbiltajiet li ċ-ċittadini jivvjaġġaw 'il barra minn pajjiżhom bħala turisti u jżuru lill-qrabathom u sħabhom mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma' proċeduri twal u għaljin għall-viża, u tindirizza s-sens tagħhom ta' iżolament; itenni l-periklu potenzjali li l-Kosovo jkun l-uniku territorju "magħluq" u "iżolat" għal żmien twil ħafna fir-reġjun; iħeġġeġ, bl-istess mod, li Pristina tieħu miżuri effikaċi biex tiġġieled in-netwerks kriminali li jittraffikaw il-bnedmin; huwa tal-opinjoni li jekk il-Kosovo jiġi deżinjat bħala pajjiż ta' oriġini sikur fuq il-lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini sikur jgħin sabiex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari;

10.  Jilqa' l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw b'mod rapidu u kompletament il-kriterji kollha meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-ħidma tagħha dwar il-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża; huwa preparat li japprova, u jistieden lill-Kunsill japprova malajr, is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għall-Kosovo, hekk kif il-Kummissjoni tkun stabbiliet fi żmien utli li l-kriterji tekniċi kollha ġew issodisfati; jesprimi, fl-istess ħin, il-ħtieġa li t-traffikanti tal-bnedmin u l-kuntrabandisti jkomplu jiġu mfittxija u proċessati sabiex l-attivitajiet illegali tagħhom jiġu skoraġġuti; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE kollha, b'mod partikolari l-Kummissjoni, jgħaġġlu l-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża fir-rigward tal-Kosovo, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jissodisfaw l-impenji tagħhom u jimplimentaw il-parametri li għad baqa' bl-għan li l-Kosovo jidħol fir-reġim mingħajr viża matul l-2016, b'hekk il-poplu tal-Kosovo jinġieb aktar qrib tal-UE;

11.  Jappoġġa t-tkomplija tad-diskussjonijiet dwar il-ftehim qafas li se jippermetti lil Kosovo jipparteċipa fil-programmi tal-UE;

12.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pakkett ta' leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jsaħħaħ l-istabbiliment istituzzjonali għas-superviżjoni tal-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni; jilqa', b'mod partikolari, l-istabbiliment u l-ħatra tal-Ombudsman, b'mod speċjali bl-għan li tiġi stabbilita l-fiduċja soċjali fis-soċjetà tal-Kosovo; jiddispjaċih, madankollu, li xogħolu huwa mfixkel bin-nuqqas ta' uffiċċji adegwati, u jistieden lill-awtoritajiet jipproċedu b'mod rapidu biex jallokaw bini ġdid għall-uffiċċju, f'konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi; jistieden lill-awtoritajiet irendu kompletament operattivi l-istituzzjonijiet indipendenti u l-korpi regolatorji eżistenti;

13.  Jinnota bi tħassib li r-rieda politika tal-awtoritajiet li jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin mas-soċjetà ċivili għadha dgħajfa ħafna; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw b'bona fide il-qafas legiżlattiv għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, b'mod partikoli billi l-Kunsill Konsultattiv Konġunt jingħata r-riżorsi neċessarji kollha; jistieden lill-Uffiċċju tal-UE jinkoraġġixxi, u jekk ikun meħtieġ, jiffaċilita tali konsultazzjoni;

14.  Jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni f'Mejju 2015 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni, u l-mandat li ngħata lill-Ombudsman biex jagixxi bħala korp għall-ugwaljanza; jibqa' mħasseb dwar il-livell baxx tal-ipproċessar u l-investigazzjoni ta' każijiet ta' inċitament għall-mibegħda, b'mod speċjali fil-mira ta' persuni LGBTI u komunitajiet ta' minoranza; jinkoraġġixxi lill-Grupp ta' Konsulenza u Koordinament għad-Drittijiet tal-Komunità LGBTI jsegwi b'mod attiv dawn il-każijiet u dan it-tħassib;

15.  Jilqa' wkoll l-adozzjoni tal-Ligi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala prijorità u jaċċertaw li l-korpi u l-awtoritajiet governattivi jmexxu bl-eżempju; jinsab imħasseb dwar l-isfidi strutturali li jostakolaw l-implimentazzjoni ta' din il-liġi; jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet; jinsab imħasseb bil-fatt li ma sar l-ebda progress biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkoraġixxu b'mod pubbliku u jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' protezzjoni u miżuri ta' kenn għan-nisa li jkissru s-silenzju u jirrapportaw il-vjolenza domestika; jinsab imħasseb bil-livell baxx ta' sjieda ta' proprjetà min-nisa; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw b'mod attiv li d-drittijiet tal-proprejtà tan-nisa huma mħarsa, inkluż bir-reġistrazzjoni tal-koproprjetarji kollha mill-uffiċjali katastali u tar-reġistrazzjoni, u permezz ta' kampanja ta' informazzjoni;

16.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li matul is-sena li għaddiet sar vera ftit progress fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja; jinsab imħasseb li l-ġurnalisti jaffaċċjaw vjolenza u theddid fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-ġurnalisti permezz ta' rispons sistematiku, denunzi pubbliċi, investigazzjoni u aġġudikazzjoni f'waqthom ta' każijiet ta' attakki kontra l-ġurnalisti; jenfasizza li jeħtieġ li jsir aktar progress fil-qasam tal-indipendenza tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet jittrattaw b'mod rapidu l-lakuni sistematiċi fil-leġiżlazzjoni sabiex jiżguraw il-libertà tal-midja, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda tal-midja u s-sostenbbiltà tax-xandir pubbliku, wara li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni pubblika li jkun eżawrjenti u komprensiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw b'mod effikaċi l-leġiżlazzjoni dwar il-libell, id-diskors ta' mibegħda u l-malafama;

17.  Ifakkar li l-Kosovo u s-Serbja jeħtieġ li jsibu soluzzjonijiet sostenibbli għar-refuġjati, skont il-konklużjonijiet tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) f'dan ir-rigward, u skont ir-rapport tal-2014 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-persuni spustati internament;

18.  Jinnota li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġu protetti u garantiti fil-prattika d-drittijiet tal-minoranzi etniċi kollha fil-Kosovo, inkluż il-komunitajiet Rom, Askhali u Eġizzjani kif ukoll il-komunità Gorani, permezz tal-implimentazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni rilevanti, filwaqt li jittieħed kont tal-aħjar prattiki mir-reġjun u minn Stati Membri tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-liġijiet adottati sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp kontinwu ta' soċjetà multi-etnika, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u l-impjieg tal-minoranzi, u bl-għan li tiġi evitata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta; jilqa' d-"Dikjarazzjoni ta' Pristina" li titlob lill-gvernijiet, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi u tas-soċjetà ċivili japplikaw bir-reqqa l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza meta jaħdmu u jieħdu azzjoni f'dak li jikkonċerna l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tar-Rom u l-glieda kontra l-anti-Żingariżmu fil-Balkani tal-Punent;

19.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' xi progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzjoni fil-livelli għolja u l-kriminalità organizzata, u l-kisba ta' sensiela ta' riżultati tajba ta' prosekuzzjonijijiet u kundanni; jenfasizza li l-kriminalità organizzata għadha kwistjoni ta' tħassib kbir; jinnota li l-Gvern tal-Kosovo jeħtieġ jagħti sinjal ċar u espliċitu li l-pajjiż qiegħed iwettaq ġlieda sistematika kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw mingħajr dewmien approċċ komprensiv u strateġiku għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni endemika, li tibqa' ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-Kosovo; jistieden lill-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni tal-Kosovo tniedi aktar investigazzjonijiet, u lis-servizz ta' prosekuzzjoni jsegwi l-każijiet mibgħuta mill-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni; jenfasizza li t-trasparenza tal-proċedimenti hija element essenzjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali huma mħarsa; jissottolinja wkoll ir-rwol u r-responsabbiltà tal-elit politiku fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

20.  Jilqa' żieda fl-isforzi u l-impenn b'saħħtu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw il-kawżi tar-radikalizzazzjoni, b'mod partikolari l-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u l-estremiżmu vjolenti; jilqa' l-partiċipazzjoni tal-Kosovo fil-koalizzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-miżuri li l-awtoritajiet qegħdin jieħdu biex jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jiġu radikalizzati; jistieden lill-awtoritajiet jimmonitorjaw mill-qrib u jipprevjenu l-mobbilizzazzjoni ta' ġellieda barranin u terroristi Iżlamisti potenzjali; jilqa' l-fatt li l-kostituzzjoni tal-Kosovo tnaqqax il-prinċipju li l-Kosovo huwa stat sekulari u newtrali fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' twemmin reliġjuż;

21.  Jinnota li, skont il-Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Kosovo, madwar 300 ċittadin tal-Kosovo ngħaqdu ma' gruppi ta' ġiħadisti fis-Sirja u l-Iraq, u li ħafna minnhom diġà rritornaw lejn il-Kosovo; jilqa' l-miżuri li ttieħdu mill-gvern biex jingħataw sentenzi ta' priġunerija għaċ-ċittadini li pparteċipaw f'attivitajiet terroristiċi;

22.  Jinnota li sar xi ftit ta' progress fir-rigward tas-settur ġudizzjarju, permezz tal-adozzjoni ta' xi leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza l-ħtieġa li l-implimentazzjoni konkreta u effettiva tal-legiżlazzjoni titmexxa mingħajr dewmien; jibqa' mħasseb bil-kbir dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja li timxi b'pass kajman, l-għadd kbir ta' akkumulu ta' kawżi, in-nuqqas ta' riżorsi tas-sistema ġudizzjarja, in-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont u responsabbiltà tal-uffiċjali ġudizzjarji, u l-possibbiltà ta' influwenza politika fuq l-istrutturi ġudizzjarji, li kollha kemm huma għadhom mhumiex indirizzati sew fil-leġiżlazzjoni, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm sistema ġudizzjarja li tiffunzjona sew b'regoli stabbiliti fir-rigward tat-tul taż-żmien biex jiġu pproċessati l-kawżi fil-qorti; jilqa' l-passi li saru fl-integrazzjoni tal-ġudikatura fit-Tramuntana, billi xi pożizzjonijiet imtlew minn imħallfin u prosekuturi Serbi tal-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet politiċi juru b'mod ċar l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-indipendenza tal-imħallfin u l-prosekuturi, li għadhom qed ikunu fil-mira f'tentattivi biex jinfluwenzaw investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin; jistieden lill-awtoritajiet ibiddlu l-kostituzzjoni biex jiżguraw li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo jiġu eletti mill-kollegi tagħhom, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

23.  Jistieden lill-Kosovo jsegwi l-linji tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE;

24.  Jieħu nota tajba tal-adozzjoni tal-emendi kostituzzjonali li jistabbilixxu l-Kmamar tal-Ispeċjalisti u Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekuzzjoni; jilqa' l-finalizzazzjoni tan-negozjati bejn il-Kosovo u n-Netherlands dwar il-ftehim dwar l-istat ospitanti, u jistenna li l-Kmamar tal-Ispeċjalisti jkunu operattivi għalkollox mill-aktar fis possibbli, u li l-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekuzzjoni jkollu persunal biżżejjed biex iwettaq il-kompiti tiegħu; jistieden lill-Kmamar tal-Ispeċjalisti u lill-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekuzzjoni jibbażaw ruħhom fuq l-esperjenza u l-aħjar prattiki tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), skont id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali rilevanti dwar l-istabbiliment tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jikkooperaw bis-sħiħ mal-qorti l-ġdida; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu fondi biżżejjed għall-funzjonament tal-Kmamar;

25.  Iqis li r-rieżami tal-EULEX u t-tneħijja gradwali eventwali tagħha għandhom jimxu id f'id mat-tisħiħ u t-twessigħ tal-mandat tar-RSUE, ħalli jiġi żgurat li l-RSUE jkollha l-kapaċita meħtieġa għall-attivitajiet ta' Monitoraġġ, Mentoring u Konsulenza, it-tisħiħ tal-proċess tal-integrazzjoni tal-Kosovo mal-UE, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, u l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra; jitlob, sadanittant, għal effikaċja akbar, kif ukoll trasparenza sħiħa u responsabilità sħiħa, min-naħa tal-missjoni tal-EULEX waqt il-mandat tagħha; jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2015 dwar il-mandat tal-EULEX, u jappella lill-Kosovo biex jikkontribwixxi biex il-EULEX teżegwixxi b'mod sħiħ u bla xkiel il-mandat imġedded tagħha; jenfasizza li r-reviżjoni tal-mandat għandha tapplika s-sejbiet, u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet, li saru fir-rapport tal-Professur Jean-Paul Jacqué insegwitu tal-allegazzjoni ta' korruzzjoni fi ħdan il-EULEX; iħeġġeġ lill-EULEX jilħaq ftehim mal-UNMIK fuq it-trasferiment ta' fajls miftuħa lill-awtoritajiet rilevanti tal-Kosovo; jistieden lill-Istati Membri jissekondaw esperti kwalifikati u mħarrġa sew għall-perjodu ta' żmien meħtieġ u jiżgurawl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-servizzi nazzjonali ladarba tkun intemmet il-missjoni tagħhom;

26.  Jiddeplora ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tal-Kosovo għall-adeżjoni mal-UNESCO, dovuta wkoll għall-imblukkar attiv min-naħa tas-Serbja – li jikkontradixxi l-impenn tagħha li tiżviluppa relazzjonijiet ta' bon viċinat – iżda dovuta wkoll għal nuqqas ta' unanimità fost l-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-liġi li tipproteġi l-wirt storiku ta' Prizren u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha, iżda jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għat-theddidiet li għalihom huwa espost il-wirt tal-belt mill-ħafna bini illegali; jilqa' l-fatt li għadd ta' siti ta' wirt reliġjuż u kulturali Serb li sfortunatament ġew meqruda fl-2004 ġew rinnovati, bħalma hu l-katidral Ortodoss, u jitlob għat-tkomplija tar-rinnovazzjoni tal-wirt reliġjuż u kulturali Serb; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet tal-Kosovo, lill-Gvern Serb, lill-komunità Serba fil-Kosovo u lill-Knisja Ortodossa Serba, isibu sistema għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali u reliġjuż tal-Kosovo, li għandu jiġi ttrattat bħala wirt Ewropew komuni; jilqa' l-fatt li l-kostituzzjoni tal-Kosovo għandha minqux fiha l-impenn tal-Kosovo lejn il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali u reliġjuż tiegħu, u jitlob li jkomplu jsiru aktar sforzi biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi kollha inklużi Kristjani tal-Kosovo; jissottolinja l-fatt li għandha tkun prijorità għall-Kosovo li jingħaqad ma' organizzazzjonijiet u mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali; ifakkar, f’dan il-kuntest, fl-importanza tal-konformità mal-ftehim milħuq dwar il-kooperazzjoni reġjonali; jemmen li l-istabbiliment tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent (fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin), li qed jiġi promoss b'mod attiv minn ħafna, se jġib riżultati pożittivi, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn iż-żgħażagħ tas-Serbja u tal-Kosovo;

27.  Jappoġġa, fil-kuntest tal-Proċess ta' Berlin, il-ħolqien tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent, li jgħti opportunità lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tar-reġjun biex jiskambjaw ideat, ileħħnu t-tħassib tagħhom u jfasslu rakkomandazzjonijiet konkreti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jappella għat-tkomplija ta' dan il-proċess fis-summit li jmiss li se jsir f'Pariġi fl-2016, u għall-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun;

28.  Jilqa' l-istedina lill-Assemblea tal-Kosovo biex tipparteċipa fuq bażi permanenti, fil-livelli kollha u fuq termini indaqs, fl-attivitajiet u l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari tal-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP-PA), kif ġie deċiż f' Mejju 2015, u jqis li dan huwa kontribuzzjoni importanti għad-djalogu parlamentari reġjonali; jiddispjaċih li l-Assemblea tal-Kosovo ma ġietx aċċettata bħala membru sħiħ ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni parlamentari reġjonali oħra, bħalma huma l-Konferenza tal-Balkani tal-Punent tal-Kumitati għall-Integrazzjoni Ewropea tal-Istati li jipparteċipaw fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (COSAP) u n-Netwerk ta' Kumitati Parlamentari għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent (NPC) jistieden lill-parlamenti kollha tar-reġjun jadottaw approċċ aktar inklużiv fil-konfronti tat-talbiet mill-Assemblea tal-Kosovo għal sħubija f'inizjattivi reġjonali, u b'hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali;

29.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kosovo biex jikkonkludi l-qafas leġiżlattiv għas-servizz ċivili u jimplimenta bis-sħiħ il-qafas strateġiku għall-amministrazzjoni pubblika u l-pjan ta' azzjoni; jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu l-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, jippromwovu l-professjonalità meritokratika fl-istituzzjonijiet pubbliċi kollha, jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba tal-istituzzjonijiet pubbliċi, u jiżguraw it-trasparenza fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit min-naħa tal-Assemblea ;

30.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied il-finanzjament tal-proġetti għall-NGOs tal-Kosovo li għandhom l-għan li jmexxu 'l quddiem il-prinċipji tal-governanza tajba, iżidu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, jikkonsolidaw aktar id-demokrazija istituzzjonali u soċjali, u jżidu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-gruppi emarġinati u tal-minoranzi etniċi;

31.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rata għolja tal-qgħad, b'mod partikolari fost in-nisa u ż-żgħażagħ, u jikkundanna d-diskriminazzjoni ġenerali kontra n-nisa fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li liż-żgħażagħ tal-Kosovo jingħatawlhom prospetti għall-futur; jistieden lill-Kosovo jiffoka fuq it-tneħħija tad-diskrepanza fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol, ineħħi kwalunkwe ostakolu amministrattiv li jista' jwassal għal prattiki diskriminatorji u jtejjeb l-ambjent ġenerali tan-negozju fil-pajjiż, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jisiteden lill-Kummissjoni tagħti aktar għajnuna lill-imprendituri żgħażagħ bħala parti mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), b'enfasi partikolari fuq korsijiet ta' taħriġ, sessjoni ta' ħidma u l-iskambju ta' know-how, inklużi miżuri biex jiġu ffaċilitati rabtiet ma' intraprendituri mill-Istati Membri tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin tagħmel kull sforz biex tipprevjeni l-eżodu tal-imħuħ, b'mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA;

32.  Jirrimarka li r-riformi strutturali jibqgħu essenzjali bil-għan li jiżdied it-tkabbir potenzjali, tingħata spinta lill-produttività u tittejjeb il-flessibilità u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Kosovo; japprova l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-Kosovo għandu jsaħħaħ il-qafas fiskali għall-futur medju, itejjeb it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi, iċaqlaq in-nefqa tal-baġit lejn miżuri ta' tkabbir u l-investiment dirett barrani u r-rimessi jiġu diretti għal ġo setturi produttivi; jistieden lill-Kosovo jħaffef ir-ristrutturar tal-intrapriżi pubbliċi, itejjeb il-proċeduri ta' falliment finanzjarju u insolvenza u jnaqqas id-dipendenza tiegħu mid-dazji doganali billi jwessa' l-bażi tat-taxxa nazzjonali tiegħu u jimmodernizza l-ġbir tad-dħul tiegħu;

33.  Jenfasizza li r-riformi tas-suq tax-xogħol, ikkumplimentati minn riformi fl-edukazzjoni, huma kruċjali minħabba r-rata għolja tal-qgħad u r-rati baxxi ta' attività fil-qasam tax-xogħol; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi bil-għan li s-sistema edukattiva tkun taqdi aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi l-qafas tal-kurrikulu jiġi mmodifikat għall-edukazzjoni preuniversitarja; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li s-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali tiġi estiża, ħaġa li għandha tiġi kkumplementati b'politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

34.  Jinnota li l-Kosovo tinsab fi stadju bikri tal-iżvilupp ta' ekonomija funzjonali; jilqa' l-fatt li xi progress sar fil-qasam tal-industrija u l-SMEs; iħeġġeġ li jkomplu jitnaqqsu l-piżijiet minn fuq l-SMEs, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata valutazzjoni regolatorja tal-impatt fir-rigward tal-SMEs, flimkien ma' appoġġ għan-negozji ġodda u għall-kumpaniji innovattivi li jirrappreżentaw valur miżjud għoli, bil-għan li tiġi inkoraġġita l-attività intraprenditorjali li se jkollha benefiċċji kemm soċjali u kemm ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti aktar għajnuna lill-intraprendituri żgħażagħ permezz ta' fondi tal-IPA, inklużi miżuri biex jiġu ffaċilitati rabtiet ma' intraprendituri mill-Istati Membri tal-UE u l-involviment tal-assoċjazzjonijiet tal-intraprenditorija tal-Kosovo fil-Konfederazzjoni Ewropea tal-Intraprendituri Żgħażagħ, b'mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo joħolqu opportunitajiet ta' finanzjament ta' investimenti għall-intrapriżi soċjali u sostenibbli bil-għan li jittrattaw b'mod determinat l-isfidi tal-indirizzar tal-problemi soċjali u tal-iżgurar tat-tkabbir sostenibbli;

35.  Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-Kosovo jiġi assenjat kodiċi telefoniku internazzjonali għalih mill-aktar fis possibbli, peress li dan se jgħin biex jingħata viżibbiltà internazzjonali akbar; jistieden lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) timxi 'l quddiem dwar dan il-ftehim;

36.  Jenfasizza kemm hu importanti li jiġu rrispettati s-sensitivitajiet tal-komunitajiet kollha meta jkunu qed jinħarġu l-istediniet, bħalma kien il-każ bil-Ġeneral Diković, u jistieden lill-KFOR jaġixxi b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-Kosovo bil-għan li jiġu evitati mossi li jkunu joffendu l-memorja tal-vittmi u jagħmlu ħsara lid-djalogu ta' bejn Pristina u Belgrad; ifakkar li l-uffiċċji ta' kollegament kemm fil-Kosovo u kemm fis-Serbja għandhom jiġu informati kif suppost 48 siegħa qabel tali żjarat;

37.  Jinnota t-titjib tat-trasport bit-triq u l-infrastruttura tal-mobbiltà , b'mod partikolari fir-rigward tal-awtostradi, kif ukoll l-adozzjoni reċenti tal-pakkett tal-IPA II tal-2015, li jinkludi l-proġett maġġuri tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Kosovo; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-ispejjeż għoljin tal-kostruzzjoni; jittama li l-ftehim reċenti ta' self iffirmat bejn il-Kosovo u l-Bank Ewropew tal-Investiment għall-modernizzazzjoni tal-parti tal-Kosovo tan-netwerk tar-Rotta Ferrovjarja Ewropea 10 jista' jagħti spinta lil pjan komprensiv għat-titjib tat-trasport pubbliku u għall-immodernizzar tal-infrastruttura ferrovjarja; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ftehim tas-27 ta' Jannar 2016 bejn il-Prim Ministri Isa Mustafa u Aleksandar Vučić biex jibdew diskussjonijiet dwar konnessjonijiet diretti bl-arju u ferrovjarji bejn il-Kosovo u s-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo – filwaqt li jittieħed kont li l-Kummissjoni għamlet l-aġenda tal-konnettività waħda mill-ogħla prijoritajiet tagħha u tqisha bħala l-fattur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun – jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-istandards tekniċi u l-miżuri mhux vinkolanti fil-qasam tat-trasport li ġew maqbula matul is-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2015 fi Vjenna;

38.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni prekarja attwali tal-enerġija tal-Kosovo, li qed ikollha impatt negattiv fuq il-ħajja ta' kuljum; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-livell attwali tat-telfiet tal-elettriku u tad-dannu kummerċjali riżultanti huwa għoli ħafna minħabba li l-grilja qed teqdiem, u jitlob li jsiru riformi maġġuri biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u s-sigurtà tal-provvista permezz ta' investiment fir-rijabilitazzjoni tan-netwerk tal-grilja eżistenti tal-elettriku, peress li grilja tal-elettriku funzjonali hija prerekwiżit għall-kumpaniji nazzjonali u barranin li jkunu jixtiequ jistabbilixxu negozju fil-Kosovo; iħeġġeġ lill-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija jkun aktar flessibbli meta jkun qed jagħti l-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet lil investituri privati ġodda fis-settur tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. jieħu nota tal-ftehim milħuq dwar il-bini tal-impjant tal-elettriku l-ġdid tal-Kosovo flimkien mal-kumpanija tal-Istati Uniti Contour Global, li se jkollu l-kapaċità li jiġġenera 500 MW, u jitlob li jkun hemm proċess trasparenti flimkien ma' valutazzjoni tal-impatt soċjali u ambjentali tal-proġett, b'konformità sħiħa mal-istandards tal-UE;

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.


Is-sitwazzjoni fil-Libja
PDF 283kWORD 96k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2016/2537(RSP))
P8_TA(2016)0048RC-B8-0146/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2011(1), tat-22 ta' Novembru 2012(2), tat-18 ta' Settembru 2014(3) u tal-15 ta' Jannar 2015(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni biex tiġi varata l-operazzjoni EU NAVFOR MED Sophia fit-18 ta' Mejju 2015 bil-ħsieb li jiġu identifikati, maqbuda u mormija bastimenti u li jiġu identifikati assi użati jew li huwa ssuspettat li qed jintużaw minn kuntrabandisti jew traffikanti ta' migranti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Libja, b'mod partikolari dawk tat-30 ta' April, tas-26 u s-27 ta' Mejju, tat-30 ta' Ġunju, tat-12 ta' Lulju, tas-17 ta' Awwissu, tat-13 u t-22 ta' Settembru, tad-9 ta' Ottubru, tad-19 u s-26 ta' Novembru, u tal-14 u s-17 ta' Diċembru 2015, u tas-7, il-11 u t-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja tat-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan li ġie ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 fi Skhirat, il-Marokk,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat Konġunt tal-Laqgħa Ministerjali ta' Ruma għal-Libja tat-13 ta' Diċembru 2015, approvat mill-Alġerija, iċ-Ċina, l-Eġittu, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġordan, il-Marokk, ir-Russja, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, Spanja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti, il-Lega tal-Istati Għarab u l-Unjoni Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Libja adottata unanimament fit-23 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(5),

–  wara li kkunsidra l-konferenza nazzjonali tat-tribujiet Libjani li saret fi Tripli f'Lulju 2011, li appellat għal liġi ta' amnestija ġenerali sabiex tintemm il-gwerra ċivili,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta' mexxejja u attivisti politiċi fl-Alġier fil-11 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' appoġġ għal Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GKN) fil-Libja maħruġa mill-Gvernijiet tal-Alġerija, ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Marokk, ta' Spanja, tat-Tuneżija, tal-Emirati Għarab Magħquda, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, taħt id-dittatorjat ta' Gaddafi, il-Libja kellha l-ikbar ħażna ta' armamenti fil-kosta tan-Nofsinhar tal-Baħar Mediterran, u mill-waqgħa tad-dittatur saret sors kbir ta' kummerċ u traffiku illeċitu ta' armi, u żona ta' forniment għat-terroristi u l-estremisti kollha fiż-żona tas-Saħel (il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja) u għall-movimenti kollha tal-oppożizzjoni fis-Sudan, fiċ-Chad u fis-Sirja;

B.  billi fi Frar 2011, il-Libjani niżlu fit-toroq bħala parti mir-Rebbiegħa Għarbija, għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili; billi n-NATO appoġġat lir-ribelli li ħabbtu wiċċhom ma' repressjoni indiskriminata mill-istat, u dan l-appoġġ kien deċiżiv fit-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;

C.  billi s-soċjetà Libjana dejjem – qabel u b'mod partikolari wara l-kolp ta' stat – kienet organizzata abbażi ta' sistema tribali; billi l-alleanzi tribali fost l-identitajiet etniċi (il-maġġoranza Għarbija u l-minoranzi Amazigh, Toubou u Tuareg) għad għandhom rwol sinifikanti fit-taqlib li għaddejja minnu l-lum il-ġurnata l-Libja;

D.  billi ħafna mill-milizzji li ġġieldu kontra Gaddafi kienu infiltrati minn Iżlamisti, li gradwalment ħadu l-kontroll f'idejhom, u li wħud minnhom kellhom rwol ewlieni fil-kunflitt; billi r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kklassifikaw lil Daesh, Ansar al-Sharia u al-Qaeda, li kollha huma preżenti fil-Libja, bħala organizzazzjonijiet terroristiċi;

E.  billi f'Awwissu 2012 il-KTN għadda s-setgħa lill-Kungress Nazzjonali Ġenerali (KNĠ), parlament elett li mbagħad ħatar kap ta' stat temporanju; billi l-votanti għażlu parlament ġdid biex jieħu post il-KNĠ f'Ġunju 2014, jiġifieri l-Kamra tad-Deputati (KtD), li ttrasferiet is-sede tagħha f'Tobruk; billi l-KNĠ preċedenti, li kien iddominat mill-Fratellanza Musulmana, iltaqa' mill-ġdid ftit wara u għażel il-Prim Ministru tiegħu stess, u b'hekk sfida l-awtorità tal-KtD fi żmien ta' ġlied li matulu anke t-tmexxija tal-kapitali Tripli nbidlet; billi ż-żewġ partijiet fi gwerra allegatament qed jirċievu appoġġ minn barra, b'mod partikolari mill-Eġittu, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda fuq in-naħa tal-KtR (Tobruk), u mit-Turkija u l-Qatar fuq in-naħa tal-KNĠ il-ġdid (Tripli);

F.  billi sa minn Awwissu 2014 dawn iż-żewġ korpi politiċi (il-KtD f'Tobruk, li huwa rikonoxxut mill-komunità internazzjonali, u l-KNĠ il-ġdid li ġie stabbilit fi Tripli) jiddikjaraw li qegħdin imexxu l-pajjiż, u t-tnejn huma appoġġati minn diversi milizzji armati sa snienhom affiljati ma' reġjuni, bliet u tribujiet minn diversi sfondi;

G.  billi l-vojt politiku u n-nuqqas ta' gvern stabbli ġew sfruttati mid-Daesh, li jħaddan fostu barranin u terroristi Libjani li reġgħu lura pajjiżhom wara li ġġieldu fl-Iraq u s-Sirja; billi dawn il-persuni li reġgħu lura, flimkien ma' Ġiħadisti minn pajjiżi oħra, ħatfu l-belt ta' Derna li tinsab fil-Lvant ta' Benghazi f'Novembru 2014 u għamlu wegħda ta' lealtà lejn id-Daesh; billi dawn il-forzi jew l-alleati tagħhom saru attivi kważi tul il-kosta kollha minn Derna sa Tripli, inklużi Bayda, Benghazi, Ajdabiya, Abugrein u Misrata, b'kontroll sħiħ ta' aktar minn 200 km madwar Sirte, u għandhom ukoll bażi ta' taħriġ fil-Punent ta' Tripli qrib il-fruntiera Tuneżina; billi d-Daesh vara kampanja lokali ta' biża' – bi qtugħ ta' rjus, sparar u attakki bil-bombi – filwaqt li kabbar it-territorju tiegħu, ħa kontrol tat-triq u jista' jfixkel il-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent;

H.  billi l-Libja saret tospita l-akbar forzi tad-Daesh barra l-Lvant Nofsani u saret pożizzjoni strateġika għad-Daesh mal-kosta tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u b'hekk hija l-aktar theddida perikoluża għall-pajjiżi tal-viċinat fis-Saħel u s-Saħara, kif ukoll għall-Ewropa permezz ta' azzjonijiet terroristiċi;

I.  billi mill-4 ta' Jannar 2016 id-Daesh beda jwettaq attakki kbar fuq il-faċilitajiet ewlenin taż-żejt fil-Libja, bl-għan li jespandi r-riżorsi għall-gwerra tiegħu u li jikkontrolla l-faċilitajiet taż-żejt enormi fil-Lvant f'al-Sidra, Ras Lanuf u Marsa al-Brega, u b'hekk għamel ħsara lill-infrastrutturi prinċipali li jsejsu r-riżorsi ekonomiċi tal-Libja u kkomprometta dħul essenzjali għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż;

J.  billi mindu waqgħet f'anarkija l-Libja saret dejjem aktar post ta' transitu għat-traffikar tal-bnedmin fil-fruntieri tan-Nofsinhar tal-Ewropa; billi l-Libja għadha tospita mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil ta' nazzjonalitajiet differenti, li ħafna minnhom qed jgħixu f'kundizzjonijiet traġiċi u għaldaqstant jikkostitwixxu bersall għall-kuntrabandisti;

K.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qed tkompli tiddeterjora fil-pajjiż kollu, fejn id-detenzjoni arbitrarja, is-sekwestru ta' persuni, il-qtil illegali, it-tortura u l-vjolenza kontra ċivili, ġurnalisti, uffiċjali, figuri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha huma realtà traġika; billi fis-26 ta' Frar 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrefera s-sitwazzjoni fil-Libja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi l-QKI tibqa' kompetenti biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-pajjiż u li tfittex lil dawk responsabbli; billi fis-27 ta' Ġunju 2011 il-QKI ħarġet mandati ta' arrest għal Muammar Gaddafi u Saif al-Islam Gaddafi, u billi l-kumplament tal-persuni suspettati mhumiex fil-kustodja tal-Qorti; billi l-awtoritajiet Libjani insistew biex dawn jiġu pproċessati fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern tal-Libja;

L.  billi l-perkors politiku tad-djalogu Libjan involva membri ewlenin tal-proċess ta' demokratizzazzjoni tal-Libja, b'mod partikolari membri tal-Kamra tad-Deputati, tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali u tal-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali, billi partijiet ikkonċernati indipendenti oħra bħall-kunsilli muniċipali, il-partiti politiċi, il-mexxejja tribali u l-organizzazzjonijiet tan-nisa kkontribwew għall-promozzjoni ta' rikonċiljazzjoni ġenwina;

M.  billi l-Ftehim Politiku Libjan għandu l-għan li jiżgura d-drittijiet demokratiċi tal-poplu Libjan, li jistabbilixxi gvern kunsenswali msejjes fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, u li jagħti s-setgħa lil istituzzjonijiet tal-istat bħall-GKN; billi, fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Libja, ma hemmx lok għal ħela ta' ħin fl-istabbiliment tal-GKN, li għandu jaħdem għall-benefiċċju tal-Libjani kollha u jwitti t-triq għall-paċi, l-istabbiltà, ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż;

N.  billi fil-25 ta' Jannar 2016 il-KtD tal-Libja (Tobruk) irrifjutat il-gvern ta' unità appoġġat min-NU, waqt li fl-istess ħin approvat il-Ftehim Politiku Libjan, li jipprovdi bażi għal transizzjoni politika fil-pajjiż;

O.  billi Libja sikura u politikament stabbli hija meħtieġa assolutament mhux biss għaċ-ċittadini Libjani, iżda anke għas-sigurtà tar-reġjun sħiħ u tal-Unjoni Ewropea;

1.  Jilqa' l-Ftehim Politiku Libjan appoġġat min-NU, li ġie ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015, jappoġġa bis-sħiħ lill-Kunsill Presidenzjali u jifraħ lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, is-Sur Martin Kobler, għall-ħidma kbira tiegħu;

2.  Jiddispjaċih li l-ewwel proposta għal gvern unifikat ġiet irrifjutata mill-KtD f'Tobruk; jistieden liż-żewġ korpi Libjani ewlenin japprovaw dan il-ftehim, li huwa pass fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan u li jissodisfa l-aspirazzjoni li tinqabad it-triq tal-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u li jiġu difiżi ċ-ċittadini Libjani kollha; iħeġġeġ lill-KtD f'Tobruk u lill-Presidenza tagħha juru spirtu ta' kompromess u jkomplu jiddiskutu l-lista tal-Kabinett bl-għan li jiġi approvat il-GKN kif previst fil-Ftehim Politiku Libjan;

3.  Se jirrikonoxxi u jappoġġa l-GKN li jkun iffurmat b'kunsens bejn il-partijiet Libjani bħala l-uniku gvern leġittimu tal-Libja; jissottolinja s-sjieda Libjana tal-proċess politiku u l-importanza li dan ikun inklużiv kontinwament, anke permezz tal-involviment kostruttiv tal-kunsilli tribali, il-parteċipazzjoni pożittiva tan-nisa u tas-soċjetà ċivili, u l-kontributi ta' benefiċċju tal-atturi politiċi u lokali favur l-emenda u l-adozzjoni f'waqthom ta' kostituzzjoni li tirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili;

4.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, lin-NU, lill-UE, lill-UA u lill-Istati Membri tal-Lega Għarbija jkunu lesti li jappoġġaw lil-Libjani fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-ftehim b'suċċess; jistenna li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet internazzjonali jkollhom kuntatti uffiċjali biss mal-partijiet li jaderixxu għall-Ftehim Politiku Libjan; jitlob lill-UE timponi sanzjonijiet immirati bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra individwi u organizzazzjonijiet li jibbojkottjaw il-Ftehim Politiku Libjan;

5.  Jiddispjaċih rigward il-gwerra li għaddejja bejn partijiet Sunni barranin; jistieden lill-atturi reġjonali ma jiħdux azzjonijiet li jistgħu jaggravaw diviżjonijiet u jimminaw it-transizzjoni lejn Libja stabbli, inklużiva u demokratika, u li jistgħu jiddestabilizzaw il-pajjiżi tal-viċinat; jonora l-impenn qawwi tiegħu favur is-sovranità, l-integrità territorjali, l-unità nazzjonali u transizzjoni demokratika tal-Libja;

6.  Jikkundanna l-attakki terroristiċi destabbilizzanti mid-Daesh kontra l-poplu Libjan, inklużi l-minoranzi, kif ukoll l-infrastrutturi taż-żejt f'al-Sidra u Ras Lanuf, u kwalunkwe tentattiv li jfixkel il-proċess ta' stabbilizzazzjoni fil-pajjiż; jappella għal koalizzjoni internazzjonali biex tindirizza l-preżenza li qed tikber tad-Daesh fil-Libja, li qed tiddestabilizza l-pajjiż u qed thedded mhux biss lill-pajjiżi tal-viċinat tas-Saħel u s-Saħara, iżda anke lill-UE;

7.  Jenfasizza li l-porożità tal-fruntieri Libjani u n-nuqqas ta' kontroll politiku ċentrali ffaċilitaw ħafna l-proliferazzjoni u t-traffikar tal-armi, kif ukoll il-moviment liberu ta' gruppi armati Libjani u barranin; huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi li l-kunflitt Libjan jista' jkollu, f'termini ta' sigurtà, għall-ġirien immedjati tagħha, b'mod partikolari l-Eġittu u t-Tuneżija, iżda anke l-Alġerija; jemmen li l-UE għandha tuża l-għodod tad-diplomazija u tal-politika barranija tagħha, fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u politiki oħra bħal dawk dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni, biex tinkoraġġixxi lil dawk il-pajjiżi fir-reġun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jinvolvu ruħhom b'mod pożittiv fil-proċess ta' transizzjoni fil-Libja;

8.  Jemmen li l-irkupru ekonomiku huwa pass importanti lejn it-transizzjoni demokratika tal-Libja; jappoġġa bis-sħiħ lill-awtoritajiet Libjani l-ġodda fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroristi biex jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa tal-poplu Libjan u tal-infrastrutturi ekonomiċi kritiċi;

9.  Ifakkar fir-rwol ċentrali tad-dimensjoni parlamentari fir-rigward ta' soluzzjoni politika għall-kriżi; jenfasizza li l-korpi tal-Parlament Ewropew u l-membri tiegħu jistgħu jaqsmu l-esperjenza istituzzjonali tagħhom ma' atturi Libjani sabiex jappoġġawhom fil-ħidma tagħhom favur djalogu politiku inklużiv;

10.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-destin tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati fil-Libja, li s-sitwazzjoni diġà insapportabbli tagħhom qed tkompli tiddeterjora; jappella għal involviment akbar tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR) fil-koordinazzjoni tal-isforzi tan-NU; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaffrontaw b'mod effikaċi l-flussi li qed jiżdiedu progressivament ta' migranti u rifuġjati mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja; jistieden lill-awtoritajiet u l-milizzji Libjani jiżguraw aċċess estern għall-faċilitajiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari dawk għall-migranti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li qed jikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri fil-Libja, biex jiffukaw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fir-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-ħolqien, taħt il-kontroll tal-GKN, ta' armata nazzjonali u forzi tal-pulizija effikaċi li kapaċi jikkontrollaw it-territorju kollu tal-Libja u l-ilmijiet tagħha, u jiggarantixxu s-sigurtà tal-fruntieri tagħha; jenfasizza li l-UE għandha tagħti prijorità wkoll lill-għajnuna għar-rifoma tal-ordinament ġuridiku Libjan, kif ukoll lil oqsma oħra kruċjali għall-governanza demokratika;

12.  Jappoġġa l-operazzjoni EUNAVFOR MED Sophia fl-isforzi tagħha biex tittratta l-kriżi tal-migrazzjoni u l-kuntrabandisti li jisfruttaw il-migranti; ifakkar li s-suċċess ta' din l-operazzjoni huwa marbut b'mod dirett mas-sostenibbiltà tad-djalogu politiku fil-Libja u l-ħtieġa li jerġa' jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż; japella għal ftehim mal-GKN biex il-missjoni tal-UE tkun tista' twettaq operazzjonijiet meħtieġa fl-ilmijiet territorjali Libjani;

13.  Japprezza l-fatt li l-UE diġà għamlet pakkett ta' EUR 100 miljun disponibbli u lesta toffri appoġġ immedjat f'żoni li se jingħataw prijorità flimkien mal-GKN il-ġdid tal-Libja ladarba jiġi ffurmat; jistieden lill-UE u lin-NU jippjanaw għajnuna għall-bini tal-istat, għas-sigurtà u għaż-żamma ta' paċi, kif ukoll għat-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-kapaċitajiet ta' rispons għall-emerġenzi u d-diżastri, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

14.  Jistieden lill-Istati Membri ma jaġixxux individwalment iżda jappoġġaw lill-VP/RGħ fil-formulazzjoni ta' strateġija komprensiva, b'koordinazzjoni mal-UNSMIL u l-awtoritajiet Libjani, biex jappoġġaw it-transizzjoni u l-Gvern Libjan il-ġdid; jemmen li riforma tas-settur tas-sigurtà u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni huma prijorità għall-pajjiż, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jkunu lesti biex jipprovdu l-assistenza meħtieġa f'dawn l-oqsma jekk tintalab mill-gvern il-ġdid;

15.  Jenfasizza l-importanza li l-komunità internazzjonali żżid il-fondi umanitarji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-persuni li ntlaqtu serjament mill-kunflitt fil-Libja; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jivvalutaw aħjar is-sitwazzjoni u jtejbu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet fil-post; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom favur il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Unjoni għall-Mediterran, lil-Lega tal-Istati Għarab, lill-Kunsill tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

(1) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 114.
(2) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 192.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0028.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0010.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0272.


Is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer
PDF 264kWORD 83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer (2015/3014(RSP))
P8_TA(2016)0049B8-0165/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar 'Il-problemi speċifiċi tal-gżejjer' (1229/2011),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kundizzjoni tal-insularità (O-000013/2016 – B8-0106/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billil-gżejjer ikklassifikati bħala reġjuni NUTS-2 u NUTS-3, għandhom karatteristiċi speċifiċi komuni u permanenti, li jiddistingwuhom b'mod ċar minn żoni kontinentali;

B.  billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jirrikonoxxi l-iżvantaġġi naturali u ġeografiċi permanenti speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-gżejjer;

C.  billi t-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali bejn ir-reġjuni u l-iżvilupp armonjuż poliċentriku huma l-objettivi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni, b'rabta mill-qrib mal-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

D.  billi l-kriżi ekonomika kellha impatt drammatiku fuq il-baġits nazzjonali u reġjonali ta' ħafna Stati Membri minħabba li llimitat id-disponibbiltà ta' finanzjament f'bosta setturi u wasslet għal kollass ta' 20 % fl-investiment pubbliku; billi, kif ġie nnotat ukoll fis-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, l-impatt tal-kriżi affettwa serjament l-iżvilupp potenzjali ta' ħafna reġjuni żvantaġġati, inklużi l-gżejjer; billi l-kriżi ekonomika qalbet it-tendenza fit-tul ta' konverġenza tal-PDG u tar-rati tal-qgħad fl-UE kollha, b'mod li wassal għal żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll biex ma jintlaħaqx l-objettiv fit-tul tal-Unjoni ta' koeżjoni ekonomika u territorjali;

E.  billi l-gżejjer tal-UE huma wkoll reġjuni periferiċi li f'xi każijiet jinsabu fil-fruntieri esterni tal-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja bħalissa, bħall-globalizzazzjoni, it-tendenzi demografiċi, it-tibdil fil-klima, il-provvista tal-enerġija u, speċjalment għaż-żoni tan-Nofsinhar, l-esponiment għal flussi migratorji li qed jiżdiedu;

F.  billi l-gżejjer Ewropej jikkontribwixxu għad-diversità tal-Unjoni kemm f'termini ambjentali (ħabitats speċifiċi u speċijiet endemiċi) kif ukoll f'termini kulturali (wirt arkitettoniku, siti, pajsaġġi, karatteristiċi agrikoli u mhux agrikoli u identitajiet ġeografiċi);

G.  billi l-gżejjer Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni, minħabba l-potenzjal għoli tagħhom li jipproduċu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli minħabba esponiment speċifiku għall-flussi tar-riħ, l-imbatt tal-oċeani u d-dawl tax-xemx;

H.  billi l-aċċessibbiltà tar-reġjuni u l-konnessjonijiet fi ħdan il-gżejjer huma fatturi fundamentali biex iż-żoni insulari jsiru aktar attraenti; għall-ħaddiema tas-sengħa u l-impriżi; billi jeħtieġ li jiġi attirat l-investiment, li jinħolqu impjiegi ġodda u li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport marittimu u bl-ajru għall-persuni u l-oġġetti, skont il-prinċipju tal-kontinwità territorjali, filwaqt li jsiru wkoll sforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis mit-trasport marittimu u bl-ajru;

I.  billi l-agrikoltura, it-trobbija tal-annimali u s-sajd jikkostitwixxu element importanti tal-ekonomiji insulari lokali, li huma sors ta' provvista għal parti sinifikanti tas-settur agroindustrijali, u billi dawn is-setturi jbatu min-nuqqas ta' aċċessibbiltà, partikolarment għall-SMEs, mil-livell baxx ta' differenzjazzjoni tal-prodotti, u mill-kundizzjonijiet klimatiċi;

J.  billi turiżmu intensiv, għall-biċċa l-kbira tal-gżejjer, huwa parti importanti mill-ekonomija lokali tagħhom iżda normalment ikun ikkonċentrat biss f'ċerti perijodi tas-sena u mhux ippjanat adegwatament barra l-istaġun, u dan jista' jġib riskji għall-iżvilupp ambjentalment sostenibbli ta' reġjuni insulari;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara tat-tip ta' żvantaġġi permanenti ġeografiċi, naturali u demografiċi li reġjuni insulari jistgħu jġarrbu, b'referenza għall-Artikolu 174 tat-TFUE;

2.  Jistaqsi lill-Kummissjoni kif biħsiebha timplimenta l-kliem tal-Artikolu 174 tat-TFUE rigward l-iżvantaġġi permanenti ta' reġjuni insulari li jxekklu l-iżvilupp naturali tagħhom u jżommuhom milli jiksbu koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

3.  Jirrikonoxxi, l-importanza li jingħata appoġġ biex tiġi ttrattata t-tendenza ta' depopolazzjoni sinifikantifir-reġjuni insulari; ifakkar li l-gżejjer isibuha iktar diffiċli li jaffrontaw ċerti żvantaġġi, fi proporzjon mad-daqs żgħir tagħhom u mal-bogħod tagħhom mill-kosti kontinentali Ewropej;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tvara studju/analiżi fil-fond dwar l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-karattru insulari ta' reġjun, f'termini tas-sistema tat-trasport għall-persuni u l-oġġetti, il-provvista tal-enerġija u l-aċċess għas-swieq, b'mod partikolari għall-SMEs;

5.  Huwa tal-fehma li l-gżejjer għandu jkollhom definizzjoni/kategorizzazzjoni xierqa li tqis mhux biss id-differenzi u l-ispeċifiċitajiet tagħhom iżda anke s-sitwazzjoni speċifika tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex, abbażi tal-Artikolu 174 tat-TFUE, li jirrikonoxxi s-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer, twaqqaf grupp omoġenu magħmul mit-territorji insulari kollha; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex minbarra l-PDG tqis indikaturi statistiċi oħra li jistgħu jirriflettu l-vulnerabbiltà ekonomika u soċjali li tirriżulta minn żvantaġġi naturali permanenti;

6.  Ifakkar li, skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ċerti gżejjer Ewropej ingħataw arranġamenti speċjali fir-rigward tat-taxxa bħala kontrobilanċ għall-iżvantaġġi permanenti naturali u demografiċi tagħhom; jisħaq fuq l-importanza ta' dawk l-arranġamenti speċjali fir-rigward tat-taxxa għall-komunitajiet u l-ekonomiji lokali, u jitlob li dawn jitkomplew, speċjalment f'dawk l-Istati Membri li qegħdin fi programmi ta' aġġustament ekonomiku

7.  Ifakkar, b'mod partikolari, il-ħtieġa ta' konnettività aħjar permezz ta' rotot marittimi, aċċess imtejjeb għall-portijiet u servizzi aħjar ta' trasport bl-ajru; iqis li għandha ssir enfasi partikolari fuq il-hubs tat-trasport, it-trasport intermodali u l-mobilità sostenibbli; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-iżvilupp territorjali bilanċjat tar-reġjuni insulari jingħata appoġġ billi jiġu promossi l-innovazzjoni u l-kompetittività f'dawn ir-reġjuni, li jinsabu 'l bogħod miċ-ċentri amministrattivi u ekonomiċi ewlenin u ma jibbenefikawx minn faċilità ta' aċċess għat-trasport, u billi tissaħħaħ il-produzzjoni lokali għas-swieq lokali;

8.  Jenfasizza li l-kapaċità diġitali hija mezz vitali biex jiġu kontrobilanċjati l-iżvantaġġi tal-konnettività tar-reġjuni insulari; jenfasizza li l-investimenti fl-infrastruttura huma meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-aċċess għall-broadband fil-gżejjer u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-gżejjer fis-suq uniku diġitali;

9.  Ifakkar li f'bosta gżejjer fil-Mediterran qed jaslu għadd kbir ta' migranti u dawn il-gżejjer qed ikollhom jaffrontaw din is-sitwazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE, li għandu jinkludi appoġġ tal-UE u sforz konġunt mill-Istati Membri kollha;

10.  Jissottolinja l-importanza li tiġi pprovduta edukazzjoni fil-livelli kollha, meta jkun meħtieġ anke billi jintużaw aktar is-sistemi ta' edukazzjoni mill-bogħod; ifakkar li l-gżejjer qed jiffaċċjaw ukoll impatti serji tat-tibdil fil-klima, b'konsegwenzi partikolarment serji, inkluż għadd dejjem jikber ta' perikli naturali;

11.  Jenfasizza li, filwaqt li l-gżejjer jiffaċċjaw limitazzjonijiet, jibbenefikaw ukoll minn potenzjal territorjali, li għandu jintuża bħala opportunità għall-iżvilupp, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jisħaq fuq l-importanza ta' politiki ta' taxxi baxxi u ta' tnaqqis tal-burokrazija bħala inċentivi biex jiġi attirat l-investiment; isemmi, f'dan il-kuntest, l-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli minbarra t-turiżmu staġunali, billi ssir enfasi fuq il-promozzjoni tal-wirt kulturali u ta' attivitajiet ekonomiċi artiġjanali speċifiċi; jenfasizza wkoll il-potenzjal enormi ta' enerġija mill-oċeani, mir-riħ u mix-xemx u l-potenzjal tal-gżejjer li jsiru sorsi importanti ta' enerġija alternattiva, biex ikunu kemm jista' jkun awtonomi fir-rigward tal-enerġija u, fuq kollox, biex jiġu garantiti provvisti tal-enerġija orħos għall-abitanti tagħhom;

12.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jintużaw is-sinerġiji kollha possibbli bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u strumenti oħra tal-Unjoni bl-għan li jikkontrobilanċjaw l-iżvantaġġi tal-gżejjer u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi 'Qafas Strateġiku tal-UE għall-Gżejjer' bl-għan li tgħaqqad strumenti li jista' jkollhom impatt territorjali kbir;

14.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżvolġu rwol importanti fl-istrateġiji ta' żvilupp tal-gżejjer abbażi ta' approċċ vertikali li jinvolvi l-livelli kollha tal-gvern, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bl-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-gżejjer tal-UE;

15.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tistabbilixxi 'islands desk' marbut mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u magħmul minn grupp żgħir ta' uffiċjali bl-għan li jikkoordina u janalizza kwistjonijiet relatati mar-reġjuni insulari;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni li jkun fiha 'Aġenda għall-Gżejjer tal-UE' u, sussegwentement,White Paper biex jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tal-gżejjer, abbażi tal-aħjar prassi u bl-involviment tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u atturi rilevanti oħra, inklużi s-sħab ekonomiċi u soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Sena Ewropea tal-Gżejjer u tal-Muntanji;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm f'moħħha s-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer meta tħejji l-proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.


Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE)
PDF 265kWORD 79k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) (2015/3013(RSP))
P8_TA(2016)0050B8-0171/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikol1 174 sa 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni" (CPR)),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tad-9 ta' Lulju 2015 – L-eżitu tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2015 dwar Ninvestu f’impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza f’diversi livelli,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) (O-000012/2016 – B8-0105/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika ta’ koeżjoni tal-UE fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni ta’ investiment li jkopri r-reġjuni kollha tal-UE, u hija opportunità biex jinħoloq proċess minn isfel għal fuq ta’ tkabbir sostenibbli, li jappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi, l-intraprenditorjat u l-innovazzjoni fil-livell tal-ekonomiji lokali u reġjonali, ittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet iċ-ċittadini u joħloq solidarjetà u żvilupp akbar fir-reġjuni tal-UE;

B.  billi l-politika ta’ koeżjoni, kif definit fit-TFUE, hija wkoll maħsuba biex tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni tagħhom, permezz ta’ strateġija inklużiva;

C.  billi għall-ewwel darba (għall-perjodu 2014-2020), inħoloq qafas koerenti, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), li jistabbilixxi regoli komuni għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-Fondi ESI): il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimu u s-Sajd (FEMS);

D.  billi l-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) introdott permezz tas-CPR qed jikkontribwixxi biex jiġu mmassimizzati l-impatt u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u qed jippermetti li jseħħu sinerġiji, billi jgħaqqad il-fondi ESI ma’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE;

E.  billi l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jiddikjara li minimu ta’ 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR għandhom jiġu allokati biex jappoġġaw azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli fejn l-ibliet, il-korpi subreġjonali u lokali responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji urbani sostenibbli għandhom ikunu responsabbli għall-kompiti relatati tal-inqas mal-għażla ta’ operazzjonijiet;

F.  billi fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2014-2020, l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u l-gruppi ta’ azzjoni lokali huma wkoll eliġibbli għal finanzjament permezz tal-FEŻR u l-FSE;

G.  billi l-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli, kif imniżżla fl-Artikolu 5 tas-CPR, huma fost il-prinċipji ewlenin tal-Fondi SIE;

1.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati minn Stati Membri għal gruppi komunitarji; jemmen, barra minn hekk, li huwa ta’ vantaġġ għall-UE l-fatt li dawn l-awtoritajiet ikunu qrib taċ-ċittadini kif ukoll il-fatt li teżisti diversità ta' governanza fil-livell lokali u reġjonali;

2.  Huwa favur sinerġiji u komplimentarjetà bejn il-Fondi SIE u programmi oħra tal-UE, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe programmar mill-ġdid tal-Fondi ESI għandu jsir bi qbil mar-regoli CPR u li inizjattivi ġodda m’għandhomx idgħajfu l-qofol tal-Fondi SIE;

3.  Jieħu nota tal-prinċipju ta’ sħubija msaħħa u l-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija, li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jipprovdu għal rekwiżiti minimi għall-involviment tagħhom fil-fażijiet kollha tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ programmi operattivi; jirrikonoxxi li, għalkemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali ġew ikkonsultati fil-maġġoranza tal-każijiet matul in-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi, l-involviment tagħhom ma laħaqx il-livell ta’ sħubija sħiħa; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri biex jikkonformaw bis-sħiħ ma’ dawn ir-rekwiżiti u jżidu l-isforzi biex jindirizzaw in-nuqqasijiet;

4.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-indirizzar tad-dgħufijiet strutturali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali kemm għall-fażijiet ta’ programmar kif ukoll dawk tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi u biex tinkiseb rata ogħla ta’ assorbiment tal-Fondi SIE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li jiġi pprovdut sostenn għall-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tagħhom, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jwettqu rwol sinifikanti fil-politika ta’ koeżjoni, speċjalment fil-każ ta’ sottodelega tal-kompiti tal-implimentazzjoni lil livelli aktar baxxi ta’ amministrazzjoni, b’mod partikolari l-awtoritajiet urbani;

5.  Jinnota li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija eżempju ta' gvernanza tajba f’diversi livelli b’approċċ minn isfel għal fuq, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, – li għandhom x’jaqsmu ma’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – joħolqu bilanċ bejn l-għan tal-Unjoni ta’ aktar koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-impatt territorjali tal-politiki tal-UE;

6.  Jenfasizza l-importanza ta’ inizjattiva ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità, fejn l-awtoritajiet lokali huma sħab; jenfasizza li dan għandu jibqa’ approċċ minn isfel għal fuq, filwaqt li jistabbilixxi l-objettivi għal interventi relatati għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali;

7.  Iqis li l-inizjattivi ta' investimenti territorjali integrati (ITI) u ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) jirrappreżentaw bidliet gradwali fil-kapaċità ta’ partijiet interessati lokali biex jiġu kkombinati flussi ta’ fondi u jiġu ppjanati inizjattivi lokali mmirati tajjeb;

8.  Jemmen li l-governanza f’diversi livelli tappoġġa l-objettivi politiċi fundamentali tal-UE, bħalma huma t-tkabbir ekonomiku, il-progress soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, u li dan isaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-UE u jżid l-effiċjenza tal-azzjoni politika tagħha;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għal sfidi li qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħalma huma l-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, il-flussi migratorji u żieda fl-urbanizzazzjoni, filwaqt li jitqies li kull reġjun għandu l-bżonnijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu;

10.  Jinsab konvint li ż-żoni urbani għandhom rwol dejjem akbar fid-dinja tal-lum, u li l-politiki tal-UE għandhom rwol importanti biex jiġi stabbilit qafas tajjeb li fi ħdanu ż-żoni urbani Ewropej jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament FEŻR;

12.  Jemmen li l-aġenda urbana tal-UE tista' ttejjeb l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi, u b’hekk tiżgura li jkun hemm impatt aktar koerenti fuq il-bliet, kif ukoll appoġġ għalihom, filwaqt li tikkontribwixxi lejn il-kisba ta’ għanijiet komuni Ewropej u nazzjonali, fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jenfasizza l-importanza tal-Patt ta’ Amsterdam u tal-progress lejn l-objettivi li dan jipprova jilħaq; jinnota, madankollu, li l-isforzi biex jitneħħew l-ostakoli u l-inkonsistenzi għandhom ikunu applikati għal politiki tal-UE li jħallu impatt fuq żoni urbani u rurali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tibni fuq inizjattivi preċedenti u li għadhom għaddejjin, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi, sabiex tidentifika miżuri biex issaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.


Il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'
PDF 292kWORD 108k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh' (2016/2529(RSP))
P8_TA(2016)0051RC-B8-0149/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), b'mod partikolari l-paragrafu 4 tagħha, tas-27 ta' Novembru 2014 dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa(3), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(4), u speċifikament il-paragrafu 27 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u l-ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(5), b'mod partikolari l-paragrafu 2 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6), b'mod partikolari l-paragrafi 129 u 211 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015(7), b'mod partikolari l-paragrafi 66 u 67 tagħha, tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab(8), b'mod partikolari l-paragrafu 10 tagħha, u tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh(9),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-18 ta' April 2013 dwar 'Il-prinċipju tan-NU tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni" ('R2P')(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2015 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da’esh, tal-20 ta’ Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/Da’esh fis-Sirja u fl-Iraq, tat-30 ta’ Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta’ April 2014 u tat-12 ta’ Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta’ Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/ĠAI tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra(11);

–  wara li kkunsidra: il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; il-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom; il-Linji gwida għall-politika tal-UE fil-konfront ta' pajjiżi terzi rigward it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra; il-Lnji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati; il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal; u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni online u offline, u l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2091(2016) 'Foreign fighters in Syria and Iraq' (Ġellieda Barranin fis-Sirja u l-Iraq) adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fis-27 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tal-25 ta' Awwissu 2014 dwar "ċittadini Iraqqini li qed ibatu persekuzzjoni mifruxa u sistematika 'orribbli'",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2249 (2015) li tikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti mill-ISIS, u r-Riżoluzzjoni 2254 (2015) li tapprova pjan direzzjonali għall-proċess ta’ paċi fis-Sirja u tistabbilixxi kalendarju għal taħdidiet,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S-22/1 adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar "The human rights situation in Iraq in the light of abuses committed by the so-called Islamic State in Iraq and the Levant and associated groups" (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Levant u minn gruppi assoċjati), tat-3 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'mod partikolari l-Artikoli 5 sa 8 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Analiżi mill-Uffiċċju tal-Konsulent Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni ta' Ġenoċidju (OSAPG),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Awwissu 2014 tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni rigward is-sitwazzjoni fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant u l-gruppi assoċjati, tas-27 ta' Marzu 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 16 tiegħu dwar 'Il-vjolazzjonijiet imwettqa mill-ISIL – Attakki kontra gruppi reliġjużi u etniċi',

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Ottubru 2015 tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni rigward l-eskalazzjoni ta' inċitament għall-vjolenza fis-Sirja għal raġunijiet reliġjużi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippreżentat fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-13 ta' Awwissu 2015, b'mod partikolari l-paragrafi 165 sa 173 tiegħu,,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif rikonoxxut permezz tar-Riżoluzzjoni 2249 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-ideoloġija estremista vjolenti tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh', l-atti terroristiċi tiegħu, l-attakki gravi sistematiċi u mifruxa kontinwi tiegħu diretti kontra l-popolazzjonijiet ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi dawk imwettqa fuq bażi reliġjuża jew etnika, l-eradikazzjoni tiegħu tal-wirt kulturali u t-traffikar tal-beni kulturali, jikkostitwixxu theddida globali u mingħajr preċedent għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

B.  billi l-minoranzi reliġjużi u etniċi, bħall-Insara, (il-Kaldej/l-Assirjani/is-Sirjaċi, il-Melkiti, l-Armeni), il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Shabak, il-Kaka’i, il-komunitajiet Sabej-Mandjani, Kurdi u Xi’iti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, kienu fil-mira tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da’esh'; billi ħafna Insara ġew maqtula, imbiċċra, imsawta, soġġetti għal estorsjoni, issekwestrati u ttorturati; billi ġew magħmula skjavi (b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, li ġew soġġetti wkoll għal forom oħra ta' vjolenza sesswali) u ġew ikkonvertiti bil-forza, u kienu vittmi ta' żwiġijiet sfurzati u traffikar tal-bnedmin; billi t-tfal ukoll ġew irreklutati bil-forza; billi kien hemm moskej, monumenti, santwarji, knejjes u postijiet oħra ta’ qima, oqbra u ċimiterji, li ġew vandalizzati;

C.  billi jeħtieġ li qatt ma jiġri li l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, kull fejn u kull meta jseħħu, ma jiġux ikkastigati, u billi l-prosekuzzjoni effikaċi tagħhom trid tiġi żgurata permezz ta' miżuri fil-livell nazzjonali, bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u tal-ġustizzja kriminali internazzjonali;

D.  billi l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra huma ta’ tħassib għall-Istati Membri kollha tal-UE, li huma determinati li jikkooperaw bil-ħsieb li jimpedixxu tali delitti u li jtemmu l-impunità ta’ min iwettaqhom, f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta’ Ġunju 2003;

E.  billi r-riżoluzzjoni 2249 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tawtorizza lil dawk l-Istati Membri tagħha li għandhom il-kapaċità li jagħmlu dan biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, f'konformità mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ir-rifuġjati u l-affarijiet umanitarji, biex jintensifikaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għall-prevenzjoni u t-trażżin ta' atti terroristiċi fit-territorju taħt il-kontroll tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' fis-Sirja u fl-Iraq;

F.  billi d-definizzjoni ġuridika internazzjonali ta' ġenoċidju, f'konformità mal-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, tinkludi l-kliem: "kwalunkwe wieħed minn dawn l-atti kommessi bl-intenzjoni li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż, bħala tali: (a) il-qtil ta' membri tal-grupp; (b) l-ikkawżar ta' ħsara fiżika jew mentali gravi lil membri tal-grupp; (c) l-impożizzjoni intenzjonali ta' kundizzjonijiet tal-għajxien intiżi biex jikkawżaw il-qerda fiżika tal-grupp, kompletament jew parzjalment; (d) l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba biex jipprevjenu t-twelid fi ħdan il-grupp; u (e) it-trasferiment furzat ta' tfal ta' grupp wieħed lejn grupp ieħor"; billi l-Artikolu III ta' dik il-Konvenzjoni jqis punibbli mhux biss il-ġenoċidju, iżda l-konfoffa biex jitwettaq ġenoċidju, l-inċitament dirett u pubbliku biex jitwettaq ġenoċidju, u l-kompliċità f'ġenoċidju;

G.  billi, mill-2014 sal-lum, huwa stmat li nqatlu 5 000 Yazidi, filwaqt li ħafna oħrajn ġew ittorturati jew ġew imġiegħla jikkonvertu għall-Iżlam; billi tal-anqas 2 000 mara Yazidi tjassru, u saru vittmi ta' żwieġ sfurzat u ta' traffikar; billi saħansitra bniet ta' sitt snin sfaw stuprati u billi tfal Yazidi ġew irreklutati bil-forza bħala suldati għall-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh"; billi hemm evidenza ċara ta' oqbra tal-massa fejn huma midfuna persuni li nħatfu mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh";

H.  billi, fil-lejl tas-6 ta' Awwissu 2014, aktar minn 150 000 Nisrani ħarbu quddiem l-avvanz tal-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" fiż-żona ta' Mosul, Qaraqosh u villaġġi oħra fil-Pjanuri ta' Nineveh, wara li kienu nsterqulhom ħwejjiġhom kollha, u billi sal-lum għadhom spostati u f'qagħda prekarja fit-Tramuntana tal-Iraq; billi l-membri tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' qabdu 'l dawk li ma rnexxilhomx jaħarbu minn Mosul u mill-Pjanuri ta' Nineveh, u billi n-nisa u t-tfal mhux Musulmani sfaw ilsiera, b'uħud minnhom jinbiegħu filwaqt li oħrajn jinqatlu brutalment f'atti li l-awturi tagħhom iffilmjaw;

I.  billi, fi Frar 2015, l-hekk imsejjaħ 'ISIS/Daesh' ħataf aktar minn 220 Nisrani Assirjan, wara li kien ħa l-kontroll fuq bosta komunitajiet ta' bdiewa fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Khabur fil-provinċja ta' Hassakeh fil-Grigal tal-pajjiż, u billi sal-lum ftit biss minn dawn in-nies inħelsu, filwaqt li għad mhux magħruf x'sar mill-oħrajn;

J.  billi diversi rapporti minn korpi tan-NU, inkluż mill-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju, il-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjaraw li l-atti mwettqa mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

K.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti ddokumentat u rrappurtat li persuni minn minoranzi etniċi u reliġjużi li jopponu l-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' u gruppi terroristiċi, milizzji u gruppi armati oħra mhux tal-istat f'żoni taħt il-kontroll de facto tagħhom għadhom qed jiġu ppersegwitati;

L.  billi, skont il-prinċipji tar-"Responsabbiltà ta' Protezzjoni" (R2P), meta stat (jew attur mhux statali) jonqos manifestament milli jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu jew fil-fatt ikun huwa stess l-awtur ta' dawn id-delitti, il-komunità internazzjonali għandha r-responsabbiltà li tieħu azzjoni kollettiva biex tipproteġi l-popolazzjonijiet, skont il-Karta tan-NU;

M.  billi, skont id-dritt internazzjonali, kull individwu għandu d-dritt li jgħix skont il-kuxjenza tiegħu u li jħaddan jew ibiddel liberament it-twemmin reliġjuż u mhux reliġjuż tiegħu; billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir, fil-livelli kollha, jiġġieldu kontra l-estremiżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku fost l-individwi u l-gruppi reliġjużi;

1.  Ifakkar fil-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' u l-abbużi xokkanti tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, fis-sens tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u jenfasizza li għandhom jittieħdu passi biex dawn jiġu rikonoxxuti bħala ġenoċidju mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinsab imħasseb għall-aħħar dwar il-fatt li dan il-grupp terroristiku għandu fil-mira intenzjonata tiegħu lill-Insara (il-Kaldej/is-Sirjaċi/l-Assirjani, il-Melkiti, l-Armeni), il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xi'iti, ix-Xabaki, is-Sabej, il-Kaka'i u s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tagħhom tal-Iżlam, bħala parti mit-tentattivi tiegħu li jelimina kull minoranza reliġjuża mill-inħawi taħt il-kontroll tiegħu;

2.  Jesprimi l-fehma tiegħu li l-persekuzzjoni, l-atroċitajiet u d-delitti internazzjonali jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jenfasizza li l-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidi, u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra, li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tal-Iżlam tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh', u li dan, għalhekk, jitlob azzjoni skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju; jissottolinja l-fatt li dawk li intenzjonalment, għal raġunijiet etniċi jew reliġjużi, jikkospiraw, jippjanaw, ixewxu, jikkommettu jew jippruvaw jikkommettu atroċitajiet, huma kompliċi fihom jew jappoġġjawhom għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u jiġu pproċessati għall-vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali, partikolarment delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

3.  Iħeġġeġ lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, iffirmata f'Pariġi fid-9 ta' Diċembru 1948, u ta' ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti, b'mod partikolari l-Istati Membri, biex jimpedixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju fit-territorju tagħhom; iħeġġeġ lis-Sirja u lill-Iraq jaċċettaw il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

4.  Iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jappoġġjaw riferiment tal-Kunsill tas-Sigurtà lill-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinvestiga vjolazzjonijiet imwettqa fl-Iraq u s-Sirja mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' kontra l-Insara, il-Yazidi u minoranzi reliġjużi u etniċi;

5.  Iħeġġeġ lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju, tal-1948, u ta' ftehimiet internazzjonali oħra dwar il-prevenzjoni u l-kastig ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, u b'mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi – u ċ-ċittadini tagħhom – li b'xi mod qed jappoġġjaw dawn id-delitti, qed jikkooperaw magħhom, qed jiffinanzjawhom jew huma kompliċi fihom, biex jaqdu bis-sħiħ l-obbligi legali tagħhom skont il-Konvenzjoni u skont ftehimiet internazzjonali oħra bħal dawn;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti ta' dawk il-pajjiżi li bi kwalunkwe mod, direttament jew indirettament, qed jappoġġjaw dawn id-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, jikkooperaw f'dawn id-delitti, jiffinanzjawhom jew huma kompliċi fihom, biex jaqdu bis-sħiħ l-obbligi legali tagħhom skont id-dritt internazzjonali u jtemmu dan l-aġir inaċċettabbli, li qed jagħmel ħsara enormi lis-soċjetajiet tal-Iraq u tas-Sirja, u li qed jiddestabbilizza l-pajjiżi ġirien u l-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

7.  Ifakkar li r-riżoluzzjoni 2253 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2015) imponiet obbligu legali fuq l-istati membri tan-NU biex jipprojbixxu kwalunkwe tip ta' assistenza lill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' u lil organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, partikolarment għall-forniment ta' armi u assistenza finanzjarja, inkluż il-kummerċ illegali fiż-żejt, u jħeġġiġhom jagħmlu din it-tip ta' assistenza reat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; ifakkar li l-inosservanza ta' din id-dispożizzjoni min-naħa ta' uħud mill-istati membri tikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali u tagħti lill-istati membri l-oħra l-obbligu legali li jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU billi jieħdu azzjoni biex l-individwi u l-entitajiet responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

8.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qerda ta' siti reliġjużi u kulturali u ta' artefatti mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh', li jikkostitwixxi attakk kontra l-wirt kulturali tal-abitanti kollha tas-Sirja u l-Iraq u tal-umanità inġenerali; jistieden lill-istati kollha jsaħħu l-investigazzjonijiet kriminali tagħhom u l-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-ħsieb li jidentifikaw il-gruppi kollha responsabbli għat-traffikar illeċitu ta' beni kulturali jew għat-twettiq ta' ħsara jew il-qerda fil-konfront tal-wirt kulturali li jappartjeni lill-umanità kollha fis-Sirja, fl-Iraq u fir-reġjuni fuq firxa usa' tal-Lvant Nofsani u tar-reġjuni tal-Afrika ta' Fuq;

9.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri tal-UE jaħdmu b'mod attiv għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jtejbu s-sistemi legali u ġuriżdizzjonali tagħhom sabiex jevitaw li ċ-ċittadini tagħhom jivvjaġġaw biex jingħaqdu mal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' u jipparteċipaw fi vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u jiżguraw li, jekk jagħmlu dan, jittieħdu passi kriminali kontrihom mill-aktar fis possibbli, inkluż għall-inċitament fuq l-internet u għall-appoġġ biex iwettqu dawn id-delitti;

10.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi Rappreżentant Speċjali għal-Libertà tar-Reliġjon u t-Twemmin;

11.  Jirrikonoxxi, jappoġġja u jitlob li kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u oħrajn kollha, li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, fl-ugwaljanza u fis-sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għal ebda tip ta' ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jemmen li, sabiex ikun hemm tmiem għat-tbatija u għall-eżodu tal-massa tal-Insara, il-Yazidi u komunitajiet oħra tar-reġjun, jeħtieġ b'mod essenzjali li l-mexxejja politiċi u reliġjużi fir-reġjun jagħmlu dikjarazzjoni ċara u inekwivoka ta' appoġġ għall-preżenza kontinwa tagħhom u għad-drittijiet sħaħ u ugwali tagħhom bħala ċittadini tal-pajjiżi tagħhom;

12.  Jitlob lill-komunità internazzjonali u lill-istati membri tagħha, inkluża l-UE u l-Istati Membri tagħha, jiżguraw il-kundizzjonijiet u l-prospetti ta' sigurtà meħtieġa għal dawk kollha li ġew imġiegħla jitilqu minn art twelidhom jew ġew spostati b'mod furzat, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw malajr kemm jista' jkun id-dritt tagħhom li jirritornaw lura lejn art twelidhom, li jżommu d-djar, l-artijiet, il-proprjetà tagħhom u ħwejjiġhom, kif ukoll il-knejjes u s-siti reliġjużi u kulturali tagħhom, u li jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u jkollhom futur;

13.  Jirrikonoxxi li l-persekuzzjoni li għaddejja ta' gruppi reliġjużi u etniċi fil-Lvant Nofsani hija fattur li jikkontribwixxi għall-migrazzjoni tal-massa u l-ispostament intern;

14.  Jenfasizza l-importanza li l-komunità internazzjonali tipprovdi protezzjoni u għajnuna, inkluża protezzjoni u għajnuna militari, f'konformità mad-dritt internazzjonali, lil dawk fil-mira tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' u ta' organizzazzjonijiet terroristiċi oħra fil-Lvant Nofsani, bħall-minoranzi etniċi u reliġjużi, u li dawn il-gruppi jipparteċipaw f'soluzzjonijiet politiċi futuri permanenti; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jirrispettaw id-drittijiet universali tal-bniedem u jiffaċilitaw l-għoti ta’ għajnuna u assistenza umanitarja permezz tal-mezzi kollha possibbli; jitlob il-ħolqien ta' kurituri umanitarji; iqis li l-postijiet tal-kenn, protetti minn forzi b'mandat min-NU, jistgħu jkunu parti mir-risposta għall-isfida enormi biex tingħata protezzjoni temporanja lil miljuni ta' refuġjati mill-kunflitt fis-Sirja u l-Iraq;

15.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ u attiv tiegħu għall-isforzi diplomatiċi internazzjonali u l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Staffan de Mistura li għandhom l-għan li, fil-jiem li ġejjin, jinbdew negozjati għall-paċi f'Ġinevra bejn il-partijiet Sirjani kollha, bil-parteċipazzjoni tal-atturi globali u reġjonali rilevanti kollha, kif ukoll il-proposti tiegħu kollha għal waqfien mill-ġlied lokali; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jagħmlu pressjoni fuq id-donaturi kollha biex jirrispettaw il-wegħdiet tagħhom u biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi ospitanti, speċjalment qabel il-konferenza tad-donaturi għas-Sirja f'Londra fl-4 ta' Frar 2016;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-istituzzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0171.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0027.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0066.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0040.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0071.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0076.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0079.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0178.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0179.
(10) Testi adottati, P7_TA(2013)0180.
(11) ĠU L 118, 14.5.2003, p. 12.

Avviż legali - Politika tal-privatezza