Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0607/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0223

Testi adottati
PDF 255kWORD 71k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2016 - Strasburgu
L-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina
P8_TA(2016)0223RC-B8-0607/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina (2016/2667(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-antidumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea(1)),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar qawwiet kummerċjali fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, u bi flussi kummerċjali bejniethom li jisbqu sewwa l-EUR 1 biljun kull jum;

B.  billi fl-2015 l-investiment ġej miċ-Ċina lejn l-UE għall-ewwel darba qabeż l-investiment sejjer mill-UE lejn iċ-Ċina; billi s-suq Ċiniż ilu għal xi żmien il-mutur ewlieni tal-profitti għal għadd ta' industriji u marki Ewropej;

C.  billi, meta ċ-Ċina ssieħbet fid-WTO, arranġament għal din l-adeżjoni ppreveda metodoloġija speċifika għall-kalkolu tad-dumping, li ddaħħlet fit-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina u li sservi ta' bażi għat-trattament differenti li jingħata lill-importazzjonijiet miċ-Ċina;

D.  billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-importazzjonijiet miċ-Ċina wara Diċembru 2016 għandha tiżgura l-konformità tad-dritt tal-UE mar-regoli tad-WTO;

E.  billi d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO li jibqgħu fis-seħħ wara l-2016 jipprovdu bażi għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard għall-importazzjonijiet miċ-Ċina wara l-2016;

F.  billi, fid-dawl tal-livell kurrenti ta' influwenza tal-istat fuq l-ekonomija Ċiniża, id-deċiżjonijiet tad-ditti dwar il-prezzijiet, il-kostijiet, l-outputs u l-inputs ma jirrispondux għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda;

G.  billi, fil-Protokoll ta' Adeżjoni tagħha, iċ-Ċina ntrabtet li, inter alia, tippermetti li l-prezzijiet kollha tagħha jiġu ddeterminati mill-forzi tas-suq, u billi l-UE jeħtiġilha tiżgura li ċ-Ċina tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħha fi ħdan id-WTO;

H.  billi s-sovrakapaċità taċ-Ċina diġà qed ikollha konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali qawwija fl-UE, kif wera dan l-aħħar l-impatt negattiv fuq is-settur tal-azzar tal-UE, b'mod partikolari fir-Renju Unit, u billi l-impatt soċjali fuq l-impjiegi fl-UE tal-għoti liċ-Ċina ta' status ta' ekonomija tas-suq (MES) jaf ikun sostanzjali;

I.  billi 56 mit-73 miżura ta' antidumping li huma fis-seħħ illum fl-UE japplikaw għall-importazzjonijiet miċ-Ċina;

J.  billi l-konsultazzjoni pubblika konkluża reċentement dwar il-possibbiltà li ċ-Ċina tingħata l-istatus ta' ekonomija tas-suq tista' tipprovdi informazzjoni addizzjonali li taf tkun utli biex tiġi indirizzata l-kwistjoni;

K.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582) tistabbilixxi l-objettiv li, sal-2020, is-sehem tal-industrija fil-PDG tal-UE jiżdied għal 20 %,

1.  Itenni l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina, f'liema sħubija l-kummerċ ħieles u ġust u l-investiment għandhom rwol importanti;

2.  Jenfasizza li ċ-Ċina mhijiex ekonomija tas-suq, u li l-ħames kriterji stabbiliti mill-UE għad-definizzjoni ta' ekonomiji tas-suq għadhom ma ġewx issodisfati;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina mas-sħab kummerċjali l-kbar tal-UE, inkluż fil-kuntest tas-Summits tal-G7 u tal-G20 li dalwaqt isiru, dwar l-aħjar mod kif jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO li jibqgħu fis-seħħ wara l-2016 jingħataw tifsira ġuridika sħiħa fil-proċeduri nazzjonali tagħhom, u li nopponu kull konċessjoni unilaterali ta' MES liċ-Ċina;

4.  Jenfasizza li, fis-Summit li ġej bejn l-UE u ċ-Ċina, il-kwistjonijiet relatati mal-MES għandhom jiġu diskussi;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tqis kif jixraq it-tħassib espress mill-industrija, mit-trejdjunjins u minn partijiet interessati oħra tal-UE, dwar il-konsegwenzi għall-impjiegi tal-UE u għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-setturi kollha tal-manifattura milquta u għall-industrija tal-UE kollha kemm hi, u li tiżgura, f'dan il-kuntest, li l-impjiegi fl-UE jkunu difiżi;

6.  Huwa konvint li, sakemm iċ-Ċina ma tissodisfax il-ħames kriterji tal-UE meħtieġa biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq, l-UE għandha tuża metodoloġija mhux standard f'investigazzjonijiet antidumping u antisussidji fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi fid-determinazzjoni tal-komparabbiltà tal-prezzijiet, bi qbil ma' u b'effett sħiħ ta' dawk il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina li jipprovdu spazju għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel proposta konformi ma' dan il-prinċipju;

7.  B'mod parallel, jisħaq fuq il-ħtieġa imminenti li ssir riforma ġenerali tal-istrumenti tal-Unjoni Ewropea għad-difiża tal-kummerċ, bil-għan li l-industrija tal-UE jkollha garanzija ta' kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni maċ-Ċina u ma' sħab kummerċjali oħra, fir-rispett sħiħ tar-regoli tad-WTO; jitlob li l-Kunsill iħabrek bil-ħeffa għal qbil mal-Parlament Ewropew dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għad-difiża tal-kummerċ;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

Avviż legali - Politika tal-privatezza