Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2693(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0591/2016

Dibattiti :

PV 12/05/2016 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.2

Testi adottati :

P8_TA(2016)0219

Testi adottati
PDF 273kWORD 91k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Gambja
P8_TA(2016)0219RC-B8-0591/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar il-Gambja (2016/2693(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Gambja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015(1),

–  wara li kkunsidra diversi mistoqsijiet parlamentari rigward is-sitwazzjoni fil-Gambja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-17 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gambja,

–  wara li kkunsidra diversi dikjarazzjonijiet magħmula mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Gambja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana tat-28 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Gambja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fis-17 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, Addendum: Missjoni fil-Gambja, tat-2 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji dwar il-Gambja tal-11 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rieżami Universali Perjodiku dwar il-Gambja tal-24 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Gambja,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Yahya Jammeh ħataf il-poter fil-Gambja permezz ta' kolp ta' stat militari fl-1994; billi hu kien ġie elett President fl-1996 u minn dak iż-żmien lil hawn reġa' ġie elett għal tliet darbiet, f'ċirkostanzi kkontestati;

B.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali huma ppjanati li jsiru fl-1 ta' Diċembru 2016 u l-elezzjonijiet leġiżlattivi fis-6 ta' April 2017; billi l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali, li saru fl-2011, ġew ikkundannati mill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Punent tal-Afrika (ECOWAS) peress li qisiethom bħala nieqsa mil-leġittimità u akkumpanjati minn ripressjoni u intimidazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni u tal-elettorat tagħhom;

C.  billi protesta paċifika li saret fl-14 ta' April 2016 f'Serekunda, subborg tal-kapital Banjul, li talbet riforma elettorali, wasslet għal reazzjonijiet vjolenti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-Gambja u detenzjoni arbitrarja tad-dimostranti, fosthom bosta membri tal-Partit Demokratiku Magħqud (UDP); billi Solo Sandeng, il-kap tal-oppożizzjoni u membru tal-UDP, miet f'ċirkostanzi suspettużi waqt li kien f'detenzjoni ftit wara li ġie arrestat;

D.  billi membri tal-UDP inġabru mill-ġdid fis-16 ta' April 2016 biex jitolbu ġustizzja għall-mewt tas-Sur Sandeng u l-ħelsien ta' membri oħra tal-partit tagħhom; billi l-pulizija tefgħu il-gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti u arrestaw għadd ta' persuni;

E.  billi kap ieħor tal-oppożizzjoni, Ousainou Darboe, u uffiċjali għolja oħra tal-partit, ġew arrestati u miżmuma mill-istat, u skont kif ingħad, ġarrbu ġrieħi gravi;

F.  billi Alagie Abdoulie Ceesay, id-direttur eżekuttiv tal-istazzjon tar-radju indipendenti Teranga FM, li ġie arrestat fit-2 ta' Lulju 2015 mill-Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali, ġie miċħud id-dritt għall-ħelsien fuq garanzija personali għal tliet darbiet minkejja l-kundizzjoni ħażina ta' saħħtu;

G.  billi f'Marzu 2016, il-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ħareġ opinjoni, adottata matul l-aħħar sessjoni tiegħu f'Diċembru 2015, li fiha enfasizza li s-Sur Ceesay ġie mċaħħad mil-libertà b'mod arbitrarju u li fiha talab li l-Gambja teħilsu u twaqqa' l-akkużi kollha kontrih;

H.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fil-Gambja huma vittmi ta' prattiki abbużivi u ta' leġiżlazzjoni ripressiva u ta' sikwit jiffaċċjaw fastidju u intimidazzjoni, arrest u detenzjoni u għajbien jew eżilju furzati;

I.  billi t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin huma użati regolarment fil-Gambja; billi huwa rrapportat li persuni ġew regolarment ittorturati brutalment jew trattati ħażin b'modi oħra sabiex jiġu mġiegħla jipproduċu "konfessjonijiet", li mbagħad jintużaw fil-qorti, kif muri fir-rapport imħejji wara ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra fil-Gambja fl-2014;

J.  billi l-Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali u l-pulizija regolarment iwettqu detenzjonijiet arbitrarji, bħal fil-każ tal-ex Viċi Ministru tal-Agrikoltura, Ousman Jammeh, u l-istudjużi Islamiċi Sheikh Omar Colley, l-Imam Ousman Sawaneh u l-Imam Cherno Gassama, u individwi ta' sikwit jiġu miżmuma mingħajr att ta' akkuża u lil hinn mill-limitu ta' 72 siegħa li matulu l-persuna suspettata trid titressaq quddiem qorti, bi ksur tal-kostituzzjoni;

K.  billi l-leġiżlazzjoni attwali kontra l-omosesswalità fil-Gambja tipprevedi żminijiet twal ta' ħabs u multi ħorox għall-"omosesswalità aggravata"; billi l-persuni LGBTI ta' sikwit huma vittmi ta' attakki, theddid jew arresti arbitrarji mill-forzi tas-sigurtà u xi wħud minnhom ġew imġiegħla jħallu l-pajjiż għas-sikurezza tagħhom stess;

L.  billi l-Gambja huwa wieħed mill-ħmistax-il pajjiż l-aktar fqar fid-dinja bi kważi kwart tal-popolazzjoni qiegħda tiffaċċja insigurtà tal-ikel kronika; billi l-pajjiż huwa dipendenti ħafna fuq l-għajnuna internazzjonali; billi 14 475 Gambjan applikaw għal asil fl-UE sa mill-2015;

M.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Gambja tqajjem tħassib reali; billi l-UE qiegħda tindirizza dawn il-kwistjonijiet permezz ta' djalogu skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou sa minn tmiem l-2009, iżda bi ftit progress konkret;

N.  billi, wara tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-UE naqqset drastikament l-għajnuna tagħha lill-Gambja, għalkemm għadha l-akbar donatur ta' għajnuna lill-Gambja b'total ta' EUR 33 miljun allokati għall-programm indikattiv nazzjonali (PIN) għall-perjodu 2015-2016; billi wara dan it-tnaqqis fl-għajnuna, il-President Jammeh keċċa ħesrem lix-Chargé d'Affaires tal-UE għall-Gambja, Agnes Guillard, f'Ġunju 2015;

O.  billi l-PIN għall-Gambja għall-2015-2016 jipprevedi investimenti fl-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll fis-settur tat-trasport, iżda ma ġewx allokati fondi għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, il-governanza demokratika jew għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

P.  billi l-Gambja hija membru tal-ECOWAS; billi f'Lulju 2014, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika ġie konkluż bejn l-UE u l-ECOWAS, u se jiġi ratifikat fl-2016; billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika għandhom mhux biss isaħħu l-kummerċ ġust iżda wkoll id-drittijiet tal-bniedem u l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

Q.  billi l-Gambja hija Stat Membru tal-Unjoni Afrikana (UA), Stat parti tal-Karta Afrikana u firmatarja tal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

R.  billi l-Att ta' Emenda dwar l-Elezzjonijiet tal-2015 ineħħi mix-xena lill-partiti tal-oppożizzjoni bl-impożizzjoni ta' prezzijiet għoljin, u dan iqiegħed lill-Gambja fost l-aktar pajjiżi għaljin biex wieħed jikkontesta għal karigi pubbliċi u b'hekk jiġu limitati d-drittijiet taċ-ċittadini;

1.  Jesprimi l-aktar tħassib serju tiegħu fir-rigward tas-sigurtà u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin jiddeterjoraw rapidament fil-Gambja u jiddeplora l-attakki tal-14 u tas-16 ta' April 2016 kontra dimostranti paċifiċi;

2.  Jitlob il-ħelsien immedjat tad-dimostranti kollha arrestati b'rabta mal-protesti tal-14 u tas-16 ta' April 2016; jitlob li l-Gvern tar-Repubblika tal-Gambja jiggarantixxi proċess ġust lil kwalunkwe persuna suspettata li tinsab detenuta abbażi ta' allegazzjonijiet ta' parteċipazzjoni fit-tentattiv għal bidla mhux kostituzzjonali tal-gvern; jistieden lill-awtoritajiet tal-Gambja jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika ta' dawn il-persuni suspettati fiċ-ċirkostanzi kollha u biex jipprovdu trattament mediku mingħajr dewmien lil dawk midruba; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward ix-xhieda ta' tortura u ta' trattament ħażin ta' priġunieri oħrajn;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Gambjani biex iwettqu investigazzjoni rapida u indipendenti ta' dawn l-avvenimenti, u b'mod partikolari jesprimi tħassib serju dwar il-mewt rappurtata tal-attivist tal-oppożizzjoni Solo Sandeng waqt li kien f'detenzjoni;

4.  Jikkundanna bil-qawwi l-għajbien furzat, id-detenzjonijiet arbitrarji, it-tortura u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem immirati lejn vuċijiet dissidenti, inklużi ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-kritiċi, kif ukoll lejn persuni lesbjani, gay, bisesswali u transġeneru, taħt il-gvern tal-president Yahya Jammeh; jitlob li kwalunkwe priġunier detenut f'iżolament jiġi pproċessat jew meħlus;

5.  Jistieden lill-UE u lill-UA jaħdmu mal-Gambja biex jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji kontra t-tortura, jiżguraw aċċess indipendenti għall-priġunieri u jirriformaw il-leġiżlazzjoni kollha li xxekkel id-drittijiet ta' libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, inklużi r-reati kriminali ta' sedizzjoni, libell kriminali, u "tixrid ta' informazzjoni falza" fil-Kodiċi Kriminali u l-emendar tal-Att dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-2013, li jinkludi ċ-ċensura tal-espressjoni online;

6.  Jistieden lill-Gambja tirratifika l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Gambja jinvestiga l-provi dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali, jiżviluppa leġiżlazzjoni li tindirizza drittijiet ugwali għaċ-ċittadini, fosthom kwistjonijiet ta' inugwaljanza, u jkompli bil-pjanijiet li jistabbilixxi Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, skont il-Prinċipji ta' Pariġi dwar l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, biex jinvestiga u jissorvelja abbużi allegati tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gambja u lill-awtoritajiet reġjonali jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex itemmu d-diskriminazzjoni kontra u l-attakki u l-kriminalizzazzjoni ta' persuni LGBTI u biex jiggarantixxi d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, inkluż it-tneħħija mill-Kodiċi Kriminali Gambjan ta' dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw lill-persuni LGBTI;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Gambjani biex jevitaw kwalunkwe diskriminazzjoni reliġjuża u biex jaġixxu favur djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-komunitajiet kollha;

10.  Jistieden lill-ECOWAS u lill-UA biex jibqgħu impenjati kontra l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-reġim Gambjan; ifakkar li s-sigurtà u l-istabilizzazzjoni għadhom sfidi kbar fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-UA u l-ECOWAS jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Gambja u jżommu djalogu politiku permanenti mal-awtoritajiet Gambjani dwar it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Gambja jirratifika l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza qabel l-elezzjonijiet presidenzjali ppjanati għal Diċembru 2016;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Gambja jimpenja ruħu fi djalogu ġenwin mal-partiti politiċi kollha tal-oppożizzjoni dwar riformi leġiżlattivi u ta' politika li jiżguraw elezzjoni ħielsa u ġusta u jiggarantixxu r-rispett għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, skont l-obbligi internazzjonali tal-Gambja; ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili indipendenti f'elezzjonijiet nazzjonali indipendenti u ħielsa hija fattur importanti għas-suċċess ta' dawn l-elezzjonijiet;

13.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, inkluż l-organizzazzjonijiet lokali tad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs, kif ukoll lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Gambja u istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, sabiex jimmonitorjaw b'mod attiv il-proċedura elettorali, b'attenzjoni speċjali għall-garanzija tar-rispett pubbliku għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni;

14.  Jistieden lill-Gvern tal-Gambja jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiggarantixxi, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett sħiħ tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa; jitlob, f'dan ir-rigward, riforma tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni sabiex iġġib il-leġiżlazzjoni nazzjonali f'konformità mal-istandards internazzjonali;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-PIN għall-2015-2016 għall-Gambja ma jistabbilixxi l-ebda appoġġ jew fond għas-soċjetà ċivili jew għall-governanza demokratika, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-governanza demokratika, l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ikunu setturi fokali ta' kull ftehim futur għall-kooperazzjoni fl-izvilupp li jiġi kkunsidrat bejn l-UE u l-Gambja;

16.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Gambja tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, timmonitorja b'mod attiv il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fil-Gambja, u takkumpanja u ssegwi l-investigazzjonijiet dwar is-soppressjoni tal-protesti tal-14 u tas-16 ta' April 2016 mill-gvern u t-trattament tad-dimostranti f'detenzjoni, u biex tintensifika ulterjorment l-isforzi biex tinvolvi ruħha ma' membri tal-oppożizzjoni politika, mexxejja ta' studenti, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, uffiċjali ta' trade unions u ma' mexxejja LGBTI;

17.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iwettqu konsultazzjoni pubblika skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, u biex jikkunsidraw li jiffriżaw kull għajnuna mhux umanitarja lill-Gvern tal-Gambja u biex jimponu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew sanzjonijiet immirati fuq uffiċjali responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Punent tal-Afrika, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Gambja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0079.

Avviż legali - Politika tal-privatezza