Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali (2016/2007(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Paper tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali dwar Muniti Diġitali ta' Novembru 2015(1),
– wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Bank tal-Ingilterra dwar l-ekonomija ta' muniti diġitali (Q3/2014)(2),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar muniti virtwali ta' Lulju 2014(3),
– wara li kkunsidra l-analiżi tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Frar 2015 dwar skemi tal-muniti virtwali(4),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2016 biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu(5),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Mejju 2015 dwar id-daqs tad-diskrepanza fil-VAT fl-UE(6),
– wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni dwar l-aġenda diġitali ta' muniti virtwali(7),
– wara li kkunsidra l-"Guidance for a Risk-Based Approach to Virtual Currencies" (Gwida għal Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskju għal Muniti Virtwali) tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu(8),
– wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar it-Trattament tal-VAT ta' Kambju ta' Munita Virtwali (C-264/14)(9), u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott mogħtija fis-16 ta' Lulju 2015(10),
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-ESMA ta' Lulju 2015 dwar Investiment bl-użu ta' muniti virtwali jew bit-teknoloġija tar-reġistru distribwit(11),
– wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-EPRS dwar is-suq, l-ekonomija u r-regolamentazzjoni tal-Bitcoin(12),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol "Changes in modus operandi of Islamic State terrorist attacks" tat-18 ta' Jannar 2016(13),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-FATF ta' Ġunju 2014 dwar Muniti Virtwali(14),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD bl-isem "The Bitcoin Question - currency versus trust-less transfer technology"(15),
– wara li kkunsidra n-Nota ta' Diskussjoni tal-Persunal tal-FMI ta' Jannar 2016 dwar Muniti Virtwali u Lil Hinn(16),
– wara li kkunsidra r-Rapport bl-isem "Distributed Ledger Technology: beyond block chain" tal-2016 mill-Konsulent Xjentifiku Ewlieni, tal-Uffiċċju tal-Gvern għax-Xjenza tar-Renju Unit (17),
– wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' Jannar 2016 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar muniti virtwali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0168/2016),
A. billi definizzjoni universali applikabbli għadha ma ġietx stabbilita, iżda l-muniti virtwali (VCs) xi kultant huma msejħa flus diġitali, u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tqishom bħala rappreżentazzjoni diġitali ta' valur li la hija maħruġa minn bank ċentrali jew awtorità pubblika u lanqas neċessarjament marbuta ma' munita fiduċjarja, iżda hija aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta' ħlas, u li jistgħu jiġu ttrasferiti, jinħażnu u jiġu skambjati elettronikament; billi l-VCs huma l-aktar ibbażati fuq it-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT), il-bażi teknoloġika għal aktar minn 600 skema tal-VC(18), li tiffaċilita l-iskambju bejn il-pari ("peer-to-peer"), bl-aktar waħda prominenti tkun il-Bitcoin; filwaqt li ġiet varata fl-2009 u attwalment għandha sehem fis-suq fost VCs ibbażati fuq id-DLT ta' kważi 90 %, b'valur fis-suq tal-Bitcoins pendenti ta' madwar EUR 5 biljun(19), hi għadha ma laħqitx dimensjonijiet sistematiċi;
B. billi d-DLT tinkludi bażijiet ta' data b'livelli varji ta' fiduċja u reżiljenza, bil-potenzjal li jipproċessaw numru kbir ta' tranżazzjonijiet b'mod rapidu, u b'kapaċità ta' trasformazzjoni mhux biss fil-qasam tal-VCs iżda wkoll b'mod iktar wiesa' fil-fintech, fejn l-ikklerjar u s-saldu jistgħu jkunu applikazzjoni waħda ovvja, kif ukoll oħrajn lil hinn mill-finanzi, speċjalment fir-rigward tal-prova ta' identità u ta' proprjetà;
C. billi l-investimenti fid-DLT huma parti integrali miċ-ċiklu ta' innovazzjoni għaddej tal-fintech u sal-lum jammontaw għal aktar minn EUR 1 biljun, kemm minn fond ta' kapital ta' riskju kif ukoll investiment korporattiv(20);
Opportunitajiet u riskji tal-VCs u d-DLT fix-xenarju teknoloġiku tal-ħlasijiet li qed jevolvi b'mod rapidu
1. Jenfasizza li l-VCs u d-DLT għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-benessri taċ-ċittadini u l-iżvilupp ekonomiku, inkluż fis-settur finanzjarju, permezz ta':
(a)
tnaqqis tal-ispejjez operattivi u ta' tranżazzjoni għal pagamenti u speċjalment trasferimenti ta' fondi transfruntiera, possibilment għal ħafna inqas minn 1 %, imqabbla mal-perċentwal tradizzjonali ta' 2 % – 4 % għal sistemi ta' pagament online(21) –, u għal iktar minn medja ta' 7 % għal trasferimenti transfruntiera ta' rimessi(22), għalhekk, bi stima ottimista, potenzjalment jitnaqqsu l-ispejjeż globali għal rimessi totali sa EUR 20 biljun;
(b)
tnaqqis, b'mod aktar ġenerali, tal-kost ta' aċċess għall-finanzi anki mingħajr kont bankarju tradizzjonali, u b'hekk jistgħu potenzjalment jikkontribwixxu għall-inklużjoni finanzjarja u għall-"objettiv 5x5" tal-G20 u l-G8(23);
(c)
titjieb ir-reżiljenza u, skont l-arkitettura tas-sistema, il-ħeffa tas-sistemi ta' pagament u l-kummerċ ta' prodotti u servizzi grazzi għall-arkitettura deċentralizzata b'mod inerenti tad-DLT, li jistgħu jibqgħu joperaw b'mod affidabbli anke jekk partijiet min-netwerk tagħhom kellhom jiffunzjonaw ħażin jew jiġu aċċessati b'mod illegali;
(d)
li jiġu permessi sistemi li jikkombinaw faċilità tal-użu, spejjeż operattivi u ta' tranżazzjoni baxxi u grad għoli ta' privatezza, iżda mingħajr l-anonimità sħiħa sabiex it-tranżazzjonijiet ikunu traċċabbli sa ċertu punt f'każ ta' kondotta ħażina u sabiex it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq b'mod ġenerali tkun tista' tiżdied;
(e)
użu ta' tali sistemi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' mikropagamenti online siguri li jirrispettaw il-privatezza tal-individwi, li eventwalment jista' jissostitwixxi ċerti mudelli ta' negozju online li joħolqu sfida sinifikanti dwar il-privatezza;
(f)
li jiġu permessi, potenzjalment, tipi differenti ta' mekkaniżmi ta' pagament tradizzjonali u innovattivi, minn karti ta' kreditu għal soluzzjonijiet mobbli, biex jingħaqdu f'applikazzjoni waħda sigura u faċli għall-utent, li tista' twassal ċerti aspetti ta' kummerċ ekonomiku fl-Ewropa u tapprofondixxi s-Suq Uniku;
2. Jinnota li mal-VCs u l-iskemi tad-DLT hemm marbuta riskji li jeħtieġ jiġu indirizzati b'mod xieraq sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fihom, inkluż fiċ-ċirkostanzi preżenti, bħal:
(a)
in-nuqqas ta' strutturi governattivi jew saħansitra definizzjoni ta' tali strutturi li huma flessibbli, iżda reżiljenti u affidabbli, speċjalment f'xi applikazzjonijiet DLT bħal Bitcoin, li toħloq inċertezza u – b'mod aktar wiesa' – problemi għall-protezzjoni tal-utent, speċjalment f'każ ta' sfidi mhux previsti mid-diżinjaturi oriġinali tas-software;
(b)
il-volatilità għolja tal-VCs u l-potenzjal għal bżieżaq spekulattivi, u n-nuqqas ta' forom tradizzjonali ta' sorveljanza, salvagwardji u protezzjoni regolatorji, kwistjonijiet li huma partikolarment diffiċli għall-konsumaturi;
(c)
il-kapaċità tar-regolaturi li xi drabi tkun limitata fil-qasam ta' teknoloġija ġdida, li tista' tagħmilha diffiċli li jiġu definiti salvagwardji xierqa u fil-ħin, sabiex tiżgura l-funzjonament xieraq u affidabbli tal-applikazzjonijiet DLT meta jew saħansitra qabel ma jikbru tant li jsiru sistematikament rilevanti;
il-konsum tal-enerġija għat-tħaddim ta' ċerti VCs li, skont ir-rapport tal-Konsulent Xjentifiku Ewlieni tar-Renju Unit dwar id-DLT, fil-każ tal-Bitcoin ġie stmat għal aktar minn 1 GW, li dan isejjaħ għal investimenti fir-riċerka u l-promozzjoni ta' forom aktar effiċjenti ta' mekkaniżmi ta' verifikazzjoni tat-tranżazzjoni;
(f)
in-nuqqas ta' dokumentazzjoni teknika trasparenti biżżejjed u aċċessibbli faċilment għall-funzjonament ta' VCs speċifiċi u skemi DLT oħrajn;
(g)
sorsi potenzjali ta' instabilità finanzjarja li tista' tkun marbuta ma' prodotti derivattivi bbażati fuq karatteristiċi li ftit li xejn jinftiehmu tal-VCs;
(h)
il-limitazzjonijiet fit-tul futuri fuq l-effikaċja tal-politika monetarja jekk l-iskemi VC privati kellhom jintużaw b'mod wiesa' bħala sostituti għal munita fiat uffiċjali;
(i)
il-potenzjal għal tranżazzjonijiet tas-suq illeċitu ("black market"), ħasil ta' flus, iffinanzjar tat-terroriżmu(24), il-frodi u l-evażjoni fiskali u attivitajiet kriminali oħra bbażati fuq "psewdonominità" u "taħlit ta' servizzi" li wħud minn dawn is-servizzi joffru u n-natura deċentralizzata ta' xi VCs, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li t-traċċabilità ta' tranżazzjonijiet fi flus kontanti għandha t-tendenza li tkun ħafna inqas soda;
3. Jissuġġerixxi li sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji jeħtieġ kapaċità regolatorja msaħħa, inkluż għarfien espert tekniku, u l-iżvilupp ta' qafas ġuridiku sod li jżomm il-pass mal-innovazzjoni, l-iżgurar ta' rispons f'waqtu u proporzjonat jekk u meta l-użu ta' wħud mill-applikazzjonijiet DLT isiru rilevanti sistematikament;
4. Jirrimarka, madankollu, li jekk jiġi adottat regolament fi stadju bikri ħafna, jista' ma jiġix adattat għal sitwazzjoni li għadha instabbli u tista' tibgħat messaġġ ħażin lill-pubbliku dwar il-vantaġġi jew is-sigurtà tal-muniti virtwali;
It-tħaddim tad-DLT lil hinn mill-pagamenti
5. Jinnota li l-potenzjal tad-DLT biex tħaffef, tiddeċentralizza, tawtomatizza u tistandardizza proċessi mmexxija mid-data għandu l-kapaċità li jbiddel b'mod fundamentali l-mod kif l-assi jiġu ttrasferiti u kif jinżammu r-reġistri, b'implikazzjonijiet kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, b'dan tal-aħħar ikun ikkonċernat fi tliet dimensjonijiet: bħala fornitur ta' servizz, bħala superviżur u bħala leġiżlatur;
6. Jirrimarka li l-ikklerjar, is-saldu u proċessi ta' ġestjoni oħrajn ta' wara n-negozju attwalment jiswew lill-industrija finanzjarja globali ħafna aktar minn EUR 50 biljun fis-sena(25), u li dan u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni tal-bank huma oqsma fejn l-użu tad-DLT jista' jirriżulta bħala trasformazzjonali f'termini ta' effiċjenza, ħeffa, u reżiljenza, iżda jqajjem ukoll sfidi regolatorji ġodda;
7. Jenfasizza l-fatt li, f'dan ir-rigward, ġew stabbiliti diversi inizjattivi minn atturi tas-settur privat, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, biex jimmonitorjaw inizjattivi bħal dawn;
8. Jinnota wkoll li d-DLT tista' tiġi wżata biex iżżid il-kondiviżjoni tad-data, it-trasparenza u l-fiduċja mhux biss bejn il-gvern u ċ-ċittadini, iżda wkoll bejn l-atturi fis-settur privat u l-klijenti;
9. Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-DLT li għadu qed jiġi skopert ferm lil hinn mis-settur finanzjarju, inkluż finanzjament parteċipattiv crypto-equity, servizzi ta' medjazzjoni ta' tilwim, b'mod partikolari fis-setturi finanzjarji u ġuridiċi, u l-potenzjal ta' kuntratti intelliġenti flimkien ma' firem diġitali, applikazzjonijiet li jippermettu aktar sigurtà u sinerġiji tad-data bl-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti;
10. Jenfasizza d-dinamika li jiġġeneraw it-teknoloġiji blockchain fl-ambjent tan-negozju kif ukoll il-potenzjal tagħhom għal trasformazzjonijiet fl-ekonomija reali fuq perjodu ta' żmien fit-tul;
11. Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-DLT fl-assistenza lill-gvernijiet biex jitnaqqas il-ħasil tal-flus, il-frodi u l-korruzzjoni;
12. Jinkoraġġixxi aġenziji tal-gvern biex jittestjaw is-sistemi DLT wara li jwettqu analiżi xierqa tal-impatt sabiex tittejjeb il-provvista ta' servizzi liċ-ċittadini u tas-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE; jinkoraġġixxi aġenziji tal-gvern biex jevitaw effetti ta' saturazzjoni li jistgħu jkunu marbuta ma' dipendenza fuq skemi DLT propretarji; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, il-potenzjal tad-DLT għal titjib f'sistemi tar-reġistrazzjoni tal-art;
13. Jirrakkomanda li l-aġenziji tal-gvern u l-awtoritajiet kompetenti li għandhom il-kompitu li janalizzaw kwantitajiet kbar ta' data jesploraw l-użu ta' superviżjoni f'ħin reali bbażata fuq DLT u għodod ta' rappurtar bħala parti minn aġenda RegTech fis-settur finanzjarju u lil hinn, inkluż sabiex titnaqqas id-diskrepanza mdaqqsa tal-VAT fl-Unjoni(26);
Regolamentazzjoni intelliġenti lejn it-trawwim tal-innovazzjoni u s-salvagwardja tal-integrità
14. Jitlob li jkun hemm approċċ regolatorju proporzjonat fil-livell tal-UE sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni jew jiżdiedu magħha spejjeż superfluwi f'dan l-istadju bikri, filwaqt li jittieħdu bis-serjetà l-isfidi regolatorji li l-użu mifrux tad-DLT u l-VCs jistgħu jġibu magħhom;
15. Jenfasizza s-similaritajiet bejn it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT), li tikkonsisti f'sett ta' nodi li jipparteċipaw f'sistema u jikkondividu bażi tad-data komuni, u l-World Wide Web (WWW), definit bħala sett ta' riżorsi globali loġikament interrelatati bil-hyperlinks; jinnota li kemm id-DLT kif ukoll id-WWW huma bbażati fl-internet, sistema globali ta' netwerks tal-kompjuters ċentrali (mainframe), personali u bla fili interkonnessi;
16. Ifakkar li l-internet, minkejja tentattivi biex jiġi promoss approċċ b'diversi partijiet interessati, għadu mmexxi mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet u l-Informazzjoni, aġenzija tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti;
17. Jilqa' l-ħolqien ta' Koalizzjoni Dinamika tat-Teknoloġiji Blockchain fil-Forum ta' Governanza tal-Internet, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi governanza kondiviża u inklużiva tad-DLT, sabiex tevita problemi li ġew iffaċċjati preċedentement fl-iżvilupp tal-Internet;
18. Jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE ewlenija, bħall-EMIR, is-CSDR, id-DFS, il-MiFID/MiFIR, l-UCITs u l-AIFMD, tista' tipprovdi qafas regolatorju f'konformità mal-attivitajiet imwettqa, irrispettivament mit-teknoloġija li fuqha tkun ibbażata, anke kif VCs u applikazzjonijiet ibbażati fuq DLT jespandu fi swieq ġodda u jestendu l-attivitajiet tagħhom; josserva, madankollu, li tista' tkun meħtieġa aktar leġiżlazzjoni speċifika;
19. Jilqa' s-suġġerimenti tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi pjattaformi ta' skambju tal-VCs fid-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) sabiex ittemm l-anonimità marbuta ma' tali pjattaformi; jistenna li kwalunkwe proposta f'dan ir-rigward se tkun immirata, ġustifikata permezz ta' analiżi sħiħa tar-riskji assoċjati mal-VCs, u bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt dettaljata;
20. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal analiżi komprensiva tal-VCs u, abbażi ta' din il-valutazzjoni, tikkunsidra, jekk xieraq, tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-pagamenti, inklużi d-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Pagamenti (PAD), id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas (PSD) kif ukoll id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi (EMD), fid-dawl tal-possibbiltajiet il-ġodda offruti minn żviluppi teknoloġiċi ġodda inkluż l-VCs u d-DLT, bil-għan li jissaħħu l-kompetizzjoni u jitbaxxew l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, inkluż permezz ta' interoperabilità msaħħa u possibilment ukoll permezz tal-promozzjoni ta' portafoll elettroniku universali u nonproprjetarju;
21. Josserva li diversi muniti virtwali lokali ġew maħluqa fl-Ewropa, mhux biss bħala rispons għall-kriżi finanzjarja u l-problema tal-kriżi tal-kreditu relatati; iħeġġeġ kawtela partikolari meta jiġu definiti muniti virtwali, fil-kuntest ta' kwalunkwe proposta leġiżlattiva futura, bil-għan li jittieħed kont xieraq tal-eżistenza ta' "muniti lokali" ta' natura mingħajr skop ta' qligħ, li ħafna drabi jkollhom funġibilità limitata u li jipprovdu benefiċċji ambjentali u soċjali sinifikanti, u għall-prevenzjoni ta' regolamentazzjoni sproporzjonata f'dan il-qasam, sakemm la jkun hemm evitar u lanqas evażjoni tat-taxxa;
22. Jitlob għall-ħolqien ta' Task Force DLT orizzontali (TF DLT) taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni, li tikkonsisti f'esperti tekniċi u regolatorji, sabiex:
(i)
jipprovdu l-għarfien espert tekniku u regolatorju meħtieġ fid-diversi setturi ta' applikazzjonijiet DLT pertinenti, iġibu flimkien lill-partijiet interessati u jappoġġjaw lill-atturi pubbliċi rilevanti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmonitorjaw l-użu tad-DLT fil-livell Ewropew u globali;
(ii)
irawmu l-kuxjenza u janalizzaw il-benefiċċji u r-riskji – inkluż għall-utenti finali – tal-applikazzjonijiet DLT sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom, inkluż billi jimmiraw biex jidentifikaw sett ewlieni ta' attributi ta' skemi DLT favorevoli għall-interess ġenerali, bħal standards nonproprjetarji miftuħa, u billi jidentifikaw standards għall-aħjar prattika fejn tali standards ikunu emerġenti;
(iii)
jappoġġjaw rispons f'waqtu, infurmat u proporzjonat għall-opportunitajiet u l-isfidi ġodda li jinqalgħu bl-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet DLT sinifikanti, inkluż permezz ta' pjan direzzjonali għal passi futuri fil-livell tal-UE u tal-Istat Membri li jkun jinkludi valutazzjoni ta' regolamentazzjoni Ewropea eżistenti, bil-għan li taġġornah b'reazzjoni għall-użu DLT sinifikanti u sistematiku fejn xieraq, u wkoll billi tindirizza l-protezzjoni tal-konsumatur u sfidi sistematiċi;
(iv)
jiżviluppaw testijiet tal-istress għall-aspetti rilevanti kollha tal-VCs u skemi DLT oħra li jilħqu livell ta' użu li jagħmilhom sistematikament importanti għall-istabbiltà;
23. Jenfasizza l-importanza ta' għarfien tal-konsumatur, trasparenza u fiduċja meta jintużaw muniti virtwali; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija tal-VCs, tiżviluppa linji gwida bil-għan li tiggarantixxi li tkun ipprovduta informazzjoni korretta, ċara u kompleta għall-utenti tal-VC eżistenti u futuri, li tippermettilhom jagħmlu għażla kompletament infurmata u b'hekk tissaħħaħ it-trasparenza tal-iskemi tal-VC f'termini ta' kif jiġu organizzati u mħaddma u kif huma distinti mis-sistemi ta' ħlas li huma rregolati u ssorveljati f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur;
o o o
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Filwaqt li hemm potenzjal għall-użu ta' VC għall-finanzjament tat-terroriżmu, reċentement il-Europol (fit-18 ta' Jannar 2016) irrimarkat li "minkejja rappurtar minn terza persuni li jissuġġerixxi l-użu ta' muniti anonimi bħal Bitcoin mit-terroristi biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom, dan ma ġiex ikkonfermat mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi".