Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut (2016/2532(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-sigurtà tal-Ikel u jistabilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali(4),
– Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006(5).
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha(6),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut (O-000052/2016 – B8-0365/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE hija l-ikbar suq tal-frott tal-baħar li huwa fornut kemm mis-settur tas-sajd tal-UE kif ukoll mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;
B. billi l-konsumaturi għandhom id-dritt għal informazzjoni espressa f'termini li jinftiehmu, inkluża informazzjoni kostali u ġeografika dwar iż-żoni ta' qbid, u għandhom ikunu kapaċi jistrieħu kompletament fuq il-katina kollha li tipprovdi prodotti tas-sajd fis-suq tal-UE; billi l-UE u l-Istati Membri għandhom id-dover li jipproteġu liċ-ċittadini tal-UE minn atti frawdolenti; billi l-prodotti importati kollha għandhom jikkonformaw mar-regoli u mal-istandards tal-UE;
C. billi l-Kummissjoni qed tħejji inventarju dettaljat u eżawrjenti ta' talbiet volontarji marbuta ma' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jiġu kkummerċjalizzati fl-UE; billi s-sejbiet tal-Kummissjoni jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta' struttura esterna li tiċċertifika talbiet volontarji għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fis-suq tal-UE;
D. billi l-pjan ta' kontroll tal-UE għall-2015 tal-Kummissjoni(7) fil-valutazzjoni tal-prevalenza fis-suq ta' ħut abjad ittikkettat ħażin f'dik li hi l-ispeċi ddikjarata tiegħu wera li l-ispeċi ddikjarata ġiet ikkonfermata f'94 % tal-kampjuni meħuda; madankollu, għal ċerti speċi, il-livelli ta' non-konformità kienu għoljin ħafna, u r-rata ta' 6 % hija kkunsidrata bħala relattivament baxxa meta mqabbla ma' studji oħrajn aktar limitati fl-Istati Membri;
E. billi l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 jirrikjedi li l-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament u lill-Kunsill rapport ta' fattibbiltà dwar opzjonijiet għal skema ta' ekotikketta għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, sal-1 ta' Jannar 2015;
F. billi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) għandha tiggarantixxi kompetizzjoni u dħul ġusti għall-produtturi ta' prodotti tas-sajd mibjugħa jew mixtrija fl-UE;
1. Jesprimi t-tħassib serju u l-iskuntentizza tiegħu b'rabta mar-riżultati ta' diversi studji li juru livelli sinifikanti ta' tikkettar ħażin ta' prodotti tal-ħut mibjugħa fis-suq tal-UE, inkluż fir-ristoranti tal-istituzzjonijiet tal-UE; jafferma mill-ġdid li t-tikkettar żbaljat intenzjonali u frawdolenti ta' speċijiet tal-ħut huwa ksur tar-regolamenti tal-UE, inkluża l-Politika Komuni tas-Sajd, u jista' jikkostitwixxi reat kriminali skont il-liġi nazzjonali;
2. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli nazzjonali, inkluż dwar ħut mhux proċessat għal ristoranti u fis-settur tal-catering, fi sforz biex jiġu indirizzati l-frodi u biex jiġi identifikat l-istadju tal-katina tal-provvista fejn il-ħut ikun ittikkettat ħażin; huwa mħasseb dwar il-livell ta' sostituzzjoni ta' speċijiet ta' kwalità għolja bi speċijiet ta' kwalità aktar baxxa; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw liema miżuri jistgħu jiġu implimentati biex titjieb t-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jappoġġa l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma li jarmonizza l-implimentazzjoni ta' traċċabilità fl-Istati Membri kollha u l-ħolqien ta' struttura esterna li tippermetti ċertifikazzjoni ta' talbiet volontarji għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fis-suq tal-UE;
3. Jappoġġa sistema b'saħħitha ta' traċċabbiltà, mill-ħatt l-art sal-konsum, li tagħti fiduċja lill-konsumaturi, u min-naħa l-oħra, tnaqqas id-dipendenza kummerċjali fuq il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura importati, biex b'hekk jissaħħaħ is-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta l-potenzjal ta' DNA barcoding li jista' jgħin fl-identifikazzjoni tal-ispeċijiet skont sekwenzjar tad-DNA, biex it-traċċabbiltà tittejjeb;
4. Jilqa' l-qafas il-ġdid tal-OKS u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, bi qbil mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, tressaq rapport ta' fattibbiltà dwar opzjonijiet għal skema ta' ekotikketta għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards minimi għall-ekotikkettar; jikkunsidra li l-elementi ewlenin tas-sistema ta' tikkettar għandhom jiżguraw it-trasparenza, l-indipendenza u l-kredibbiltà tal-proċess ta' ċertifikazzjoni; jitlob li ssir analiżi fil-fond dwar il-benefiċċji tal-ħolqien ta' sistema ta' tikkettar madwar l-UE kollha;
5. Jappella lill-Kummissjoni timmonitorja fuq bażi regolari sa fejn l-informazzjoni meħtieġa qed tidher fuq it-tikketti; jenfasizza li tikkettar ċar jeħtieġ li jipprovdi informazzjoni li tinftiehem, verifikabbli u preċiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' tikkettar volontarju, biex jagħtu l-informazzjoni kollha disponibbli li tippermetti lill-konsumatur jagħmel għażla informata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta' tikkettar għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;
6. Jenfasizza li politika ta' tikkettar Ewropea tajba fis-settur tas-sajd tkun fattur ewlieni biex tingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku tal-komunitajiet kostali, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-aħjar prattiki tas-sajjieda u billi tkun sottolinjata l-kwalità tal-prodotti li jipprovdu lill-konsumaturi;
7. Jappella lill-Kummissjoni, fl-interess li jiġi garantit id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni preċiża, affidabbli u komprensibbli, li tadotta miżuri biex tirrimedja konfużjoni ikkawżata mir-rekwiżiti attwali ta' tikkettar ibbażat fuq żoni u sottożoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), li hija partikolarment serja fil-każ ta' qabdiet f'xi sottożoni taż-żona 27, fejn b'mod partikolari l-Galizja u l-Golf ta' Cádiz huma mmarkati bħala "Ibħra Portugiżi", Wales bħala "Il-Baħar Irlandiż" u l-Brittanja bħala "l-Golf tal-Biskalja";
8. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti tas-sajd tiġi nkluża b'mod trasparenti u ċar;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe ekotikketta mifruxa mal-Unjoni kif ukoll skemi ta' ekotikkettar u ta' ċertifikazzjoni futuri minn partijiet terzi tal-frott tal-baħar ikunu konsistenti mal-linji gwida tal-FAO għall-Ekotikkettar tal-Prodotti tal-Ħut u tas-Sajd minn Żoni ta' Qbid Marittimu;
10. Iqis li l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, liema kriterji għandhom jiġu diskussi ulterjorment fil-livell tal-UE, tista' tikkontribwixxi biex tissaħħaħ it-traċċabbiltà u l-forniment ta' informazzjoni trasparenti lill-konsumaturi; jemmen li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS) jista' jiffinanzja tali tikketta;
11. Jinnota li xi denominazzjonijiet ta' ħut kummerċjali fis-seħħ fl-Istati Membri jvarjaw bejniethom minħabba prattiki nazzjonali li jistgħu jwasslu għal ċertu grad ta' konfużjoni; jilqa' l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni sabiex jitnieda proġett pilota, kif adottat mill-Parlament, biex tiġi introdotta bażi ta' data pubblika li tipprovdi informazzjoni dwar denominazzjonijiet kummerċjali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika b'mod aktar effettiv il-ħidma tagħha għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-baħar u fil-ġlieda kontra s-sajd illegali;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.