Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2887(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0677/2016

Testi mressqa :

B8-0677/2016

Dibattiti :

PV 09/06/2016 - 2
CRE 09/06/2016 - 2

Votazzjonijiet :

PV 09/06/2016 - 4.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0280

Testi adottati
PDF 382kWORD 121k
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea
P8_TA(2016)0280B8-0677/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja Ewropea (2015/2887(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Industrija Ewropea Aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku' (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew' (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bl-isem 'Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti' (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bl-isem 'Sector Overview and Competitiveness Survey of the Railway Supply Industry' (ENTR 06/054),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew bl-isem 'It-trasport tal-merkanzija bit-triq: Ir-raġunijiet għalfejn l-ispedituri tal-UE jippreferu jużaw it-trakk mit-tren',

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni bl-isem 'Inħaffu l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni' (O–000067/2016 – B8–0704/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

In-natura speċifika u r-rilevanza strateġika tal-industrija Ewropea ferrovjarja għal rinaxximent industrijali Ewropew

1.  Jenfasizza li l-industrija ferrovjarja Ewropea, li tinkludi l-manifattura tal-lokomotivi u tal-vetturi ferrovjarji, u t-tagħmir tal-binarji, l-elettrifikazzjoni, is-sinjalazzjoni u t-telekomunikazzjoni, kif ukoll is-servizzi ta' manutenzjoni u tal-partijiet, u li tinvolvi għadd kbir ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, kif ukoll mexxejja industrijali kbar, tħaddem 400 000 impjegat, tinvesti 2.7 % tal-fatturat annwali tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp u tirrappreżenta 46 % tas-suq dinji tal-industija ferrovjarja; jenfasizza li s-settur ferrovjarju b'mod ġenerali, inklużi l-operaturi u l-infrastruttura, huwa responsabbli għal iktar minn miljun impjieg dirett u 1.2 miljun impjieg indirett fl-UE; jirrimarka li dawn iċ-ċifri huma indikazzjoni ċara tal-importanza tal-industrija ferrovjarja Ewropea għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni, u tal-kontribut tagħha biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % ta' riindustrijalizzazzjoni;

2.  Jenfasizza n-natura speċifika ta' dan is-settur, li huwa kkaratterizzat b'mod partikolari bil-manifattura ta' tagħmir b'tul ta' ħajja ta' sa 50 sena, intensità ta' kapital għoli, dipendenza sinifikanti fuq l-akkwist pubbliku u l-obbligu tal-konformità ma' standards għolja ta' sikurezza;

3.  Ifakkar fil-kontribut essenzjali tas-settur ferrovjarju fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-iffaċċjar ta' tendenzi oħra eneromi bħall-urbanizzazzjoni u t-tibdil demografiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tappoġġja l-miri għal bidla modali għall-ferroviji, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, kif ifformulat fil-White Paper tal-2011 dwar it-trasport b'passi konkreti ta' politika u investiment immirat; jirrimarka li, skont ir-riżultati tas-COP 21 u l-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE għall-2030, tenħtieġ bidla lejn il-ferroviji u tipi oħra ta' trasport sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u bl-elettriku sabiex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni mmirata tat-trasport; jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' dan, biex tieħu vantaġġ mill-Komunikazzjoni li ġejja dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport sabiex tipproponi miżuri ġodda li jsostnu l-iżvilupp ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-industrija ferrovjarja;

4.  Josserva li, bħala mexxeja fis-suq dinji tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-industrija ferrovjarja għandha rwol ewlieni biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % ta' industrijalizzazzjoni tal-Kummissjoni;

5.  Jinnota li l-industrija ferrovjarja Ewropea tista' tiddependi fuq numru ta' fatturi favorevoli – mhux biss fuq ir-rendiment ambjentali tajjeb ta' dan il-mod ta' trasport, iżda wkoll fuq suq kbir u l-abilità li tiffaċilita t-trasport tal-massa; jinnota, madankollu, li llum is-settur qed jiffaċċja kompetizzjoni tripla: intermodali, internazzjonali, u xi kultant anke bejn kumpanija u oħra;

Iż-żamma tat-tmexxija globali tal-industrija ferrovjarja Ewropea

6.  Jirrimarka li r-rata ta' tkabbir annwali tas-swieq internazzjonali aċċessibbli tal-industrija ferrovjarja mistennija li tkun ta' 2.8 % sal-2019; jenfasizza li filwaqt li l-UE hija fil-parti l-kbira miftuħa għal kompetituri minn pajjiżi terzi, il-pajjiżi terzi għandhom bosta ostakli fis-seħħ li jiddiskriminaw kontra l-industrija ferrovjarja Ewropea; jenfasizza li kompetituri minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari miċ-Ċina, qed jikbru malajr u b'mod aggressiv lejn l-Ewropa u reġjuni oħra tad-dinja, spiss b'appoġġ politiku u finanzjarju qawwi mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom (eż. krediti ġenerużi għall-esportazzjoni barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); jenfasizza li dawn il-prattiki jistgħu jikkostitwixxu kompetizzjoni inġusta li thedded l-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jkun hemm kundizzjonijiet ġusti u ekwi fil-kompetizzjoni globali u aċċess reċiproku għas-swieq sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' telf ta' impjiegi u biex jiġi salvagwardjat l-għarfien industrijali fl-Ewropa;

7.  Jenfasizza li anke fis-suq ferrovjarju Ewropew, ħafna kumpaniji tal-UE, speċjalment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, isibuha diffiċli u għalja biex joperaw bejn il-fruntieri minħabba l-frammentazzjoni tas-suq, kemm amministrattivament kif ukoll teknikament; jemmen li l-ilħiq tal-objettiv li tiġi stabbilita żona ferrovjarja unika Ewropea se jkun kruċjali biex tinżamm id-dominanza globali tal-industrija ferrovjarja Ewropew;

Aġenda mġedda tal-innovazzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea

8.  Jirrikonoxxi l-industrija ferrovjarja bħala industrija prinċipali għall-kompetittività tal-Ewropa u l-kapaċità għall-innovazzjoni; iħeġġeġ li jittieħdu miżuri li jiżguraw li l-Ewropa żżomm vantaġġ teknoloġiku u innovattiv f'dan is-settur;

9.  Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi stabbilita l-Impriża Konġunta ‘Shift2Rail’ (S2R) u t-tnedija reċenti tal-ewwel sejħiet għal proposti; jitlob li l-attivitajiet kollha ta' riċerka u żvilupp tax-S2R jiġu implimentati b'mod rapidu u f'waqtu mill-aktar fis possibbli; jikkritika l-fatt li l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fix-S2R hija baxxa, parzjalment minħabba l-ispejjeż għolja u l-komplessità tal-istrument; iħeġġeġ lill-bord ta' tmexxija janalizza l-involviment tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fit-tieni sejħa għal membri assoċjati u biex itejjibha u jqissejħiet speċifiċi għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar rappreżentanza bbilanċjata tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u dik reġjonali jiġu osservati;

10.  Jenfasizza li l-kapaċità għall-innovazzjoni, l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, id-diframmentazzjoni tas-suq u r-raggruppar huma sisien essenzjali għaż-żamma tal-kompetittività internazzjonali tal-industrija ferrovjarja tal-Ewropa;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni timmobilizza bis-sħiħ id-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE, tesplora u tisfrutta sorsi addizzjonali ta' finanzjament għax-S2R u tfittex sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE u ma' investimenti privati; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tisfrutta l-istrumenti addizzjonali ta' finanzjament tal-UE għat-teknoloġija ferrovjarja barra x-S2R (eż. sejħiet dedikati għar-riċerka ferrovjarja fl-Orizzont 2020 barra x-S2R, l-InnovFin, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali, il-FSIE), anke permezz ta' skema pilota tax-S2R li tqabbel il-finanzjament tal-UE ma' fondi oħra strutturali u għall-innovazzjoni tal-UE;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mas-settur biex tiżgura l-aħjar użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), u b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għall-appoġġ ta' proġetti ta' riċerka u żvilupp ferrovjarji fil-livell reġjonali; iħeġġiġha wkoll tiffoka fuq il-futur tal-industrija ferrovjarja lil hinn mill-2020;

13.  Jenfasizza li r-raggruppamenti huma għodda importanti biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livell lokali u dak reġjonali jinġabu flimkien, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-universitajiet, l-istituti ta' riċerka, l-industrija ferrovjarja, is-sħab soċjali u industriji oħra tal-mobilità; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ bi strateġija ta' raggruppament għat-tkabbir sa Diċembru 2016; Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-proġetti ta' innovazzjoni żviluppati mir-raggruppamenti ferrovjarji u inizjattivi oħra li jġibu flimkien lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-industrija ferrovjarja, kumpaniji ikbar u istituti ta' riċerka fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew; josserva li ser ikun hemm bżonn ta' lok għal finanzjament pubbliku ta' raggruppament; jinnota, f'dan ir-rigward, il-possibilitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji l-ġodda (il-FSIE, eċċ.);

14.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħolqien ta' forum fil-livell Ewropew li jlaqqa' kumpaniji stabbiliti, negozji ġodda u spin-offs li għandhom ideat innovattivi għas-settur ferrovjarju, b'mod partikolari fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, bil-ħsieb li jiskambjaw l-aħjar prattika u jiġu ffaċilitati s-sħubijiet; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra modi kif tinċentiva l-kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji kbar u l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fi proġetti ta' riċerka relevanti għall-industrija ferrovjarja;

15.  Jemmen li fokus wieħed tal-attivitajiet ta' riċerka għandu jkun id-diġitalizzazzjoni biex tiżdied il-prestazzjoni tal-ferroviji u biex jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi tagħhom (eż. l-awtomazzjoni, sensuri u għodda ta' monitoraġġ, l-interoperabilità, pereżempju permezz tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju u s-Sistema Ewropea ta' Kontroll tal-Ferroviji, l-użu tat-teknoloġiji spazjali, inkluż f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-użu tal-big data u ċ-ċibersigurtà); jemmen li t-tieni fokus għandu jkun fuq iż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija, pereżempju permezz ta' materjal eħfef u fjuwils alternattivi; jemmen li t-tielet fokus għandu jkun fuq fuq l-avvanzi li jagħmlu t-trasport ferrovjarju aktar attraenti u aċċettat (eż. affidabilità mtejba u t-tnaqqis tal-istorbju, katini konsistenti ta' trasport multimodali, sistemi integrati ta' ħruġ tal-biljetti); jenfasizza li l-isforzi tal-innovazzjoni ma jridux jittraskuraw l-infrastruttura, li hija element essenzjali tal-kompetittività tal-ferroviji;

16.  Jitlob li tiġi implimentata b'mod rapidu sistema integrata ta' biljetti elettroniċi koordinata ma' modi oħra ta' trasport u servizzi potenzjali oħra pprovduti minn operaturi ta' biljetti uniċi;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa imperattiva li jiġu prodotti binajri moderni tal-ferroviji, it-tramms u binarji oħra fi-suq uniku, flimkien mat-tagħmir anċillari kollu neċessarju;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-fornituri ferrovjarji Ewropej internazzjonalment, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi(1);

Il-kisba tal-ħiliet xierqa għal industrija ferrovjarja li tibqa' valida fil-ġejjieni

19.  Jitlob li jkun hemm strateġija Ewropea ta' taħriġ u edukazzjoni li ġġib flimkien lill-kumpaniji tal-industrija ferrovjarja, l-istituti ta' riċerka u s-sħab soċjali sabiex jinvestigaw b'mod konġunt liema ħiliet huma meħtieġa għal industrija ferrovjarja sostenibbli u innovattiva; jemmen li f'dan il-kuntest għandu jiġi varat studju ta' fattibilità Kunsill Ewropew potenzjali dwar il-ħiliet settorjali ferrovjarji; jistieden lill-Istati Membri jew lill-korpi reġjonali kkonċernati joħolqu qafas li jipprovdi taħriġ kontinwu, fil-foirm ta' dritt individwali għat-taħriġ li jiżgura li l-ġabra ta' ħiliet tagħhom tkun allinjata mad-domanda li kulma jmur qed tikber fis-settur u tkun adattabbli għal suq ġdid jew, fil-każ ta' sensji, li tkun trasferibbli għal settur industrijali ieħor;

20.  Jinnota li, minħabba t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, l-industrija ferrovjarja għandha nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati; jilqa', għalhekk, kull sforz biex jiġu promossi t-tagħlim tul il-ħajja u l-ħiliet tekniċi; jitlob kampanja sabiex jiżdiedu l-viżibilità u l-attraenza tal-industrija ferrovjarja mal-inġiniera żgħażagħ (eż. permezz ta' għoti ta' fondi mill-FSE); jenfasizza l-fatt li s-settur għandu rata partikolarment baxxa ta' impjieg tan-nisa, u jenfasizza, għalhekk, li kampanja bħal din għandha tagħti attenzjoni speċjali biex tindirizza dan l-iżbilanċ; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi d-djalogu soċjali sabiex tiffaċilita l-innovazzjoni soċjali u sseddaq imjiegi fit-tul ta' kwalità sabiex tikkontribwixxi għall-attraenza tas-settur għal persunal b'ħiliet speċjalizzati;

21.  Iqis li t-tagħlim ta' ħiliet magħżulin apposta huwa investiment indispensabbli sabiex tinżamm it-tmexxija globali fit-teknoloġija u l-kapaċità għall-innovazzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea fuq terminu ta' żmien twil;

Appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju

22.  Iqis li l-aċċess għall-finanzjament huwa waħda mill-isfidi ewlenin għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja; Jenfasizza l-valur miżjud tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-Fondi Strutturali biex jgħinu lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jiksbu aċċess għal finanzjament, inkluż fil-forma ta' faċilitajiet ta' garanzija u ekwità, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-promozzjoni ta' dawn l-istrumenti; jilqa' l-attenzjoni tal-FEIS fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, iżda jenfasizza li l-fond issa jrid iwettaq dak li wiegħed, u jirrimarka li għandhom ukoll jiġi esplorati sorsi alternattivi; jilqa' l-istrument tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju taħt l-Orizzont 2020, iżda jenfasizza l-problema ta' abbonament żejjed u rata baxx ta' suċċess; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza din il-problema matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi assorbiment aħjar tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-UE disponibbli għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

23.  Jenfasizza li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja ta' spiss ikunu jiddependu fuq kumpanija waħda; jenfasizza li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju joqogħdu lura milli jespandu minħabba nuqqas ta' riżorsi u r-riskji ikbar involuti fil-kummerċ transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa gruppi settorjali ferrovjarji fil-qafas tan-Netwerk Enterprise Europe, li jistgħu jagħtu pariri u jħarrġu lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-industrija ferrovjarja dwar skemi u għotjiet differenti ta' finanzjament tal-innovazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni u dwar kif jinstabu u jiġu indirizzati sħab kummerċjali potenzjali u sħab li magħhom jistgħu japplikaw għal proġetti konġunti ta' riċerka ffinanzjati mill-UE;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tisfrutta aktar il-programmi eżistenti ta' appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u biex tagħtihom aktar viżibilità fost l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-industrija ferrovjarja Ewropea fil-kuntest ta' sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE; Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar programmi ta' taħriġ dwar l-aċċess għal swieq speċifiċi barranin u tikkomunika dawn il-programmi b'mod wiesa' lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-għażliet kollha biex jappoġġjaw lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja, inkluż fil-qafas tal-possibilità ta' reviżjoni mmirati tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, b'attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet tas-sottosetturi industrijali bħal industrija ferrovjarja, fejn l-involviment tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju ta' valur miżjud għoli huwa partikolarment importanti;

26.  Jinsab imħasseb dwar il-ħlasijiet bil-mod għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-ħlas tard (2011/7/UE);

It-titjib tal-ambjent tas-suq Ewropew għall-fornituri u t-tħeġġiġ tad-domanda għall-prodotti ferrovjarji

27.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pilastru tekniku tar-raba' Pakkett Ferrovjarju u jitlob li jiġi implimentat malajr bħala fattur ewlieni li jwassal għal suq uniku ġenwin għall-prodotti ferrovjarji; jenfasizza li ż-żieda fl-interoperabilità u rwol akbar tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se jiffaċilitaw l-armonizzazzjoni tan-netwerk u għalhekk għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ispejjeż għall-iżvilupp u l-awtorizzazzjoni tal-prodotti ferrovjarji u tal-binarji tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju; jindika l-ħtieġa li l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tiġi provduta b'riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti biex twettaq il-kompiti estiżi ġodda tagħha; iqis li l-pilastru politiku tar-raba' Pakkett Ferrovjarju se jiddetermina l-kompetittività tal-operaturi tat-trasport u, b'mod aktar ġenerali, tax-xerrejja;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa, effettiva u uniformi tar-regolamentazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, li tkun ta' benefiċċju kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-industrija;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tevalwa d-definizzjonijiet tas-suq u s-sett attwali ta' regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE biex iqisu l-evoluzzjoni tas-suq ferrovjarju globali; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika kif dawn id-definizzjonijiet u r-regoli jkollhom bżonn jiġu aġġornati biex jindirizzaw il-problemi ta' amalgamazzjonijiet fis-suq globali, bħall-amalgamazzjoni CNR-CSR, u sabiex jippermettu sħubijiet u alleanzi strateġiċi min-naħa tal-industrija ferrovjarja Ewropea;

30.  Jitlob li jkun hemm aktar standardizzazzjoni Ewropea fis-settur ferrovjarju instigata mill-partijiet ikkonċernati (inkluża l-industrija ferrovjarja Ewropea) taħt it-tmexxija tas-CEN/CENELEC; jittama li l-inizjattiva konġunta l-ġdida dwar l-istandardizzazzjoni proposta mill-Kummissjoni se jkollhom rwol ewlieni f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza li jkun hemm aktar intrapriżi ta' daqs żgħir u medju involuti fl-istandardizzazzjoni Ewropea;

31.  Jitlob li d-direttivi tal-UE tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku jiġu implimentati b'mod rapidu; ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li dawn id-direttivi jobbligaw lill-awtoritajiet kontraenti jibbażaw id-deċiżjonijiet tal-offerti fuq il-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża (MEAT), u jiffokaw fuq l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja u prodotti sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali, u li b'hekk jikkontribwixxu biex jiġu evitati d-dumping tal-pagi u d-dumping soċjali, kif ukoll potenzjalment isaħħu l-istruttura ekonomika reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod ġenerali l-analiżi tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu bħala prattika standard fl-investimenti fit-tul, jiggwidaw lill-awtoritajiet kontraenti u jimmonitorjaw l-applikazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jfakkru lill-awtoritajiet kontraenti dwar l-eżistenza ta' dispożizzjoni, fil-kuntest tal-qafas Ewropew riveduta dwar l-akkwist pubbliku, li tagħmilha possibbli li jirrifjutaw offerti jekk aktar minn 50 % tal-valur jiżdied barra l-UE (l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2014/25/UE);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-investiment ferrovjarju mhux Ewropej fl-Istati Membri tal-UE u jiggarantixxu l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku, pereżempju l-leġiżlazzjoni dwar l-offerti rħas b'mod mhux normali u l-kompetizzjoni inġusta; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel inkjesta dwar il-kandidati potenzjali mhux Ewropej li jissottomettu offerti fl-UE filwaqt li jirċievu sussidji mill-gvern minn pajjiżi terzi;

It-tkattir tal-investiment fi proġetti ferrovjarji

33.  Jistenna li l-istrumenti eżistenti ta' finanzjament tal-UE (eż. is-CEF, il-Fondi Strutturali) jintużaw bis-sħiħ sabiex tiġi stimulata d-domanda għal proġetti ferrovjarji (inklużi strumenti ta' finanzjament tal-UE għal investiment barra l-UE bħall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat); jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) bħala għodda li timmobilizza l-kapital privat għas-settur ferrovjarju, u jitlob li jiġi esplorat aktar kif l-investimenti privati jistgħu jibdew jitħaddmu għall-proġetti ferrovjarji; jara rwol importanti għall-banek għall-iżvilupp pubbliku fil-livell nazzjonali u dak Ewropew biex jappoġġjaw l-industrija ferrovjarja; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-banek għall-iżvilupp multilaterali biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-aġenziji privati jinvestu fl-aktar tagħmir ferrovjarju sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni u lill-BEI jintensifikaw l-appoġġ ta' konsulenza għall-proġetti ferrovjarji permezz ta' Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment li għadu kif ġie stabbilit taħt il-FEIS, sabiex jgħinuhom jattiraw l-investiment; jemmen li s-settur ferrovjarju fl-Ewropa se jkompli jiddependi ħafna fuq l-investiment pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi, għalhekk, jinvestu b'mod sinifikanti fis-sistemi ferrovjarji ta' linji prinċipali u urbani tagħhom u, meta possibbli, biex iżidu r-rati ta' assorbiment tal-fondi ta' koeżjoni għall-proġetti ferrovjarji; jitlob, madankollu, fid-dawl ta' din id-dipendenza u l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi f'diversi pajjiżi Ewropej, biex jintużaw il-mezzi kollha possibbli, kemm regolatorji kif ukoll baġitarji, sabiex jiġi mobilizzat il-kapital privat f'isem is-settur ferrovjarju;

34.  Jinnota li l-kumplessitajiet fis-settur ferrovjarju jagħmluha diffiċli biex min isellef jifhem ir-riskju u b'hekk isellef bl-irħis; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa forum finanzjarju tas-settur ferrovjarju bil-għan li jiżdiedu l-involviment u l-kondiviżjoni tal-għarfien mill-industrija ferrovjarja mas-settur finanzjarju, u b'hekk jitjiebu l-fehim tal-banek dwar is-settur u b'konsegwenza ta' dan il-fehim tar-riskji u tat-tnaqqis tal-ispiża tal-finanzjament;

35.  Jemmen li l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni tat-tagħmir ferrovjarju eżistenti ma għandhomx jiġu traskurati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu s-sostituzzjoni ta' tagħmir antik bi prodotti moderni u sostenibbli fuq skala akbar;

36.  Jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-pjattaforma onlajn 'l-Osservatorju tal-Mobilità Urbana' (ELTIS) li tagħmel possibbli l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar is-sistemi urbani fiż-żoni metropolitani; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-għażliet differenti ta' finanzjament għall-mobilità urbana sostenibbli u tippromwovihom permezz tal-Pjattaforma Ewropea dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli tagħha li se ssir daqt;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħin permezz ta' varar aktar armonizzat tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, b'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, fl-UE u tippromwovi s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju barra mill-UE;

38.  Jilqa' l-isforzi fil-vara tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tal-Galileo u tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) fis-settur ferrovjarju; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, ir-rwol tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ewropea u tal-ġestjoni tagħha b'suċċess tal-proġetti fl-ambitu tal-programmi FP7 u Orizzont 2020;

It-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-industrija ferrovjarja

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali futuri (inklużi n-negozjati li għaddejjin mal-Ġappun, iċ-Ċina u l-Istati Uniti) u r-reviżjonijiet ta' ftehimiet kummerċjali eżistenti jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi li jtejbu b'mod sinifikanti l-aċċess għas-suq għall-industrija ferrovjarja Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-akkwist pubbliku, inkluż l-indirizzar tal-problema ta' aktar rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni u tiżgura l-aċċess reċiproku għas-swieq barranin għall-industrija ferrovjarja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tas-suq minn ġewwa u barra l-Ewropa;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika kummerċjali tal-UE tkun aktar konsistenti mal-politika industrijali, sabiex il-politika kummerċjali tikkunsidra l-bżonnijiet tal-industrija Ewropea u sabiex il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali ma twassalx għal rilokazzjonijiet ġodda u għal aktar deindustrijalizzazzjoni tal-UE;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistinka biex tneħħi l-ostakli mhux tariffarji prinċipali li jxekklu l-aċċess tal-industrija ferrovjarja Ewropea għas-swieq barranin, inklużi l-ostakoli għall-investiment (b'mod partikolari l-obbligi relatati mal-impriżi konġunti), u d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku (partikolarment ir-rekwiżiti dejjem iktar onerużi dwar il-kontenut lokali);

42.  Jenfasizza r-rilevanza u l-impatt li n-negozjati dwar 'l-istrument ta' akkwist pubbliku internazzjonali' u r-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-istrumenti għad-difiża tan-negozju qed ikollhom fuq l-industrija ferrovjarja Ewropea, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu dan u jaħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew sabiex jaslu għal ftehim malajr dwar dawn l-istrumenti; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-impatti li r-rikonoxximent ta' status ta' ekonomija tas-suq għall-ekonomiji mmexxija mill-istat jew ekonomiji oħra mhux tas-suq jista' jkollu fuq il-funzjonament tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju u fuq il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja Ewropea;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni toħloq strateġija kummerċjali koerenti tal-UE li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta' reċiproċità, partikolarment fir-rigward tal-Ġappun, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, u tappoġġja aktar internalizzazzjoni tal-industrija ferrovjarja, speċjalment tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-istandards u t-teknoloġiji Ewropej fil-livell internazzjonali, bħas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, u permezz tal-esplorazzjoni ta' kif jistgħu jiġu protetti aħjar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-industrija ferrovjarja Ewropea (eż. permezz ta' promozzjoni usa' tal-Helpdesk għad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali);

44.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħin biex jiġu eliminati l-ostakoli tariffarji u nontariffarji, tissimplifika l-proċeduri tan-negozju għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja u tiżgura l-eliminazzjoni gradwali tal-prattiki tan-negozju restrittivi kollha fis-swieq ta' pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-ħruġ ta' viżi tax-xogħol għall-impjegati tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju Ewropew li jkunu ġew sekondati temporanjament lil pajjiżi terzi sabiex tnaqqas in-numru ta' tranżazzjonijiet ta' negozju li jridu jagħmlu l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

45.  Jinnota li ċerti pajjiżi terzi qegħdin joħolqu distorsjonijiet kummerċjali inaċċettabbli billi jipprovdu livelli sproporzjonati ta' appoġġ lill-esportaturi tagħhom permezz tal-kundizzjonijiet finanzjarji pprovduti lill-klijenti potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkonvinċi lill-Gvern Ċiniż jiffirma l-Arranġament tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar il-krediti għall-esportazzjoni appoġġjati b'mod uffiċjali u l-kapitolu speċifiku tiegħu dwar l-infrastruttura ferrovjarja; jitlob lill-Kummissjoni fl-istess ħin tintensifika l-ħidma fuq il-linji gwida globali l-ġodda dwar il-krediti tal-esportazzjoni fil-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni (IWG);

It-titjib tal-appoġġ politiku strateġiku għas-settur

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika komunikazzjoni dwar strateġija koerenti tal-UE dwar il-politika industrijali bil-għan tal-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa u bbażata fuq, inter alia, is-sostenibilità u l-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi; jitlob lill-Kummissjoni biex fid-dokument tagħha tispjega l-istrateġija tagħha dwar is-setturi industrijali importanti, inkluża l-industrija ferrovjarja; iqis li huwa importanti li jiddaħħlu ideat dwar kif jinżamm livell għoli ta' manifattura vertikali fl-UE;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni torganizza djalogu industrijali ta' livell għoli dwar l-industrija ferrovjarja bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarji relevanti, il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri, l-industrija ferrovjarja, it-trejdjunjins, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni; jirrimarka li djalogu regolari mal-industrija ferrovjarja jagħmilha possibbli li jkun hemm diskussjoni strutturata fil-livell Ewropew dwar l-isfidi orizzontali għas-settur u l-effetti tal-politiki tal-UE fuq il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika li jkollha impatt fuq il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja tal-UE hija r-riżultat ta' komunikazzjoni u koordinazzjoni effettivi bejn l-amministrazzjonijiet tad-diversi oqsma ta' politika involuti;

49.  Jemmen li l-appoġġ politiku mill-Kunsill huwa meħtieġ għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-industrija ferrovjarja Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill dwar il-Kompetittività jniżżel l-industrija ferrovjarja Ewropea konkretament fl-aġenda tiegħu;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0219.

Avviż legali - Politika tal-privatezza