Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tartari tal-Krimea (2016/2692(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sħubija tal-Lvant, dwar l-Ukrajna u dwar il-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjoni ta' Valutazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Krimea mwettqa mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kummissarju Għoli tal-OSKE għall-Minoranzi Nazzjonali (HCNM),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu, tas-27 ta' Ġunju u tas-16 ta' Lulju 2014 li permezz tagħhom ġew imposti sanzjonijiet fuq il-Federazzjoni Russa b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Freedom House dwar il-libertà fid-dinja fl-2016 ("Freedom in the World 2016") li jivvaluta s-sitwazzjoni tal-libertajiet politiċi u ċiviċi fil-Krimea annessa illegalment bħala "mhux libera",
– wara li kkunsidra s-sentenza tas-26 ta' April 2016 tal-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea li ddikjarat li l-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea hija organizzazzjoni estremista u ordnat projbizzjoni fuq l-attivitajiet tagħha fil-peniżola tal-Krimea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-14 ta' April 2016 dwar is-sospensjoni tal-attivitajiet tal-Mejlis tat-Tartari tal-Krimea u tas-26 ta' April 2016 dwar id-deċiżjoni tal-"Qorti Suprema" tal-Krimea li tipprojbixxi l-attivitajiet tal-Mejlis,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' April 2016 li fiha ħeġġeġ ir-revoka tal-projbizzjoni fuq il-Mejlis, u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' April 2016 dwar ir-riskju li l-projbizzjoni tal-Mejlis tolqot lill-komunità Tartara tal-Krimea kollha kemm hi,
– wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Minsk tal-5 ta' Settembru 2014 u l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' pjan ta' paċi fi 12-il punt,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa żiedet illegalment lill-Krimea u lil Sevastopol mat-territorju tagħha, u għalhekk tikkostitwixxi Stat okkupanti li kiser id-dritt internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna tal-1997;
B. billi l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali esprimew ripetutament it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati u l-persekuzzjoni sistematika ta' dawk li ma jirrikonoxxux lill-awtoritajiet il-ġodda; billi dawn l-hekk imsejħa awtoritajiet qiegħdu fil-mira tagħhom lill-komunità indiġena tat-Tartari tal-Krimea, li l-maġġoranza tagħhom jopponu l-okkupazzjoni tal-peniżola min-naħa tar-Russja u bbojkottjaw l-hekk imsejjaħ referendum tas-16 ta' Marzu 2014; billi l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Tartari tal-Krimea qed jingħataw dejjem aktar spiss it-tikketta ta' "estremisti" u membri prominenti tal-komunità Tartara tal-Krimea qed jiġu arrestati bħala "terroristi" jew qegħdin f'riskju li jiġrilhom hekk; billi l-abbużi kontra t-Tartari jinkludu ħtif, għajbien furzat, vjolenza, tortura u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji li l-awtoritajiet de facto naqsu milli jinvestigaw u jipproċedu kontrihom, kif ukoll problemi ġuridiċi sistemiċi fir-rigward tad-drittijiet u r-reġistrazzjoni tal-proprjetà;
C. billi diversi mexxejja tat-Tartari tal-Krimea, fosthom Mustafa Dzhemilev u Rafat Chubarov, kienu twaqqfu milli jidħlu fil-Krimea iżda issa jistgħu jidħlu, għalkemm huma mhedda bl-arrest – u għalhekk jikkondividu l-istess destin bħal bosta membri oħra tal-Mejlis u diversi attivisti u persuni spostati mill-komunità Tartara tal-Krimea; billi, skont data pprovduta mill-Gvern tal-Ukrajna, aktar minn 20 000 membru tal-komunità Tartara tal-Krimea kellhom iħallu lill-Krimea okkupata u jmorru fl-Ukrajna kontinentali;
D. billi l-mexxej tal-poplu Tartar tal-Krimea, Mustafa Dzhemilev, li qatta' 15-il sena fil-ħabsijiet Sovjetiċi, ippubblika lista ta' 14-il membru tal-komunità Tartara tal-Krimea li huma priġunieri politiċi tal-hekk imsejħa awtoritajiet Russi tal-Krimea, inkluż Ahtem Çiygoz, l-Ewwel Viċi President tal-Mejlis, li qed jinżamm arrestat f'Simferopol sakemm jinfetaħ il-proċess kontrih; jitlob attenzjoni partikolari fir-rigward tal-istat ta' saħħtu u jenfasizza l-importanza li l-proċess fil-konfront tiegħu ikun pubbliku u ssorveljat mill-Kunsill tal-Ewropa u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;
E. billi l-Federazzjoni Russa qed tillimita l-aċċess għall-Krimea mhux biss min-naħa tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti indipendenti, iżda anke tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), in-NU u l-Kunsill tal-Ewropa; billi n-nuqqas ta' aċċess irendi l-monitoraġġ u r-rappurtar fil-Krimea diffiċli ħafna;
F. billi l-popolazzjoni kollha tat-Tartari tal-Krimea, poplu indiġenu ta' dan it-territorju, fl-1944 sfat deportata bil-forza lejn partijiet oħra ta' dik li kienet l-Unjoni Sovjetika, mingħajr il-possibbiltà li tirritorna sal-1989; billi fit-12 ta' Novembru 2015 il-Verkhovna Rada tal-Ukrajna adotta riżoluzzjoni li fiha rrikonoxxa d-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea fl-1944 bħala ġenoċidju u stabbilixxa t-18 ta' Mejju bħala Jum ta' Tifkira;
G. billi, fis-26 ta' April 2016, l-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea ddeċidiet favur talba min-naħa tal-hekk imsejħa Prosekutur Ġenerali tal-Krimea, Natalia Poklonskaya, li akkużat lill-Mejlis – il-korp rappreżentattiv tat-Tartari tal-Krimea sa mit-twaqqif tiegħu fl-1991 u bi status ġuridiku sħiħ minn Mejju 1999 – b'estremiżmu, terroriżmu, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, azzjonijiet illegali u atti ta' sabutaġġ kontra l-awtoritajiet;
H. billi l-Mejlis issa ġie ddikjarat bħala organizzazzjoni estremista u ddaħħal mill-Ministeru tal-Ġustizzja Russu fil-lista ta' NGOs li l-attivitajiet tagħhom jeħtieġ jiġu sospiżi; billi, konsegwentement, l-attivitajiet tal-Mejlis ġew ipprojbiti fil-Krimea u fir-Russja; billi din il-projbizzjoni tista' tapplika għall-aktar minn 2 500 membru tal-250 Mejlis tal-bliet u l-irħula fil-Krimea;
I. billi d-deċiżjoni tal-hekk imsejħa Prosekutur Ġenerali u Qorti Suprema tal-Krimea huma parti intrinsika mill-politika ta' repressjoni u intimidazzjoni min-naħa tal-Federazzjoni Russa, li qiegħda tikkastiga lill-minoranza għal-lealtà tagħha lejn l-Istat Ukren matul l-annessjoni illegali tal-peniżola li seħħet sentejn ilu;
J. billi hemm ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali (inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' The Hague tal-1907, ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokoll Addizzjonali I tagħha tal-1977), li jgħid li potenza okkupanti ma tistax tipproċedi kontra persuni ċivili għal reati li jkunu seħħew qabel l-okkupazzjoni u li l-liġijiet kriminali tat-territorju okkupat għandhom jibqgħu fis-seħħ;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea li tipprojbixxi lill-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea, u jitlob ir-revoka immedjata tagħha; iqis li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi persekuzzjoni sistemika u mmirata tat-Tartari tal-Krimea, u li hija azzjoni politikament motivata u mmirata lejn aktar intimidazzjoni fil-konfront tar-rappreżentanti leġittimi tal-komunità Tartara; jenfasizza l-importanza ta' dan il-korp deċiżjonali elett demokratikament li jirrappreżenta lill-Poplu Tartar tal-Krimea;
2. Jirrimarka li l-projbizzjoni fuq il-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea, li huwa l-korp rappreżentattiv leġittimu u rikonoxxut tal-poplu indiġenu tal-Krimea, se tipprovdi art fertili biex tiżdied l-istigma fil-konfront tat-Tartari tal-Krimea, u li dan se jwassal għal aktar diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili bażiċi tagħhom u huwa tentattiv biex jitkeċċew mill-Krimea, li storikament hija art twelidhom; jesprimi tħassib dwar il-fatt li t-tikkettar tal-Mejlis bħala organizzazzjoni estremista tista' twassal għal akkużi ulterjuri skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa;
3. Ifakkar li l-projbizzjoni tal-Mejlis tfisser li dan il-korp mhux se jkun jista' jiltaqa', jippubblika l-opinjonijiet tiegħu fil-mezzi tax-xandir, jorganizza avvenimenti pubbliċi jew juża kontijiet bankarji; jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tal-Mejlis tul l-eżilju tiegħu; jitlob li jiżdiedu l-fondi għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li qed jaħdmu f'isem il-Krimea;
4. Ifakkar, bi swied il-qalb, it-tieni anniversarju tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa fl-20 ta' Frar 2014; ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront ta' dak l-att, li kien bi ksur tad-dritt internazzjonali; jesprimi l-impenn qawwi tiegħu favur il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea u favur is-sanzjonijiet imposti wara l-annessjoni, u jitlob li titqies il-possibbiltà li tiġi estiża l-lista ta' persuni fil-mira tas-sanzjonijiet tal-UE b'rabta mal-projbizzjoni tal-Mejlis; jistieden lill-Istati Membri jimxu strettament ma' dik il-lista; jiddeplora ż-żjarat fil-Krimea – organizzati mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet Ukreni – min-naħa ta' xi politiċi mill-Istati Membri tal-UE, inklużi membri tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, u jistieden lill-membri parlamentari joqogħdu lura minn żjarat bħal dawn fil-futur;
5. Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza politika, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-riintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea fl-ordni ġuridiku Ukren permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jemmen li r-ritorn għall-kontroll Ukren fil-peniżola huwa fundamentali biex jerġgħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa, li jinkludu s-sospensjoni tas-sanzjonijiet relatati mal-Krimea;
6. Jikkundanna r-restrizzjonijiet serji fuq il-libertajiet ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, inkluż f'avvenimenti kommemorattivi tradizzjonali fosthom l-anniversarju tad-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea min-naħa tar-reġim totalitarju Sovjetiku ta' Stalin u l-avvenimenti kulturali tat-Tartari tal-Krimea;
7. Jikkundanna r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Krimea, b'mod partikolari l-irtirar tal-liċenzja tal-ATR, l-akbar stazzjon televiżiv Tartar tal-Krimea; jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta' dan l-istazzjon, kif ukoll tal-istazzjon televiżiv tat-tfal Lale u l-istazzjon tar-radju Meydan; iqis li dawn l-atti jċaħħdu lill-poplu Tartar tal-Krimea minn strument essenzjali biex iżommu l-identità kulturali u lingwistika tagħhom; jinnota l-ftuħ tal-istazzjon televiżiv il-ġdid Millet, u jitlob li tiġi żgurata l-indipendenza editorjali sħiħa tiegħu;
8. Jiddeplora bil-qawwa r-restrizzjonijiet sistematiċi fuq il-libertà ta' espressjoni bl-iskuża tal-estremiżmu, kif ukoll il-monitoraġġ tal-midja soċjali bil-għan li jiġu identifikati l-attivisti li ma jirrikonoxxux l-ordni l-ġdid u li jikkritikaw il-validità tar-"referendum" li sar fis-16 ta' Marzu 2014; ifakkar li mitt stat membru tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ħadu l-istess pożizzjoni bl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni 68/262;
9. Ifakkar li, tul l-istorja, it-Tartari indiġeni tal-Krimea sofrew inġustizzji li wasslu għad-deportazzjoni massiċċa tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Sovjetiċi kif ukoll għall-esproprjazzjoni tal-artijiet u r-riżorsi tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-politiki diskriminatorji applikati mill-hekk imsejħa awtoritajiet qed jimpedixxu r-ritorn ta' tali proprjetajiet u riżorsi, jew qed jintużaw bħala strument biex jinxtara l-appoġġ;
10. Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, li skont id-dritt umanitarju internazzjonali għandha r-responsabbiltà finali bħala l-istat okkupanti fil-Krimea, tirrispetta l-ordni ġuridiku fil-Krimea u tipproteġi liċ-ċittadini minn miżuri u deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji, u b'hekk tissodisfa l-impenji tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u twettaq investigazzjonijiet internazzjonali indipendenti fir-rigward ta' kwalunkwe ksur tad-dritt internazzjonali jew tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-forzi okkupanti u l-hekk imsejħa awtoritajiet lokali; jitlob ir-riattivazzjoni tal-grupp ta' kuntatt għall-qraba tal-persuni li għebu;
11. Jitlob li l-korpi internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw aċċess permanenti u mingħajr xkiel għall-Krimea, bil-għan li jitwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ukrajna li, bil-għan li terġa' tiġi stabbilita s-sovranità Ukrena fil-Krimea, tistabbilixxi mekkaniżmu ta' negozjati internazzjonali fil-format "Ġinevra +", li għandu jinkludi l-involviment dirett tal-UE; jistieden lill-Federazzjoni Russa tibda negozjati dwar id-deokkupazzjoni tal-Krimea mal-Ukrajna u mal-partijiet l-oħra, sabiex jitneħħew l-embargos fuq il-kummerċ u l-enerġija u jiġi revokat l-istat ta' emerġenza fil-Krimea;
13. Jitlob li jiġi ppreservat l-ambjent multikulturali storiku u tradizzjonali tal-Krimea u li jkun hemm rispett sħiħ għall-Ukren, it-Tartar u minoranzi lingwistiċi u kulturali oħra; jikkundanna l-pressjoni ġuridika fuq l-organizzazzjonijiet kulturali u edukattivi tat-Tartari tal-Krimea, fosthom dawk li jaħdmu mat-tfal Tartari tal-Krimea;
14. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tinvestiga l-każijiet kollha ta' tortura ta' priġunieri arrestati b'mod illegali fil-Krimea, fosthom Ahtem Çiygoz, l-Ewwel Viċi President tal-Mejlis, Mustafa Degermendzhi u Ali Asanov, li ġew arrestati fil-Krimea mill-hekk imsejħa awtoritajiet lokali talli pprotestaw paċifikament kontra l-okkupazzjoni, u tiggarantixxi r-ritorn sikur tagħhom lejn l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu għall-ħelsien ta' Oleg Sentsov u Oleksandr Kolchenko; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa ttemm il-persekuzzjoni politika tad-dissidenti u l-attivisti ċiviċi; jikkundanna t-trasferiment sussegwenti tagħhom lejn il-Federazzjoni Russa u l-attribuzzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa; jistieden lill-Federazzjoni Russa tikkoopera mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-OSKE fil-każijiet imsemmija hawn fuq;
15. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tippermetti l-aċċess għall-Krimea min-naħa tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-għan li jitwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-ksur gravi kontinwu tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-Konvenzjonijiet; jenfasizza li kwalunkwe preżenza internazzjonali fuq il-post għandha tkun ikkoordinata sew, miftiehma mal-Ukrajna u appoġġjata mill-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem;
16. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fil-Krimea, li marret ferm għall-agħar wara l-annessjoni mar-Russja;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea.