Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2753(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0753/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/06/2016 - 4.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0274

Testi adottati
PDF 273kWORD 89k
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu
Il-Kambodja
P8_TA(2016)0274RC-B8-0753/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kambodja (2016/2753(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja(1), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozzi ta' liġijiet dwar l-NGOs u t-trade unions tal-Kambodja(2) u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet u l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja u fil-Laos(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-30 ta' Mejju 2016 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-20 ta' Awwissu 2015 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tas-27 ta' April 2015 mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tieni rapport perjodiku tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Marzu 1999 dwar id-Dritt u r-Responsabilità ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' April 2016 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kambodja biex issaħħaħ il-ħarsien tan-nisa u d-drittijiet tal-popli indiġeni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Mejju 2016 mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li tikkundanna l-akkużi kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet għall-Organizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kambodjana, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fih huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u tal-assemblea, l-Artikolu 35 dwar id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 dwar l-immunità parlamentari,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-aħħar xhur kien hemm żieda kostanti fl-arresti ta' membri tal-oppożizzjoni politika, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-Prim Ministru Hun Sen ilu fil-poter għal aktar minn 30 sena; billi Sam Rainsy, il-President tal-partit tal-oppożizzjoni ewlieni, is-CNRP, għadu f'eżilju awtoimpost xprunat minn prosekuzzjonijiet preċedenti abbażi ta' akkużi foloz motivati politikament, u billi l-aġent president tas-CNRP, Kem Sokha, qiegħed jiġi sottopost għal investigazzjoni; billi fit-22 ta' April 2016, prosekutur tal-Qorti ta' Phnom Penh ħabbar li l-President tas-CNRP, Sam Rainsy, se jiffaċċja proċess in absentia abbażi ta' akkużi motivati politikament li se jingħata bidu fit-28 ta' Lulju 2016;

C.  billi fl-20 ta' Novembru 2015 Sam Rainsy ġie mħarrek minn qorti biex ikun interrogat fir-rigward ta' post ippubblikat fuq il-paġna ta' Facebook pubblika tiegħu minn senatur tal-oppożizzjoni, Hong Sok Hour, li ilu taħt arrest sa minn Awwissu 2015 fuq akkużi ta' falsifikazzjoni u tixwix wara li ppubblika fuq il-paġna ta' Facebook ta' Sam Rainsy filmat li fih jidher dokument allegatament falz relatat mat-trattat dwar il-fruntiera mal-Vjetnam tal-1979;

D.  billi fit-3 ta' Mejju 2016, il-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh ħarrket lil Kem Sokha fir-rigward tal-akkuża ta' inġurja kriminali, kif ukoll il-Membri Parlamentari Pin Ratana u Tok Vanchan, minkejja l-fatt li huma jgawdu l-immunità;

E.  billi fit-12 ta' Mejju 2016, l-analist politiku magħruf Ou Virak, ġie mħarrek ukoll fir-rigward ta' akkużi ta' inġurja wara li esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-każ ta' Kem Sokha;

F.  billi fit-2 ta' Mejju 2016 tressqu akkużi motivati politikament kontra Ny Sokha, Nay Vanda u Yi Soksan (tliet avukati anzjani tad-drittijiet tal-bniedem mill-Assoċjazzjoni Kambodjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp (ADHOC)), ex membru tal-ADHOC Ny Chakrya, li hu l-viċi segretarju ġenerali tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali (NEC), u l-membru tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UN OHCHR) Soen Sally, u billi dawn jistgħu jingħataw sentenzi ta' mhux aktar minn 10 snin priġunerija;

G.  billi membru tal-oppożizzjoni tal-Assemblea Nazzjonali Um Sam An ġie mċaħħad mill-immunità parlamentari u ġie arrestat fil-11 ta' April 2016 fuq akkużi foloz ta' "tixwix biex joħloq konfużjoni fis-soċjetà" b'rabta mal-opinjonijiet mhux vjolenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kambodja u l-Vjetnam; billi huwa sussegwentement inżamm mill-pulizija Kontra t-Terroriżmu, ġie mressaq kontrih att ta' akkuża għal proċess u nżamm f'detenzjoni abbażi ta' dawn l-akkużi;

H.  billi fis-26 ta' April 2016, il-Qorti ta' Phnom Penh ressqet att ta' akkuża kontra Rong Chhun, ex mexxej tat-trade unions li hu attwalment membru tan-NEC, għal proċess abbażi ta' akkużi foloz motivati politikament ta' tixwix tal-vjolenza provokata mis-soppressjoni ta' strajkijiet tal-ħaddiema mill-forzi tas-sigurtà tal-gvern bejn l-aħħar ta' Diċembru 2013 u l-bidu ta' Jannar 2014; billi huwa ppjanat li jsiru żewġ elezzjonijiet importanti (l-elezzjonijiet komunali fl-2017 u l-elezzjonijiet parlamentari fl-2018), u billi l-eżerċizzju ta' pressjoni fuq in-NEC huwa metodu użat mill-gvern biex jinfluwenza dawn l-elezzjonijiet;

I.  billi fid-9 ta' Mejju 2016, tmien persuni li kienu qegħdin jipprotestaw paċifikament kontra l-arresti ta' membri tal-persunal tal-ADHOC, fosthom, Ee Sarom, Direttur tal-NGO Sahmakun Teang Tnaut, Thav Khimsan, il-Viċi Direttur tal-NGO LICADHO, kif ukoll konsulent Svediż u konsulent Ġermaniż tal-LICADHO, ġew arrestati u meħlusa ftit wara; billi fis-16 ta' Mejju 2016, ġara l-istess lil ħames dimostranti paċifiċi;

J.  billi l-UE hija l-akbar sieħeb tal-Kambodja f'termini ta' assistenza għall-iżvilupp, b'allokazzjoni ġdida għall-perjodu 2014-2020 li tammonta għal EUR 410 miljun; billi l-UE tappoġġja firxa wiesgħa ta' inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-NGOs Kambodjani u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; billi l-Kambodja hija ferm dipendenti fuq l-għajnuna għall-iżvilupp;

K.  billi, fis-26 ta' Ottubru 2015, grupp ta' dimostranti favur il-gvern fi Phnom Penh attakkaw brutalment żewġ Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni CNRP, Nhay Chamrouen u Kong Sakphea, u heddew is-sigurtà tar-residenza privata tal-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali; billi rapporti ssuġġerew li l-pulizija u forzi tas-sigurtà oħra baqgħu josservaw b'mod passiv waqt li kienu qed iseħħu l-attakki; billi seħħew arresti fir-rigward ta' dawn l-attakki, iżda billi l-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja esprimew it-tħassib tagħhom li dawk li kienu verament wettqu l-attakki għadhom liberi;

L.  billi, minkejja kritika mifruxa mis-soċjetà ċivili u mill-komunità internazzjonali, il-promulgazzjoni tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs (LANGO) tat setgħat arbitrarji lill-awtoritajiet tal-istat biex jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, u diġà bdiet tiskoraġġixxi l-ħidma tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u tostakola l-azzjoni tas-soċjetà ċivili;

M.  billi sa mill-Approvazzjoni tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs (LANGO) fl-2015, l-awtoritajiet ċaħdu l-permessi għal avvenimenti ta' promozzjoni pubblika fuq skala kbira mmexxija minn NGOs u billi matul l-aħħar xhur, avvenimenti li seħħew b'rabta mal-Jum Dinji tal-Ħabitat, il-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema kollha ġew sfrattati f'livelli differenti mill-forzi tal-pulizija, kif ġew sfrattati wkoll dimostrazzjonijiet oħra;

N.  billi s-Senat Kambodjan adotta l-Liġi dwar it-Trade Unions fit-12 ta' April 2016 u din imponiet restrizzjonijiet ġodda fuq id-dritt tal-ħaddiema għall-assoċjazzjoni u tat setgħat arbitrarji ġodda lill-gvern biex jirreprimi l-eżerċizzju ta' dak id-dritt mit-trade unions,

1.  Jesprimi tħassib profond dwar ambjent li dejjem sejjer għall-agħar għall-politiċi tal-oppożizzjoni u għall-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza, l-akkużi motivati politikament, id-detenzjoni arbitrarja, l-interrogatorji, is-sentenzi u d-dikjarazzjonijiet ta' ħtija fir-rgward ta' dawn il-persuni;

2.  Jiddeplora l-eskalazzjoni ta' akkużi motivati politikament u l-persekuzzjoni ġudizzjarja kontra d-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari, is-sentenzi, l-akkużi u d-dikjarazzjonijiet ta' kundanna motivati politikament, b'rabta mal-ħidma leġittima ta' attivisti, kritiċi politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kambodjani jirrevokaw il-mandat ta' arrest u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u l-membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali u s-Senat, inkluż is-Senatur Hong Sok Hour; jitlob il-ħelsien immedjat tal-ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li għadhom taħt arrest preventiv, jiġifieri Ny Sokha, Nay Vanda, Yi Soksan, Lim Mony u Ny Chakra, biex dawn il-politiċi, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jitħallew jaħdmu liberament u mingħajr biża' ta' arrest jew persekuzzjoni, u li jintemm l-użu politiku tal-qrati biex jiġu persegwitati persuni abbażi ta' akkużi motivati politikament u foloz; jistieden lill-Assemblea Nazzjonali tirristabbilixxi lil Sam Rainsy, Um Sam An u Hong Sok Hour immedjatament u treġġa' l-immunità parlamentari tagħhom;

4.  Iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Kambodjani jwaqqgħu l-akkużi kollha motivati politikament u proċedimenti kriminali oħra kontra l-ADHOC u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Kambodjani oħra, itemmu t-theddid kollu li jinfurzaw id-dispożizzjonijiet ripressivi tal-LANGO, flimkien ma' tentattivi oħra ta' intimidazzjoni u persekuzzjoni ta' difensuri u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet dawk kollha inkarċerati abbażi ta' akkużi motivati politikament u foloz;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi r-rwol leġittimu u utli li għandhom is-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-oppożizzjoni politika biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u politiku globali tal-Kambodja;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż li jikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;

7.  Ifakkar li ambjent ta' djalogu demokratiku ħieles mit-theddid huwa essenzjali għall-istabilità politika, għad-demokrazija u għal soċjetà paċifika fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-gvern jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura s-sigurtà tar-rappreżentanti kollha eletti demokratikament fil-Kambodja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom;

8.  Jilqa' r-riforma tan-NEC permezz ta' emenda tal-Kostituzzjoni b'segwitu għall-ftehim ta' Lulju 2014 bejn il-Partit Popolari Kambodjan (is-CPP) u s-CNRP dwar ir-riformi elettorali; jenfasizza l-fatt li n-NEC issa jikkonsisti minn erba' rappreżentanti tas-CPP, erba' rappreżentanti tas-CNRP u rappreżentant tas-soċjetà ċivili;

9.  Jistieden lill-gvern jiżgura investigazzjonijiet kompluti u imparzjali, bil-parteċipazzjoni tan-NU, li jwasslu għall-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għall-attakk brutali reċenti fuq iż-żewġ membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali minn membri tal-forzi armati u għall-użu ta' forza eċċessiva militari u tal-pulizija biex irażżnu dimostrazzjonijiet, strajkijiet, u ferment soċjali;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Kambodjani jwaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-ex mexxej ta' trade union u membru tan-NEC Rong Chhun;

11.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu parametri referenzjarji ċari għall-elezzjonijiet li ġejjin fil-Kambodja, konsistenti mad-dritt internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea, u biex jikkomunikaw pubblikament dawn il-parametri referenzjarji lill-awtoritajiet u lill-oppożizzjoni tal-Kambodja; jistieden lis-SEAE jagħmel l-ammont tal-assistenza finanzjarja tal-UE dipendenti fuq titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-Liġi l-ġdida dwar it-Trade Unions; iħeġġeġ lill-gvern biex jirrevoka l-Liġi dwar it-Trade Unions, il-LANGO u liġijiet simili li qed jillimitaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u jheddu l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li l-leġiżlazzjoni kollha relevanti għad-drittijiet tal-bniedem tkun f'konformità mal-Kostituzzjoni tal-Kambodja u mal-istandards internazzjonali;

13.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jtemm l-iżgumbramenti furzati kollha u l-ħtif tal-art u jiżgura li kwalunkwe żgumbrament jitwettaq f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali;

14.  Jenfasizza l-importanza tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali u l-kontribut tagħha għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lin-NEC u l-awtoritajiet governattivi relevanti biex jiżguraw li l-votanti eliġibbli kollha, inklużi l-ħaddiema migranti u d-detenuti, ikollhom aċċess għal, u ħin li fih ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn, opportunitajiet ta' reġistrazzjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0413.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0277.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0044.

Avviż legali - Politika tal-privatezza