Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir l-ebda oġġezzjoni: standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għall-parteċipanti fis-suq li jiżvelaw it-twettiq ta' sondaġġi tas-suq
Deċiżjoni li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għall-parteċipanti fis-suq li jiżvelaw it-twettiq ta' sondaġġi tas-suq (C(2016)02859 – 2016/2735(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2016)02859),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2016, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, tal-31 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE(1) (ir-"Regolament dwar l-abbuż tas-suq"), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(9) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-ebda oġġezzjoni ma tqajjmet fil-perjodu stipulat fit-tielet u r-raba' inċiż tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li skada fit-8 ta' Ġunju 2016,
A. billi l-Artikolu 39(2) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq jipprovdi li numru ta' dispożizzjonijiet tiegħu, inkluż l-Artikolu 11(1) sa (8), għandhom japplikaw mit-3 ta' Lulju 2016 u, b'konformità ma' dan, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament delegat jiddisponi wkoll li huwa għandu japplika mill-istess data;
B. billi l-Artikolu 11(9) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq jagħti setgħa lill-ESMA li tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji (STR) sabiex jiġu stabbiliti arranġamenti, proċeduri u rekwiżiti xierqa ta' żamma tar-rekords għall-persuni biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4, 5, 6 u 8 ta' dak l-Artikolu; billi l-Artikolu 11(9) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dawk l-STR skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) (ir-"Regolament ESMA");
C. billi l-Kummissjoni adottat ir-Regolament delegat fis-17 ta' Mejju 2016, sabiex tissodisfa s-setgħa li ngħatat, imsemmija hawn fuq; billi r-Regolament delegat fih dettalji importanti dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-parteċipanti tas-suq meta jwettqu sondaġġi tas-suq;
D. billi r-Regolament delegat jista' jidħol biss fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' skrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw;
E. billi l-perjodu ta' skrutinju previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-ESMA huwa ta' tliet xhur mid-data tan-notifika tal-STR, sakemm l-STR adottati mill-Kummissjoni huma l-istess bħall-abbozz tal-STR adottati mill-ESMA, f'liema każ il-perjodu ta' skrutinju għandu jkun ta' xahar;
F. billi ġew introdotti xi tibdiliet fl-abbozz tal-STR adottat mill-ESMA, bħalma hija ż-żieda ta' żewġ premessi ġodda kif ukoll numru ta' bidliet fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 6(3) u fid-dispożizzjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni; billi, fid-dawl ta' dawn il-bidliet, ir-Regolament delegat ma jistax jitqies li huwa l-istess bħall-abbozz tal-STR adottat mill-ESMA, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ESMA; billi, għalhekk, japplika l-perjodu ta' tliet xhur għall-oġġezzjoni, kif previst skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ESMA, u b'hekk dan il-perijodu jiskadi fis-17 ta' Awwissu 2016;
G. billi l-implimentazzjoni mingħajr xkiel u f'waqtha tal-qafas kontra l-abbuż tas-suq sat-3 ta' Lulju 2016, teħtieġ li l-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu l-arranġamenti neċessarji u jdaħħlu s-sistemi xierqa mill-aktar fis possibbli, u f'kull każ sat-3 ta' Lulju 2016, u dan għandu jsir skont ir-Regolament delegat;
H. billi r-Regolament delegat għandu għalhekk jidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mit-3 ta' Lulju 2016, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' skrutinju fis-17 ta' Awwissu 2016;
I. billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament delegat huma fis-sustanza konsistenti mal-objettivi tal-Parlament kif speċifikat fir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq u waqt id-djalogu informali sussegwenti li kien parti mix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tar-Regolament delegat, u b'mod partikolari mal-intenzjoni tal-Parlament li jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b'sett sħiħ ta' rekords tal-informazzjoni kollha żvelata matul sondaġġ tas-suq;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE *ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).