Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0220/2016

Testi mressqa :

A8-0220/2016

Dibattiti :

PV 04/07/2016 - 17
CRE 04/07/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2016 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0299

Testi adottati
PDF 500kWORD 226k
It-Tlieta, 5 ta' Lulju 2016 - Strasburgu
Strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment
P8_TA(2016)0299A8-0220/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment (2015/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO(1),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tat-8 ta' Lulju 2015(2) u tat-3 ta' Frar 2016(3), rispettivament,

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fl-2015,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE(4),

—  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar Strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibilità tal-Bangladexx(6),

—  Wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-Arranġamenti Kummerċjali Preferenzjali huma ġestiti b'mod xieraq?",

—  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-UE dwar l-injam maħsud illegalment, id-Direttiva tal-UE dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju, il-proposta tal-KE għal Regolament dwar il-minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti, il-klawżola dwar it-trasparenza tal-katini ta' provvista li tinsab fl-Att tar-Renju Unit dwar l-iskjavitù moderna u l-liġi Franċiża dwar id-dover ta' diliġenza,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar politika kummerċjali ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020(7),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020(8),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(9),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fi ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(10),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(11),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta' Frar 2013, il-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Kummerċ tal-21 ta' Novembru 2014 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-27 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali għar-rapport dwar it-trasparenza, ir-responsabilità u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE,

—  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakech li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-prinċipju ta' politika ta' koerenza għall-iżvilupp kif stipulat fit-TFUE,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali(A8-0220/2016),

A.  billi l-kummerċ mhuwiex għan fih innifsu iżda mezz biex jinkisbu l-prosperità u l-ugwaljanza, jiġu promossi l-opportunitajiet tan-negozju, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, il-progress soċjali u l-fehim kulturali u jiżdiedu l-impjiegi u l-istandards ta' għajxien mingħajr ma tiżdied in-nefqa pubblika;

B.  billi l-politika kummerċjali komuni (CCP) għaddiet minn bidla profonda mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009; billi l-kummerċ ma joperax b'mod iżolat, iżda huwa pjuttost marbut ma' ħafna politiki oħra u jiddependi fuqhom; billi n-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali u ta' investiment għandhom imorru lil hinn minn sempliċement it-tnaqqis tat-tariffi, peress li hemm sfidi kumplessi attwali fi kwistjonijiet regolatorji u l-konverġenza fuq l-istandards internazzjonali;

C.  billi ma kienx hemm dibattitu serju fl-Unjoni Ewropea dwar l-ispejjeż ta' politiki ta' kummerċ ħieles (bħall-aġġustamenti fil-livell tal-industrija: għeluq ta' impriżi, telf ta' impjiegi fl-industrija tal-manifattura, trasferiment ta' industriji sħaħ lejn pajjiżi terzi, u żieda fl-importazzjonijiet) u l-analiżi globali tal-ispiża/benefiċċju tal-politiki ta' kummerċ ħieles; billi n-nuqqas ta' tali dibattitu onest wassal lil diversi partijiet interessati biex iqiegħdu fid-dubju l-loġika u d-direzzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE u l-politiki tal-UE b'mod ġenerali, u billi dibattitu onest jevita dan ir-riżultat sfortunat;

D.  billi l-kapaċità żejda dinjija f'setturi ewlenin tal-industrija u l-iżbilanċ riżultanti fil-kummerċ bdew ixejnu l-fiduċja li l-kumpaniji tal-UE u l-industriji għandhom fis-saħħa tal-politika kummerċjali tal-UE;

E.  billi, fi żminijiet ta' tkabbir ekonomiku baxx, il-kontribut tal-kummerċ barrani għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea huwa ta' importanza kruċjali fil-kisba ta' riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu, u għall-kontribut ta' impjiegi diċenti u tkabbir ekonomiku sostenibbli u ugwaljanza fl-Ewropa u lil hinn;

F.  billi l-politika kummerċjali ta' ġenerazzjoni ġdida għandha tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini dwar it-trasparenza u l-parteċipazzjoni, l-istat soċjali u l-impjiegi, għandha tindirizza l-aspettattivi tan-negozji fl-ekonomija globali u interkonnessa, il-ġlieda kontra l-faqar, u l-ħtieġa li tiġi ggarantita distribuzzjoni aktar ekwa tal-qligħ mill-kummerċ u tindirizza kwistjonijiet ġodda, bħal pereżempju l-kummerċ diġitali u r-rwol ewlieni tal-SMEs;

G.  billi negozjati kummerċjali attwali ġabu l-politika kummerċjali tal-UE għall-attenzjoni tal-pubbliku, u billi aktar u aktar ċittadini huma interessati fil-politika kummerċjali u inkwetati li r-regolamenti u l-istandards Ewropej u nazzjonali jistgħu jiġu mhedda mis-CCP;

H.  billi l-Kummissjoni għamlet wegħda ċara li ebda ftehim kummerċjali mhu se jbaxxi l-livelli ta' protezzjoni regolatorja, u li kwalunkwe bidla f'termini ta' livelli ta' protezzjoni tista' ssir biss biex dawn jitjiebu u li d-dritt għar-regolamentazzjoni dejjem se jiġi protett;

I.  billi l-kooperazzjoni regolatorja fil-ftehimiet kummerċjali trid tiżgura l-ogħla livell ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza bi qbil mal-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE;

J.  billi qed jitressqu dubji miċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-SMEs tal-UE dwar jekk l-assoċjazzjonijiet kbar tal-industrija jirrappreżentawx verament l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, tal-kumpaniji tal-UE u b'mod ġenerali, l-Unjoni Ewropea;

K.  billi t-trasparenza teħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE jivverifikaw li l-pożizzjonijiet ippreżentati mill-industriji tal-UE jirriflettu effettivament l-opinjonijiet tal-industrija tal-UE;

L.  billi l-politika kummerċjali u tal-industrija tal-UE għandha tissaħħaħ, u dan mhux biss billi jiġu żgurati riżultati tajba f'termini ta' impjiegi u ħolqien tal-ġid għaċ-ċittadini u n-negozji, iżda wkoll billi jissaħħu d-drittijiet ambjentali u soċjali u jiġi ggarantit l-ogħla livell ta' trasparenza, impenn u responsabilità, billi jinżamm djalogu kostanti man-negozji, il-konsumaturi, is-sħab soċjali, il-partijiet interessati u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u billi jiġu stabbiliti linji gwida ċari fin-negozjati;

M.  billi r-regoli tal-oriġini jiddeterminaw il-portata reali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, peress li dawn jiddeterminaw liema oġġetti tassew jibbenefikaw minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles, iżda spiss jitħallew barra fid-dibattiti pubbliċi dwar il-politika tal-kummerċ u s'issa għadhom ma ġewx analizzati mill-Parlament;

N.  billi, fil-politika tagħha dwar il-kummerċ u n-negozjati kummerċjali li hija twettaq, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu kont tas-sensittività ta' ċerti setturi f'termini ta' ftuħ tas-suq, b'mod partikolari s-settur agrikolu;

O.  billi sal-2050 l-UE-28 kienet prevista tirrapreżenta 15 % biss tal-PDG dinji, meta mqabbel ma' 23.7 % fl-2013, u billi, mill-2015, 90 % tat-tkabbir ekonomiku dinji huwa ġġenerat barra l-UE u billi r-rata ta' tkabbir tal-ekonomiji emerġenti qed tonqos b'mod konsiderevoli;

P.  billi attwalment l-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, u tikkontrolla terz tal-kummerċ dinji, u billi sal-2020 huwa previst li dan se jinżel għal madwar 26 %;

Q.  billi fatturi varjabbli oħra bħalma huma t-tibdil demografiku se jkollhom ukoll impatt negattiv fuq il-pożizzjoni tal-UE fix-xena tal-kummerċ dinji; billi s-sehem tal-UE mill-popolazzjoni tad-dinja huwa mistenni li jonqos minn 7,1 % fl-2013 għal 5,3 % fl-2060;

R.  billi l-ftehimiet kummerċjali u n-negozjati futuri għandhom iqisu u jkunu konsistenti mal-pożizzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA);

S.  billi huwa ċar li ċ-ċentru tal-ħolqien tal-ġid qed jersaq lejn il-Lvant, lejn ir-reġjun Asja-Paċifiku, filwaqt li ċ-Ċina, li diġà qabżet lill-Ġappun u probabbilment ser taqbeż lill-Istati Uniti biex issir l-akbar ekonomija tad-dinja fl-2025; billi dan jindika li l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp qed ilaħħqu mal-grupp ta' pajjiżi industrijalizzati u se jilħqu l-istadju ta' ekonomiji maturi;

T.  billi ġie stmat li l-flussi transkonfinali ta' kapital, prodotti, servizzi u data żiedu USD 7.8 triljun għall-ekonomija globali fl-2014, u l-valur miżjud tal-flussi ta' data biss kopra USD 2.8 triljun ta' dak it-total, u għahekk huwa aktar minn USD 2.7 triljun stmat għall-kummerċ fil-prodotti;

Adattament aktar rapidu għax-xejriet kummerċjali globali li qed jinbidlu malajr

1.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni "Kummerċ għal kulħadd – lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" u, b'mod partikolari, l-approċċ ġdid ta' elementi bħalma huma l-ġestjoni responsabbli tal-katini ta' provvista, is-suq diġitali dinji, il-kummerċ fi prodotti u servizzi diġitali, il-kummerċ ġust u etiku, u l-kost soċjali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe politika kummerċjali futura trid tiġġieled kull forma ta' protezzjoniżmu, inkluż it-tnaqqis bla bżonn ta' ostakli nontariffarji għall-kummerċ, u tiżgura aċċess ġdid għas-suq, speċjalment għall-SMEs; ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha tkun imwettqa kif suppost biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli; jiddeplora d-dewmien tal-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija ġdida, peress li l-Parlament kien talab li sas-sajf tal-2012 tiġi ppreżentata strateġija kummerċjali riveduta għaż-żmien medju u twil;

2.  Jemmen bis-saħħa li, filwaqt li s-servizzi jammontaw għal madwar 70 % tal-PDG fl-UE, u ser jipprovdu 90 % tal-impjiegi futuri, is-settur tal-manifattura tal-UE huwa komponent vitali għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa u, għalhekk, l-istrateġija għandha tiffoka aktar fuq ir-rwol tas-settur tal-manifattura tas-CCP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mas-sħab kummerċjali biex tiżgura li s-swieq tagħhom ikunu aktar miftuħin għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari fit-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-akkwist pubbliku, hekk kif il-kumpaniji barranin kbar tagħhom għadhom jibbenefikaw minn aċċess wiesa' għas-suq intern tal-UE;

3.  Jirrikonoxxi li l-politika kummerċjali tal-UE hija ta' importanza ġeopolitika u ekonomika enormi għall-Ewropa biex tifforma l-globalizzazzjoni, issaħħaħ l-istandards internazzjonali u żżid l-aċċess għas-swieq barranin; jinnota li r-regoli internazzjonali se jkunu ffissati minn oħrajn, jekk ma naġixxux issa; jenfasizza li, fid-dawl tal-istatus tal-UE bħala l-akbar ekonomija fid-dinja, il-kummerċ sostenibbli u responsabbli huwa l-aktar għodda ta' politika qawwija li l-Unjoni għandha kemm biex tappoġġja l-interessi, l-investiment u n-negozju Ewropej kif ukoll biex tippromwovi l-valuri Ewropej barra mill-Unjoni, filwaqt li trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-investiment u toħloq impjiegi fi ħdanha stess; jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb is-sinerġiji bejn il-kummerċ u l-politiki tas-suq intern u jirrakkomanda li dawn il-politiki jagħtu prijorità lill-miżuri mmirati lejn il-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Jilqa' l-wegħda tal-Kummissjoni li l-ebda ftehim kummerċjali mhu se jdgħajjef il-kisbiet tal-istandards Ewropej għall-ħarsien tal-konsumatur, inkluż fil-kuntest tar-rivoluzzjoni diġitali; jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament se jkompli jikkontrolla mill-qrib li n-negozjati li għaddejjin bħalissa jirrispettaw din il-wegħda;

5.  Jisħaq fuq ir-rabta bejn is-suq uniku u l-politika kummerċjali tal-UE, li għandhom ikunu kompatibbli bis-sħiħ ma' xulxin u mal-politiki u l-valuri ġenerali tal-Unjoni; jemmen li kummerċ dinji miftuħ, responsabbli u ħieles, imsejjes fuq regoli globali effikaċi, trasparenti u b'saħħithom, huwa essenzjali biex is-suq uniku jkun jista' jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu billi jiffunzjona, jikber u jistinka għall-benefiċċju reċiproku taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u ta' daqs medju; ifakkar li l-ftuħ tal-kummerċ iwassal għal produttività akbar, iħeġġeġ żieda fil-kompetittività esterna mkabbra u diġà jappoġġja kważi wieħed minn seba' impjiegi fis-suq uniku minbarra li jġib miegħu benefiċċji sinifikanti għall-konsumatur;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna regolarment l-istrateġija kummerċjali u ta' investiment tagħha u tippreżenta pubblikament kull sentejn rapport ta' implimentazzjoni dettaljat lill-Parlament mill-2017, sabiex jiġi żgurat li twettaq il-wegħdiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'dawn ir-rapporti l-progress tan-negozjati kummerċjali attwali kif ukoll l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali attwali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tagħha sabiex il-ftehimiet ta' kummerċ negozjati jkunu jistgħu jiġu preżentati lill-Parlament fi żmien iqsar, u b'hekk dawn ikunu jistgħu jiġu applikati proviżorjament jew jidħlu fis-seħħ aktar malajr;

Politika kummerċjali trasparenti u l-għoti ta' vuċi akbar liċ-ċittadini

8.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza u l-ftuħ fl-istadji kollha tan-negozjati kummerċjali, u jappoġġja l-inizjattiva għat-trasparenza tal-Kummissjoni fir-rigward tat-TTIP; jirrikonoxxi li, wara għadd ta' talbiet mill-Parlament, il-Kummissjoni tejbet it-trasparenza tan-negozjati billi pprovdiet lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali aċċess għal dokumenti kklassifikati ta' negozjar u billi pprovdiet aktar informazzjoni lill-partijiet interessati; ifakkar li l-aċċess usa' għall-informazzjoni klassifikata mill-Membri tal-Parlament fin-negozjati dwar it-TTIP saħħaħ l-iskrutinju parlamentari, u b'hekk ippermetta lill-Parlament jassumi r-responsabilità tiegħu fil-qafas tas-CCP saħansitra aħjar; jitlob, għalhekk, li l-inizjattiva ta' trasparenza tal-Kummissjoni titwessa' biex tinkludi trasparenza sħiħa, il-possibilità ta' skrutinju pubbliku għal kull negozjati kummerċjali attwali u futuri, u biex jiġu kkonsultati l-pajjiżi sħab ħalli jinkoraġġixxu l-ogħla standards ta' trasparenza, biex ikun żgurat li dan ikun proċess reċiproku fejn il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE ma tiġix kompromessa u li jintlaħaq ftehim dwar livell ta' trasparenza mixtieq fl-ambitu tan-negozjati tal-eżerċizzji ta' stħarriġ; jenfasizza li trasparenza sinifikanti tista' ssaħħaħ l-appoġġ globali għal kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;

9.  Jistieden lill-Kunsill jippubblika l-mandati ta' negozjar adottati qabel u dawk futuri fit-totalità tagħhom mingħajr dewmien;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm involviment b'saħħtu u bbilanċjat tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet u kampanji ta' komunikazzjoni online pubbliċi xierqa, sabiex jittejjeb il-kontenut tal-politika kummerċjali tal-UE u din tiġi orjentata lejn id-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini, u b'hekk tissaħħaħ il-leġittimità tagħha;

11.  Jenfasizza li, fil-kuntest ta' dan id-dibattitu dwar l-ambitu tan-negozjati kummerċjali, il-kooperazzjoni regolatorja għandha żżomm il-funzjoni primarja tar-regolamenti biex taqdi l-interess pubbliku; jenfasizza li l-kooperazzjoni msaħħa bejn ir-regolaturi għandha tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment permezz tal-identifikazzjoni tal-ostakli tekniċi mhux meħtieġa fuq il-kummerċ u l-piżijiet u l-formalitajiet amministrattivi duplikati jew obsoleti, li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-SMEs, filwaqt li ma tikkompromettix il-proċeduri tekniċi marbuta mal-istandards u r-regolamenti fundamentali, tippreserva l-istandards Ewropej dwar is-saħħa, is-sikurezza, il-konsumatur, ix-xogħol, il-leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali u d-diversità kulturali, u tipproteġi b'mod sħiħ il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-awtonomija regolatorja tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; ifakkar li l-mekkaniżmi korrispondenti jridu jkunu bbażati fuq tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni u titjib tal-adozzjoni tal-istandards tekniċi internazzjonali, u jwasslu għal aktar konverġenza, filwaqt li taħt l-ebda ċirkostanza ma jdgħajfu jew jiddeferixxu l-proċeduri deċiżjonali demokratikament leġittimi ta' kull sieħeb kummerċjali; iħeġġeġ l-użu u l-ħolqien ta' standards tekniċi internazzjonali ulterjuri bbażati fuq valutazzjonijiet tal-impatt, u l-isforzi kollha mmirati biex jiżguraw l-involviment sħiħ tas-sħab kummerċjali tagħna fil-korpi internazzjonali ta' standardizzazzjoni; ma jemminx, madankollu, li n-nuqqas ta' standard internazzjonali komuni għandu jimpedixxi r-rikonoxximent reċiproku ta' ekwivalenza, fejn xieraq, jew sforzi lejn standards trans-Atlantiċi komuni;

12.  Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jitħarsu l-interessi kummerċjali tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet mal-industrija dwar inizjattivi ta' kummerċ, tiżgura li l-assoċjazzjonijiet Ewropej verament jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tal-UE billi jirriflettu l-interessi ġenwini tal-industriji nazzjonali; jenfasizza li, fejn possibbli, id-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiġu ppubblikati, peress li t-trasparenza hija kruċjali biex jinkiseb l-appoġġ pubbliku għas-CCP; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew ta' Lulju 2015, b'mod partikolari rigward l-aċċess għad-dokumenti għan-negozjati kollha;

Koerenza akbar bejn l-objettivi kummerċjali tal-UE u aspetti oħra tal-politika esterna tagħha fil-qasam tal-kummerċ għall-iżvilupp

13.  Ifakkar li s-CCP għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 21 tat-TUE u 208 tat-TFUE, u għandhom jippromwovu l-valuri sostnuti mill-UE, kif definit fl-Artikolu 2 tat-TUE; ifakkar li jeħtieġ tkun żgurata l-konsistenza bejn il-politiki esterni u dawk interni b'dimensjoni esterna; jenfasizza li l-UE għandha obbligu legali li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u għandha tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li huma s-sħab kummerċjali tagħha; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha r-responsabilità li tagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex tipprevedi, tipprevjeni u tindirizza kwalunkwe impatt negattiv ikkawżat mis-CCP tagħha billi twettaq regolarment valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibilità, u konsegwentement tirrevedi l-ftehimiet kummerċjali kif meħtieġ; ifakkar li kummerċ ġust u regolat b'mod xieraq biss, jekk ikun allinjat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), jista' jnaqqas l-inugwaljanza u jrawwem l-iżvilupp; ifakkar li l-SDGs jinkludu diversi miri relatati mal-kummerċ f'għadd ta' oqsma ta' politika, li fosthom waħda mill-aktar konkreti hi ż-żieda fl-esportazzjonijiet minn pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp bl-għan li s-sehem tal-esportazzjonijiet globali tal-pajjiżi l-anqas żviluppati jirdoppja sal-2020;

14.  Jilqa' t-tnaqqis kbir, mill-1990 'l hawn, fl-għadd ta' persuni li jgħixu fil-faqar assolut, kif definiti mill-Bank Dinji; jinnota, madankollu, li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi kkatalizzat l-investiment privat u pubbliku fil-pajjiżi l-inqas żviluppati sabiex jiġu provduti oqfsa istituzzjonali u infrastrutturali li jippermettulhom li jieħdu aktar vantaġġ mill-benefiċċji offruti mill-kummerċ, u biex jgħinuhom jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u jintegraw f'katini ta' valur mondjali, li jippermettilhom jispeċjalizzaw fi prodotti b'valur miżjud ogħla;

15.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u soċjali u s-sostenibilità ambjentali madwar id-dinja permezz tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tagħha, iżda jitlob li jsiru sforzi determinati biex jiġu implimentati u applikati bis-sħiħ il-kapitoli korrispondenti fil-prattika; jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-UE għandha responsabilità speċjali fir-rigward tal-impatt tal-politiki kummerċjali tagħha fuq il-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati;

16.  Iqis il-migrazzjoni bħala waħda mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-UE fis-seklu 21; jenfasizza li l-garanzija ta' koerenza fil-politika tal-UE fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-migrazzjoni; jiddispjaċih li dan ma ġiex rifless biżżejjed fl-istrateġija "Kummerċ għal kulħadd";

17.  Iqis li l-objettiv ta' żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) – b'mod partikolari għal pajjiżi sħab li jkunu għaddejjin minn kriżi ekonomika – għandu jkun, qabel kollox, titjib tanġibbli u sostenibbli tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' persuni ordinarji;

18.  Jenfasizza li dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali, l-impenji dwar id-drittijiet tax-xogħol ibbażati fuq il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u l-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva (CSR), inklużi l-prinċipji tal-OECD għal kumpaniji multinazzjonali u l-prinċipji tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, għandhom ikun vinkolanti u jridu jagħmlu parti sostanzjali mill-ftehimiet ta' kummerċ tal-UE permezz ta' impenji infurzabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha tal-UE; iqis li, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli jsiru vinkolanti, jeħtieġ li jiġi implimentat "approċċ fi tliet stadji", li jkun jipprevedi konsultazzjonijiet fil-livell governattiv, gruppi konsultattivi nazzjonali u bordijiet ta' esperti li jinvolvu l-ILO, u, bħala l-aħħar rikors, id-dispożizzjoni ġenerali dwar is-soluzzjoni tat-tilwim tal-ftehim li jintuża għall-indirizzar tat-tilwim bil-possibilità ta' sanzjonijiet finanzjarji; jirrimarka li l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali ma jkunux limitati għall-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, iżda jridu jkunu effettivi fl-oqsma kollha tal-ftehimiet kummerċjali;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmi effettivi ta' salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali; jappella, fl-istess ħin, għall-inklużjoni ta' mekkaniżmu ta' infurzar effettiv għad-drittijiet tax-xogħol u tal-ambjent li għalih il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem ma tapplikax; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċess strutturat u mhux politiċizzat li jipprevedi li l-konsultazzjonijiet ma' sħab dwar suspett ta' ksur tal-obbligi previsti fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandhom jitniedu abbażi ta' kriterji ċari;

20.  Jenfasizza l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) u l-possibilità li jintużaw mezzi aktar avvanzati sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili;

21.  Itenni l-importanza tar-rispett tar-regoli Ewropej u internazzjonali dwar il-kummerċ fl-armi, partikolarment it-Trattat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; jisħaq fuq il-fatt li l-politika kummerċjali tal-UE hija strument ta' diplomazija ekonomika li jista' wkoll jagħti kontribut għall-indirizzar tal-kawżi sottostanti tat-terroriżmu; jissottolinja l-fatt li l-leġiżlazzjoni effikaċi dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet hija wkoll aspett fundamentali tal-politika kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' prodotti b'użu doppju bil-għan li ssegwi l-għanijiet strateġiċi u l-valuri universali tal-UE;

22.  Ifakkar li l-ILO tistma li, madwar id-dinja, hemm 865 miljun mara li, jekk ikunu sostnuti aħjar, jistgħu jikkontribwixxu b'mod aktar qawwi għat-tkabbir ekonomiku; jinnota li l-impriżi b'sidien nisa jirrappreżentaw lieva li mhix użata biżżejjed biex tingħata spinta lill-kompetittività, jitħaffef in-negozju u jiġi sostnut it-tkabbir; jiddikjara li l-politika kummerċjali jista' jkollha impatti differenti f'termini tal-ġeneru fid-diversi setturi tal-ekonomija u li hija meħtieġa aktar data dwar is-sess u l-kummerċ; jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni ma tindirizzax id-dimensjoni tas-sessi tal-ftehimiet kummerċjali fil-komunikazzjoni tagħha dwar "Kummerċ għal kulħadd"; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex tuża n-negozjati tal-kummerċ bħala għodda biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi madwar id-dinja, kif ukoll biex tiżgura li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u jiġu protetti kontra l-effetti negattivi tagħha; jemmen li, għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-perspettiva tal-ġeneru tiddaħħal, b'mod orizzontali, fil-ftehimiet futuri kollha ta' kummerċ, u li għandha timmonitorja l-impatt tal-ġeneru tal-ftehimiet kummerċjali fis-seħħ;

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira tal-Kummissjoni li bi ħsiebha twettaq reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), li se tivvaluta, b'mod partikolari, il-possibilità li jiġu estiżi l-preferenzi għal servizzi ta' din is-sistema; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-SĠP, inklużi l-iskemi tal-EBA u l-GSP+, huma għodod li jippermettu li jiġu sostnuti l-valuri fundamentali u li hemm bżonn li jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod effikaċi;

Katini ta' valur mondjali (GVCs) trasparenti li jirrispettaw il-valuri u l-istandards fundamentali mad-dinja kollha

24.  Jirrikonoxxi li l-internazzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-produzzjoni dinjija kkontribwiet għal opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ekonomiku u għal triq li toħroġ mill-faqar lil mijiet ta' miljuni ta' persuni bbażata fuq l-impjieg; ifakkar li, skont l-ILO, madwar 780 miljun nisa u rġiel attivi mhumiex qed jaqilgħu biżżejjed biex joħorġu mill-faqar; jenfasizza li l-espansjoni ta' katini ta' valur mondjali (GVCs) ħolqot opportunitajiet ta' xogħol, iżda li l-infurzar dgħajjef tal-liġijiet tax-xogħol eżistenti u l-istandards ta' sikurezza fuq ix-xogħol – introdotti sabiex jipproteġu l-ħaddiema minn sigħat ta' xogħol twal iżżejjed u kundizzjonijiet inaċċettabbli – fil-pajjiżi ta' oriġini tibqa' kwistjoni urġenti; jinnota li l-GVCs inkoraġġixxu wkoll ċerti fornituri biex jinjoraw il-liġijiet tax-xogħol, jallokaw mill-ġdid l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom' il barra mill-UE, iqabbdu ħaddiema f'kundizzjonijiet perikolużi u inaċċettabbli, jitolbu sigħat ta' xogħol twal iżżejjed u jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet fundamentali tagħhom; ifakkar li dawn il-prattiki joħolqu kompetizzjoni inġusta għall-fornituri li huma konformi mal-liġijiet tax-xogħol u mal-istandards internazzjonali tax-xogħol u dawk ambjentali u għall-gvernijiet li jixtiequ jtejbu l-pagi u l-istandards ta' għajxien; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-impatt taż-żieda tal-GVCs u tippreżenta proposti konkreti biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ILO u l-OECD; jenfasizza li l-integrazzjoni akbar tal-UE fil-GVCs għandha ssegwi żewġ prinċipji: is-salvagwardja tal-mudell soċjali u regolatorju Ewropew u l-iżgurar u l-ħolqien ta' tkabbir ekwu u sostenibbli u impjiegi diċenti fl-UE u għas-sħab tagħha; jirrikonoxxi li l-globalizzazzjoni tal-katini ta' valur iżżid il-kontenut tal-importazzjonijiet kemm tal-produzzjoni nazzjonali kif ukoll tal-esportazzjonijiet, u b'hekk tiżdied b'mod sostanzjali l-ispiża ta' miżuri protezzjonisti;

25.  Jemmen li l-politika kummerċjali trid tiżgura proċess trasparenti ta' produzzjoni matul il-katina ta' valur kollha, kif ukoll konformità mal-istandards fundamentali ambjentali, soċjali u ta' sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi dwar l-istandards ta' diliġenza dovuta għall-ktajjen ta' provvista; jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni li taħdem mill-qrib mal-ILO u l-OECD biex tiżviluppa approċċ globali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, speċjalment fis-settur tal-ħwejjeġ; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati u vvalutati opportunitajiet settorjali jew ġeografiċi ġodda biex jinħolqu aktar inizjattivi responsabbli tal-katina tal-provvista; jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni dwar is-CSR;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tavvanza l-qafas komprensiv għall-politika ta' investiment għall-iżvilupp sostenibbli tal-UNCTAD;

27.  Jitlob li l-Għajnuna għall-Kummerċ u l-assistenza teknika jkunu ffukati fuq l-għoti tas-setgħa lill-produtturi fqar, l-impriżi mikro u żgħar, il-kooperattivi u n-nisa kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, sabiex jiżdiedu l-benefiċċji tagħhom riżultanti mis-swieq lokali u reġjonali;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa leġiżlazzjoni intiża li tipprojbixxi l-importazzjonijiet ta' merkanzija prodotti permezz ta' kwalunkwe forma moderna ta' xogħol furzat jew skjavitù u, fl-istess ħin, issaħħaħ il-kontrolli bbażati fuq prinċipji etiċi fir-rigward tal-importazzjoni u l-ktajjen ta' provvista;

29.  Jenfasizza li protezzjoni aħjar tal-ispettru kollu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) u infurzar aktar effikaċi huma ta' importanza fundamentali għall-integrazzjoni ulterjuri fil-GVCs;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp biex jagħmlu użu sħiħ u effettiv mill-flessibilitajiet mibnija fil-Ftehim TRIPS, rikonoxxuti u kkonfermati mid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika adottata fl-14 ta' Novembru 2001, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jipprovdu aċċess għal mediċini essenzjali bi prezzijiet għal but ta' kulħadd fil-qafas tal-programmi nazzjonali tagħhom għas-saħħa pubblika; ifakkar lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jissodisfa l-impenji tad-Dikjarazzjoni ta' Doha billi jiżgura li l-Kummissjoni tiggarantixxi b'mod espliċitu l-aċċess għall-mediċina meta tinnegozja d-dispożizzjonijiet relatati mal-farmaċewtika fil-qafas ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali futuri ma' pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, jew meta l-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp ikunu se jipproċedu għall-adeżjoni mad-WTO; jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għat-talba ta' estensjoni għal proprjetà intellettwali farmaċewtika mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, iżda jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS tad-WTO li din tingħata għal 17-il sena biss;

31.  Jilqa' l-attenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lill-kummerċ ġust fil-komunikazzjoni "Kummerċ għal kulħadd", u jitlob lill-Kummissjoni li tesegwixxi bi prijorità l-impenji tagħha li tuża l-istruttura eżistenti għall-implimentazzjoni tal-FTAs biex tippromwovi l-kummerċ ġust, biex tippromwovi skemi ta' kummerċ ġust għall-produtturi żgħar f'pajjiżi terzi permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE u biex tiżviluppa attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fl-UE, bħal pereżempju "Belt tal-UE għall-Kummerċ Ġust u Etiku";

32.  Jemmen li t-teknoloġiji l-ġodda u l-internet jipprovdu għodda ġdida għat-traċċabilità tal-prodotti fil-katina tal-provvista;

33.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tas-servizzi bankarji fl-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investiment; jistieden lill-UE tappoġġja azzjoni biex issaħħaħ l-aċċess għas-servizzi bankarji fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp;

34.  Jilqa' l-aħbar tal-Kummissjoni li għandha l-intenzjoni li timmodernizza r-regoli tal-oriġini, peress li dawn ir-regoli jikkostitwixxu ostaklu dejjem akbar għall-kummerċ meta x-xejriet tal-kummerċ huma ddominati minn katini ta' valur mondjali; jenfasizza li l-modernizzazzjoni tar-regoli tal-oriġini għandha tkun prijorità fl-FTAs kollha li tinnegozja l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, taħdem għall-flessibilità tar-regoli tal-oriġini, inklużi rekwiżiti mhux daqstant eżiġenti marbuta mal-valur miżjud u bidla tas-sottokodiċi fis-sistema armonizzata;

Sabiex il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u s-segwitu tal-ftehimiet eżistenti jsiru prijorità ewlenija għall-politika kummerċjali tal-UE

35.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal sħubija msaħħa mal-Parlament u l-partijiet interessati għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun involut u infurmat bis-sħiħ, fi żmien debitu, fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluż permezz ta' konsultazzjoni sistematika mal-Parlament qabel l-abbozzar ta' mandati ta' negozjar; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-Parlament dwar l-attivitajiet tagħha li jikkonċernaw l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni ma titlobx l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehimiet kummerċjali, inklużi l-kapitoli kummerċjali tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni, qabel ma l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu; ifakkar li dan jista' jdgħajjef serjament id-drittijiet tal-Parlament u joħloq inċertezza legali potenzjali fir-rigward tal-firmatarji l-oħra tal-ftehim u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati; ifakkar u jilqa' l-impenji tal-Kummissarju għall-Kummerċ f'dan ir-rigward, iżda jirrakkomanda bil-qawwa li dan l-arranġament jiġi formalizzat fil-ftehim interistituzzjonali l-ġdid;

37.  Jikkunsidra li, fil-każ ta' ftehimiet imħallta, il-prattika li diġà ġiet ittestjata, fejn ftehim jiġi applikat b'mod proviżorju biss wara li l-Parlament ikun ta l-kunsens waqt l-istennija tar-ratifika tal-parlamenti nazzjonali, tkun l-aħjar bilanċ bejn is-sorveljanza demokratika u l-effiċjenza;

38.  Jinsisti li l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u s-segwitu tal-ftehimiet eżistenti għandhom isiru prijorità ewlenija tas-CCP; jistieden lill-Kummissjoni terġa' talloka riżorsi adegwati sabiex jippermettu lid-DĠ Kummerċ jimmonitorja aħjar il-ftehimiet kummerċjali li jeħtieġu jiġu implimentati fid-dawl tal-aġenda dejjem akbar ta' negozjati; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi indikaturi speċifiċi, biex tiżgura l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u tippreżenta, pubblikament u regolarment, rapport sostanzjali u ddettaljat dwar l-implimentazzjoni lill-Parlament li jindika, pereżempju, il-prestazzjoni tal-industriji tal-UE u l-impatt tal-ftehimiet fuq setturi differenti u l-ishma tas-suq rispettivi tagħhom;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità u l-preċiżjoni taż-żewġ valutazzjonijiet ex ante u ex post ibbażati fuq metodoloġija riveduta; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ppreżentata dejjem valutazzjoni tal-impatt profonda u komprensiva tas-sostenibilità għall-inizjattivi fil-qasam tal-politika kummerċjali, b'mod partikolari fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni reċenti tal-Ombudsman dwar l-ilment 1409/201/JN dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam; jenfasizza li l-valutazzjonijiet għandhom tal-inqas jinkludu: is-setturi ekonomiċi sensittivi; id-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali u ambjentali; u l-agrikoltura u l-produzzjonijiet lokali f'reġjuni ultraperiferiċi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' valutazzjonijiet interim u ex post u dwar il-kwalità baxxa ta' dawk li saru, kif muri fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 02/2014; jinsisti li l-evalwazzjonijiet interim u ex post ta' kwalità ogħla għandhom jitwettqu fir-rigward ta' kull ftehim kummerċjali sabiex dawk li jfasslu l-politika, il-partijiet interessati u l-kontribwenti tat-taxxa Ewropej ikunu jistgħu jivvalutaw jekk il-ftehimiet kummerċjali kisbux ir-riżultati maħsuba; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali li ġew konklużi b'enfasi speċjali fuq l-SMEs, il-ħolqien ta' impjiegi diċenti, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, inkluż f'pajjiżi sħab, u biex tressaq miżuri addizzjonali biex tiżgura li l-pajjiżi l-anqas żviluppati jibbenefikaw mill-politiki kummerċjali tagħna;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament dwar il-prattika ta' pprezzar doppju u prattiki oħra li jikkawżaw distorzjoni fil-prezzijiet tas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, b'fokus speċjali fuq ir-riżorsi tal-enerġija, li jindika l-impatt ekonomiku ta' tali prattiki fuq l-ekonomija tal-UE u l-passi li l-Kummissjoni ħadet – fuq livell bilaterali, multilaterali u tad-WTO – biex telimina dawn il-prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tabolixxi l-prattika ta' pprezzar doppju u prattiki oħra li jikkawżaw distorsjoni fil-prezzijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mas-sħab kummerċjali kollha tagħha;

It-tkabbir tal-kummerċ dinji permezz ta' approċċ multilaterali fi ħdan id-WTO

41.  Jenfasizza li s-sistema ta' kummerċ multilaterali inkorporata fid-WTO għadha l-aħjar għażla biex tiġi garantita sistema miftuħa, ġusta u msejsa fuq ir-regoli, li tqis u tibbilanċja l-bosta interessi varji tal-membri tagħha; itenni li l-Parlament jippromwovi b'saħħa l-aġenda multilaterali; jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li se jikkontribwixxi biex jissimplifika u jimmodernizza l-proċeduri doganali f'ħafna pajjiżi, li jagħmluha aktar faċli, imbagħad, għall-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp biex jintegraw fis-sistema kummerċjali dinjija; jitlob l-implimentazzjoni rapida u korretta tal-ftehim mill-partijiet kollha;

42.  Jinnota li nkiseb titjib limitat fl-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Nairobi fl-2015; jirrikonoxxi d-differenzi fost il-membri tad-WTO dwar kif jipproċedu fir-rigward taċ-Ċiklu ta' Doha, inkluża l-ħtieġa għall-kunsiderazzjoni ta' approċċi ġodda biex jiġu solvuti kwistjonijiet pendenti fir-rigward tal-interessi differenti fi ħdan il-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u l-LDCs, filwaqt li jirrikonoxxi responsabilità akbar għall-ekonomiji emerġenti bl-għan li jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta' Doha; jilqa' l-impenn tal-UE għall-mira ta' EUR 400 miljun f'finanzjament fuq medda ta' ħames snin bħala appoġġ għall-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, speċjalment l-LDCs, fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jinnota l-interess li qed juru xi wħud mill-membri tad-WTO biex jibdew jindirizzaw oqsma ta' negozjati ġodda, bħal – iżda mhux biss – l-investiment, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni u l-kummerċ diġitali; jemmen li l-eżitu tal-Konferenza Ministerjali ta' Nairobi jipprovdi opportunità biex tingħata ħajja ġdida lill-funzjoni ta' negozjar tad-WTO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva fir-riforma u t-tisħiħ tad-WTO, anki billi ssaħħaħ il-koordinazzjoni mal-ILO u ma' aġenziji tan-NU oħrajn relatati mal-ambjent – u mad-drittijiet tal-bniedem – sabiex tiġi żgurata inklużività, effikaċja, trasparenza u responsabilità akbar; ifakkar ir-rwol kruċjali tal-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) fil-bini ta' kapaċità u assistenza teknika relatati mal-kummerċ fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u fl-LDCs; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom biex tiżdied l-AfT, biex il-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sehem akbar tal-valur miżjud fi ktajjen ta' valur mondjali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta' kummerċ ġust u etiku fir-reviżjoni li jmiss tal-Istrateġija AfT;

43.  Iqis negozjati plurilaterali, preferibbilment fi ħdan id-WTO (bħall-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA), il-Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali (EGA), u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)), li joffru opportunità biex terġa' tingħata l-ħajja lill-progress fil-livell tad-WTO, iżda dan għandu jsir biss billi jinżamm bieb miftuħ sabiex Membri tad-WTO interessati jkunu jistgħu jingħaqdu; jemmen bis-sħiħ li, kemm jista' jkun, ftehimiet bħal dawn għandhom ikunu ta' ambizzjoni suffiċjenti biex jiġu applikati abbażi tan-nazzjon l-aktar favorit fost il-membri kollha tad-WTO, u għandhom jaġixxu bħala elementi bażiċi għal ftehimiet multilaterali futuri; jenfasizza li l-politika kummerċjali għandha tintuża wkoll bħala għodda biex tiżdied il-kompetittività ta' prodotti ta' benefiċċju għall-ambjent, kemm rigward l-użu tagħhom kif ukoll il-metodi ta' produzzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-multilateralizzazzjoni tal-inizjattiva tal-"prodotti ekoloġiċi" u tal-kunsiderazzjoni dwar jekk il-ftehimiet kummerċjali jistgħux jipprovdu preferenzi privileġġati għall-prodotti ambjentali ġenwini; jissottolinja li t-TiSA jista' jkun opportunità biex terġa' tingħata l-ħajja lill-progress fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi fil-livell tad-WTO;

44.  Jitlob azzjoni qawwija u effettiva tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO bl-għan li tittejjeb it-trasparenza tal-organizzazzjoni, u biex tissaħħaħ u tiġi garantita l-leġittimità demokratika tal-kummerċ globali; iħeġġeġ lid-WTO biex tagħmel użu sħiħ mill-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO, li tiżgura li l-membri parlamentari jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex iwettqu r-rwol superviżorju tagħhom b'mod effikaċi u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-politiki kummerċjali;

Approċċ imfassal apposta fl-għażla tan-negozjati futuri dwar l-FTA

45.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka, b'mod ibbilanċjat u bir-rispett dovut għar-reċiproċità u l-benefiċċji reċiproċi, dwar il-konklużjoni tan-negozjati kummerċjali li għaddejjin, u jistedinha tevalwa l-impatt akkumulat li jista' jkun hemm, b'mod partikolari għal dawk il-prodotti sensittivi milqutin minn kwoti jew mil-liberalizzazzjoni taħt in-negozjati li għaddejjin jew il-ftehimiet ta' kummerċ li diġà ġew konklużi; jitlob li l-impatti attwali u potenzjali tal-ftehimiet kummerċjali konklużi jiġu valutati u komunikati b'mod aħjar, bl-intenzjoni li jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħarsien ta' setturi sensittivi tal-agrikoltura u l-promozzjoni tal-interessi offensivi tal-Unjoni inerenti għaliha bħala waħda mill-akbar esportaturi tal-prodotti agroalimentari, fost l-oħrajn billi jiġu previsti perjodi ta' tranżizzjoni u kwoti xierqa għal, u fi ftit każijiet l-esklużjoni ta', l-aktar prodotti sensittivi; ifakkar lill-Kummissjoni twettaq eżerċizzji ta' identifikazzjoni bikrija u valutazzjonijiet tal-impatt ex ante sostenibbli, imparzjali u mingħajr preġudizzju, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Unjoni qabel l-abbozzar ta' mandati ta' negozjar;

46.  Jemmen li huwa essenzjali li, l-ewwel u qabel kollox, jiġi żgurat li n-negozjati kummerċjali li jkunu ġew konklużi b'suċċess jiġu ratifikati malajr kemm jista' jkun; jitlob, b'mod partikolari, il-konklużjoni ta' ftehimiet mal-Kanada u Singapore biex jiġi żgurat il-ftuħ ta' żewġ swieq kbar li se jkunu vitali għall-interessi futuri tan-negozji tal-UE; jitlob dibattitu infurmat madwar l-UE matul id-diskussjonijiet politiċi;

47.  Jissottolinja l-importanza kbira li fin-negozjati kummerċjali kollha tal-UE jiġu mfittxija interessi sensittivi u offensivi bħall-promozzjoni tal-investiment, it-tneħħija tal-ostakli nontariffarji mhux meħtieġa għall-kummerċ, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) u d-drittijiet tal-ħaddiema, it-titjib tal-aċċess għall-akkwist pubbliku (b'mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjonijiet attwali dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u tal-FTA bejn l-UE u l-Ġappun), filwaqt li jiġu żgurati impjiegi deċenti u ta' kwalità, l-integrazzjoni tal-SMEs fil-katini ta' valur globali, l-esklużjoni ta' servizzi pubbliċi u awdjoviżivi, u l-garanzija legali tad-dritt ta' regolamentazzjoni waqt negozjati għal FTA bħala parti minn pakketti komprensivi u bilanċjati ambizzjużi;

48.  Jinsisti li n-negozjati kummerċjali jsegwu strateġija ta' kummerċ reġjonali mfassla individwalment u li tiġi żgurata konsistenza sħiħa mal-integrazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fl-Asja, l-Afrika u l-Amerka Latina, li ġew identifikati mill-Kummissjoni bħala reġjuni li, mingħajr ma jiddgħajjef ir-rwol ċentrali tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti, huma kruċjali għall-interessi ekonomiċi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tibda negozjati dwar ftehim ta' investiment mat-Tajwan; ifakkar li l-UE u l-Amerka Latina huma alleati naturali, b'popolazzjoni kkombinata ta' biljun persuna, li jiġġeneraw kwart tal-PNG globali; jirrimarka li l-potenzjal ta' din is-sħubija mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed; jilqa' l-fatt li l-istrateġija kummerċjali u ta' investiment il-ġdida tal-Kummissjoni tpoġġi enfasi importanti fuq l-Amerka Latina; jistieden lill-Kummissjoni tieħu vantaġġ mill-momentum attwali ta' negozjati kummerċjali mal-Mercosur biex jintlaħaq ftehim komprensiv, bilanċjat u ambizzjuż; jappoġġja l-modernizzazzjoni tal-ftehimiet mal-Messiku u ċ-Ċilì; jitlob biex jingħata aktar impetu lin-negozjati tal-FTAs kemm mal-Awstralja kif ukoll ma' New Zealand, u jfakkar fl-importanza li jiġu żviluppati r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Indja, minħabba l-potenzjal enormi ta' dan is-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tagħti spinta lin-negozjati mal-Malasja, u biex tibda negozjati mal-Indoneżja mill-aktar fis possibbli wara li jintemmu d-diskussjonijiet preparatorji għal Sħubija Ekonomika Komprensiva;

49.  Jissottolinja li, fil-kuntest tal-isfidi attwali, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-qafas ta' wara l-Ftehim ta' Kotonou, filwaqt li tiġi enfasizzata r-rabta tiegħu ma' klawsoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, lill-appoġġ għall-ħolqien ta' Żona Kontinentali ta' Kummerċ Ħieles fl-Afrika, bħala spinta ta' stabilità, integrazzjoni reġjonali, tkabbir lokali, impjiegi u innovazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li l-UE tiggarantixxi l-istabilità fil-Viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, u jitlob integrazzjoni kummerċjali u ekonomika akbar, li tikseb, f'dan ir-rigward, implimentazzjoni sħiħa, rapida u xierqa tad-DCFTAs mal-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova, u progress konkret mat-Tuneżija, il-Marokk u l-Ġordan;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod sħiħ lin-negozji nazzjonali fl-istadji kollha tan-negozjati kummerċjali, anke permezz ta' konsultazzjonijiet ma' assoċjazzjonijiet nazzjonali, b'mod parallel ma' konsultazzjonijiet ma' assoċjazzjonijiet ġeneriċi tal-UE u biex takkumpanja t-test tal-ftehim kummerċjali nnegozjat b'lista li tindika b'mod ċar ir-riżultat tan-negozjati għas-setturi differenti u r-raġunijiet għall-għażliet imwettqa mill-Kummissjoni;

Oppożizzjoni għall-għoti tal-Istatus Ekonomiku tas-Suq (SES - Market Economy Status) liċ-Ċina u l-bżonn ta' strumenti effikaċi għad-difiża tal-kummerċ (TDIs)

51.  Jenfasizza li miżuri ta' liberalizzazzjoni ulterjuri – li jaf iwasslu għal prattiki kummerċjali inġusti u għal kompetizzjoni bejn pajjiżi dwar kull tip ta' ostaklu nontariffarju (ONT), id-drittijiet tal-ħaddiema u standards ambjentali u ta' saħħa pubblika – jeħtieġu li l-UE tkun kapaċi tirreaġixxi b'mod aktar effikaċi għall-prattiki kummerċjali inġusti u tiżgura kundizzjonijiet ugwali; jissottolinja li l-istrumenti ta' difiża kummerċjali għandhom jibqgħu element indispensabbli tal-istrateġija kummerċjali tal-UE u jippermettu aktar kompetittività billi jerġgħu jiġu stabbiliti, fejn meħtieġ, il-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta; ifakkar li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE għad-difiża tal-kummerċ tmur lura għall-1995; jenfasizza li s-sistema ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni jeħtieġ li tiġi modernizzata b'mod urġenti mingħajr ma tiddgħajjef; jirrimarka li d-dritt ta' difiża tal-kummerċ tal-UE għandu jkun aktar effettiv, aktar aċċessibbli għall-SMEs u adattat għall-isfidi u t-tendenzi ta' kummerċ tal-lum, li l-investigazzjonijiet iridu jkunu iqsar u li t-trasparenza u l-prevedibilità għandhom jiżdiedu; jiddispjaċih li l-proposta ta' modernizzazzjoni tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali hija mblukkata fil-Kunsill, li ma kienx f'pożizzjoni li jagħti riżultati dwar din il-leġiżlazzjoni essenzjali; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-modernizzazzjoni tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali fil-komunikazzjoni tagħha "Kummerċ għal Kulħadd"; jistieden b'urġenza lill-Kunsill jissupera l-istaġnar fil-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju abbażi tal-pożizzjoni tal-Parlament, speċjalment minħabba li ċ-Ċina issa qiegħda titlob ir-rikonoxximent tal-istatus ta' ekonomija tas-suq;

52.  Itenni l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina, f'liema sħubija l-kummerċ ħieles u ġust u l-investiment għandhom rwol importanti; huwa konvint li, sakemm iċ-Ċina ma tissodisfax il-ħames kriterji meħtieġa biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq, l-UE għandha tuża metodoloġija mhux standard fl-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi fid-determinazzjoni tal-komparabilità tal-prezzijiet, bi qbil ma' u b'effett sħiħ ta' dawk il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina li jipprovdu spazju għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta f'konformità ma' dan il-prinċipju, u jfakkar fil-ħtieġa li tikkoordina mill-qrib ma' sħab oħra tad-WTO dwar din il-kwistjoni;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tieħu l-ebda miżura f'dan ir-rigward, mingħajr ma qabel issir valutazzjoni tal-impatt profonda u komprensiva li tindirizza l-effetti kollha possibbli u l-konsegwenzi fuq l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-oqsma kollha tal-UE, kif ukoll l-effetti u l-konsegwenzi possibbli fuq l-ambjent;

Koerenza akbar bejn il-politiki kummerċjali u industrijali tal-UE u l-ħarsien aħjar tad-dritt ta' proprjetà intellettwali (IPR)

54.  Iqis li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-industriji Ewropej b'mod komprensiv, u li s-settur tal-manifattura tal-UE jitqiegħed wisq drabi wara s-settur tas-servizzi; jenfasizza li l-politika tal-kummerċ għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija Ewropea, tipprovdi aċċess għal swieq ġodda u emerġenti u tiffaċilita l-konverġenza 'l fuq tal-istandards ta' ċertifikazzjoni filwaqt li titnaqqas iċ-ċertifikazzjoni doppja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn il-politiki kummerċjali u industrijali tal-UE u tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija Ewropea b'referenza partikolari għall-istrateġija ta' industrijalizzazzjoni mill-ġdid;

55.  Jenfasizza r-rwol ċentrali li r-regoli tal-oriġini (RtO) għandhom fid-determinazzjoni ta' liema industriji jibbenefikaw jew jitilfu mill-FTAs tal-UE; filwaqt li jirrikonoxxi li r-regoli tal-oriġini s'issa ma ġewx analizzati mill-Parlament, jitlob lill-Kummissjoni tħejji rapport li jidentifika l-bidliet li għamlet tul dawn l-aħħar għaxar snin, fuq livell ta' NM b'4 ċifri, għall-pożizzjoni awtomatika tal-FTAs dwar ir-regoli tal-oriġini, filwaqt li tispjega r-raġunijiet għal kwalunkwe bidliet li saru;

56.  Huwa tal-fehma li n-nuqqas ta' infurzar effettiv tal-IPRs ipoġġi f'riskju s-sopravvivenza ta' setturi sħaħ tal-industrija Ewropea; jenfasizza li l-falsifikazzjoni tar-riżultati twassal għal telf ta' impjiegi u timmina l-innovazzjoni; itenni li protezzjoni xierqa tal-IPRs u l-infurzar effettiv tagħhom huma fundamentali għall-ekonomija dinjija; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li żżid il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-IP fl-FTAs u fid-WTO u li taħdem mas-sħab tagħha biex tikkumbatti l-frodi; jappoġġja lill-Kummissjoni fl-għan tagħha li tipproteġi l-ispettru sħiħ ta' IPRs, inkluż fir-rigward tal-privattivi, il-marki kummerċjali, id-drittijiet tal-awtur, id-disinni, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-immarkar tal-oriġini u l-prodotti farmaċewtiċi;

Il-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda tas-suq għall-fornituri tas-servizzi mill-UE bħala element essenzjali tal-istrateġija kummerċjali tal-UE

57.  Ifakkar li l-UE għandha rwol ewlieni fis-settur tas-servizzi; jenfasizza li l-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda tas-suq għandu jkun element essenzjali tal-istrateġija tal-kummerċ internazzjonali tal-UE; jenfasizza li l-inklużjoni tas-servizzi fil-ftehimiet kummerċjali hija ta' importanza kbira, peress li tagħti opportunitajiet lill-kumpaniji Ewropej u l-ħaddiema domestiċi, filwaqt li teskludi, f'konformità mal-Artikoli 14 u 106 tat-TFUE u l-Protokoll 26, is-servizzi attwali u futuri ta' interess ġenerali kif ukoll is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe ftehim u irrispettivament minn jekk humiex iffinanzjati mis-settur pubbliku jew minn dak privat; jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi u tinkludi r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fil-ftehimiet kummerċjali, u b'hekk jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji u l-ħaddiema Ewropej; jitlob speċifikament li tingħata kunsiderazzjoni għall-inkorporazzjoni ta' ċerti benefiċċji tad-Direttiva tal-ICT fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment bi skambju għal tali rikonoxximenti;

58.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-moviment temporanju ta' professjonisti sar essenzjali biex jiżdied in-negozju internazzjonalment u biex jibqa' interess offensiv tal-UE; jenfasizza li l-kapitolu dwar il-mobilità tal-ħaddiema għandu jiġi inkluż fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha tal-UE; ifakkar, madankollu, li jeħtieġ li l-impenji tal-Modalità 4 japplikaw biss għall-moviment ta' professjonisti bi kwalifiki għoljin (bħal persuni b'lawrja universitarja masters jew ekwivalenti jew f'pożizzjoni maniġerjali superjuri) għal skop speċifiku, għal perjodu limitat u f'kundizzjonijiet preċiżi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni domestika tal-pajjiż fejn jitwettaq is-servizz, u b'kuntratt li jirrispetta din il-leġiżlazzjoni domestika skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, filwaqt li jkun żgurat li xejn mhu se jipprevjeni lill-UE u lill-Istati Membri tagħha milli jżommu u jtejbu l-istandards tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi;

59.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-politika kummerċjali biex tindirizza forom ġodda ta' protezzjoniżmu diġitali u li tistabbilixxi regoli għall-kummerċ elettroniku u flussi transkonfinali tad-data skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali; jemmen li jeħtieġ li jsir ħafna aktar biex tinħoloq klima favorevoli għall-kummerċ elettroniku u l-intraprenditorija fl-UE billi jitnaqqsu l-monopolji u l-abbużi minn pożizzjonijiet ta' monopolju fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet, il-prattiki ta' imblukkar ġeografiku u s-soluzzjonijiet ta' rimedju konkreti; jenfasizza li l-iżgurar ta' kooperazzjoni regolatorja, it-tnaqqis tal-frodi online, ir-rikonoxximent reċiproku u l-armonizzazzjoni tal-istandards fis-settur tal-kummerċ diġitali, huwa vitali; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq mudell ġdid għall-kapitoli tal-kummerċ elettroniku, li jeżenta għalkollox il-qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tad-data attwali u dawk futuri fin-negozjati kummerċjali kollha, bl-għan li jiżgura l-iskambju ta' data b'konformità sħiħa mar-regoli dwar il-ħarsien tad-data fis-seħħ fil-pajjiż tal-oriġini tas-suġġett tad-data; jappella għal aktar kooperazzjoni bejn min jinforza, speċjalment dwar prattiċi kummerċjali inġusti mwettqa online;

In-natura fundamentali tal-ekonomija diġitali għall-kummerċ globali futur

60.  Jinnota l-importanza futura u li qed tikber tal-ekonomija diġitali, mhux biss fl-Ewropa, iżda mad-dinja kollha, b'madwar 3,3 biljun utent tal-internet fid-dinja kollha, li jikkostitwixxu 40 % tal-popolazzjoni dinjija; jemmen li x-xejriet bħall-cloud computing, is-servizzi tal-internet mobbli, il-grilji intelliġenti u l-midja soċjali qegħdin iwasslu għal pajsaġġ tan-negozju trasformat b'mod radikali; jissottolinja li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tibqa' aġġornata skont it-tendenzi teknoloġiċi u diġitali;

61.  Jitlob li l-Kummissjoni, flimkien mas-sħab tad-WTO, mhux biss tistabbilixxi grupp ta' ħidma dwar il-kummerċ diġitali fid-WTO, li għandu jeżamina fid-dettall ix-xerqien tal-qafas attwali għall-kummerċ elettroniku, waqt li tħares lejn rakkomandazzjonijiet, kjarifiki u aġġustamenti speċifiċi, iżda tqis ukoll li jiġi stabbilit qafas ġdid għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi, li jibni fuq l-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

Appoġġ għall-Kummissjoni fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni

62.  Huwa konxju mill-fatt li l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar is-servizzi finanzjarji fil-ftehimiet kummerċjali qajmet tħassib dwar l-effetti negattivi potenzjali tagħhom fejn jidħol il-ħasil tal-flus u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni bħala wieħed mill-akbar ostakli nontariffarji f'pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw; jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment joffru opportunità tajba biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; iqis li l-impenji bbażati fuq standards internazzjonali, obbligi ta' rappurtar għal kull pajjiż u skambju awtomatiku ta' informazzjoni għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet internazzjonali xierqa biex ikunu l-bażi ta' liberalizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi finanzjarji;

63.  Iqis li r-rabta bejn ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment u trattati dwar it-tassazzjoni doppja huma serjament nieqsa mill-istudju u jistieden lill-Kummissjoni tistudja bir-reqqa kwalunkwe effetti li tali għodod jista' jkollhom fuq xulxin u fuq koerenza ta' politika usa' fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa;

Politika tal-kummerċ progressiva li tikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs

64.  Jenfasizza li politika kummerċjali progressiva għandha tagħti aktar attenzjoni għall-bżonnijiet speċifiċi tal-mikroimpriżi u tal-SMEs u tiżgura li huma jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; ifakkar li sehem żgħir biss tal-SMEs Ewropej huma kapaċi jidentifikaw u jisfruttaw l-opportunitajiet li joffru l-globalizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jinnota li 13 % biss tal-SMEs Ewropej huma attivi internazzjonalment barra mill-UE filwaqt li jammontaw għal terz tal-esportazzjonijiet tal-UE; jappoġġja inizjattivi biex jiffaċilita l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej, u għalhekk jinsisti fuq il-vantaġġi ta' kapitolu dwar l-SMEs f'kull FTA futur; jemmen li jeħtieġ li jiġu esplorati modi ġodda ta' kif l-SMEs jistgħu jiġu assistiti aħjar fil-bejgħ tagħhom ta' oġġetti u servizzi barra minn pajjiżhom; jenfasizza li l-SMEs jeħtieġu għajnuna aktar speċifika, li tibda fl-Istati Membri, aċċess faċilitat għal informazzjoni online faċli għall-utent dwar miżuri ta' kummerċ, u gwidi speċifiċi u ċari dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji offruti minn kull ftehim kummerċjali konkluż fil-passat jew fil-futur mill-UE;

65.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-SMEs orizzontalment fil-kapitoli kollha tal-ftehimiet kummerċjali, inkluż, iżda mhux biss, permezz tal-ħolqien ta' punti uniċi ta' dħul online fejn l-SMEs ikunu jistgħu jitgħallmu dwar ir-regolamentazzjoni rilevanti, li hija ta' rilevanza partikolarment kruċjali għall-fornituri tas-servizzi transfruntiera f'termini ta' liċenzjar u rekwiżiti amministrattivi oħra; jirrimarka li, fejn ikun xieraq, dawn l-għodod għandhom ikopru wkoll opportunitajiet ġodda għall-aċċess għas-suq għall-SMEs, b'mod partikolari fir-rigward ta' sejħiet għall-offerti ta' valur baxx; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż tan-negozju għall-SMEs permezz ta' semplifikazzjoni tal-proċeduri tad-dwana, it-tnaqqis tal-ostakli nontariffarji u piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u s-simplifikar tar-regoli ta' oriġini; jemmen li hemm rwol għall-SMEs biex jgħinu lill-Kummissjoni tfassal dawn l-għodod biex jiġi żgurat li l-ftehimiet kummerċjali jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm djalogu mill-qrib ma' rappreżentanti tal-SMEs fl-istadji kollha tan-negozjati kummerċjali;

66.  Jenfasizza li aċċess aktar rapidu għall-SMEs Ewropej għal proċeduri antidumping huwa fundamentali biex huma jitħarsu minn prattiki kummerċjali inġusti; jenfasizza l-ħtieġa ta' riforma tal-qafas multilaterali tad-WTO sabiex l-SMEs jiġu involuti aħjar u sabiex ikun żgurat li jkun hemm soluzzjoni aktar rapida tat-tilwim;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u ttejjeb l-għodod eżistenti b'rabta mas-sussidjarjetà, in-nonduplikazzjoni u l-kumplimentarjetà fir-rigward ta' programmi tal-Istati Membri rispettivi u l-valur miżjud Ewropew qabel ma tiżviluppa strumenti ulterjuri li jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni indipendenti tal-programmi kollha eżistenti lill-Parlament;

Investiment

68.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment intern u barrani għall-ekonomija tal-UE u l-ħtieġa li n-negozji tal-UE jitħarsu meta jinvestu fi swieq terzi; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Kummissjoni rigward is-Sistema l-ġdida ta' Qorti tal-Investiment; jenfasizza l-ħtieġa ta' dibattitu ulterjuri mal-partijiet interessati u mal-Parlament dwar Sistema ta' Qorti tal-Investiment; jenfasizza li s-sistema jeħtieġ tkun konformi mal-ordinament ġuridiku tal-UE, b'mod partikolari s-setgħa tal-qrati tal-UE, u, b'mod aktar speċifiku, ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni; jikkondividi l-ambizzjoni li jistabbilixxi, fuq perjodu ta' żmien medju, soluzzjoni multilaterali għal tilwim rigward investimenti; jiddispjaċih li l-proposta għal Sistema ta' Qorti tal-Investiment ma tinkludix dispożizzjoni dwar l-obbligu tal-investituri;

69.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas komprensiv għall-Politika dwar l-Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UNCTAD bl-għan li jistimulaw investimenti aktar responsabbli, trasparenti u b'aktar obbligu ta' rendikont;

70.  Jinnota l-ħtieġa, fil-"Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" tal-Kummissjoni, li tingħata spinta lill-investiment fl-UE, u biex jitqiesu strateġiji kummerċjali bħala mezz essenzjali sabiex jinkiseb dan l-għan; Jiddispjaċih li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huwa nieqes minn dimensjoni esterna; jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra biss il-ħolqien ta' fergħa esterna wara analiżi bir-reqqa tal-prestazzjoni tal-Fond u eżami tal-utilità tiegħu, minħabba l-eżistenza ta' self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-azzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jenfasizza li fondi bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u impjiegi deċenti, inaqqsu l-faqar u jtaffu l-kawżi primarji tal-migrazzjoni;

71.  Ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità ta' istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp (DFIs) u s-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) biex jitkejlu u jiġu mmonitorjati b'mod effikaċi l-flussi tal-flus, is-sostenibilità tad-dejn u l-valur miżjud għall-iżvilupp sostenibbli tal-proġetti tagħhom;

Kummerċ u Agrikoltura

72.  Jenfasizza li l-istandards għoljin tal-Ewropa rigward l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-kundizzjonijiet soċjali huma ta' importanza kbira għaċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari f'termini ta' moralità pubblika u għażliet informati tal-konsumatur, u huwa tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jippromwovu kompetizzjoni ġusta biex tiżgura li l-bdiewa tal-UE jibbenefikaw bis-sħiħ minn konċessjonijiet tariffarji u ma jkunux ekonomikament żvantaġġati meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi garantit li l-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u l-benesseri tal-annimali jkunu protetti billi jiġu ppreżervati l-prinċipju prekawzjonarju, l-agrikoltura sostenibbli u livell għoli ta' traċċabilità u tikkettar tal-prodotti u billi jiġi żgurat li l-importazzjonijiet kollha jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli tal-UE; jinnota differenzjal wiesa' tal-istandards tal-benesseri tal-annimali fuq livell internazzjonali; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi regolata l-esportazzjoni tal-annimali tal-irziezet ħajjin skont id-Dritt eżistenti tal-UE u l-istandards stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

73.  Iqis li l-ftuħ ta' swieq ġodda għall-produzzjoni agrikola tal-UE, bħal prodotti tal-ħalib, laħam u frott u ħaxix, huwa importanti fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-biedja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati swieq ġodda b'potenzjal għoli ta' xiri;

74.  Iqis meħtieġ li jissaħħaħ il-valur miżjud tal-biedja u li jitniedu kampanji ta' promozzjoni bl-għan li jinfetħu swieq ġodda; jenfasizza fuq kollox li huwa essenzjali li jissaħħu l-iskemi ta' kwalità fil-livell tal-UE, peress li dawn jiżguraw l-aħjar immaġni possibbli tal-marka għall-prodotti tal-UE fis-suq dinji, u b'hekk jirriżultaw f'benefiċċji indiretti għall-biedja Ewropea kollha kemm hi;

75.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' kontrolli aktar stretti fuq l-importazzjoni fil-fruntieri u ta' spezzjonijiet aktar stretti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni f'pajjiżi li jesportaw lejn l-UE, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni;

76.  Jenfasizza l-importanza tal-progress fir-rigward tal-ostakli sanitarji, fitosanitarji u ostakli nontariffarji oħra għall-kummerċ agrikolu, fin-negozjati kollha ta' kummerċ ħieles, speċjalment rigward il-punti li mhumiex negozjabbli stabbiliti mill-UE li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-konsumaturi;

77.  Ifakkar fl-importanza tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-promozzjoni ta' prodotti agroalimentari tradizzjonali Ewropej, li jħarsuhom minn prattiki dannużi ta' free-riding, li jiggarantixxu d-drittijiet u l-għażliet konxji tal-konsumaturi u jiġu salvagwardati l-produtturi rurali u l-bdiewa, b'aċċenn partikolari għall-SMEs; jinnota li l-protezzjoni u r-rikonoxximent tal-indikaturi ġeografiċi f'pajjiżi terzi huma potenzjalment ta' valur kbir għas-settur agroalimentari tal-UE kollu, u jikkunsidra li l-ftehimiet kummerċjali kollha għandhom jinkludu miżuri ta' protezzjoni u azzjonijiet biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni;

Aċċess aħjar għall-kuntratti pubbliċi għall-operaturi ekonomiċi Ewropej

78.  Jitlob li jitneħħew l-iżbilanċi attwali rigward il-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u sħab kummerċjali oħra; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi għal ftuħ tas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku ambizzjuż u aktar reċiproku, filwaqt li tiġi garantita l-esklużjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u tiżgura li l-Istati jibqgħu liberi li jadottaw l-istandards soċjali u ambjentali, bħalma huma l-kriterji tal-aktar offerti ekonomikament vantaġġużi, għall-proċeduri ta' akkwist; jenfasizza li l-operaturi ekonomiċi Ewropej, kemm il-kumpaniji korporattivi kif ukoll l-SMEs, jeħtieġu aċċess aħjar għal kuntratti pubbliċi f'pajjiżi terzi permezz ta' strumenti bħalma huma l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u l-eliminazzjoni tal-livell attwali ta' asimmetriji; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-UE tikkostitwixxi wieħed mill-aktar swieq miftuħa ta' akkwist pubbliku fost il-membri kollha tad-WTO;

79.  Jinnota l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-Unjoni fl-akkwist pubbliku, li hu għodda importanti biex jiġi żgurat ambjent ekwu dwar l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi, u jiddispjaċih ħafna li l-gvernijiet tal-Istati Membri baqgħu jżommu mal-proposta oriġinali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikseb reċiproċità pożittiva fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku mas-sħab kummerċjali ewlenin;

Aċċess ugwali għar-riżorsi għal kompetizzjoni ġusta fis-suq globali

80.  Jenfasizza li r-riżorsi naturali huma limitati u għandhom jintużaw b'mod li jkun ekonomikament u ambjentalment sostenibbli, filwaqt li tingħata prijorità lir-riċiklaġġ; jirrikonoxxi d-dipendenza kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u speċjalment tal-LDCs fuq ir-riżorsi naturali; ifakkar li l-politika kummerċjali Ewropea jeħtieġ li tippromwovi strateġija konsistenti, sostenibbli, komprensiva u transpolitika rigward il-materja prima, kif diġà spjegat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar politika kummerċjali ġdida għall-Ewropa skont l-Istrateġija Ewropa 2020;

81.  Jenfasizza l-ħtieġa li nimxu lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-riċerka f'attivitajiet ta' enerġija, żvilupp u innovazzjoni mmirata lejn id-diversifikazzjoni tal-fornituri, ir-rotot u s-sorsi tal-enerġija, l-identifikazzjoni ta' sħab kummerċjali ġodda tal-enerġija u l-ħolqien ta' kompetizzjoni akbar, u t-tnaqqis tal-prezzijiet għall-konsumaturi tal-enerġija; jenfasizza li l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija huma kruċjali biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi kemm dispożizzjonijiet fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles, bl-għan li jinbnew sħubijiet tal-enerġija sostenibbli u t-titjib tal-kooperazzjoni teknoloġika, b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija u s-salvagwardji, kif ukoll li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju sabiex jintlaħqu l-objettivi deskritti fil-COP21.

Il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-fawna u l-flora selvaġġi u l-prodotti tagħhom

82.  Għadu mħasseb ħafna dwar iż-żieda riċenti fil-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u l-kummerċ illegali anċillari tagħha, li mhux biss qed ikollha impatt devastanti fuq il-bijodiversità u l-għadd ta' speċijiet, iżda hija ta' periklu ċar u attwali għall-għajxien u l-ekonomiji lokali, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' l-impenn tal-UE biex jiġi eliminat il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi bħala parti mir-reazzjoni tal-UE għall-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 tan-NU, b'mod partikolari l-Għan għal Żvilupp Sostenibbli Nru. 15, li jinnota l-bżonn mhux biss li jiġi żgurat tmiem il-kaċċa illegali u t-traffikar ta' speċijiet protetti ta' flora u fawna, iżda wkoll li jiġu indirizzati kemm id-domanda kif ukoll il-provvista ta' prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi; jistenna, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, wara perjodu ta' riflessjoni li jinkludi konsultazzjoni mal-Parlament u mal-Istati Membri, tikkunsidra kif l-aħjar jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ Illegali tal-Ħajja Selvaġġa fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE;

Kooperazzjoni doganali aħjar u l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-fruntieri tal-UE

83.  Jenfasizza li proċeduri doganali aħjar, armonizzati u aktar effiċjenti fl-Ewropa u lil hinn minnha jiffaċilitaw il-kummerċ u jissodisfaw ir-rekwiżiti rispettivi ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, u jgħinu biex jevitaw il-falsifikazzjoni u l-oġġetti illegali u falsifikati milli jidħlu fis-suq uniku, u dan idgħajjef it-tkabbir ekonomiku tal-UE u jesponi l-konsumaturi tal-UE b'mod serju; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jwaqqfu servizz doganali unifikat tal-UE għall-implimentazzjoni aktar effikaċi tar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali kollu tal-UE;

84.  Jenfasizza li l-Kummissjoni, fin-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali, għandha tfittex li tikkonvinċi s-sħab kummerċjali biex jadottaw punt uniku ta' servizz għall-konformità tad-dwana u tal-fruntieri, jekk ikun meħtieġ akkumpanjat minn Fondi tal-Għajnuna għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet għall-Kummerċ, kif ikun xieraq;

85.  Jenfasizza li komunikazzjoni xierqa u koordinazzjoni b'saħħitha huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li t-tneħħija tat-tariffi tkun akkumpanjata minn miżuri tekniċi, istituzzjonali u politiċi xierqa li jiżguraw is-sigurtà kontinwa tal-kummerċ;

86.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tal-amministrazzjoni doganali fl-UE u barra minnha; jiddispjaċih li bħalissa ftit li xejn hemm data pubblika disponibbli; jirrimarka li jkun utli li, fuq bażi kontinwa, nifhmu xi prestazzjoni qed ikollhom id-dwana u aġenziji oħrajn tal-fruntieri fl-UE kif ukoll fost is-sħab kummerċjali, bil-ħsieb li jsir skambju tal-aqwa prattiki u koordinament tal-interessi speċifiċi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej – b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO;

87.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iniedu dibattitu miftuħ dwar it-trasferiment possibbli ta' awtoritajiet doganali mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE;

L-għoti ta' benefiċċji tanġibbli lill-konsumaturi

88.  Jirrikonoxxi li l-ftehimiet kummerċjali għandhom il-potenzjal li jkunu fil-biċċa l-kbira tagħhom ta' benefiċċju għall-konsumaturi, b'mod partikolari billi tiżdied il-kompetizzjoni biex b'hekk jitbaxxew il-prezzijiet, u tingħata għażla akbar u spinta lill-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, sabiex ikun sfruttat dan il-potenzjal, tagħfas ħafna fin-negozjati kollha għal limitazzjoni ta' prattiki ta' imblukkar ġeografiku, it-tnaqqis tat-tariffi tar-roaming internazzjonali, u għal tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri;

89.  Jappella għal miżuri li jappoġġjaw lill-konsumatur fil-kuntest tal-kummerċ transfruntier fil-prodotti u s-servizzi ma' pajjiżi terzi, pereżempju fil-forma ta' help desks online li jipprovdu informazzjoni jew pariri b'rabta ma' każijiet ta' tilwim;

90.  Jinsisti li l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni preċiża dwar il-karatteristiċi tal-prodotti li jitqiegħu fis-suq;

Kummerċ għal Kulħadd: politiki ta' appoġġ fil-politiki kummerċjali u ta' investiment miftuħa meħtieġa biex jiġi massimizzat il-qligħ u minimizzat it-telf

91.  Jikkondividi l-fehma tal-OECD li "kummerċ ħieles u ġust" u politiki ta' investiment jeħtieġu firxa ta' strateġiji politiċi effettivi sabiex jiġi massimizzat il-qligħ u minimizzat it-telf ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-UE u tal-popolazzjonijiet u l-ekonomiji tal-pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu ħafna aktar biex jikkumplimentaw il-ftuħ tal-kummerċ permezz ta' firxa ta' miżuri ta' appoġġ sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli – bħal fl-oqsma ta' investimenti u servizzi pubbliċi, edukazzjoni u saħħa, politiki attivi fis-suq tax-xogħol, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-iżvilupp tal-infrastruttura u regoli adegwati li jiggarantixxu protezzjoni soċjali u ambjentali;

92.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu analiżi bir-reqqa, ex ante u ex post fuq bażi ta' settur b'settur u l-valutazzjonijiet tal-impatt reġjonali tal-ftehimiet kummerċjali u ta' fajls leġiżlattivi rilevanti, li jantiċipaw l-impatti negattivi possibbli fuq is-suq tax-xogħol fi ħdan l-UE, u jsibu modi aktar sofistikati ta' introduzzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex jerġgħu jiġu żviluppati industriji u reġjuni żvantaġġati, bl-għan li tinkiseb distribuzzjoni aktar ekwa u jiġi żgurat qligħ mill-kummerċ b'bażi wiesgħa; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew, jistgħu jaqdu rwol straordinarju; jirrimarka li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jista' wkoll ikun strument importanti, jekk jiġi riformat u ffurmat b'mod li jkun hemm fondi biżżejjed biex tingħata għajnuna lil kumpaniji u produtturi tal-UE milquta minn sanzjonijiet vis-à-vis pajjiżi terzi, u assistenza lill-impjegati ta' SMEs milquta direttament mill-effett tal-globalizzazzjoni;

o
o   o

93.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-UNCTAD u lid-WTO.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0415.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0252.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0041.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0250.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0219.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0175.
(7) ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 87.
(8) ĠU C 188E, 28.6.2012, p. 42.
(9) ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 94.
(10) ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 31.
(11) ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 101.

Avviż legali - Politika tal-privatezza