Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2050(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0181/2016

Testi mressqa :

A8-0181/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/05/2016 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0230

Testi adottati
PDF 437kWORD 86k
Il-Ħamis, 26 ta' Mejju 2016 - Brussell Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa
P8_TA(2016)0230A8-0181/2016
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa) (COM(2016)0210 – C8-0149/2016 – 2016/2050(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0210 – C8-0149/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħames applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG marbuta mas-settur tal-bejgħ bl-imnut,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0181/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; billi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjon ("il-FEG") imur għall-benefiċċju tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn impriżi żgħar u ta' daqs medju u minn kumpaniji multinazzjonali, indipendentement mill-politiki jew mill-interessi li mmotivaw id-deċiżjoni li jagħlqu, partikolarment ta' dawn tal-aħħar; billi r-Regolament dwar il-FEG u l-politika kummerċjali tal-Unjoni għandhom ikomplu jikkonċentraw fuq il-mod kif jiġu salvagwardjati l-impjiegi, il-produzzjoni u l-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema fil-bżonn għandha tkun dinamika u tkun disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzati il-FEG;

C.  billi l-Greċja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji li saru fis-settur ekonomiku klassifikat taħt id-Diviżjoni 47 (negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Maċedonja Ċentrali (Κεντρική Μακεδονία) (EL12) u tat-Tessalja (Θεσσαλία) (EL14), u billi 557 ħaddiem imkeċċi, kif anki 543 żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena minn dawn l-istess reġjuni huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri; billi l-ħaddiema ssensjati b'segwitu għall-falliment u għall-għeluq ta' Supermarket Larissa ABEE;

D.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Greċja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 468 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 10 780 000;

2.  Jinnota li l-kontribuzzjoni finanzjarja se jkollha fil-mira 557 ħaddiem li ngħataw is-sensja, li minnhom 194 huma rġiel u 363 huma nisa;

3.  Ifakkar li madwar 543 żagħżugħ(a) oħra taħt l-età ta' 30 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ fl-istess reġjun jaf jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati, bħal gwida għax-xogħol fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi, fis-26 ta' Novembru 2015, sa ma tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fl-14 ta' April 2016 u nnotifikatha lill-Parlament fil-15 ta' April 2016;

5.  Jinnota li minbarra l-557 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 543 żagħżugħ(a) li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena mill-istess reġjuni mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri u jirċievu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG; jinnota li t-talba tal-awtoritajiet Griegi biex jinkludu lin-NEETs f'dawn il-miżuri hija minħabba n-nuqqas ta' impjiegi fir-reġjun meta mqabbel man-numru għoli ta' persuni li qed ifittxu xogħol, b'73,5 % tal-persuni qiegħda ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn 12-il xahar fit-Tessalja (Θεσσαλία) (Eurostat);

6.  Josserva li minħabba r-reċessjoni gravi tal-ekonomija Griega segwita minn tnaqqis fil-konsum tal-familji u l-kapaċità tal-akkwist, il-volumi tan-negozju bl-imnut tal-ikel, xorb u tabakk kienu aktar minn 30 % inqas fl-2015 mill-volumi tal-bidu tal-kriżi tal-2008; josserva li l-bejgħ ta' Supermarket Larissa segwa l-istess xejra 'l isfel;

7.  Jinnota, għaldaqstant, li Supermarket Larissa, kooperattiva ta' ħwienet żgħar tal-merċa mwaqqfa fl-1986 bi 42 ħanut u 600 ħaddiem, ma setax jegħleb it-telf u kellu jagħlaq il-ħwienet tiegħu matul it-tieni trimestru tal-2014; jirrimarka li l-miżuri ta' awsterità, partikolarment it-tnaqqis fil-pagi (-30 %), in-negozjar mill-ġdid tal-kirjiet, is-sospensjoni tad-data tal-maturità tal-kontijiet, ma setgħux jipprevjenu dan kollu; josserva li din is-sitwazzjoni hija wkoll dovuta għat-tnaqqis drastiku tas-self lill-impriżi, f'kuntest li fih it-tnaqqis kwantitattiv (quantitative easing) tal-Bank Ċentrali Ewropew ma rnexxilux jagħti spinta ġdida lis-self; josserva li dan il-każ huwa konsegwenza drammatika tal-pressjoni kostanti eżerċitata mill-kredituri fuq il-Greċja u tal-politika ta' awsterità Ewropea;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-awtoritajiet Griegi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fis-26 ta' Frar 2016, qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu strettament limitati għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett totali ta' miżuri personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li tali azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' attivitajiet ta' taħriġ;

10.  Jinnota li għalkemm il-kooperattiva applikat xi miżuri ta' awsterità bħal tnaqqis fil-pagi, negozjar mill-ġdid tal-kirjiet, sospensjoni tad-data tal-maturità tal-kontijiet, ipproponiet prodotti irħas u naqqset l-ispejjeż operattivi, din kellha tibda tagħlaq il-ħwienet tagħha wieħed wara l-ieħor;

11.  Jinnota li l-miżuri ppjanati mill-Greċja għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs huma inklużi fil-kategoriji li ġejjin: gwida okkupazzjonali; taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali; kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju; benefiċċju għall-parteċipazzjoni u benefiċċju għat-taħriġ; benefiċċju għall-mobilità;

12.  Jinnota l-ammont pjuttost għoli (EUR 15 000) li l-ħaddiema jew in-NEETs li se jistabbilixxu n-negozju tagħhom għandhom jirċievu bħala parti mill-grupp ta' servizzi personalizzati; jinnota, fl-istess ħin, li għadd kbir ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja ġejjin minn kuntest imprenditorjali, fatt li jżid il-probabbiltajiet ta' suċċess tagħhom f'dan is-settur;

13.  Jinnota l-possibbiltà li xi impriżi ġodda se jieħdu l-forma ta' kooperattivi soċjali u jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-awtoritajiet Griegi biex isaħħu s-settur tal-ekonomija soċjali fil-Greċja;

14.  Josserva l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni biex tilħaq lin-NEETs li jistgħu jkunu eleġibbli fl-ambitu ta' dawn il-miżuri; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li n-NEETs jingħataw għajnuna b'mod permanenti u sostenibbli;

15.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati ġie stabbilit permezz ta' konsultazzjonijiet ulterjuri mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji u tas-sħab soċjali;

16.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat se jissodisfa kemm il-bżonnijiet tal-ħaddiema kif ukoll tal-ambjent kummerċjali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-potenzjal ta' tkabbir, u għalhekk li jirreklutaw, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

19.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

20.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

21.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0112.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/990.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza