Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2583(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0545/2016

Testi mressqa :

B8-0545/2016

Dibattiti :

PV 11/05/2016 - 19

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0225

Testi adottati
PDF 358kWORD 101k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2016 - Strasburgu
L-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal ċerti prodotti tal-ikel
P8_TA(2016)0225B8-0545/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal ċerti prodotti tal-ikel (2016/2583(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004(1) (ir-"Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi"), u b'mod partikolari l-Artikoli 26(5) u (7) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-20 ta' Mejju 2015 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ħalib, tal-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib u ta' tipi ta' laħam għajr il-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur (COM(2015)0205), u dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għall-ikel mhux ipproċessat, prodotti b'ingredjent uniku u ingredjenti li jirrapreżentaw iktar minn 50 % ta' prodott tal-ikel (COM(2015)0204),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2013 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż ta' provenjenza tal-laħam li jintuża bħala ingredjent (COM(2013)0755), u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar it-tikkettar tal-oriġini għal-laħam li jintuża bħala ingredjent: l-attitudni tal-konsumaturi, il-fattibilità ta' xenarji possibbli u l-impatti (SWD(2013)0437),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar it-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini għal-laħam fl-ikel ipproċessat(2) u t-tweġiba formali tal-Kummissjoni adottata fis-6 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014(4) dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013 imsemmi hawn fuq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha(5),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-indikazzjoni mandatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew post ta' provenjenza għal ċertu ikel (O-000031/2016 – B8-0363/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 26(5) tar-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jesiġi li l-Kummissjoni tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sat-13 ta' Diċembru 2014 dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal tipi ta' laħam għajr il-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur, għall-ħalib, il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib, għall-ikel mhux ipproċessat, prodotti b'ingredjent uniku u ingredjenti li jirrapreżentaw iktar minn 50 % ta' tip ta' ikel;

B.  billi l-Artikolu 26(8) tar-Regolament dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi jirrikjedi li, sat-13 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni tadotta atti ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu;

C.  billi r-regoli dwar it-tikkettar tal-oriġini diġà qegħdin fis-seħħ u jaħdmu b'mod effikaċi għal ħafna prodotti oħra tal-ikel inklużi l-laħam mhux ipproċessat, il-bajd, il-frott u l-ħxejjex, il-ħut, l-għasel, iż-żejt taż-żebbuġa straverġni, iż-żejt taż-żebbuġa verġni, l-inbid u l-ispirti;

D.  billi l-Artikolu 26(7) tar-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jipprevedi li r-rapporti għandhom, fost l-oħrajn, iqisu l-bżonn li l-konsumatur jiġi infurmat, il-fattibilità tal-għoti tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' tali miżuri; billi jiddisponi ulterjorment li r-rapporti jistgħu jiġu akkumpanjati minn proposti għall-modifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

E.  billi l-Artikolu 26(2) tar-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi jenfasizza li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għandha tkun obbligatorja fejn in-nuqqas ta' indikazzjoni jista' jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru ta' oriġini jew tal-post veru ta' provenjenza tal-ikel, b'mod partikolari jekk l-informazzjoni li takkumpanja l-ikel jew it-tikketta inġenerali timplika li l-ikel għandu pajjiż ta' oriġini jew post ta' provenjenza differenti;

F.  Billi fl-20 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini għall-ħalib, il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib u ta' tipi ta' laħam għajr il-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur ("ir-rapport dwar il-ħalib u laħam ieħor") u r-rapport tagħha dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini għall-ikel mhux ipproċessat, prodotti b'ingredjent uniku u ingredjenti li jirrapreżentaw iktar minn 50 % ta' tip ta' ikel;

G.  billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni COM(2013)0755, aktar ma l-istadji tal-qtugħ u l-ipproċessar ikunu kumplessi fis-suq tal-laħam u aktar ma l-livell tal-ipproċessar ikun avvanzat, aktar tkun kumplessa t-traċċabilità għall-finijiet tat-tikkettar tal-oriġini;

H.  billi l-katina tal-provvista alimentari hija ħafna drabi twila u kumplessa u tinvolvi ħafna operaturi ta' negozji tal-ikel u partijiet oħra; billi l-konsumaturi qed ikunu dejjem inqas konxji dwar il-mod kif qed jiġi prodott l-ikel tagħhom u l-operaturi individwali ta' negozji tal-ikel mhux dejjem ikollhom stampa ġenerali tal-katina tal-produzzjoni sħiħa;

I.  billi r-rieda ġenerali tal-konsumaturi li jħallsu (willingness to pay, WTP) għal informazzjoni dwar l-oriġini tidher li hija modesta iżda l-istħarriġiet mal-konsumaturi(6) dwar kemm dawn huma lesti li jħallsu jindikaw li b'mod ġenerali huma lesti li jħallsu aktar għal informazzjoni dwar l-oriġini;

J.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rapport tagħha tas-17 ta' Diċembru 2013 bi proposti leġiżlattivi li jagħmlu obbligatorja l-indikazzjoni ta' oriġini tal-laħam fl-ikel ipproċessat, sabiex tiżgura li jkun hemm trasparenza akbar fil-katina alimentari kollha u sabiex il-konsumaturi Ewropej ikunu infurmati aħjar, filwaqt li tqis il-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha u tevita li jkun hemm spejjeż u piżijiet amministrattivi eċċessivi; billi l-Kummissjoni għad trid tifformola proposti leġiżlattivi ta' segwitu;

K.  billi speċifikazzjonijiet stretti jeżistu biss għal skemi volontarji ta' kwalità, bħad-denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP), l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), jew l-ispeċjalità tradizzjonali garantita (STG), filwaqt li l-kriterji użati fi skemi ta' tikkettar volontarju għal oġġetti tal-ikel koperti bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli;

Il-ħalib għax-xorb u l-ħalib użat bħala ingredjent fil-prodotti tal-ħalib

1.  Jirrimarka li l-Premessa 32 tar-Regolament dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi tgħid li l-ħalib huwa wieħed mill-prodotti li l-indikazzjoni tal-oriġini tagħhom hija kkunsidrata ta' interess partikolari;

2.  Jenfasizza li, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2013, 84% taċ-ċittadini tal-UE jqisu li hemm bżonn li tingħata indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib, kemm jekk jinbiegħ bħala tali jew inkella bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib; jinnota li dan huwa wieħed minn għadd ta' fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumatur;

3.  Jirrimarka li l-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini tal-ħalib, mibjugħ bħala tali u jew użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib, hija miżura utli biex titħares il-kwalità tal-prodotti tal-ħalib, u jiġu protetti l-impjiegi f'settur li għaddej minn kriżi gravi;

4.  Jinnota li skont l-istħarriġ li jakkumpanja r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-ħalib u laħam ieħor, l-ispejjez tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini għall-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent jiżdiedu aktar ma tiżdied il-kumplessità tal-proċess ta' produzzjoni; jinnota li l-istess stħarriġ jissuġġerixxi li n-negozji f'ċerti Stati Membri kienu eżaġeraw l-impatt tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, billi l-istħarriġ ma seta' jsib l-ebda spjegazzjoni ċara għall-istimi għoljin tal-ispejjeż mogħtija minn dawn in-negozji, iżda qal li dan jista' jkun sinjal ta' oppożizzjoni b'saħħitha għat-tikkettar innifsu;

5.  Jappella għall-istabbiliment ta' Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni biex jevalwa ulterjorment ir-rapport tal-Kummissjoni, ippubblikat fl-20 ta' Mejju 2015, sabiex jiġi determinat liema spejjeż jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli jekk proposti ulterjuri dwar it-tikkettar obbligatorju tal-pajjiż ta' oriġini jkunu limitati għal prodotti tal-ħalib u prodotti tal-ħalib mhux ipproċessati ħafna;

6.  Japprezza l-analiżi tal-istħarriġ tal-kosti u l-benefiċċji tal-introduzzjoni tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini għall-ħalib u għall-ħalib użat bħala ingredjent, iżda jqis li l-Kummissjoni, fil-konklużjonijiet tagħha, ma tqisx biżżejjed l-aspetti pożittivi tat-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini għal dawn il-prodotti, bħal, pereżempju, aktar informazzjoni lill-konsumaturi; jinnota li l-konsumaturi jistgħu jħossuhom imqarrqa meta l-informazzjoni dwar it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini ma tkunx disponibbli u jintużaw tikketti oħra tal-ikel, bħall-bnadar nazzjonali;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-katina tal-ipproċessar;

8.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tqis u tanalizza l-impatt ekonomiku tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini fuq l-SMEs fis-setturi agrikoli u tal-ikel ikkonċernati;

9.  Iqis li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħalib u tal-ħalib użat bħala ingredjent possibilment tagħmel stima għolja wisq tal-kosti tat-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini għan-negozji, billi tqis il-prodotti kollha ġejjin mill-ħalib flimkien;

10.  Jinnota li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-kosti tat-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini għall-ħalib ikunu modesti;

Tipi oħra ta' laħam

11.  Jenfasizza li, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2013, 88 % taċ-ċittadini tal-UE jqisu li hemm bżonn li tiġi indikata l-oriġini tal-laħam għajr il-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur;

12.  Jinnota li l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel wera l-ħtieġa ta' trasparenza akbar fil-katina ta' provvista tal-laħam taż-żiemel;

13.  Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni sab li l-ispejjeż operattivi tat-tikkettar obbligatorju tal-pajjiż ta' oriġini għal-laħmijiet taħt il-mandat tagħha jkunu relattivament żgħar;

Laħam ipproċessat

14.  Jenfasizza li r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal-laħam użat bħala ingredjent jirrikonoxxi li aktar minn 90 % tal-konsumaturi li wieġbu għall-istħarriġ iqisu li huwa importanti li l-oriġini tal-laħam ikun muri fuq il-prodotti tal-ikel ipproċessati;

15.  Iqis li l-konsumaturi, bħal ħafna professjonisti, huma favur it-tikkettar obbligatorju tal-laħam fi prodotti pproċessati, u li tali miżura tippermetti li tinżamm il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti tal-ikel permezz tal-introduzzjoni ta' trasparenza akbar fil-katina tal-provvista;

16.  Jenfasizza li huwa fl-interess tal-konsumaturi Ewropej li jkollhom tikkettar obbligatorju tal-oriġini fuq il-prodotti kollha tal-ikel;

17.  Jirrimarka li t-tikkettar fih innifsu ma jipprovdix salvagwardja kontra l-frodi, u jenfasizza l-ħtieġa ta' sistema ta' kontroll kosteffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi;

18.  Ifakkar li l-iskemi ta' tikkettar volontarju, meta adegwatament implimentati f'diversi Stati Membri, kellhom suċċess kemm fir-rigward tal-informazzjoni għall-konsumatur kif ukoll għall-produtturi;

19.  Huwa tal-fehma li n-nuqqas li jiġu adottati atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ifisser li l-Artikolu ma jistax jiġi infurzat sew;

20.  Jinnota li denominazzjonijiet ta' oriġini protetta diġà jeżistu għal ħafna prodotti pproċessati tal-laħam u tal-ħalib (eż. il-perżut u l-ġobon), u li skont dawn id-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-laħam użat hija ddikjarata fil-kriterji tal-produzzjoni u li fir-rigward tagħhom tapplika traċċabilità akbar; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' prodotti b'"denominazzjoni ta' oriġini protetta" (DOP) jew b'"indikazzjonijiet ġeografiċi protetti" (IĠP), jew "speċjalità tradizzjonali garantita" (STG) skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012(7) biex b'hekk tiggarantixxi li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prodotti ta' kwalità għolja bi provenjenza sikura;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe regolament attwali tal-UE dwar it-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini ma jiddgħajjifx f'xi negozjati kummerċjali li jkunu għaddejjin bħat-TTIP, u li d-dritt li jiġu proposti regolamenti addizzjonali dwar it-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini fil-futur għal prodotti oħra tal-ikel ma jkunx imfixkel;

Konklużjonijiet

22.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal kull tip ta' ħalib għax-xorb, prodotti tal-ħalib u prodotti tal-laħam u tikkunsidra li testendi l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew il-post ta' provenjenza għal ikel ieħor li fih ingredjent uniku jew għal dawk b'ingredjent ewlieni wieħed, billi tagħmel proposti leġiżlattivi f'dawn l-oqsma;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi li jagħmlu l-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam f'ikel ipproċessat obbligatorja sabiex tiżgura trasparenza akbar tul il-katina alimentari kollha u biex il-konsumaturi Ewropej ikunu infurmati aħjar wara l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel u każijiet oħra ta' frodi alimentari; jirrimarka, barra minn hekk, li r-rekwiżiti ta' tikkettar obbligatorju għandhom iqisu l-prinċipju ta' proporzjonalità u l-piż amministrattiv għall-operaturi tan-negozji tal-ikel u għall-awtoritajiet tal-infurzar;

24.  Iqis li l-għan tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini tal-ikel huwa li terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal dan l-għan filwaqt li tqis it-trasparenza tal-informazzjoni u l-leġibilità tagħha għall-konsumaturi, il-vijabilità ekonomika tan-negozji Ewropej u l-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi;

25.  Jenfasizza l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u jimplora lill-Kummissjoni tqis dan il-fatt meta jiġu diskussi regoli dwar it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa skemi ta' tikkettar dwar il-benessri tal-annimali, waqt it-trobbija, it-trasport u l-qtil;

27.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx azzjoni biex tinkludi l-bajd u l-prodotti tal-bajd fil-lista ta' ikel li għalih l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew il-post ta' provenjenza hija obbligatorja, minkejja li prodotti rħas tal-bajd magħmula minn bajd likwidu jew imnixxef li jintużaw primarjament f'ikel ipproċessat qed jiġu importati fis-suq tal-UE minn pajjiżi terzi u qed jevitaw b'mod ċar il-projbizzjoni tal-UE fuq it-trobbija fil-gaġeġ; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li f'dan il-kuntest it-tikkettar obbligatorju ta' prodotti tal-bajd u ikel li jkun fih il-bajd li jindika l-oriġini u l-metodu tat-trobbija jippermetti trasparenza u protezzjoni aħjar, u jistieden lill-Kummissjoni tissottometti analiżi tas-suq u, jekk ikun meħtieġ, tfassal proposti leġiżlattivi xierqa;

28.  Jemmen li t-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini għall-ħalib għax-xorb u prodotti tal-ħalib mhux ipproċessati ħafna (bħall-ġobon u l-krema) u prodotti tal-laħam mhux ipproċessati ħafna (bħall-bacon u z-zalzett) ikollu spejjeż assoċjati ferm imnaqqsa, u li dan għandu jiġi esplorat bħala prijorità;

29.  Iqis li t-tikkettar tal-oriġini fih innifsu ma jevitax il-frodi; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li għandha tiġi adottata azzjoni aktar riżoluta biex jiżdied il-monitoraġġ, jittejjeb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u jiġu imposti penali aktar ħorox;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa fil-ġlieda kontra l-frodi b'rabta mar-regoli għat-tikkettar volontarju tal-oriġini għal oġġetti tal-ikel;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iskemi tal-kwalità eżistenti għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, koperti bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u jitlob li jiżdiedu l-kampanji ta' promozzjoni Ewropej dwar dawk il-prodotti;

32.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tissodisfa l-obbligu legali tagħha li, sat-13 ta' Diċembru 2013, tadotta l-atti ta' implimentazzjoni meħtieġa għall-infurzar xieraq tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jimponu l-penali rilevanti;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0034.
(3) ĠU L 335, 14.12.2013, p. 19.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0096.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0011.
(6) http://ec.europa.eu/food/safety/docs/labelling_legislation_final_report_ew_02_15_284_en.pdf, p. 50.
(7) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza