Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2809(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0910/2016

Dibattiti :

PV 07/07/2016 - 7.3
CRE 07/07/2016 - 7.3

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2016 - 9.3
CRE 07/07/2016 - 9.3

Testi adottati :

P8_TA(2016)0316

Testi adottati
PDF 280kWORD 95k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2016 - Strasburgu
Il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya
P8_TA(2016)0316RC-B8-0910/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya (2016/2809(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar/Burma u r-Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2012(1), tat-13 ta' Settembru 2012(2), tat-22 ta' Novembru 2012(3), tat-13 ta' Ġunju 2013(4) u tal-21 ta' Mejju 2015(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-ristabbiliment tal-aċċess tal-Myanmar/Burma għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar/Burma",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-24 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma u tat-3 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħra fil-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Elementi għal strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma: sħubija speċjali għad-demokrazija, il-paċi u l-prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma;

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2015 bit-titolu "L-UE u l-ASEAN: sħubija bi skop strateġiku" (JOIN(2015)0022),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni, f'April 2016, ta' "Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà (VIS) b'appoġġ għal ftehim ta' protezzjoni tal-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Liġi tal-Myanmar/Burma dwar id-Dritt ta' Għaqda Paċifika u ta' Proċessjoni Paċifika tal-2012 u l-emendi għaliha tal-2014, u l-Liġi ġdida tiegħu dwar id-Dritt ta' Għaqda Paċifika u ta' Proċessjoni Paċifika tal-31 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) ta' April 2015 bit-titolu "Il-kriżi tar-Rohingya u r-riskju ta' atroċitajiet fil-Myanmar/Burma: sfida għall-ASEAN u appell għal azzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Myanmar/Burma ħa passi sinifikanti biex jirriforma l-ekonomija u s-sistema politika tiegħu, u billi nbdew riformi estensivi sa mill-2011;

B.  billi fid-9 ta' Novembru 2015 il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), taħt it-tmexxija tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Aung San Suu Kyi, li rebħet b'mod qawwi l-elezzjonijiet, u billi Htin Aung sar l-ewwel President ċivili f'50 sena; billi minkejja l-popolarità personali tagħha s-Sa Suu Kyi ġiet prekluża mill-Presidenza bil-Kostituzzjoni tal-2008 li kienet abbozzata mill-militar, iżda issa hija de facto qed tmexxi l-Istat taħt it-titolu ta' Konsulent tal-Istat;

C.  billi r-Rohingya huma minoranza etnika u reliġjuża Musulmana li ilha deċennji ssofri oppressjoni brutali, persekuzzjoni sistematika, segregazzjoni, esklużjoni, diskriminazzjoni u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi r-Rohingya jirrappreżentaw l-akbar perċentwal ta' Musulmani fil-Myanmar/Burma, u l-biċċa l-kbira jgħixu fl-Istat ta' Rakhine;

E.  billi madwar miljun Rohingya huma fost il-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja, u ilhom uffiċjalment mingħajr Stat sa mil-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża; billi r-Rohingya mhumiex aċċettati mill-awtoritajiet tal-Myanmar/Burma u mill-pajjiżi ġirien, għalkemm xi wħud minn dawn tal-aħħar jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati; billi l-ġlied kontinwu fl-Istat ta' Rakhine qed jirriżulta fi tbatija umana kontinwa u qed jimmina l-fiduċja fil-proċess tal-paċi;

F.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fir-rapport tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2016, iddeskriva l-ksur serju u kontinwu tad-drittijiet kontra r-Rohingya, inklużi l-privazzjoni arbitrarja tan-nazzjonalità, li tagħmilhom mingħajr Stat, restrizzjonijiet severi tal-libertà ta' moviment, theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom, "li jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità"; billi s-Sur Al Hussein indika li r-Rohingya huma esklużi minn bosta professjonijiet u jeħtieġu dokumenti speċjali biex ikollhom aċċess għall-isptarijiet, u dan qed wassal għal dewmien u għall-imwiet ta' trabi u ta' ommijiethom waqt il-ħlas;

G.  billi, skont il-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, madwar 120 000 Rohingya għadhom f'aktar minn 80 kamp ta' spustament intern fl-Istat ta' Rakhine, b'aċċess limitat għall-għajnuna umanitarja, filwaqt li f'dawn l-aħħar snin aktar minn 100 000 Rohingya ieħor ħarbu bil-baħar jew bl-art, spiss vittmi ta' traffikanti tal-bnedmin, lejn pajjiżi oħra; billi bosta eluf kull sena jissograw ħajjithom biex jippruvaw jaħarbu bl-art jew bil-baħar, u bosta minnhom mietu waqt li kienu qed jaħarbu;

H.  billi l-Gvern il-ġdid wiret sitwazzjoni fejn japplikaw liġijiet u politiki mfassla biex iċaħħdu l-minoranzi mid-drittijiet fundamentali tagħhom u fejn l-impunità għal ksur serju kontra r-Rohingya ħeġġet aktar vjolenza kontrihom;

I.  billi s-Sa Suu Kyi ħabbret f'laqgħa ma' Yanghee Lee, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, li l-Gvern ma jużax il-kelma Rohingya (kontinwazzjoni tal-politika mħaddna taħt id-dittatorjat militari), għaliex hija meqjusa ultraġġuża, kif hija l-kelma "Bengali", u minflok jissuġġerixxi li t-terminu l-ġdid ikun "il-komunità Musulmana fl-Istat ta' Rakhine"; billi l-Partit Nazzjonali Arakan (ANP), li jirrappreżenta l-estremisti Buddisti ta' Rakhine, irrifjuta t-terminu l-ġdid u akkuża lill-Gvern li aċċetta b'mod indirett li r-Rohingya huma nattivi tal-Istat ta' Rakhine, ħaġa li l-ANP ma jaċċettax, u billi f'dawn l-aħħar jiem eluf ta' persuni niżlu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-Gvern; billi s-Sa Suu Kyi ħadet il-karigi ta' Konsulent tal-Istat, Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ministru għall-Uffiċċju tal-President fi gvern ċivili;

J.  billi l-Myanmar/Burma jinsab fi tranżizzjoni politika iżda, fil-prattika, għadu fortizza tal-militar, b'xi ministeri, karigi ta' mħallfin tal-Qorti u siġġijiet parlamentari riservati għal dawk maħtura mill-militar; billi l-livell ta' korruzzjoni fi ħdan l-awtoritajiet għadu meqjus bħala għoli ħafna;

K.  billi għad hemm problemi serji bil-leġiżlazzjoni tal-Myanmar/Burma, b'diversi liġijiet prinċipali li jiksru l-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Kodiċi Penali, il-Liġi dwar l-Għaqda Paċifika u l-Proċessjoni Paċifika, il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjoni, il-Liġi dwar il-Midja tal-Aħbarijiet u l-erba' abbozzi dwar il-protezzjoni tar-razza u tar-reliġjon;

L.  billi, f'episodju reċenti ta' vjolenza kontra l-komunità Musulmana tal-Myanmar/Burma, żewġ moskej ġew maħruqa f'inqas minn ġimgħa;

M.  billi l-popolazzjoni Rohingya (kemm ġewwa kif ukoll barra l-Istat ta' Rakhine) hija l-mira ta' propaganda vjolenti, aggressiva u diskriminatorja u ta' azzjonijiet imwettqa minn għadd ta' gruppi buddisti radikali fil-Myanmar/Burma;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin ħafna priġunieri politiċi ġew meħlusa, iżda bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, persuni li jikkritikaw il-gvern u l-militar, u oħrajn ġew arrestati fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet ġenerali u fformulati b'mod vag, waqt li kienu qed jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom b'mod paċifiku;

O.  billi l-Myanmar/Burma għamel sforzi evidenti biex imexxi 'l quddiem il-proċess ta' paċi, minbarra preparazzjonijiet li għamel għal konferenza nazzjonali dwar il-paċi (il-Konferenza ta' Panglong tas-Seklu 21); billi huwa essenzjali li jinżamm il-waqfien mill-ġlied nazzjonali u li jiġu inklużi l-gruppi armati etniċi kollha bil-għan li jiġu żgurati l-paċi, il-prosperità u l-għaqda fil-pajjiż;

1.  Jilqa' l-elezzjonijiet kredibbli u kompetittivi ta' Novembru 2015, u jqis pożittiv it-trasferiment paċifiku tal-poter lill-ewwel President mhux militari tal-pajjiż sa mill-1962;

2.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma; jenfasizza li l-UE għandha interess strateġiku fit-tisħiħ tar-relazzjoni tagħha mal-Myanmar/Burma; jemmen li l-Gvern il-ġdid għandu opportunità storika biex jikkonsolida d-demokrazija u jikseb il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-prosperità;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jenfasizza li l-ġlied irid jieqaf minnufih, u li t-tilwim jeħtieġlu jissolva permezz ta' negozjati;

4.  Jifhem li r-riformi jieħdu ż-żmien, iżda jenfasizza li l-gravità tal-persekuzzjoni kontinwa ta' ċerti minoranzi, kif dokumentat fir-rapport reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u ta' minoranzi oħrajn fil-Myanmar/Burma", titlob rimedji immedjati, u jistieden lill-Gvern biex jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport, inklużi dawk li jabolixxi l-"ordnijiet lokali" diskriminatorji fl-Istat ta' Rakhine, li jneħħi l-miżuri restrittivi fir-rigward ta' trattament mediku ta' emerġenza u li jneħħi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment;

5.  Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi kollha fir-reġjun jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement u jipproteġu r-rifuġjati Rohingya, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-qagħda tar-rifuġjati Rohingya fix-Xlokk tal-Asja u jappella biex il-mobilizzazzjoni reġjonali u internazzjonali tipprovdilhom assistenza urġenti fis-sitwazzjoni mill-aktar vulnerabbli tagħhom; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza u n-nuqqas ta' protezzjoni mill-awtoritajiet uffiċjali fil-pajjiżi destinatarji;

7.  Jenfasizza li l-UE qieset pożittivi l-isforzi tal-Gvern tal-Myanmar/Burma biex jibda jaħdem ħalli jaffronta l-isfidi li qed jiffaċċja l-Istat ta' Rakhine, inkluża s-sitwazzjoni tar-Rohingya;

8.  Jinsisti li l-awtoritajiet għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jiżguraw aċċess liberu u mingħajr xkiel għall-Istat ta' Rakhine lill-atturi umanitarji, lin-NU, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti u lil osservaturi internazzjonali oħrajn;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma biex jikkundanna b'mod ċar kull inċitament għal mibegħda razzjali jew reliġjuża, biex jieħu passi konkreti ħalli jwaqqaf din il-mibegħda minnufih, u biex jimplimenta miżuri speċifiċi u politiki li jimpedixxu d-diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra r-Rohingya fil-futur;

10.  Itenni l-appell tal-Kunsill Ewropew għall-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi effikaċi, inklużi ġudikatura indipendenti u imparzjali u soċjetà ċivili b'saħħitha, kif ukoll il-promozzjoni ta' governanza tajba bil-ħsieb li l-Myanmar/Burma jsir demokrazija li jkollha rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

11.  Jistieden lill-Gvern elett jiżviluppa demokrazija miftuħa fejn id-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati u fejn il-persuni jkollhom garanzija ta' libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' moviment, u jkunu ħielsa minn kull forma ta' diskriminazzjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jimplimenta minnufih ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni adottata fl-31 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma biex iħares il-poplu Rohingya minn kull forma ta' diskriminazzjoni u biex itemm l-impunità għall-ksur kontra r-Rohingya; ifakkar fid-dikjarazzjoni, li suppost kienet ilha li waslet, tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit tas-Sa Suu Kyi, l-NLD, li l-Gvern tal-Myanmar/Burma għandu jagħti ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya; jistieden lill-Sa Suu Kyi, rebbieħa tal-Premju Sakharov, tuża l-pożizzjonijiet ewlenin tagħha fil-Gvern tal-Myanmar/Burma biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya;

14.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jirriforma l-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza u biex jerġa' jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-minoranza Rohingya; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar/Burma u lill-awtoritajiet tal-Istat ta' Rakhine biex jibdew minnufih jirreġistraw it-tfal mat-twelid; jitlob lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jħassar kull disposizzjoni diskriminatorja;

15.  Jistieden lill-UE tkompli tappoġġja lill-UNHRC fl-isforzi tiegħu biex jgħin lir-rifuġjati Rohingya fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 tal-UNHRC biex Tintemm l-Apolidija;

17.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jeħles minnufih lill-priġunieri politiċi kollha u lil dawk li sfaw arrestati fuq akkużi li jiksru d-dritt u n-normi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tindirizza s-sitwazzjoni tar-Rohingya fl-ogħla livell politiku possibbli fil-kuntatti tagħha mal-Myanmar/Burma u ma' pajjiżi oħra membri tal-ASEAN;

19.  Jappella għall-kawtela fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehim ta' investiment ippjanat bejn l-UE u l-Myanmar/Burma, peress li għandu mnejn jipperikola l-iżvilupp futur soċjalment bilanċjat tal-Mjanmar/Burma dment li fil-biċċa l-kbira għad hemm nuqqas ta' leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltajiet u obbligazzjonijiet ambjentali u soċjali korporattivi, id-drittijiet tax-xogħol, is-sjieda tal-art u l-miżuri kontra l-korruzzjoni, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkunsidraw dan it-tħassib;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Myanmar/Burma, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, lill-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' Stati oħra fir-reġjun.

(1) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 79.
(2) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 145.
(3) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 189.
(4) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 157.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0211.
(6) ĠU C 55, 12.2.2016, p. 112.

Avviż legali - Politika tal-privatezza