Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2276(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0151/2016

Testi mressqa :

A8-0151/2016

Dibattiti :

PV 07/06/2016 - 17
CRE 07/06/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0267

Testi adottati
PDF 339kWORD 156k
L-Erbgħa, 8 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea
P8_TA(2016)0267A8-0151/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea (2015/2276(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Titoli XVII u XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra t-talba ta' Franza tas-17 ta' Novembru 2015 għall-għajnuna u l-assistenza taħt l-Artikolu 42(7) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2015 dwar it-tisħiħ tar-rispons tal-ġustizzja kriminali fil-konfront tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u għall-estremiżmu vjolenti,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 u tat-18 ta' Novembru 2014 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 u l-21 ta' Frar 2014 dwar il-politika dwar l-ispazju,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar id-difiża,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu "L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni" (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), fil-Parlament Ewropew fit-30 ta' Marzu 2015 dwar kooperazzjoni aktar stretta bejn l-UE u n-NATO,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' Bob Work, il-Viċi Segretarju għad-Difiża tal-Istati Uniti, fit-28 ta' Jannar 2015 u fl-10 ta' Settembru 2015 dwar it-tielet Strateġija Offset tal-Istati Uniti u l-implikazzjonijiet tagħha għas-sħab u l-alleati,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta' Novembru 2015 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni bit-titolu "Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2015)0050),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 911/2010(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju(3);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0151/2016),

A.  billi l-ambjent ta' sigurtà qed isir dejjem aktar perikoluż u ta' sfida, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, ikkaratterizzat minn attakki terroristiċi u qtil tal-massa li jaffettwaw lill-Istati Membri kollha u li għalihom l-Istati Membri jeħtiġilhom iwieġbu billi jadottaw strateġija konġunta u rispons ikkoordinat; billi dawk l-isfidi ta' sigurtà jqajmu l-ħtieġa ta' tisħiħ tas-sigurtà tal-UE permezz tal-iżvilupp kontinwu u l-appoġġ tal-UE għall-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni sabiex issir strument ta' politika aktar effikaċi u garanzija reali għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u għall-promozzjoni u l-ħarsien ta' normi, interessi u valuri Ewropej kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE;

B.  billi jeħtieġ li l-UE tqawwi r-rwol tagħha bħala fornitur tas-sigurtà internament u esternament, u tiżgura l-istabbiltà fil-viċinat tagħha u fid-dinja; billi jeħtieġ li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-isfidi għas-sigurtà, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mit-terroriżmu sew internament kif ukoll esternament, inkluż permezz ta' appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kawżi ewlenin tiegħu; billi l-Istati Membri u l-Unjoni jeħtiġilhom jaħdmu flimkien b'mod effikaċi u koerenti fuq sistema ta' ġestjoni tal-fruntieri sabiex il-fruntieri esterni jkunu siguri;

C.  billi jeħtieġ li l-Unjoni ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħha mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u mal-Istati Uniti, li t-tnejn jibqgħu garanturi għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ewropa, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Unjoni Afrikana, u l-ġirien u s-sħab reġjonali oħrajn;

D.  billi jeħtieġ li l-Unjoni tindirizza l-kawżi sottostanti tal-isfidi għas-sigurtà tagħna, ta' taqlib u ta' kunflitt armat fil-viċinat tagħna, tal-migrazzjoni, tad-degradazzjoni tal-għajxien tal-persuni minn atturi statali u mhux statali, u l-erożjoni tal-Istati u l-ordnijiet reġjonali, inkluż bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u l-faqar, permezz ta' approċċ għall-ġestjoni ta' kriżijiet ġewwa u barra l-Unjoni li jkun komprensiv u msejjes fuq il-valuri;

E.  billi l-kapaċitajiet bis-satellita jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat u identifikat aħjar il-fluss ta' immigranti illegali u r-rotot li jużaw, u, fil-każ ta' dawk li ġejjin mill-Afrika ta' Fuq, jiġu identifikati ż-żoni minn fejn qed jimbarkaw sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar rapidu u jiġu salvati aktar ħajjiet;

F.  billi l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015, li ffoka fuq id-difiża, appella għal trawwim ta' kooperazzjoni Ewropea akbar u aktar sistematika fil-qasam tad-difiża bil-għan li jiġu pprovduti l-kapaċitajiet ewlenin, inkluż permezz tal-użu koerenti u effiċjenti ta' fondi tal-UE;

G.  billi l-politika dwar l-ispazju hija element essenzjali tal-awtonomija strateġika li l-UE jeħtiġilha tiżviluppa sabiex tħares il-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali sensittivi u l-kapaċitajiet biex jitwettqu valutazzjonijiet indipendenti;

H.  billi l-kapaċitajiet spazjali għas-Sigurtà u d-Difiża Ewropea huma importanti u, f'xi każijiet, saħansitra vitali, għal numru kbir ta' sitwazzjonijiet, li jvarjaw minn użu ta' kuljum fi żmien ta' paċi għall-ġestjoni ta' kriżijiet u sfidi ta' sigurtà aktar akuti, inkluża gwerra fuq skala sħiħa; billi l-iżvilupp ta' tali kapaċitajiet huwa impenn fuq medda twila ta' żmien; billi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet futuri jrid jiġi pprogrammat meta l-kapaċitajiet attwali jkunu qed jiġu skjerati;

I.  billi l-proliferazzjoni tat-teknoloġiji spazjali u d-dipendenza dejjem tikber tas-soċjetajiet fuq is-satelliti jżidu l-kompetizzjoni fuq l-assi spazjali (rotot, frekwenzi) u tagħmel mis-satelliti infrastruttura kritika; billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji kontra s-satelliti (ASAT) minn għadd ta' atturi, inklużi l-kapaċitajiet ta' armi orbitali, juru li l-ispazju qed jimtela bl-armamenti;

J.  billi, fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, l-Unjoni tista' taġixxi permezz ta', fost oħrajn, istituzzjonijiet bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE;

K.  billi l-assi spazjali Ewropej ġew żviluppati matul dawn l-aħħar ħames deċennji bis-saħħa tal-isforzi kkoordinati tal-aġenziji spazjali nazzjonali u, aktar tard, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA); billi t-Trattat dwar l-ispazju extratmosferiku, il-qafas legali bażiku tal-liġi internazzjonali dwar l-ispazju, daħal fis-seħħ f'Ottubru 1967;

L.  billi l-iżvilupp u s-sosteniment tal-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża fl-Ewropa jeħtieġu kooperazzjoni effikaċi u sinerġija bejn l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet Ewropej u dawk internazzjonali;

M.  billi l-kapċitajiet spazjali tal-UE għandhom ikunu kompatibbli mal-kapaċitajiet tan-NATO u tal-Istati Uniti, sabiex ikunu jistgħu jintużaw b'mod sħiħ bħala netwerk f'każ ta' kriżi;

N.  billi r-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija fil-qasam tal-ispazju huwa settur b'rendiment għoli li jipproduċi wkoll prodotti sekondarji ta' software u hardware ta' kwalità għolja għal użu kummerċjali varjat;

1.  Iqis li l-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju jaqdu rwol ewlieni, fost l-oħrajn, fil-kuntest tas-sigurtà u d-difiża Ewropea; hu konvint li l-kapaċitajiet u s-servizzi attwali u futuri fil-qasam tal-ispazju se jagħtu lill-Istati Membri u lill-Unjoni kapaċità operazzjonali mtejba ta' użu doppju għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u ta' politiki oħra tal-UE f'oqsma bħalma huma l-azzjoni esterna, il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà marittima, l-agrikoltura, l-ambjent, l-azzjoni klimatika, is-sigurtà tal-enerġija, il-ġestjoni tad-diżastri, l-għajnuna umanitarja u t-trasport;

2.  Iqis li hemm bżonn ta' aktar implimentazzjoni tal-PSDK; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiżdiedu l-effikaċja, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK; jafferma mill-ġdid l-importanza u l-valur miżjud tal-Politika dwar l-Ispazju għall-PSDK; iqis li l-ispazju għandu jkun inkluż fil-politiki futuri tal-Unjoni (eż. is-sigurtà interna, it-trasport, l-ispazju, l-enerġija, ir-riċerka) u li għandhom jissaħħu u jiġu sfruttati aktar is-sinerġiji mal-ispazju; jenfasizza li l-użu tal-kapċitajiet spazjali fil-gwerra kontra t-terroriżmu u organizzazzjonijiet terroristiċi, permezz tal-kapaċità ta' lokalizzazzjoni u ta' monitoraġġ tal-kampijiet ta' taħriġ tagħhom, huwa vitali;

3.  Jemmen li l-gvernijiet nazzjonali u l-Unjoni għandhom itejbu l-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni satellitari fil-qasam tal-ispazju tagħhom, l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-ispazju, in-navigazzjoni preċiża u l-kapaċitajiet għall-osservazzjoni tad-dinja, u jiżguraw in-nondipendenza Ewropea rigward it-teknoloġiji spazjali kruċjali u l-aċċess għall-ispazju; iqis li l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali, b'mod partikolari, se jkompli jaqdi rwol vitali f'affarijiet militari u ċivili; jissottolinja l-impenn favur in-nonmilitarizzazzjoni tal-ispazju; jirrikonoxxi li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, jeħtieġ investiment finanzjarju suffiċjenti; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-awtonomija tal-UE fir-rigward tal-istrutturi spazjali, filwaqt li jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan; iqis li dan l-għan huwa ta' importanza vitali għal attivitajiet ċivili (fil-pajjiżi tal-Punent huwa stmat li bejn 6 u 7 % tal-PDG huwa dipendenti fuq it-teknoloġija ta' pożizzjonar u navigazzjoni permezz tas-satellita) u għas-sigurtà u d-difiża; jemmen li l-kooperazzjoni għandha tinbeda fuq bażi intergovernattiva u permezz tal-ESA;

4.  Jissottolinja d-dimensjoni tas-sigurtà tal-programm Copernicus, b'mod partikolari l-applikazzjonijiet li għandhom il-għan li jipprevjenu u jirrispondu għall-kriżi, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni, il-prevenzjoni tal-kunflitti li tinvolvi monitoraġġ tal-konformità ma' trattati internazzjonali, u s-sorveljanza marittima; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-objettiv tal-prevenzjoni tal-kunflitti tal-kapċitajiet spazjali;

5.  Jenfasizza li l-politika dwar l-ispazju tal-UE tippromwovi l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, skont l-Artikolu 189 tat-TFUE, li jinkludi l-politika ta' sigurtà u ta' difiża; ifakkar li ż-żewġ programmi ewlenin tal-UE – Galileo u Copernicus – huma programmi ċivili taħt kontroll ċivili u li n-natura Ewropea ta' Galileo u Copernicus għamlet dawn il-programmi possibbli u żgurat is-suċċess tagħhom; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-programmi Ewropej fil-qasam tal-ispazju jiżviluppaw kapaċitajiet u servizzi ċivili spazjali li jkunu rilevanti għall-kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża Ewropej, partikolarment permezz tal-allokazzjoni ta' fondi adegwati għar-riċerka; jemmen li l-kapaċità ta' użu doppju tal-kapċitajiet spazjali huwa importanti sabiex isir l-aktar użu effikaċi mir-riżorsi;

6.  Jenfasizza li l-programmi spazjali għandhom benefiċċji ta' sigurtà u ta' difiża li huma marbuta b'mod teknoloġiku mal-benefiċċji ċivili u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kapaċità ta' użu doppju ta' Galileo u Copernicus; jemmen li din il-kapaċità għandha tiġi żviluppata bis-sħiħ fil-ġenerazzjonijiet li jmiss, inkluż pereżempju fit-titjib tal-preċiżjoni, l-awtentikazzjoni, il-kriptaġġ, il-kontinwità u l-integrità (Galileo); jenfasizza li d-data ta' osservazzjoni tad-dinja u s-sistemi ta' pożizzjonament b'riżoluzzjoni għolja huma utli għall-applikazzjonijiet fl-oqsma ċivili u tas-sigurtà, pereżempju fl-oqsma tal-ġestjoni tad-diżastri, l-azzjonijiet umanitarji, l-għajnuna għar-rifuġjati, is-sorveljanza marittima, it-tisħin globali, is-sigurtà tal-enerġija u s-sigurtà globali tal-ikel, kif ukoll għad-detezzjoni tad-diżastri naturali globali u r-rispons għalihom, speċjalment nixfiet, terremoti, għargħar u nirien fil-foresti; jinnota l-ħtieġa għal interazzjoni aħjar bejn id-drones u s-satelliti; jitlob li fir-rieżami ta' nofs it-terminu jiġu disposti biżżejjed riżorsi għall-iżvilupp fil-ġejjieni tas-sistemi satelittari kollha;

7.  Iqis li hu meħtieġ approċċ olistiku, integrat u fit-tul għall-qasam tal-ispazju fil-livell tal-UE; jemmen li s-settur tal-ispazju għandu jissemma fl-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà l-ġdida, filwaqt li jitqies l-iżvilupp attwali tal-programmi tal-UE ta' użu doppju relatati mal-ispazju u l-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment il-programmi ċivili tal-UE fil-qasam tal-ispazju li jistgħu jintużaw kemm għad-difiża, kif ukoll għas-sigurtà ċivili;

8.  Jilqa' l-inizjattiva multilaterali sponsorjata mill-UE lejn Kodiċi ta' Kondotta għall-Attivitajiet fl-Ispazju bħala mod ta' kif jiġu introdotti standards ta' mġiba fl-ispazju hekk kif tipprova tikseb aktar sikurezza, sigurtà u sostenibbiltà fl-ispazju billi tenfasizza li l-attivitajiet fil-qasam tal-ispazju għandhom jinvolvu livell għoli ta' kura, diliġenza dovuta, u trasparenza xierqa, bil-għan li tinbena l-fiduċja fis-settur tal-ispazju;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi fi żmien qasir il-ħtiġijiet tal-UE rigward il-kontribut potenzjali tal-politika dwar l-ispazju lill-PSDK għall-aspetti ewlenin kollha: l-illanċjar, il-pożizzjonament, l-użu ta' immaġni, il-komunikazzjoni, it-temp fl-ispazju, id-debris fl-ispazju, iċ-ċibersigurtà, l-imblukkar (jamming), l-ispoofing u theddid intenzjonali ieħor, u s-sigurtà tas-segment terrestri; iqis li l-karatteristiċi futuri fil-qasam tal-ispazju tas-sistemi Ewropej attwali għandhom jiġu stabbiliti skont ir-rekwiżiti tal-PSDK u għandhom ikopru l-aspetti relatati kollha msemmija hawn fuq;

10.  Jappella biex ir-rekwiżiti meħtieġa għal sistemi futuri, privati u pubbliċi, li jikkontribwixxu għall-applikazzjonijiet safety-of-life (sikurezza tal-ħajja) (eż. pożizzjonar, ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM)) jiġu definiti fir-rigward tal-protezzjoni kontra attakki tas-sigurtà possibbli (imblukkar, spoofing, attakki ċibernetiċi, it-temp fl-ispazju u d-debris); iqis li dawn ir-rekwiżiti ta' sikurezza għandhom ikunu ċertifikabbli u taħt is-sorveljanza ta' entità Ewropea (bħall-EASA);

11.  Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea għandu jsegwi żewġ objettivi strateġiċi ewlenin: is-sigurtà fuq il-pjaneta permezz ta' sistemi spazjali fl-orbita mfassla biex jimmonitorjaw il-wiċċ tad-dinja jew biex jipprovdu pożizzjonar, informazzjoni dwar in-navigazzjoni u t-timing jew komunikazzjonijiet bis-satellita u s-sikurezza fl-ispazju extratmosferiku, kif ukoll is-sigurtà spazjali, jiġifieri s-sikurezza fl-orbita u fl-ispazju permezz ta' sistemi terrestri u orbitali ta' għarfien sitwazzjonali;

12.  Jidentifika l-perikli ta' gwerra ċibernetika u theddidiet ibridi għall-programmi Ewropej tal-ispazju, filwaqt li jitqies li l-ispoofing jew l-imblukkar jistgħu jiddisturbaw il-missjonijiet militari jew ikollhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-ħajja ta' kuljum fid-dinja; jemmen li ċ-ċibersigurtà teħtieġ approċċ konġunt mill-UE, l-Istati Membri, u n-negozji u l-ispeċjalisti tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi programmi tal-ispazju fl-attivitajiet tagħha ta' ċibersigurtà;

13.  Iqis li l-koordinazzjoni tas-sistemi spazjali implimentati b'mod frammentat mid-diversi Stati Membri għal diversi ħtiġijiet nazzjonali għandha tissaħħaħ sabiex ikun jista' jiġi antiċipat minnufih it-tfixkil ta' applikazzjonijiet differenti (eż. għall-ATM);

14.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Istati Membri hija kruċjali għat-titjib tal-kapaċitajiet u s-servizzi Ewropej fil-qasam tal-ispazju; huwa tal-fehma li l-Unjoni, b'mod partikolari l-VP/RGħ, għandha tikkoordina, tiffaċilita u tappoġġa tali kooperazzjoni fil-qasam tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża permezz ta' ċentru ta' koordinazzjoni operazzjonali speċifiku; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-Aġenzija Spazjali Ewropea għandha taqdi rwol importanti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta' politika Ewropea waħdanija dwar l-ispazju li tinkludi l-politika ta' sigurtà u difiża;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta r-riżultati tal-qafas Ewropew ta' kooperazzjoni għar-riċerka dwar is-sigurtà u d-difiża tal-ispazju u jitlob għal rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jiġi żviluppat ulterjorment; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika kif riċerka ċivili-militari taħt Orizzont 2020 serviet fis-settur tal-kapċitajiet spazjali għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni;

16.  Jilqa' l-Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-qafas u l-impatt tiegħu fuq is-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf pjan direzzjonali ta' implimentazzjoni dwar id-definizzjoni tal-arkitettura prevista;

17.  Jenfasizza l-importanza strateġika li jiġu stimolati l-innovazzjoni u r-riċerka tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża; jirrikonoxxi l-potenzjal sinifikanti tat-teknoloġiji spazjali kritiċi bħas-Sistema Ewropea ta' Relay ta' Data, li tippermetti osservazzjoni tad-dinja f'ħin reali u persistenti, il-varar ta' mega kostellazzjonijiet ta' nanosats u, fl-aħħar nett, il-bini ta' kapaċità reattiva fil-qasam tal-ispazju; jissottolinja l-ħtieġa ta' teknoloġiji innovattivi ta' big data biex jintuża l-potenzjal sħiħ ta' data spazjali għas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dawn it-teknoloġiji fl-Istrateġija Spazjali tagħha għall-Ewropa;

18.  Jitlob għall-iżvilupp ta' diversi inizjattivi diplomatiċi tal-UE f'kwistjonijiet tal-ispazju, kemm bilaterali kif ukoll f'kuntest multilaterali, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-istituzzjonalizzazzjoni tal-ispazju u għaż-żieda fit-trasparenza u fil-miżuri għall-bini ta' fiduċja; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ħidma dwar il-promozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta internazzjonali għall-attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku; iħeġġeġ lis-SEAE jikkunsidra l-komponent spazjali f'negozjati f'oqsma oħra;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu u jiffinalizzaw programmi u inizjattivi konġunti, bħalma huma l-programmi tas-sistema multinazzjonali tal-immaġini mill-ispazju għas-sorveljanza, għat-tkixxif u għall-osservazzjoni, tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM) u tas-sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST), u biex jiġbru flimkien u jikkondividu fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, u jiddikjara l-appoġġ tiegħu għal tali programmi u inizjattivi konġunti;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proġett tal-EDA u l-ESA dwar il-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM), li huwa wieħed mill-programmi ewlenin tal-EDA identifikati mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2013; jappella, f'dan ir-rigward, lill-atturi involuti biex iwaqqfu programm permanenti u biex jużaw il-valur miżjud Ewropew tal-EDA għall-komunikazzjoni satellitari militari ukoll; jilqa' t-tlestija b'suċċess tal-proġett DESIRE I u t-tnedija tal-proġett ta' dimostrazzjoni DESIRE II għall-operazzjoni futura ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) fi spazju tal-ajru mhux segregat mill-EDA u l-ESA;

21.  iqis li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-kapaċitajiet u s-servizzi futuri fil-qasam tal-ispazju għal skopijiet ta' sigurtà u ta' difiża tkun ta' benefiċċju għat-tnejn; iqis li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija aktar effiċjenti u kompatibbli meta ż-żewġ partijiet ikunu fuq l-istess livell ta' kapaċità u t-teknoloġija; jistieden kwalunkwe diskrepanza teknoloġika potenzjali tiġi identifikata u indirizzata mill-Kummissjoni; jinnota l-ħidma mwettqa favur it-tielet Strateġija Offset tal-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Unjoni tqis dan l-iżvilupp meta tkun qed tħejji l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija tagħha u tinkludi l-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża fl-ambitu ta' din l-istrateġija; jemmen li r-relazzjonijiet bilaterali diġà eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti jistgħu jintużaw fejn xieraq; jistieden lill-VP/RGħ tiddiskuti mal-ministri tad-difiża dwar l-approċċ strateġiku li għandu jittieħed, u tinforma lill-Parlament hekk kif dan id-dibattitu jkun qed jevolvi;

22.  Jemmen li l-UE għandha tkompli tiffaċilita l-istabbiliment ta' Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għall-attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku, bil-għan li tiġi protetta l-infrastruttura spazjali filwaqt li jiġi evitat li l-ispazju jimtela bl-armamenti; iqis li l-iżvilupp tal-programm għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA) hija vitali għal dan; jitlob lill-Unjoni taħdem għal dan il-għan f'kooperazzjoni mal-Kumitat tan-NU dwar l-użi paċifiċi tal-ispazju extratmosferiku u ma' imsieħba oħra rilevanti;

23.  Ifakkar fil-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkopri l-bini ta' reżiljenza miż-żewġ korpi, id f'id mal-ġirien tal-UE, kif ukoll l-investiment fid-difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju toffri prospetti għal kompatibbiltà u sinerġija aħjar bejn iż-żewġ oqfsa; hu konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva;

24.  Jindika, madankollu, li l-UE għandha tkompli tipprova tiżgura sal-aktar grad possibbli l-awtonomija tal-ispazju u dik militari; jindika li, fit-tul, l-UE jrid ikollha l-istrumenti proprji tagħha li jistabbilixxu Unjoni ta' Difiża;

25.  Iqis li l-protezzjoni ta' kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża kontra attakki ċibernetiċi, theddid fiżiku, debris jew interferenzi oħra ta' ħsara tista' toffri prospetti għal kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO li tirriżulta fl-infrastruttura teknoloġika meħtieġa biex tiżgura r-riżorsi, minħabba li, fil-każ kuntrarju, ikun hemm ċans li l-investimenti fl-infrastrutturi spazjali Ewropea, li jiswew biljuni ta' flus tal-kontribwenti, jinħlew; jirrikonoxxi l-użu tas-satelliti kummerċjali għat-telekomunikazzjonijiet u l-użu dejjem jikber tagħhom għal skopijiet militari jpoġġuhom f'riskju ta' attakk; jistieden lir-RGħ/VP iżżomm lill-Parlament infurmat dwar kif qed tevolvi l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO f'dan il-qasam;

26.  Iqis li l-programmi ċivili tal-UE fil-qasam tal-ispazju jipprovdu firxa ta' kapaċitajiet u servizzi li huma ta' użu potenzjali f'bosta setturi, inklużi l-istadji li jmiss tal-evoluzzjoni tas-sistemi Copernicus u Galileo; jinnota l-ħtieġa li jitqies mill-ewwel kwalunkwe tħassib relatat mad-difiża u s-sigurtà; iqis li l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali / it-temp fl-ispazju, il-komunikazzjoni bis-satellita, l-intelligence elettroniku u t-twissija bikrija huma oqsma li jistgħu jibbenefikaw minn aktar kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, u investiment kontinwu ta' appoġġ ulterjuri fil-livell tal-UE permezz ta', u bl-appoġġ ta', aġenziji fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża;

27.  Jinnota l-importanza tas-servizz pubbliku regolat ta' Galileo (PRS) għan-navigazzjoni u għall-iggwidar tas-sistemi militari; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-isforzi tagħhom rigward ir-reviżjoni possibbli tat-Trattat tal-1967 dwar l-ispazju extratmosferiku jew biex jagħtu bidu għal qafas regolatorju ġdid li jqis il-progress teknoloġiku li sar mis-sittinijiet s'issa u li jkollu l-għan li jipprevjeni tellieqa tal-armi fl-ispazju;

28.  Jinnota li t-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni pubblika effikaċi tal-Ewropej għall-applikazzjonijiet tal-programmi tal-ispazju tal-UE li għandhom impatt dirett fuq l-utenti, bħalma huma Galileo u Copernicus, huma kruċjali għas-suċċess tal-programmi; jaħseb li dawn il-programmi jistgħu jintużaw biex tiżdied l-effikaċja fit-tfassil ta' strateġiji u fl-operazzjonijiet, fil-qafas tal-PSDK; jinkoraġġixxi l-identifikazzjoni u l-iżvilupp tal-bżonnijiet ta' kapaċitajiet li jtejbu s-sigurtà u d-difiża għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' sistemi Galileo u Copernicus;

29.  Jindika l-eżistenza tas-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) tal-Galileo, li huwa limitat għal utenti awtorizzati mill-gvern u huwa adatt għal applikazzjonijiet sensittivi fejn iridu jiġu żgurati r-robustezza u l-affidabbiltà sħiħa; iqis li l-kapaċità tal-PRS għandha tiġi żviluppata ulterjorment fil-ġenerazzjonijiet li jmiss b'rispons għat-theddid li jevolvi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċeduri operattivi jkunu effiċjenti kemm jista' jkun, b'mod partikolari f'każ ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jiġu żviluppati u promossi applikazzjonijiet ibbażati fuq il-kapaċitajiet ta' Galileo, inklużi dawk meħtieġa għall-PSDK, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi; ifakkar, barra minn hekk, il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Galileo, inkluż is-segment terrestri, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

30.  Jissottolinja l-livell għoli ta' sigurtà għas-sistemi GNSS tal-UE; jenfasizza l-eżekuzzjoni b'suċċess tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, b'mod partikolari permezz tal-Bord ta' Akkreditament ta' Sigurtà u taċ-Ċentri ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsir użu mill-għarfien espert u l-infrastruttura tas-sigurtà tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, anke għal Copernicus; jitlob li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fir-rieżami ta' nofs it-terminu ta' Galileo u ta' Copernicus;

31.  Jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa operattiva ta' data ta' osservazzjoni tad-dinja b'riżoluzzjoni għolja ħafna fil-programm Copernicus u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif din il-ħtieġa tista' tiġi ssodisfata, b'kont meħud tar-rekwiżiti tal-PSDK; jenfasizza żviluppi bħall-osservazzjoni kważi f'ħin reali u l-video-streaming mill-ispazju, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinvestiga kif tista' tieħu vantaġġ minn dawn, anke għal skopijiet ta' sigurtà u ta' difiża; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Copernicus, inkluż is-segment terrestri, u s-sigurtà tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri; jirrimarka, barra minn hekk, dwar l-importanza li jitqies kif l-industrija tista' tiġi involuta fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' Copernicus;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejjeb il-proċess ta' tixrid ta' informazzjoni mis-satelliti għall-utenti, inkluż billi tinbena l-infrastruttura teknoloġika meħtieġa; jinnota l-fatt imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li 60 % tat-tagħmir elettroniku abbord is-satelliti Ewropej huma attwalment importati mill-Istati Uniti; jitlob inizjattiva dwar kif tista' tiġi mħarsa data sensittiva jew personali f'dan il-kuntest;

33.  Jilqa' x-xogħol li qed isir sabiex l-UE tiġi pprovduta b'aċċess awtonomu għall-komunikazzjonijiet governattivi bis-satellita (GovSatcom) u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel progress rigward dan il-fajl; ifakkar li l-ewwel pass fil-proċess kien l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ċivili u militari mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, rispettivament, u jqis li l-inizjattiva għandha tinvolvi l-ġbir flimkien tad-domanda u għandha titfassal b'mod li jissodisfa l-ħtiġijiet identifikati bl-aħjar mod; jistieden lill-Kummissjoni, abbażi tal-ħtiġijiet u tar-rekwiżiti tal-benefiċjarji, twettaq evalwazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji għal soluzzjonijiet differenti:

   il-forniment ta' servizzi minn operaturi kummerċjali,
   sistema li tiddependi fuq il-kapaċitajiet attwali bil-possibbiltà li jiġu integrati l-kapaċitajiet futuri, jew
   il-ħolqien ta' kapaċitajiet ġodda permezz ta' sistema dedikata;

jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tas-sjieda u r-responsabbiltà; jinnota li, tkun xi tkun id-deċiżjoni finali, kwalunkwe inizjattiva ġdida għandha tkun fl-interess pubbliku u ta' benefiċċju għall-industrija Ewropea (manifatturi, operaturi, lanċaturi u oqsma oħra tal-industrija); iqis li l-GovSatcom għandha titqies ukoll bħala opportunità biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-innovazzjoni billi jittieħed vantaġġ mill-iżvilupp ta' teknoloġiji b'użu doppju, fil-kuntest estremament kompetittiv u dinamiku tas-suq tas-SATCOM; jissottolinja l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri ta' tagħmir u servizzi minn barra l-UE;

34.  Jinnota l-iżvilupp tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST) bħala inizjattiva tajba fil-kooperazzjoni dwar l-ispazju u pass lejn is-sigurtà fl-ispazju; jitlob li l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet SST ikunu prijorità għall-Unjoni għall-protezzjoni tal-ekonomija, tas-soċjetà u tas-sikurezza taċ-ċittadini u fil-qasam tal-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea; iqis li l-SST għandu jsir programm tal-UE b'baġit għalih filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi għal proġetti li għadhom għaddejjin ma jkunux b'hekk imnaqqsa; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha tiżviluppa kapaċità aktar olistika għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA), b'kapaċitajiet ta' previżjoni akbar, li jinvolvu s-sorveljanza tal-ispazju u l-analiżi u l-valutazzjoni ta' theddid u perikli potenzjali għall-attivitajiet spazjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tibni fuq l-SST, billi tiżviluppa kunċett ta' SSA usa' li jindirizza wkoll theddid intenzjonali lis-sistemi spazjali u, b'kooperazzoni mal-ESA, tieħu kont tat-temp fl-ispazju u ta' oġġetti qrib id-dinja u l-ħtieġa għal riċerka dwar sistemi teknoloġiċi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tad-debris fl-ispazju; jemmen li koordinazzjoni olistika tal-attivitajiet spazjali għandha tinkiseb mingħajr ma tixxekkel il-libertà li jintuża l-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li s-settur privat jitħalla jaqdi rwol importanti fl-iżvilupp ulterjuri u ż-żamma tal-parti mhux sensittiva tas-sistema SST, li għaliha l-istruttura ta' governanza b'żewġ livelli ta' Galileo tista' sservi ta' eżempju;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki u kapaċitajiet ta' riċerka sabiex jiġu pprovduti applikazzjonijiet futuri u tiġi żviluppata industrija Ewropea kompetittiva, li kapaċi jkollha suċċess kummerċjali msejjes fuq ambjent ekonomiku f'saħħtu; jinnota l-importanza dejjem akbar ta' entitajiet privati fis-suq tal-ispazju; jissottolinja l-ħtieġa għal, u l-benefiċċji ta', l-involviment tal-SMEs fil-proċessi ta' riċerka, żvilupp u produzzjoni relatati mat-teknoloġiji spazjali, b'mod partikolari dawk li huma rilevanti biex tiġi żgurata s-sigurtà; jibqa' kawt rigward ir-riskji relatati ma' inizjattivi privati mhux regolati b'implikazzjoni għas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza li l-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji jista' jvarja minn settur għal ieħor ta' attivitajiet spazjali, u għalhekk jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta' każ b'każ, b'mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha f'termini ta' sovranità u awtonomija strateġika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jipprovdu l-mezzi meħtieġa biex jillimitaw dawn ir-riskji;

36.  Jenfasizza li fejn l-ispazju hu konċernat, u minħabba l-importanza strateġika tiegħu, il-fokus tal-isforzi fl-investiment għandhom ikunu fuq l-investiment fis-settur pubbliku; huwa tal-fehma li l-ispejjeż għoljin għall-iżvilupp ta' programmi u ta' infrastruttura fil-qasam tal-ispazju ifissru li l-uniku mod biex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta' dawn il-proġetti huwa permezz ta' sforzi deċiżivi tas-settur pubbliku biex jidderieġu inizjattivi privati;

37.  Jindika, fir-rigward tal-finanzjament futur tal-programmi tal-ispazju Ewropej, li wieħed jiddetermina meta jista' jkun possibbli li jintużaw forom ta' sħubija pubblika-privata.

38.  Jindika li l-oqfsa regolatorji u l-politiki korretti jridu jiġu stabbiliti sabiex l-industrija tingħata aktar impetu u inċentivi biex tikseb żvilupp teknoloġiku u twettaq riċerka dwar il-kapċitajiet spazjali; jitlob li jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ għal riċerka relatata mal-ispazju fl-oqsma msemmija hawn fuq; jinnota r-rwol importanti li Orizzont 2020 jista' jaqdi biex l-UE tkun tista' tnaqqas id-dipendenza tagħha f'termini ta' teknoloġiji spazjali kritiċi; ifakkar, f'dak ir-rigward, li l-parti dwar l-ispazju ta' Orizzont 2020 taqa' taħt il-prijorità "Tmexxija industrijali", u b'mod partikolari fi ħdan l-objettiv speċifiku ta' "Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali"; huwa tal-fehma, għalhekk, li Orizzont 2020 għandu jintuża biex jappoġġa l-bażi tat-teknoloġija spazjali u l-kapaċitajiet industrijali tal-Ewropa fil-qasam tal-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tiddisponi b'mod suffiċjenti għal teknoloġiji spazjali kritiċi għas-sigurtà u d-difiża matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020;

39.  Jemmen li l-UE tista' taqdi rwol biex il-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju Ewropej isiru aktar b'saħħithom, reżiljenti u flessibbli; huwa konvint li kapaċità ta' reazzjoni rapida biex jinbidlu jew jiġu rristorati assi bil-ħsara jew li ddeterjoraw fl-ispazju waqt kriżi għandha tiġi żviluppata b'mod effikaċi permezz ta' sħubijiet bejn diversi Stati, inkluż fil-livell Ewropew; ifaħħar tax-xogħol tal-ESA fl-iżvilupp ta' programm għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA) biex jidentifika u jbassar id-debris fl-ispazju jew kolliżjoni bejn satelliti; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li, minħabba n-numru dejjem akbar ta' satelliti u debris fl-ispazju, jitnaqqas ir-riskju ta' kolliżjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu l-iffinanzjar ta' din il-kapaċità wara l-2016; jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar sistema Ewropea ta' sorveljanza spazjali u ta' traċċar (SST), li tiggarantixxi l-awtonomija tal-UE fl-ispazju; jistaqsi jekk humiex fis-seħħ strutturi ta' governanza xierqa għall-ġestjoni tal-PRS u ta' infrastruttura spazjali ewlenija oħra fil-każ ta' attakk armat jew ta' kriżi kbira ta' sigurtà oħra;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u d-difiża jingħaqdu flimkien biex jiżviluppaw White Paper dwar ir-rekwiżiti ta' taħriġ vis-à-vis l-użu ta' kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża; huwa tal-fehma li għandhom jiġu mobilizzati r-riżorsi tal-UE għal korsijiet pilota f'dawk l-oqsma li għalihom l-Istati Membri u l-aġenziji kompetenti Ewropej identifikaw bżonn imminenti;

41.  Jemmen li appoġġ finanzjarju u politiku ulterjuri għall-iżvilupp u għall-użu ta' lanċaturi tal-UE u tal-Programm għad-Dimostratur Riutilizzabbli f'Orbita fl-Ewropa (PRIDE) huwa ta' importanza strateġika, minħabba li d-dimostratur huwa aktar kosteffikaċi u jipprovdi l-indipendenza fl-aċċess għall-ispazju, kif ukoll pjan għall-ġestjoni ta' kriżi fl-ispazju;

42.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-ispiża tal-programmi Copernicus u Galileo ferm aktar mill-ammont inizjali tal-allokazzjonijiet baġitarji; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal aktar żvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tal-ispazju, filwaqt li jappella għal ġestjoni xierqa tar-riżorsi finanzjarji;

43.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma rratifikawx it-Trattat dwar l-ispazju extratmosferiku li jagħmlu dan, minħabba l-importanza tiegħu fil-ħarsien tal-liġi fl-ispazju;

44.  Jilqa' l-proċess u l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-lanċaturi Ewropej il-ġodda, Ariane 6 u VEGA, u jikkunsidra l-iżvilupp ta' dawn il-lanċaturi bħala kruċjali għall-vijabbiltà fit-tul u għall-indipendenza tal-programmi Ewropej fil-qasam tal-ispazju li jservu għall-finijiet ta' difiża u sigurtà; huwa tal-fehma soda li ż-żamma tal-pożizzjoni predominanti tal-lanċaturi Ewropej għandha tkun għan strateġiku Ewropew fi żmien meta qed joħorġu kompetituri ġodda li huma appoġġati minn mudelli ta' finanzjament kompetittivi ħafna; iqis li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, irid isir tibdil xieraq fl-istruttura, fil-leġiżlazzjoni u fil-finanzjament sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi u kompetittivi fil-livell Ewropew; jirrakkomanda, fost affarijiet oħra, l-innovazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' komponenti, peress li dan jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem f'termini kemm ta' effiċjenza u sostenibbiltà; jemmen li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-impatt ta' ċerti proġetti li jikkonċernaw l-indipendenza tal-UE, bħalma huma l-kooperazzjoni mar-Russja f'oqsma sensittivi bħall-illanċjar ta' satelliti permezz ta' rokits Soyuz;

45.  Jinnota l-importanza strateġika tal-aċċess indipendenti għall-ispazju u l-ħtieġa għall-azzjoni tal-UE ddedikata, anke fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, peress li din il-kapaċità se tippermetti lill-Ewropa tikseb aċċess għall-ispazju f'każ ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mal-ESA u l-Istati Membri:

   tikkoordina, taqsam u tiżviluppa proġetti spazjali ppjanati u swieq Ewropej, sabiex l-industrija Ewropea tkun tista' tantiċipa d-domanda (biex b'hekk tingħata spinta lill-impjiegi u l-industrija bbażata fl-Ewropa) u tiġġenera wkoll id-domanda tagħha f'termini ta' utilizzazzjoni xprunata min-negozju;
   tappoġġa l-infrastruttura tal-illanċjar, u
   tippromwovi r-R&Ż, inkluż permezz tal-istrument ta' sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod partikolari f'teknoloġiji innovattivi;

iqis li dawn l-isforzi huma meħtieġa biex l-Ewropa tkun tista' tikkompeti fis-suq globali tal-illanċjar; iqis, barra minn hekk, li l-UE trid tiżgura li jkollha bażi tat-teknoloġija spazjali soda u l-kapaċitajiet industrijali meħtieġa li jippermettulha tfassal, tiżviluppa, tillanċja, topera u tisfrutta sistemi spazjali, li jvarjaw minn awtonomija teknoloġika u ċibersigurtà għal kunsiderazzjonijiet min-naħa tal-provvista;

46.  Iqis li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-atturi kollha tat-teknoloġija u tal-katini ta' provvista tal-għarfien biex idawru l-attenzjoni tagħhom lejn kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża, u għandha tippromwovi l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi u ta' ideat kummerċjali ġodda f'dan il-qasam, b'enfasi partikolari fuq kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u fuq l-iżvilupp tal-intraprenditorija f'dan is-settur; jinnota li hemm bżonn ta' investiment finanzjarju kontinwu biex jiġu sostnuti r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku; jemmen bis-sħiħ li s-settur pubbliku għandu jipprovdi inċentivi għall-ħolqien ta' inkubaturi speċjalizzati u ta' fondi maħsubin biex jipprovdu finanzjament għal negozji ġodda innovattivi, sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż għoljin ta' riċerka spazjali ma jfixklux l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi; jitlob li jkun hemm pjan għall-użu ta' teknoloġiji spazjali b'użu doppju fil-qasam tal-ispazju, bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' industrija tad-difiża Ewropea u għal aktar kompetizzjoni;

47.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-isforzi diretti lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fis-settur ħalli jingħeleb il-livell għoli ta' frammentazzjoni, speċjalment fir-rigward tad-domanda istituzzjonali; huwa konvint li l-industrija spazjali Ewropea tista' tkun kompetittiva fuq livell internazzjonali biss jekk tkun aktar kosteffikaċi, trasparenti u konsolidata; jenfasizza li l-politika industrijali spazjali Ewropea għandha tiġi żviluppata ulterjorment b'koordinazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) biex tiġi żgurata l-komplementarjetà;

48.  Ifakkar li sabiex tinżamm u tissaħħaħ is-sigurtà, id-difiża u l-istabbiltà tal-Ewropa huwa importanti li tiġi evitata l-esportazzjoni ta' teknoloġija spazjali sensittiva lejn pajjiżi li jipperikolaw is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali jew globali, titwettaq politika barranija aggressiva, direttament jew indirettament jiġi appoġġat it-terroriżmu jew joħonqu n-nies tagħhom internament; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 944 u r-regoli tar-Regolament dwar l-Użu Doppju qed jiġu rispettati b'mod sħiħ f'dak li jirrigwarda l-esportazzjoni ta' teknoloġija sensittiva relatata mal-ispazju;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni aħjar tal-kapċitajiet spazjali tal-UE, billi jiġu żviluppati l-arkitetturi tas-sistema u l-proċeduri meħtieġa sabiex jiġi żgurat livell proporzjonat ta' sigurtà, inkluża s-sigurtà tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tippromwovi mudell ta' governanza għal kull sistema li tipprovdi servizzi relatati mas-sigurtà u d-difiża; iqis li, sabiex jiġi pprovdut servizz integrat lill-utenti aħħarin, il-kapċitajiet spazjali tal-UE ddedikati għas-sigurtà u d-difiża għandhom jiġu ġestiti minn ċentru ta' servizz ta' koordinazzjoni operazzjonali (Ċentru ta' Kmand u Kontroll kif imsejjaħ fil-Programm ta' Ħidma 2014-2015 ta' Orizzont 2020); iqis li, għal raġunijiet ta' kosteffikaċja, dan għandu, jekk ikun possibbli, jiġi inkorporat f'wieħed mill-korpi eżistenti tal-UE, bħall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE jew l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, filwaqt li jittieħed kont tal-kapaċitajiet diġà offruti minn dawk l-aġenziji;

50.  Iqis li l-ħolqien ta' qafas legali fit-tul li jippermetti investimenti sostnuti fil-livell tal-UE jista' jrawwem kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża Ewropea akbar u aktar sistematiċi fil-qasam tad-difiża bil-għan li jkun hemm kooperazzjoni li twassal għal kapaċitajiet ewlenin; jinnota, għalhekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw il-qafas meħtieġ għal finanzjament fil-livell tal-UE;

51.  Jinnota li l-industrija spazjali Ewropea hija kkonċentrata ħafna, bi grad għoli ta' integrazzjoni vertikali fejn erba' kumpaniji huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE u 90 % tal-impjiegi tal-manifattura Ewropea fil-qasam tal-ispazju huma f'sitt pajjiżi; jenfasizza li l-potenzjal ta' pajjiżi b'rekord tajjeb ta' applikazzjonijiet għal brevetti ta' teknoloġija għolja iżda li m'għandhomx tradizzjoni ta' attivitajiet spazjali m'għandux jiġi injorat, u jistieden għal politiki li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-qasam tal-ispazju Ewropew, b'mod partikolari bl-użu tal-għodod tal-programm "Orizzont 2020";

52.  Jemmen li r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija u tas-servizzi spazjali għandhom jissaħħu f'qafas konsistenti ta' politika tal-UE;

53.  Hu tal-fehma li White Paper dwar is-sigurtà u d-difiża fil-livell tal-UE tkun il-mezz xieraq ta' kif jiġi strutturat l-involviment futur tal-UE fil-kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża fil-qasam tal-ispazju; jistieden lir-RGħ/VP biex tniedi dibattitu dwar id-definizzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE fl-oqsma koinċidenti tal-kapċitajiet spazjali u tas-sigurtà u d-difiża; hu tal-fehma li dan ikun jista' jippermetti wkoll żvilupp koerenti fl-oqsma ta' kapaċità kollha fir-rigward taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-konflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża futur dwar il-pjanijiet tagħha tal-attivitajiet spazjali f'appoġġ għas-sigurtà u d-difiża; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-benefiċċji ta' kooperazzjoni internazzjonali b'rabta mal-qasam tas-sigurtà mal-imsieħba affidabbli tal-UE fil-qasam tal-ispazju;

54.  Ifakkar li d-debris fl-ispazju jikkostitwixxi problema li qed tikber għas-sigurtà spazjali, u jistieden lill-UE tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji attivi għat-tneħħija ta' debris (ADR); iħeġġeġ lill-UE tinvesti fit-twaqqif ta' ftehim internazzjonali li jipprovdi definizzjoni legali ta' debris fl-ispazju, li jistabbilixxi regoli u regolamenti dwar it-tneħħija tiegħu, u biex jiġu ċċarati kwistjonijiet ta' responsabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa għal titjib tal-mekkaniżmu ta' għarfien tas-sitwazzjoni spazjali globali, u jappella biex is-sistema SSA Ewropea tkun marbuta ma' sħab bħall-Istati Uniti, u għal aktar miżuri ta' bini ta' fiduċja u ta' skambju ta' informazzjoni ma' kontropartijiet oħra;

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 158, 27.5.2014, p. 227.

Avviż legali - Politika tal-privatezza