Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (COM(2015)0677 – C8-0017/2016 – 2015/0314(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0677),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0017/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0170/2016),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal deċiżjoni Premessa 5
(5) L-Iżvezja qiegħda taffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħha minħabba tibdil kbir fil-flussi tal-migrazzjoni. Fit-8 ta' Diċembru, l-Iżvezja talbet formalment is-sospensjoni tal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601.
(5) L-Iżvezja qiegħda taffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħha minħabba tibdil kbir fil-flussi tal-migrazzjoni. Fit-8ta'Diċembru 2015, l-Iżvezja talbet formalment is-sospensjoni tal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601, peress li qed ikollha taffaċċja ż-żewġ sfidi li tkun pajjiż tal-ewwel wasla kif ukoll pajjiż tad-destinazzjoni finali;
Emenda 2 Proposta għal deċiżjoni Premessa 9
(9) L-Iżvezja, fl-2015 għandha bil-bosta l-akbar għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ras għal ras fl-UE (11 503 applikant għal kull miljun abitant).
(9) L-Iżvezja, fl-2015 kellha bil-bosta l-akbar għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ras għal ras fl-UE (11 503 applikant għal kull miljun abitant) u f'Marzu 2016 irċeviet total ta' 170 104 applikant, li minnhom 73 331 huma tfal, inklużi 36 181 minorenni mhux akkumpanjati.
Emenda 3 Proposta għal deċiżjoni Premessa 10
(10) L-Iżvezja qiegħda wkoll taffaċċja sitwazzjoni diffiċli minħabba ż-żieda sinifikanti ta' dan l-aħħar fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati, b'wieħed minn kull erba' applikanti jiddikjara li huwa minorenni mhux akkumpanjat.
(10) L-Iżvezja qiegħda wkoll taffaċċja sitwazzjoni diffiċli minħabba ż-żieda sinifikanti ta' dan l-aħħar fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati, b'wieħed minn kull erba' applikanti jiddikjaraw li huma minorenni mhux akkumpanjati, li għandhom bżonnijiet speċjali u jeħtieġu riżorsi addizzjonali bil-għan li jiġu pprovduti aċċess għall-kura tas-saħħa, akkomodazzjoni dinjituża u edukazzjoni skont ir-regoli tal-ażil tal-Unjoni.