Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni (2016/2550(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4, l-Artikolu 162, l-Artikoli 174 sa 178 u l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni" (CPR)),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),
– wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bl-isem "Investment for jobs and growth: Promoting development and good governance in EU regions and cities" ("Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: il-promozzjoni tal-iżvilupp u governanza tajba fir-reġjuni u bliet tal-UE"), tat-23 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f'waqtu tal-perjodu l-ġdid ta' Programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 bit-titolu "Investment Plan for Europe: new guidelines on combining European Structural and Investment Funds with the EFSI" ("Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: linji gwida ġodda dwar kif il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jistgħu jingħaqdu mal-FEIS"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(6),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni bit-titolu "Inħaffu l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni" (O-000070/2016 – B8-0364/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika ta' koeżjoni, b'baġit ta' 'l fuq minn EUR 350 biljun sal-2020, hija strument li jgħin biex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini u tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment u ta' żvilupp tal-UE li tkopri r-reġjuni kollha tal-UE; billi f'uħud mill-Istati Membri hija tirrappreżenta s-sors prinċipali ta' investiment pubbliku;
B. billi l-objettivi ta' Ewropa 2020 jistgħu jintlaħqu permezz ta' interazzjoni koerenti bejn il-politiki ta' tkabbir u ta' żvilupp u, fejn meħtieġ, -riformi strutturali, kif ukoll permezz tal-involviment attiv tar-reġjuni u l-bliet fl-implimentazzjoni tagħhom; billi l-politika ta' koeżjoni qed taqdi rwol kruċjali f'dan ir-rigward;
C. billi r-regolamenti 2014-2020 introduċew bosta riformi ewlenin fil-politika ta' koeżjoni, bħall-konċentrazzjoni tematika li tippermetti l-flessibbiltà meħtieġa biex jitqiesu aħjar il-ħtiġijiet lokali, ikun hemm approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati, koordinazzjoni aħjar mal-politika ekonomika u soċjali, rabtiet imtejbin bejn il-prijoritajiet tal-UE u l-ħtiġijiet reġjonali, u użu koordinat aktar mill-qrib tal-Fondi SIE permezz tal-qafas strateġiku komuni;
D. billi l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni għandhom jiġu kkoordinati u armonizzati ma' politiki oħra tal-UE, bħas-suq uniku diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, il-politika soċjali, l-istrateġiji makroreġjonali, l-Aġenda Urbana, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika tat-trasport, sabiex jingħata kontribut aħjar għat-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020,
E. billi, skont l-Artikolu 136(1) tas-CPR, il-Kummissjoni hija obbligata tiddiżimpenja kwalunkwe parti fi programm operazzjonali li ma tkunx intużat għall-pagament tal-prefinanzjament inizjali u annwali u l-pagamenti interim sal-31 ta' Diċembru tat-tielet sena finanzjarja wara s-sena ta' impenn tal-baġit skont il-programm operazzjonali,
F. billi għaddew sentejn mill-bidu tal-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni, u kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; billi l-programmi operazzjonali kienu fil-biċċa l-kbira approvati fi tmiem l-2014 u fl-2015, u għadd sinifikanti ta' kundizzjonalitajiet ex ante għadhom ma ġewx sodisfatti;
G. billi l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 53 tas-CPR, mill-2016 hija obbligata gtibgħat kull sena lill-Parlament rapport fil-qosor rigward il-programmi tal-Fondi SIE, ibbażat fuq ir-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istati Membri ppreżentati skont l-Artikolu 50, u fl-2017 u l-2019, l-Kummissjoni hija obbligata tħejji rapport strateġiku li jiġbor fil-qosor ir-rapporti tal-progress tal-Istati Membri;
1. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-istat attwali fl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE fil-perjodu 2014-2020 u tħejji analiżi dettaljata dwar ir-riskji ta' diżimpenn, b'ammonti indikati għal kull Stat Membru, u analiżi tal-previżjonijiet ta' pagament ippreżentata mill-Istati Membri malajr kemm jista' jkun wara d-dati ta' skadenza tal-31 ta' Jannar u l-31 ta' Lulju stabbiliti fis-CPR; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tindika x'miżuri huma ppjanati biex jiġi evitat diżimpenn tal-Fondi SIE sal-punt massimu possibbli;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-Fondi SIE sal-potenzjal sħiħ tagħhom u f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali u jitnaqqsu id-disparitajiet territorjali billi r-reġjuni jkunu jistgħu jsiru aktar kompetittivi u biex jiġi ffaċilitat l-investiment, inkluż minn sorsi privati;
3. Jinnota, b'ħarsa lura lejn il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, li l-ikbar ostakli u problemi li fixklu l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni f'bosta Stati Membri u reġjuni kienu: informazzjoni insuffiċjenti għall-benefiċjarji potenzjali, ħaġa li wasslet għal nuqqas ta' proġetti eliġibbli; dewmien fl-approvazzjoni tal-proġetti prinċipali flimkien ma' nuqqas ta' strutturi amministrattivi għall-ġestjoni tal-investiment għal proġetti kbar; proċeduri ta' akkwist kumplessi u li jirrikjedu ħafna żmien; regoli ta' għajnuna mill-istat ikkumplikati; relazzjonijiet ta' proprjetà mhux solvuti; it-tul eċċessiv tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni; u aċċess diffiċli għall-finanzjament; jirrikonoxxi, barra minn hekk, id-diffikultà li ffaċċjaw xi drabi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex jikkonformaw mar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-implimentazzjoni interna u esterna tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, biex, minn naħa waħda, tipprovdi informazzjoni dwar l-ostakoli li l-Istati Membri qed jaffaċċjaw fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u, min-naħa l-oħra, evalwazzjoni tal-impatt tat-twettiq tal-eżerċizzju tal-kundizzjonalitajiet ex ante dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-politika;
4. Jilqa' t-twaqqif ta' Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar tal-programmi 2007-2013 fi tmien Stati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament bir-riżultati miksuba; jitlob lill-Kummissjoni tkompli b'din it-Task Force biex tappoġġja u taċċelera tal-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 fl-Istati Membri kollha u tippreżenta lill-Parlament pjan ta' azzjoni dwar l-attivitajiet tat-Task Force; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi bis-sħiħ il-Fondi SIE fl-istrateġija tal-UE dwar "Regolamentazzjoni Aħjar";
5. Jenfasizza l-fatt li l-kapaċità amministrattiva, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell reġjonali u lokali, hija premessa fundamentali biex l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni ssir f'waqtha u tirnexxi; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li nuqqas ta' proġetti eliġibbli sikwit ikun assoċjat ma' nuqqas f'dak li jirrigwarda r-riżorsi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu għat-tħejjija tad-dokumentazzjoni tal-proġetti; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva f'dak li għandu x'jaqsam mal-istadji tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika, u tirrapporta lill-Parlament fir-rigward tal-azzjonijiet li huma ppjanati f'dan is-sens; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jagħmlu użu sħiħ u effikaċi mid-dispożizzjonijiet tal-Objettiv Tematiku 11, "It-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati" u mill-gwida li tipprovdi l-Kummissjoni;
6. Jenfasizza l-bżonn – fid-dawl tal-fatt li governanza tajba tista' tgħin biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' assorbiment – li jitrawmu riformi strutturali rilevanti, f'konformità mal-objettivi ta' koeżjoni territorjali, tkabbir sostenibbli u ħolqien ta' impjiegi, kif ukoll politiki li jiffavorixxu l-investiment u l-ġlieda kontra l-frodi; jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar "reġjuni li waqgħu lura" u aktar dettalji dwar kif dawn il-konklużjonijiet jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul li jaffettwaw l-implimentazzjoni f'waqtha tal-Fondi SIE kif ukoll l-assorbiment tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara wkoll il-kunċett ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni bil-ħsieb li tiżdied l-effiċjenza tal-infiq;
7. Jilqa' t-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar il-Monitoraġġ tas-Simplifikazzjoni għall-Benefiċjarji tal-Fondi SIE min-naħa tal-Kummissjoni; jenfasizza li s-simplifikazzjoni hija fost il-premessi fundamentali biex jitħaffef il-pass tal-implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tħaffef l-attivitajiet relatati mal-introduzzjoni ta' proċeduri simplifikati anke matul il-perjodu ta' programmazzjoni preżenti u żżomm livell għoli ta' trasparenza fil-politika ta' koeżjoni; jemmen, f'dan il-kuntest, li r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta' Livell Għoli jridu jiġu kkunsidrati mingħajr dewmien;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fid-dawl tal-fatt li f'ħafna Stati Membri l-kriżi ekonomika kkawżat tnaqqis fil-likwidità u nuqqas ta' fondi pubbliċi disponibbli għall-investimenti pubbliċi, u li r-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni qed isiru s-sors ewlieni ta' investiment pubbliku, japplikaw u jużaw b'mod sħiħ il-flessibbiltà eżistenti fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tidħol fi djalogu permanenti mal-Istati Membri li talbu l-applikazzjoni tal-klawsola eżistenti dwar l-investiment, bil-ħsieb li jkun hemm l-akbar flessibbiltà possibbli rigward l-investimenti relatati mat-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinkoraġġixxi l-involviment tal-BEI fl-għamla ta' appoġġ tekniku u finanzjarju akbar fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' proġetti għal kwalunkwe Stat Membru li jagħmel tali talba; iqis li l-istrumenti finanzjarji, jekk jiġu implimentati b'mod effikaċi abbażi ta' valutazzjoni ex ante xierqa u f'għaqda strateġika mal-għotjiet, jistgħu jżidu b'mod sinifikanti l-impatt tal-finanzjament, u b'hekk jgħinu biex jingħelbu l-effetti negattivi tat-tnaqqis fil-baġits pubbliċi u jiġu żviluppati proġetti li jiġġeneraw dħul; jenfasizza li regoli ċari, konsistenti u ffukati dwar l-Istrumenti Finanzjarji, li jgħinu fis-simplifikazzjoni tal-proċess tat-tħejjija u l-implimentazzjoni għall-maniġers u l-benefiċjarji tal-fondi, u li jirrikonoxxu l-livelli differenti ta' żvilupp tas-swieq finanzjarji fost l-Istati Membri, jistgħu jgħinu biex tintlaħaq din l-ambizzjoni; jemmen li l-ġbir tar-regolamentazzjoni rilevanti kollha dwar l-Istrumenti Finanzjarji f'dokument wieħed, faċilment aċċessibbli u li jinftiehem, kif ukoll l-evitar ta' reviżjoni mill-ġdid, bla bżonn, tal-linji gwida relatati f'nofs il-perjodi ta' finanzjament, sakemm dan ma jkunx rikjest mil-liġi, jgħinu wkoll f'dan il-proċess;
9. Jirrikonoxxi n-natura komplementari tal-investimenti tal-FEIS għall-politika ta' koeżjoni u jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 intitolata "Investment Plan for Europe: new guidelines on combining European Structural and Investment Funds with the EFSI" (Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: linji gwida ġodda dwar kif il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jistgħu jingħaqdu mal-FEIS); jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jqisu kif xieraq l-opportunitajiet biex jgħaqqdu flimkien il-finanzjamenti tal-fondi SIE u FEIS, peress li, għalkemm iż-żewġ strumenti huma differenti fin-natura tagħhom, jistgħu jikkomplementaw lil xulxin, u b'hekk iqawwu l-effett ta' lieva tal-investimenti;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien esperjenzat mill-Istati Membri fl-għażla tal-programm u tal-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni, li min-naħa tiegħu jirriżulta f'dewmien fit-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-pagament min-naħa tal-Istati Membri, u b'hekk jimpedixxi l-implimentazzjoni bla xkiel tal-programmi;
11. Jemmen li ċ-ċentralizzazzjoni żejda u n-nuqqas ta' fiduċja jistgħu wkoll ikollhom rwol fid-dewmien tal-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, peress li xi Stati Membri u Awtoritajiet ta' Ġestjoni mhumiex daqstant ħerqana li jħallu aktar responsabbiltà għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, anke permezz ta' għodod ta' żvilupp ġodda bħalma huma l-Investiment Territorjali Integrat (ITI) u l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD); filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol tal-qafas regolatorju tal-UE fit-trawwim ta' din l-attitudni, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u r-reġjuni abbażi ta' eżempji ta' sottodelega li rnexxew;
12. Jenfasizza l-importanza ta' pagamenti f'waqthom għall-implimentazzjoni korretta u effikaċi tal-politika ta' koeżjoni, kif ukoll għall-kredibbiltà tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tinforma lill-Parlament bil-miżuri previsti sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Pagament fil-kuntest tal-baġit 2016 u anke għas-snin li ġejjin;
13. Jenfasizza l-fatt li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni (u l-aċċelerazzjoni tagħha) issa tista' tipprovdi lill-Kummissjoni xi punti importanti li wieħed jista' jitgħallem minnhom fil-prospettiva tad-diskussjoni dwar il-politika ta' koeżjoni futura għal wara l-2020; jitlob lill-Kummissjoni tħejji punti ewlenin li wieħed jista' jitgħallem minnhom u tidħol f'diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fir-rigward tal-futur tal-Fondi SIE wara l-2020 kmieni kemm jista' jkun, bil-għan li jiżdied l-użu mmirat u l-implimentazzjoni f'waqtha tagħhom;
14. Jirrimarka l-importanza li sa tmiem l-2016 l-Istati Membri jissodisfaw l-azzjonijiet dwar il-kundizzjonalitajiet ex ante sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programmi u tiġi evitata l-possibbiltà ta' sospensjoni tal-pagamenti interim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida komprensivi dwar l-akkwist pubbliku u dwar miżuri preventivi biex jiġu evitati żbalji u irregolaritajiet fl-akkwist, u tippubblika proċeduri standard ta' akkwist għall-benefiċjarji sabiex jiġu evitati korrezzjonijiet finanzjarji u l-possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet tal-UE jiġu kkanċellati;
15. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati kollha jikkoordinaw aħjar u jniedu inizjattivi ta' politika ta' komunikazzjoni effikaċi sabiex titqajjem kuxjenza pubblika dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u tingħatalha aktar viżibbiltà, u b'hekk il-pubbliku ġenerali jkun jista' jifhem aħjar ir-riżultati u l-impatt tal-politika ta' koeżjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tagħhom.