Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) (2015/2224(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(5),
– wara li kkunsidra l-"Aġenda Territorjali tal-UE 2020", miftiehma fil-Laqgħa Ministerjali Informali tal-Ministri responsabbli għall-Ippjanar Spazjali u l-Iżvilupp Territorjali tad-19 ta' Mejju 2011, f'Gödöllő,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-29 ta' Novembru 2012 dwar Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità(6),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Lulju 2015dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi(7),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta' koeżjoni 2014–2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-UE)(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar it-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-ottimizzazzjoni tar-rwol tal-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f'waqtu tal-perjodu l-ġdid ta' Programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014–2020"(12),
– wara li kkunsidra t-tgħarrif bit-titolu "Għodod għall-appoġġ tad-dimensjoni territorjali u urbana fil-politika ta' koeżjoni: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)", id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, il-Parlament Ewropew, Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Governanza territorjali u Politika ta' Koeżjoni", id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, il-Parlament Ewropew, Lulju 2015,
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Il-koerenza strateġika tal-Politika ta' Koeżjoni: tqabbil tal-perjodi ta' programmar 2007–13 u 2014–20", id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, il-Parlament Ewropew, Frar 2015,
– wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar "Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: Il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-governanza tajba fir-reġjuni u l-ibliet tal-UE", Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Aġenda Territorjali 2020 fil-prattika - Titjib fl-effiċjenza u l-effettività tal-Politika ta' Koeżjoni b'approċċ ibbażat fuq il-post", volum II - studji tal-każ, il-Kummissjoni Ewropea, Mejju 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Kif tista' tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-'Istrateġija Ewropa 2020' u l-Politika ta' Koeżjoni tal-UE abbażi tal-Aġenda Territorjali 2020", imħejji fuq talba tal-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Settembru 2011
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Ħolqien tal-Impjiegi u Żvilupp Ekonomiku Lokali", Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Novembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Tmexxija Ekonomika Lokali", Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8–0032/2016),
A. billi l-koeżjoni territorjali hija objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imnaqqax fit-Trattat ta' Lisbona;
B. billi l-ġenerazzjoni 2014–2020 tal-politika ta' koeżjoni tipprevedi u tinkoraġġixxi l-użu ta' approċċi integrati u bbażati fuq il-post sabiex titrawwem koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali filwaqt li tiġi promossa wkoll governanza territorjali;
C. billi l-approċċi integrati u bbażati fuq il-post huma maħsuba biex itejbu l-prestazzjoni u l-effiċjenza tal-interventi pubbliċi billi jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi tat-territorji u jgħinu biex jagħmluhom iktar attraenti;
D. billi s-CLLD u l-ITI huma strumenti innovattivi fil-politika ta' koeżjoni, li xi Stati Membri se jimplimentaw f'tali forma għall-ewwel darba u li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-kisba ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-ħolqien ta' impjiegi lokali ta' kwalità, l-iżvilupp urban sostenibbli u l-ilħuq tal-objettivi ta' Ewropa 2020;
E. billi l-ITI il-ġdid u s-CLLD jirrappreżentaw bidliet gradwali fil-kapaċità ta' partijiet ikkonċernati lokali biex jiġu kkombinati flussi ta' fondi u jiġu ppjanati inizjattivi lokali mmirati tajjeb;
F. billi l-emanċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali hija essenzjali għall-implimentazzjoni sħiħa tal-politika ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; billi l-approċċi innovattivi, li jipprijoritizzaw l-għarfien lokali biex jiġu indirizzati problemi lokali permezz ta' soluzzjonijiet lokali, kisbu importanza dejjem tikber; billi l-governanza parteċipatorja, bħal ibbaġitjar parteċipattiv, għandha l-għodod meħtieġa għal parteċipazzjoni pubblika, bl-għan li tingħata r-responsabilità għad-deċiżjonijiet fil-livell tal-komunità lokali;
G. billi s-CLLD huwa bbażat fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni ta' LEADER, URBAN u EQUAL f'perjodi ta' finanzjament preċedenti, u jibni l-iktar fuq l-approċċ LEADER, li wassal għal żieda esponenzjali fi Gruppi ta' Azzjoni Lokali (LAGs) mindu twaqqaf fl-1991 u kkontribwixxa b'mod sinifikanti għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni, partikolarment f'żoni rurali;
H. billi s-CLLD huwa obbligatorju għall-FAEŻR biss, u mhux obbligatorju għall-FEŻR, il-FSE u l-FEMS;
I. billi dawn iż-żewġ strumenti ġodda jista' jkollhom rwol importanti fl-adattament għat-tibdil demografiku u t-treġġigħ lura tal-iżbilanċi interreġjonali fl-iżvilupp;
J. billi tas-CLLD huwa approċċ minn isfel għal fuq bl-għan li jitwaqqfu oġġetti u proġetti ta' finanzjament marbutin ma' bżonnijiet lokali tal-komunità milli li jiġu imposti objettivi fil-livell nazzjonali;
K. billi l-ITI huwa għodda li tista' tintuża għat-twettiq ta' azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli, kif definit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013;
L. billi hemm differenzi konsiderevoli fil-livell bejn l-Istati Membri f'termini ta' strutturi ta' governanza u esperjenza fl-inizjattivi ta' żvilupp minn isfel għal fuq;
M. billi l-kapaċità u l-involviment tal-atturi reġjonali u lokali huma essenzjali għas-suċċess ta' dawn l-għodod, minkejja l-kompetenzi definiti għal kull organizzazzjoni;
N. billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma mitlubin jintervjenu f'deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tagħhom, u jippromwovu sinerġiji bejn is-setturi pubbliċi u privati bħala linji gwida essenzjali li kapaċi jipprovdu ġestjoni u amministrazzjoni effettiva ta' proġetti, u jiżguraw l-istabilità tal-impenji li saru;
O. billi huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp tagħhom stess, jidentifikaw, skont il-kontribut tal-Komunità, l-assi u l-vantaġġi strateġiċi tagħhom u jibnu fuq dawn meta jiżviluppaw l-istrateġiji ta' żvilupp reġjonali u lokali tagħhom, ħaġa li, flimkien mal-kontribut tal-Komunità tagħhom, iżżid il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini billi tikkjarifika l-problemi li jseħħu, tistabbilixxi prijoritajiet u tiddeskrivi soluzzjonijiet sostenibbli flimkien maċ-ċittadini;
P. billi l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 jipprovdi li, "Meta jqis is-sitwazzjoni territorjali speċifika, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi fil-Ftehim ta' Sħubija tiegħu l-prinċipji għall-għażla taż-żoni urbani fejn azzjonijiet integrati għall-iżvilupp sostenibbli urban għandhom jiġu implimentati u l-allokazzjoni indikattiva għal dawk l-azzjonijiet fuq livell nazzjonali";
Q. billi l-inizjattiva RURBAN għal kooperazzjoni bejn iż-żoni rurali u dawk urbani tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali u l-ħolqien ta' sħubiji għall-iżvilupp;
R. billi fil-livell tal-Unjoni Ewropea l-baġits għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni, u billi r-riżorsi allokati fil-qafas tal-ITI u s-CLLD jridu jintużaw b'mod effiċjenti, permezz tal-kisba tal-objettivi politiċi u l-prijoritajiet stabbiliti, u għandu jkollhom l-ogħla valur miżjud għall-objettiv mixtieq, u billi r-riżultati miksuba għandhom ikunu konsenjati bl-inqas spiża possibbli;
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jinnota li l-involviment tal-atturi reġjonali u lokali sa mill-bidu nett, l-impenn u l-approprjazzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp territorjali u d-delega xierqa tar-responsabbiltajiet u r-riżorsi għal livelli iktar baxxi ta' teħid ta' deċiżjonijiet huma kruċjali għas-suċċess ta' approċċ minn isfel għal fuq; iqis li l-involviment tal-imsieħba jista' jsaħħaħ ukoll l-approċċ integrat u bbażat fuq il-post, b'mod partikolari meta l-adozzjoni tas-CLLD u l-ITI tkun baxxa; jisħaq, madankollu, li l-atturi lokali jeħtieġu appoġġ tekniku u finanzjarju mil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE, speċjalment fl-istadji bikrija tal-proċess ta' implimentazzjoni;
2. Jitlob l-istabbiliment ta' strateġiji fl-istadji inizjali tal-proċess ta' implimentazzjoni b'kollaborazzjoni mal-atturi reġjonali u lokali, partikolarment fil-livell ta' taħriġ speċifiku u speċjalizzat, u ta' appoġġ tekniku u finanzjarju, fil-kuntest ta' sħubija effettiva bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri u l-UE;
3. Huwa tal-opinjoni li s-sottodelega tal-kompetenzi u r-riżorsi, fil-qafas tal-Fondi ESI, għandha tiġi promossa ulterjorment u li n-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jagħmlu dan tista' tillimita l-potenzjal ta' dawn iż-żewġ strumenti; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu approċċ minn isfel għal fuq, li jagħti r-responsabilità lill-gruppi lokali; jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li tibqa' għalkollox fi ħdan il-kompetenzi tagħha, tipprovdi rakkomandazzjonijiet u linji gwida komprensivi lill-Istati Membri dwar kif jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja u l-ostakoli amministrattivi bejn il-livelli differenti ta' governanza relatati mal-implimentazzjoni tas-CLLD u l-ITI;
4. Jenfasizza l-fatt li fil-livell lokali, it-tfassil ta' strateġiji innovattivi ta' kwalità għolja, integrati u multisettorjali jikkostitwixxi sfida, speċjalment meta dan irid isir b'mod parteċipattiv;
5. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-azzjonijiet meħuda taħt dawn l-għodod, filwaqt li jqisu l-prijoritajiet tal-atturi lokali, jeħtieġ li jiġu allinjati mal-objettivi ġenerali tal-programmi operattivi kif ukoll ma' strateġiji għall-iżvilupp oħra tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, filwaqt li jippermettu marġni ta' flessibilità;
6. Ifakkar li huma mhux biss il-programmi tal-UE li jeħtieġ li jkunu iktar flessibbli u integrati aħjar, iżda wkoll il-politiki integrati nazzjonali u reġjonali; jenfasizza li l-iżgurar ta' spirtu iktar ġenerali ta' riforma tal-governanza se jgħin biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jiġux ikkunsinjati f'qafas 'parallel' mal-politiki nazzjonali u reġjonali, iżda pjuttost jiġu integrati fi spinta iktar wiesgħa biex jintlaħqu riżultati ekonomiċi sostenibbli;
7. Iqis il-qgħad fost iż-żgħażagħ bħala l-iktar kwistjoni urġenti għall-Istati Membri, flimkien ma' nuqqas ta' finanzjament tal-SMEs; jisħaq li l-istrateġiji ta' żvilupp lokali u territorjali jridu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu inċentivi fiskali u inċentivi oħra biex jiġu promossi l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-mobilità intrareġjonali fost iż-żgħażagħ kif ukoll biex jipprijoritizzaw it-taħriġ vokazzjonali, fi sħubija ma' istituzzjonijiet ta' taħriġ;
8. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu attenzjoni partikolari lil proġetti mmirati lejn l-adattament tal-lokalitajiet u r-reġjuni għar-realtà demografika ġdida u biex jiġu miġġielda l-iżbilanċi li jirriżultaw minnha, b'mod partikolari permezz ta': 1. l-adattament ta' infrastrutturi soċjali u ta' mobilità għall-bidla demografika u l-flussi migratorji; 2. il-ħolqien ta' prodotti u servizzi speċifiċi mmirati lejn il-popolazzjoni li qed tixjieħ; 3. appoġġ għal opportunitajiet ta' xogħol għal persuni ikbar fl-età, in-nisa u l-migranti li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali; 4. titjib tal-konnessjonijiet diġitali u l-ħolqien ta' pjattaformi li jippermettu u jistimolaw il-parteċipazzjoni u l-interazzjoni taċ-ċittadini tal-iktar reġjuni iżolati mad-diversi servizzi amministrattivi, soċjali u politiċi tal-awtoritajiet fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej);
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ, taħriġ u gwida addizzjonali lil lokalitajiet li huma iżgħar u inqas żviluppati li għandhom riżorsi u kapaċità iktar limitati u li għalihom il-piż amministrattiv u l-kumplessità relatata ma' dawn l-għodod jistgħu jkunu diffiċli li jittrattawhom matul l-ippjanar u l-implimentazzjoni; ifakkar li l-koeżjoni territorjali tibda minn isfel għal fuq u għandha tinvolvi wkoll entitajiet amministrattivi żgħar, mingħajr l-ebda esklużjoni jew diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess għal ITI u CLLD; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika r-riżultati tal-aħjar prattiki f'kull Stat Membru u jissuġġerixxi li dawn jinqasmu permezz ta' netwerk onlajn li jippermetti li dawk l-entitajiet ikollhom opportunitajiet indaqs ta' aċċess ta' għal dawn l-għodod; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jipproponu soluzzjonijiet immirati lejn gruppi ta' entitajiet amministrattivi żgħar b'kont meħud tad-dimensjoni territorjali u ta' ħtiġijiet speċifiċi ta' żvilupp;
10. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu strateġija sabiex ikabbru l-użu tas-CLLD u l-ITI permezz ta' approċċ ibbażat fuq diversi fondi għall-ħolqien ta' strateġiji ta' żvilupp reġjonali u lokali iktar effettiv, b'mod partikolari fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-flessibilità, fejn xieraq, kif previst fl-Artikolu 33(6) tas-CPR, biex jirrispondu aħjar għall-ispeċifiċitajiet ta' dawn ir-reġjuni; iħeġġeġ miżuri speċifiċi biex jiġi pprovdut appoġġ tekniku u għall-bini tal-kapaċità lil korpi amministrattivi f'dawn l-oqsma, fid-dawl tal-iżolament tagħhom u l-iżvantaġġ kompetittiv parzjali;
11. Jisħaq li l-integrazzjoni ta' fondi multipli għadha sfida għall-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari fil-kuntest tas-CLLD u l-ITI; iqis li huma meħtieġa sforzi ta' simplifikazzjoni sabiex jinħolqu kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dawn l-għodod; jilqa', għaldaqstant, l-istabbiliment ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-isforzi tal-Kummissjoni fil-qasam ta' Regolamentazzjoni Aħjar; jisħaq fuq il-bżonn li jinstab qafas Ewropew meta jsiru rakkomandazzjonijiet;
12. Jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-prattiki ta' regolamentazzjoni żejda li bihom jinħolqu rekwiżiti u ostakoli addizzjonali, u spiss mhux meħtieġa, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jinnota li jeżistu bosta saffi ta' awditjar li jżidu l-piż finanzjarju u amministrattiv għall-benefiċjarji; jinsisti li għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti amministrattivi u jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta' kondizzjonijiet għall-investimenti u sħubijiet pubbliċi-privati; jirrakkomanda li l-attivitajiet ta' verifika jkunu simplifikati u li l-monitoraġġ ikun iffokat fuq il-proċess u fuq l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, filwaqt li jinżamm kontroll effiċjenti;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw attivitajiet ta' taħriġ immirati lejn is-CLLD u l-ITI għal atturi reġjonali u lokali, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lil programmi ta' taħriġ immirati lejn benefiċjarji lokali; iqis kruċjali li jiġu żgurati l-involviment u r-rappreżentanza tas-setturi rilevanti kollha tas-soċjetà f'tali attivitajiet; jisħaq fuq l-importanza tal-użu effiċjenti u effettiv tal-assistenza teknika fl-appoġġ ta' dawn l-istrumenti, mingħajr irdoppjar tal-organizzazzjonijiet;
14. Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq ir-riżultati u fuq l-eżiti, li għandu wkoll jgħin lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali biex jitbiegħdu minn fokus eċċessiv fuq l-assorbiment tal-fondi u l-ikkatalogar tal-proċessi ta' implimentazzjoni u jersqu lejn l-identifikazzjoni ta' miri reali u sinifikanti li jwasslu għal bidla tanġibbli għan-negozji u r-residenti lokali tagħhom;
15. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' komunikazzjoni xierqa fost il-partijiet ikkonċernati differenti; jinkoraġġixxi l-inizjattivi maħsuba biex jiżdied l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ittejjeb il-koordinazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar is-CLLD u l-ITI; jinsisti li s-CLLD u l-ITI għandhom iżidu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-governanza lokali u reġjonali, permezz tal-involviment dirett fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, sabiex tiżdied ir-responsabilità għal deċiżjonijiet, u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw metodi xierqa biex jiġu involuti ċ-ċittadini f'konsultazzjonijiet pubbliċi, billi jitħeġġeġ livell ogħla ta' deliberazzjoni u kultura ta' kollaborazzjoni;
16. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni, fejn ikun xieraq, jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu evitati problemi bejn l-awtoritajiet ta' ġestjoni u sħubijiet individwali u biex jiżguraw ukoll li l-benefiċjarji potenzjali jiġu informati b'mod xieraq u jipu mħarsa fir-rigward ta' dawn il-mekkaniżmi; jinnota d-dewmien ikkawżat mis-soluzzjoni tat-tilwim wara kontestazzjonijiet u jinsisti fuq l-istabbiliment ta' sett ta' regoli speċifiċi li jistabbilixxu proċeduri għal kontestazzjonijiet u soluzzjoni rapida għal tilwim fl-akkwist pubbliku;
17. Jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikolari lid-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Politika Reġjonali u Urbana, jistabbilixxu qafas ta' kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) sabiex jibbenefikaw mill-esperjenza twila tagħha fit-twettiq tal-programm Żvilupp Ekonomiku u tal-Impjiegi Lokali (LEED), u jfittxu sinerġiji bejn l-għodod, b'mod speċjali fir-rigward tat-titjib tal-kapaċità tal-implimentazzjoni tal-atturi lokali;
18. Jenfasizza l-importanza li jiżdiedu l-isforzi mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiġi estiż l-użu ta' strumenti ġodda fil-kuntest tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE); jenfasizza li ż-żoni ġirien mifruda bi fruntiera ta' spiss jiffaċċjaw sfidi simili li jistgħu jiġu ttrattati aħjar b'mod konġunt, fil-livell lokali;
19. Jinsab imħasseb dwar ir-rati għoljin ta' qgħad f'bosta Stati Membri u reġjuni tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw dawn l-istrumenti fuq proġetti li joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u opportunitajiet għall-SMEs, jippromwovu l-investiment, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u l-investiment soċjali u biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali, speċjalment f'dawk ir-reġjuni u s-sottoreġjuni fejn dan huwa meħtieġ l-aktar; jirrimarka f''dan ir-rigward l-importanza tal-finanzjament integrat, u speċjalment il-kombinazzjoni tal-FSE u l-FEŻR; jinnota l-potenzjal tal-investiment mill-ġdid ta' partijiet mit-taxxi lokali f'attivitajiet orjentati lejn il-prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ta' investiment speċjali, f'konformità mal-Pakkett ta' Investiment Soċjali, li jistgħu jibbenefikaw minnha r-reġjuni bl-ogħla rati ta' qgħad;
20. Jenfasizza l-potenzjal ta' approċċ minn isfel għal fuq tas-CLLD għall-appoġġ ta' strateġiji għall-iżvilupp lokali, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u għat-tħeġġiġ ta' żvilupp rurali sostenibbli; jemmen li l-ITI u s-CLLD għandhom il-potenzjal li jwieġbu direttament għall-ħtiġijiet u l-isfidi lokali b'mod iktar iffokat u xieraq, u jinsisti fuq il-ħtieġa għal inklużjoni aħjar taż-żoni urbani f'dan il-mekkaniżmu, u jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b'mod attiv din l-istrateġija; jinnota li l-ITI huwa mekkaniżmu effettiv li jagħti riżultati għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Integrati għar-Riġenerazzjoni u l-Iżvilupp Urban; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta regolamenti li jkopru l-finanzjament tas-CLLD u l-ITI mill-FSIE kollu kemm hu sabiex jissaħħu s-sinerġiji;
21. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li, sabiex isir progress tanġibbli lejn il-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, trid tingħata attenzjoni akbar, fir-rieżami tal-istrateġija kif ukoll tal-QFP, lill-kuntesti reġjonali u lokali, u lill-karatteristiċi speċifiċi tal-oqsma kkonċernati;
Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD)
22. Jilqa' l-ħolqien tal-istrument CLLD il-ġdid, li mar lil hinn mill-inizjattiva LEADER biex jawtonomizza lill-komunitajiet lokali u jipprovdi soluzzjonijiet lokali speċifiċi, mhux biss permezz tal-FAEŻR, iżda wkoll permezz tal-Fondi SIE l-oħra;
23. Josserva li s-CLLD joffri possibilitajiet għal żoni urbani u periurbani, u għandu jkun parti integrali mill-istrateġiji għall-iżvilupp urban, inkluż permezz ta' kooperazzjoni transkonfinali; ifakkar li, sabiex jiġi żgurat li l-istrateġiji għall-iżvilupp territorjali jkunu kemm jista' jkun effettivi, l-iżvilupp ta' żoni urbani għandu jkun sostenibbli u konsistenti mal-iżvilupp taż-żoni ta' madwaru, periurbani u rurali;
24. Jiddispjaċih li f'numru ta' Stati Membri s-CLLD se jiġi introdott permezz ta' approċċ ta' fond wieħed li jista' jwassal għal opportunitajiet mitlufa fil-ħolqien ta' strateġiji ta' żvilupp lokali iktar effettivi; ifakkar fl-importanza ta' approċċ integrat u l-ħtieġa li jiġu involuti kemm jista' jkun partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili lokali;
25. Jilqa' t-twaqqif tal-Grupp ta' Ħidma Orizzontali dwar is-Sħubija, stabbilit bis-saħħa ta' DĠ REGIO;
26. Jitlob li jkun hemm aderenza konsistenti mal-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija, b'mod partikulari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni ITI u CLLD;
27. Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, is-sensibilizzazzjoni fost is-sħab soċjali u ekonomiċi, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, u l-parteċipazzjoni attiva ta' dawk il-partijiet sabiex l-ikbar numru possibbli ta' sħab ikunu jistgħu jipproponu strateġiji tas-CLLD, qabel l-iskadenza għall-proposti (il-31 ta' Diċembru 2017);
28. Huwa preokkupat li f'xi Stati Membri xi drabi s-CLLD huwa sempliċiment eżerċizzju ta' "mmarkar tal-kaxxi" minflok approċċ ġenwin minn isfel għal fuq; jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-atturi lokali għandu jkollhom setgħat veri ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
29. Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jinkoraġġixxu l-qsim tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-GALs, abbażi ta' strateġija ta' informazzjoni fil-livell Ewropew rigward il-proġetti tagħhom ta' suċċess filwaqt li jużaw strumenti u pjattaformi eżistenti bħal TAIEX REGIO PEER 2 PEER, URBACT, u n-Netwerk għall-Iżvilupp Urban;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaddnu l-inizjattivi CLLD u jipprovdu iktar flessibilità fil-programmi operazzjonali u fil-kuntesti reġjonali, nazzjonali u l-oqfsa ta' politika tal-UE, sabiex ikunu jistgħu jikkunsidraw aħjar il-prijoritajiet tal-istrateġiji CLLD; jirrikonoxxi s-suċċess tal-LAGs fil-ġestjoni tal-proġetti u jitlob li jkun hemm finanzjament iktar komprensiv u li jiġi kkunsidrat li l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom jiġi estiż; jiddispjaċih dwar il-fatt li f'xi Stati Membri s-CLLD huwa ristrett mill-awtoritajiet nazzjonali għal għan politiku speċifiku wieħed biss; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar il-finanzjament tas-CLLD permezz ta' approċċ ibbażat fuq diversi fondi, kif ukoll bit-tħeġġiġ tal-użu ta' strumenti ta' finanzjament;
31. Ifakkar li r-Regolament tal-FSE jippermetti prijorità tal-investiment speċifika dwar "strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità" skont l-Objettiv Tematiku 9 u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkludu dan fil-programmi operattivi tagħhom; jirrimarka li l-fond jista' jipprovdi appoġġ vitali għall-patti territorjali tal-impjiegi, l-istrateġiji tal-iżvilupp urban u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali fil-livell lokali u reġjonali u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna addizzjonali lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet ta' investiment speċifiċi u biex fir-Rapporti tal-Attività Annwali tagħha tipprovdi informazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) sabiex tindirizza d-diffikultajiet li diġà ġew identifikati fl-applikazzjoni tal-istrumenti u biex issib soluzzjonijiet sostenibbli;
32. Jemmen li għodda bħall-ibbaġitjar parteċipattiv għandhom jiġu inklużi fl-istrateġija CLLD, billi huwa eżerċizzju demokratiku li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jiżdied l-involviment tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali fil-livell lokali u tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku;
33. Jenfasizza l-importanza fundamentali ta' approċċ non-diskriminatorju u trasparenti u li jiġu minimizzati l-kunflitti ta' interess potenzjali fl-interazzjonijiet bejn l-individwi fis-setturi pubbliċi u privati, biex jiġi żgurat il-bilanċ bejn l-effettività, is-simplifikazzjoni u t-trasparenza; jilqa', barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' sħab fil-GAL; iqis xierqa d-dispożizzjoni li skontha la l-awtoritajiet pubbliċi u lanqas kwalunkwe grupp ta' interess uniku ma jista' jkollhom iktar minn 49 % tad-drittijiet ta' vot f'LAGs, skont il-qafas leġiżlattiv attwali, li jagħmilha possibbli li jingħata kontribut sabiex jitbiegħdu minn approċċ amministrattiv lejn approċċ orjentat lejn ir-riżultati u innovattiv; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, inklużi ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jkunu permessi eċċezzjonijiet, u biex tipprovdi assistenza mmirata teknika u għall-bini tal-kapaċitajiet;
Investiment Territorjali Integrat (ITI)
34. Jinnota li fl-implimentazzjoni tal-ITI huma possibbli approċċi ta' governanza diversi; iqis kruċjali, madankollu, li s-sħab lokali jaqdu r-rwol tagħhom bħala atturi ewlenin fit-tħejjija tal-istrateġija ta' żvilupp territorjali tal-ITI, u jkunu wkoll involuti bis-sħiħ fil-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-responsabilitajiet tal-awditjar tagħha, u b'hekk jgħinu jiżguraw approprjazzjoni lokali ġenwina tal-interventi tal-ITI;
35. Jisħaq li l-ITI m'għandux ikun ristrett għal żoni urbani biss, imma jista' jkopri żoni ġeografiċi bħall-inħawi urbani, iż-żoni metropolitani, urbani u rurali, subreġjonali jew transkonfinali; jisħaq li l-ITI jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex iqis il-ħtiġijiet territorjali speċifiċi billi jiddetermina b'iktar flessibilità l-portata territorjali tiegħu, biex b'hekk isegwi approċċ ibbażat fuq il-post; iqis li l-ITI jipprevedi wkoll struttura xierqa biex tittratta territorji b'aċċess limitat għas-servizzi, u komunitajiet iżolati u żvantaġġati; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jottimizzaw ir-riżorsi umani u tekniċi u jagħmlu użu akbar tal-ITIs fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali;
36. Jenfasizza li l-involviment bikri u delega ikbar ta' responsabilitajiet lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili, fl-istrateġija ta' żvilupp territorjali, minn isfel 'il fuq, huma deċiżivi għal approprjazzjoni futura, parteċipazzjoni u suċċess tal-istrateġija territorjali integrata se tiġi implimentata fil-livelli lokali u intersettorjali; jinsisti li l-kapaċità ta' sfruttar tal-potenzjal proprju għall-iżvilupp għandha tiżdied, b'konformità mal-karatteristiċi lokali;
37. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħżlu approċċ ta' fondi multipli għall-ITIs sabiex jiksbu sinerġiji bejn il-fondi f'territorju partikolari u jindirizzaw l-isfidi b'mod iktar komprensiv; jenfasizza li l-bini tal-kapaċità mmirat huwa neċessarju sabiex jiffaċilita l-ġbir ta' fondi minn sorsi differenti;
38. Jenfasizza li d-deċiżjoni tardiva fuq livell nazzjonali biex jintuża l-istrument tal-ITI ġiet identifikata bħala ostaklu ewlieni fit-tfassil ta' strateġija territorjali xierqa, il-ħolqien ta' struttura ta' koordinazzjoni, id-determinazzjoni tal-baġit u t-tħejjija tal-bażi legali nazzjonali għal ITI;
39. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni flimkien mal-Grupp ta' Esperti dwar il-Kwistjonijiet ta' Koeżjoni Territorjali u Urbani (TCUM), fit-tħejjija tax-xenarji tal-ITI; jaqbel mal-fehma li tali gwida għandha toħroġ iktar kmieni matul il-proċess tal-ipprogrammar; iqis meħtieġ l-aġġornament tal-gwida b'eżempji reali u tagħlimiet meħuda mill-ITIs ladarba jiġu implimentati;
40. Jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-riżultati ta' stħarriġ tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2015, b'użu iktar effiċjenti tal-għodda tal-IT u l-ħolqien ta' inqas burokrazija, l-introduzzjoni ta' regoli iktar flessibbli għal pajjiżi/reġjuni b'allokazzjonijiet żgħar ħafna, it-titjib tal-mekkaniżmi ta' kofinanzjament fl-Istati Membri u l-provvista ta' iktar taħriġ għal dawk responsabbli mill-ġestjoni u l-assorbiment tal-fondi, inklużi il-politikanti eletti;
Rakkomandazzjonijiet futuri
41. Huwa tal-opinjoni li s-CLLD u l-ITI għandu jkollhom rwol saħansitra iktar importanti fil-politika ta' koeżjoni futura; jistieden lill-Kummissjoni tħejji rapport li juri l-punti sodi, oħrajn dgħajfa, l-opportunitajiet u t-theddid (analiżi SWOT) tal-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ strumenti, qabel il-proposta leġiżlattiva l-ġdida, dwar xenarji possibbli għal wara l-2020 relatati ma' dawn l-istrumenti;
42. Jitlob li r-rapport imsemmi hawn fuq janalizza l-impatt u l-effettività tas-CLLD u l-ITI u jekk huwiex xieraq approċċ obbligatorju bħala parti mil-leġiżlazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020, li jipprovdi għall-assenjazzjoni ta' dawn l-istrumenti fi programmi operattivi; jipproponi li jiġi evalwat it-tfassil ta' inċentivi konkreti biex iħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw is-CLLD u l-ITI, flimkien ma' mezzi potenzjali biex jiżguraw iktar koerenza bejn il-programmi operattivi u s-CLLD u l-ITI; jenfasizza li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq sett rilevanti ta' indikaturi li jirriflettu kemm elementi kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi;
43. Jitlob li l-approċċ minn isfel għal fuq fil-kuntest tal-ITI jiġi formalizzat fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-politika ta' koeżjoni matul il-programmazzjoni kif ukoll matul il-fażi ta' implimentazzjoni;
44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, permezz ta' koordinazzjoni mal-awtoritajiet lokali kompetenti, tissorvelja l-użu tal-fondi tal-ITI, li huma kwantitattivament importanti iktar minn qabel minħabba l-amalgamazzjoni tagħhom; jenfasizza li dan huwa importanti biex titnaqqas il-possibilità ta' korruzzjoni fl-Istati Membri;
45. Itenni l-ħtieġa ta' approċċ doppju, b'mod partikolari fil-provvediment ta' gwida, minn naħa, għall-Istati Membri li għandhom biss programmi operattivi nazzjonali u, min-naħa l-oħra, għal dawk li għandhom ukoll programmi operazzjonali reġjonali;
46. Jinsisti fuq koordinazzjoni mtejba bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni fir-rigward tal-gwida għal dawn l-għodod; jirrakkomanda li tiġi żviluppata gwida flimkien mal-proposta dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020, b'aġġornament sussegwenti; jenfasizza li dan kieku jippermetti t-twassil f'waqtu ta' dokumenti ta' gwida, iżid iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha u jipprovdi wkoll kjarifiki dwar kif id-dispożizzjonijiet proposti ser jiġu implimentati fil-prattika;
o o o
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti reġjonali u nazzjonali.