Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/0135(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0191/2016

Testi mressqa :

A8-0191/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0259

Testi adottati
PDF 284kWORD 95k
L-Erbgħa, 8 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ratifika u adeżjoni tal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili
P8_TA(2016)0259A8-0191/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens għall-Ħsara b’Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta’ Sustanzi Perikolużi u ta’ Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (13806/2015 – C8-0410/2015 – 2015/0135(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13806/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6) punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0410/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabbiltà u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, tal-1996 (il-"Konvenzjoni HNS 1996"),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS 1996 ('il-Konvenzjoni HNS 2010'),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2015)0304),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill 2002/971/KE tat-18 ta' Novembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri, fl-interess tal-Komunità, li jirratifikaw jew li jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 1996(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(3) (id-"Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali jew "ELD"),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni għall-minuti tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru u tat-8 ta' Diċembru 2015(4),

–  wara li kkunsidra d-dokument tat-18 ta' Settembru 2015 tal-industrija tat-tbaħħir li jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw jew jaderixxu mal-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS malajr kemm jista' jkun f'konformità mal-approċċ propost mill-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali mħejji għall-Kummissjoni Ewropea minn BIO Intelligence Service, bl-isem "Study on ELD Effectiveness: scope and exceptions" (Studju dwar l-Effikaċja tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali: kamp ta' applikazzjoni u eċċezzjonijiet) tad-19 ta' Frar 2014(6),

–  wara li kkunsidra n-nota mis-Servizz Legali tal-Parlament tal-11 ta' Frar 2016 dwar il-bażi ġuridika għall-proposta msemmija hawn fuq għal deċiżjoni tal-Kunsill (SJ-0066/16) u l-opinjoni sussegwenti fil-forma ta' ittra dwar il-bażi ġuridika xierqa għal din id-deċiżjoni proposta adottata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fid-19 ta' Frar 2016(7) u annessa mar-rapport A8-0191/2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8–0191/2016),

A.  billi l-għan tal-Konvenzjoni HNS 2010 huwa li tiggarantixxi r-responsabbiltà u l-ħlas ta' kumpens adegwat, fil-pront u effettiv għal telf jew dannu lill-persuni, lill-proprjetà u lill-ambjent li jirriżultaw mill-ġarr ta' sustanzi perikolużi u noċivi bil-baħar permezz tal-Fond Internazzjonali speċjalizzat ta' kumpens għall-HNS;

B.  billi, għalhekk, minn naħa waħda hi għandha l-għan li tiddisponi għall-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u għall-prinċipji ta' prevenzjoni u ta' prekawzjoni li jfisser li għandha tittieħed azzjoni preventiva fil-każ tal-possibilità ta' dannu ambjentali, u għalhekk taqa' taħt il-politika u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-ambjent, u min-naħa l-oħra għandha l-għan li tirregola kwistjonijiet li jirriżultaw mid-danni kkawżati mit-trasport marittimu u li tipprevjeni u tnaqqas kemm jista' jkun danni bħal dawn, u għalhekk taqa' taħt il-politika tal-Unjoni dwar it-trasport;

C.  billi skont il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2015)0304), il-konklużjoni tal-Konvenzjoni HNS 2010 għaldaqstant tkun tikkoinċidi mal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

D.  billi l-Konvenzjoni HNS 2010 għandha kamp ta' applikazzjoni li jikkoinċidi mad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali sa fejn huma kkonċernati d-dannu ambjentali kkawżat lit-territorju u lill-ilmijiet tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni ta' stat parti, id-dannu li jirriżulta minn kontaminazzjoni tal-ambjent ikkawżat fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) jew żona ekwivalenti ta' stat parti (sa 200 mil nawtiku mil-linji bażi) u l-miżuri ta' prevenzjoni biex tali dannu jiġi pprevenut;

E.  billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tistabbilixxi responsabbiltà stretta ta' sid il-bastiment għal kwalunkwe dannu li jirriżulta mill-ġarr ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi bil-baħar kopert mill-Konvenzjoni, kif ukoll l-obbligu li joħroġ assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra li tkopri r-responsabbiltà tiegħu għal danni skont il-Konvenzjoni, li tipprojbixxi għal dak il-għan kwalunkwe pretensjoni oħra li ssir kontra sid il-bastiment ħlief skont din il-Konvenzjoni (l-Artikolu 7(4)(5));

F.  billi hemm riskju għalhekk ta' kunflitt potenzjali bejn l-ELD u l-Konvenzjoni HNS 2010, riskju li jista' jiġi evitat permezz tal-Artikolu 4(2) tal-ELD, li jiddisponi li d-Direttiva "ma tapplikax għal danni ambjentali jew għal kwalunkwe theddida imminenti ta' danni ambjentali li huma ir-riżultat ta' inċident li fir-rigward tiegħu ir-responsabbiltà jew il-kumpens fil-kamp ta' applikazzjoni ta' xi waħda mill-konvenzjonijiet internazzjonali elenkati fl-Anness IV, inkluża kwalunkwe emenda futura ta' dawk il-konvenzjonijiet, li tinsab fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat";

G.  billi l-ELD għalhekk teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha danni ambjentali jew theddid imminenti ta' tali danni li huma koperti mill-Konvenzjoni HNS 2010 ladarba din tal-aħħar tidħol fis-seħħ, sakemm l-Istati Membri kollha ma jkunux irratifikaw jew aderixxew mal-Konvenzjoni HNS 2010 fl-istess limiti ta' żmien, hemm riskju li se jitfaċċa xenarju ġuridika frammentata fejn xi Stati Membri ikunu soġġetti għall-Konvenzjoni HNS 2010 u oħrajn għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali. dan se joħloq disparità għall-vittmi tat-tniġġis, bħalma huma l-komunitajiet kostali, is-sajjieda, eċċ. u jkun ukoll kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni HNS 2010;

H.  billi l-prinċipji bażiċi sottostanti għall-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali jipprovdu wkoll il-bażi għall-Konvenzjoni HNS 2010, u dawn huma r-responsabbiltà stretta ta' sid il-bastiment, assigurazzjoni mandatarja biex tkopri d-danni lill-partijiet terzi, id-dritt ta' rikors dirett tal-persuni li jsofru danni kontra l-assiguratur, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà u, fil-każ taż-żejt u ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, fond speċjali ta' kumpensi li jħallas għad-danni meta dawn jaqbżu l-limiti tar-responsabbiltà ta' sid il-bastiment;

I.  billi huwa fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi li jkun hemm reġim ta' responsabbiltà omoġenju applikabbli għad-danni li jirriżultaw mill-ġarr ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi fuq il-baħar;

J.  billi mhuwiex assolutament ċar jekk l-Artikolu 4(2) tal-ELD jfissirx li l-ELD ma tistax tiġi applikata fi Stat Membru li jkun irratifika l-Konvenzjoni HNS 2010, jew li l-esklużjoni hija limitata sal-punt sa fejn ir-responsabbiltà jew il-kumpens jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

K.  billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tikkostitwixxi reġim ta' kumpens u għalhekk għandhaambitu iżgħar mill-ELD fl-istabbiliment ta' reġim li jirrikjedi lill-operaturi, u jidderieġi lill-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu lill-operaturi, jipprevjenu jew jirrimedjaw theddida imminenti ta' dannu ambjentali jew dannu ambjentali attwali, rispettivament;

L.  billi għall-kuntrarju ta' dak li huwa l-każ skont l-ELD, l-ebda kumpens ma jista' jingħata skont il-Konvenzjoni HNS 2010 għal dannu ta' natura mhux ekonomika;

M.  billi l-ELD ma timponix garanzija finanzjarja mandatarja fuq l-operaturi sabiex tiżgura li dawn ikollhom fondi biex jassiguraw il-prevenzjoni u r-rimedju ta' dannu ambjentali, sakemm Stat Membru ma jkunx adotta dispożizzjonijiet aktar stretti mill-ELD;

N.  billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tistabbilixxi obbligu ċar li s-sid jikkuntratta assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra biex ikopri r-responsabbiltà tiegħu għad-danni skont il-Konvenzjoni;

O.  billi l-Konvenzjonijiet l-oħra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali inklużi fl-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali wrew li huma effettivi, peress li rnexxielhom jilħqu bilanċ bejn l-interessi ambjentali u l-interessi kummerċjali permezz tal-allokazzjoni ċara tar-responsabbiltà li permezz ta' hekk normalment ma jkun hemm l-ebda inċertezza dwar min hija l-parti responsabbli, kif ukoll permezz tal-istabbiliment ta' assikurazzjoni obbligatorja u mekkaniżmi rapidi ta' kumpens, li mhumiex limitati għad-danni ambjentali biss;

1.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

   (i) Jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi tal-UE skont l-Artikolu 5(1) tat-TUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddisponi li "l-għażla tal-bażi legali ta' att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' dan l-att"(8);
   (ii) Jilqgħu għalhekk l-opinjoni fil-forma ta' ittra tad-19 ta' Frar 2016 adottata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont liema:

"peress li l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tawtorizza lill-Istati Membri li jirratifikaw, jew aderixxu, f'isem l-Unjoni, mal-Protokoll HNS 2010 u sussegwentement jintrabtu mill-Konvenzjoni HNS 2010, u meta jitqies li din tal-aħħar ma tkoprix biss każijiet ta' ħsara ambjentali (li jagħtu s-saħħa lill-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva u li min iniġġes għandu jħallas), iżda wkoll każijiet ta' ħsara mhux ambjentali, kemm ikkawżati mit-trasportazzjoni ta' ċerti sustanzi bit-trasport bil-baħar, l-Artikoli 100(2), 192(1) u 218(6)(a)(v) tat-TFUE jikkostitwixxu l-bażi ġuridika adegwata għal din il-proposta"

   (iii) Jiżguraw li l-uniformità, l-integrità u l-effettività tar-regoli komuni tal-Unjoni ma jiġux affettwati b'mod negattiv mill-impenji internazzjonali meħuda bir-ratifika tal-Konvenzjoni HNS 2010 jew bl-adeżjoni magħha skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja(9);
   (iv) Jagħtu attenzjoni akbar f'dan ir-rigward lill-koinċidenza bejn id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u l-Konvenzjoni HNS 2010, sa fejn huma kkonċernati d-dannu ambjentali kkawżat lit-territorju u lill-ilmijiet tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni ta' stat parti, idannu li jirriżulta minn kontaminazzjoni tal-ambjent ikkawżat fiż-ŻEE jew f'żona ekwivalenti (sa 200 mil nawtiku mil-linji bażi) ta' stat parti u l-miżuri ta' prevenzjoni biex jiġi pprevenut jew minimizzat tali dannu (miżuri preventivi, rimedju primarju, u rimedju kumplimentari);
   (v) Jiżguraw li l-possibbiltà ta' kunflitt bejn id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u l-Konvenzjoni HNS 2010 tiġi minimizzata billi jieħdu l-azzjonijiet kollha xierqa biex jiġi żgurat li l-klawżola ta' esklussività skont l-Artikolu 7(4) u (5) tal-Konvenzjoni HNS 2010, li permezz tagħha ma tista' ssir l-ebda pretensjoni oħra kontra sid il-bastiment ħlief f'konformità ma' din il-Konvenzjoni, tiġi rispettata bis-sħiħ mill-Istati Membri li jirratifikaw jew li jaderixxu skont l-Artikolu 4(2) u l-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;
   (vi) Jiżguraw li jitnaqqas ir-riskju li jinħoloq u jiġi konsolidat żvantaġġ kompetittiv għall-istati li huma lesti biex jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010, meta mqabbla ma' dawk li possibilment jixtiequ jibdew dan il-proċess aktar tard u jibqgħu marbuta bid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali biss;
   (vii) Jiżguraw it-tneħħija tal-koeżistenza permanenti ta' żewġ reġimi ta' responsabbiltà marittima – wieħed ibbażat fl-Unjoni u ieħor internazzjonali – li tirriżulta fil-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, barra minn hekk, tikkomprometti l-allokazzjoni ċara tar-responsabbiltà u tista' twassal għal proċeduri twal u għaljin għad-detriment tal-vittmi u l-industrija tat-tbaħħir;
   (viii) Jiżguraw f'dan ir-rigward li jiġi impost obbligu ċar fuq l-Istati Membri li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiksbu riżultat konkret, jiġifieri li jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010 fi żmien raġonevoli, li ma għandux ikun itwal minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jikkonkludi li din ir-riżoluzzjoni se tkun possibbiltà oħra għall-Kunsill u għall-Kummissjoni biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jitlob iktar diskussjonijiet mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll ill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.
(2) ĠU L 337, 13.12.2002, p. 55.
(3) ĠU L 143, 30.4.2004, p.56.
(4) Nota punt 13142/15.
(5) Disponibbli onlajn fuq: http://www.ics-shipping.org/docs/default-source/Submissions/EU/hazardous-and-noxious-substances.pdf.
(6) Disponibbli onlajn fuq: http://ec.europa.eu/environment/legal/liability/pdf/BIO%20ELD%20Effectiveness_report.pdf.
(7) PE576.992.
(8) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Lulju 2012, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-130/10, ECLI:EU:C:2012:472, punt 42.
(9) Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Marzu 1993, 2/91, ECLI:EU:C:1993:106, punt 25; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2002, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tad-Danimarka, C–467/98, ECLI:EU:C:2002:625, punt 82; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 2006, 1/03, ECLI:EU:C:2006:81, punti 120 u 126; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.

Avviż legali - Politika tal-privatezza