Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2020(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0146/2016

Testi mressqa :

A8-0146/2016

Dibattiti :

PV 06/07/2016 - 16
CRE 06/07/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2016 - 9.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0317

Testi adottati
PDF 407kWORD 151k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2016 - Strasburgu
Il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU
P8_TA(2016)0317A8-0146/2016

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2016/2020(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti magħmula minn Andrey Kovatchev, f'isem il-Grupp PPE (B8-1374/2015),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra s-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti(1), li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u teżerċita d-dritt ta' replika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-18 ta' April 2013 dwar il-prinċipju tan-NU tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni" (R2P)(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016(6) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt ta' aggressjoni(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh'(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE(9),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' Pariġi tat-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti tat-13 ta' Ġunju 2012 "Plan of Action to enhance EU CSDP support to UN peacekeeping"(10) (Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ is-sostenn PSDK tal-UE favur l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU) u tat-23 ta' Marzu 2015 "Strengthening the UN-EU Strategic Partnership on Peacekeeping and Crisis Management: Priorities 2015-2018" (Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet): il-prijoritajiet 2015-2018)(11),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' Oslo dwar l-użu tal-mezzi militari u tal-protezzjoni ċivili fl-ambitu ta' interventi internazzjonali f'każ ta' diżastri ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjoni 2242 (2015) reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU tal-15 ta' Mejju 2015 intitolat "Enforcement and Remedial Assistance Efforts for Sexual Exploitation and Abuse by the United Nations and Related Personnel in Peacekeeping Operations" (Infurzar u Sforzi Korrettivi ta' Assistenza għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali min-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat fl-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi),

–  wara li kkunsidra l-ewwel rapport tan-NU dwar ir-reżistenza antibijotika maħruġ mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) f'April 2014 li jikkwalifika lir-reżistenza antimikrobika bħala "theddida serja" għas-saħħa pubblika dinjija,

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet reċenti dwar l-attivitajiet tad-ditta legali Mossack Fonseca b'sede fil-Panama u l-inizjattivi relatati għal kooperazzjoni internazzjonali aktar stretta għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 134(3) u 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0146/2016),

A.  billi l-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi u governanza globali tajba, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-UE u għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali, li trid tkun rispettata u difiża, hija l-aktar adatta biex jiġu indirizzati l-kriżijiet, l-isfidi u t-theddid globali;

B.  billi l-UE għandu jkollha sehem proattiv fil-bini ta' Nazzjonijiet Uniti li jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għas-soluzzjonijiet globali, għall-paċi u s-sigurtà, għall-iżvilupp, għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt;

C.  billi l-Istati Membri tal-UE jeħtieġu jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw azzjonijiethom fl-organi u fil-korpi tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti skont il-mandat li jinsab fl-Artikolu 34(1) tat-TUE;

D.  billi qiegħed ikun hemm deterjorament rapidu u żieda fil-kumplessità tal-kuntest ta' sigurtà fil-livell dinji u reġjonali u d-distinzjoni bejn sigurtà interna u esterna qiegħda ssir inqas ċara; billi n-NU jiżvolġu rwol fundamentali fil-garanzija ta' stabilità u sigurtà fil-livell dinji;

E.  billi huwa neċessarju li jsir rieżami bir-reqqa tal-istrumenti għal multilateraliżmu effikaċi fl-ambitu tan-NU, b'segwitu għall-bidliet f'termini ta' diffużjoni u konfigurazzjoni tal-poter f'livell dinji; billi dawn l-istrumenti jeħtieġ li jinvolvu aktar lill-partijiet interessati, kemm statali kif ukoll mhux statali, anki fil-proċessi ta' prevenzjoni tal-kunflitti u ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

F.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod kollettiv huma l-akbar kontributuri finanzjarji għas-sistema tan-NU, billi jipprovdu madwar terz tal-baġit regolari tan-NU, kważi żewġ kwinti tal-baġit għaż-żamma tal-paċi tan-NU, u madwar nofs il-kontribuzzjonijiet kollha għall-fondi u l-programmi tan-NU;

G.  billi l-UE taħdem favur is-sostenibilità ambjentali, speċjalment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet internazzjonali intiżi li jippreservaw u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

H.  billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

I.  billi l-ambjent ta' sigurtà tal-UE huwa dejjem aktar instabbli u volatili minħabba l-għadd kbir ta' sfidi, li ilhom jeżistu żmien twil jew li nibtu dan l-aħħar, fosthom il-kunflitti vjolenti, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-flussi migratorji mingħajr preċedent u t-tibdil fil-klima, li huma impossibbli li jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali u reġjonali, u li jeħtieġu risposti globali;

J.  billi l-isfidi l-ġodda, inklużi l-gwerra ibrida u tal-informazzjoni, it-theddid informatiku, il-bijoinġinerija, is-sistemi ta' armament awtonomi letali, in-nanoteknoloġiji, il-minjaturizzazzjoni tal-armi u l-proliferazzjoni ta' teknoloġiji b'użu doppju, jirrikjedu l-elaborazzjoni ta' ftehimiet multilaterali, li għalihom in-NU jirrappreżentaw l-organizzazzjoni l-aktar adatta;

K.  billi l-iżviluppi reċenti fil-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u tal-mezzi tagħhom qegħdin jagħmlu l-kontroll tal-armamenti u d-diżarm dejjem aktar diffiċli u qegħdin jimminaw l-istabilità u s-sigurtà globali; billi n-Nazzjonijiet Uniti jirrappreżentaw struttura adatta għall-promozzjoni ta' miżuri ġodda ta' diżarm u kontroll tal-armamenti, id f'id ma' sħab li jaqsmu l-istess prinċipji;

1.  Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

  

Paċi u sigurtà

   (a) jieħu azzjonijiet biex jiggarantixxi li l-partijiet kollha involuti direttament jew indirettament fil-kunflitti armati u l-organizzazzjonijiet tagħhom jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali u l-istandards tad-dritt internazzjonali u jimpenjaw ruħhom biex isibu soluzzjoni paċifika u diplomatika għal kwalunkwe tip ta' kunflitt; iħeġġeġ li dawn l-obbligi u l-impenji jinkludu wkoll l-obbligu li jingħata aċċess għall-għajnuna umanitarja lil min ikun fil-bżonn;
   (b) ikompli t-tentattivi ta' appoġġ multilaterali biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi u paċifiċi dejjiema għall-kunflitti li għaddejjin fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq; ikompli s-sostenn għall-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja, tar-Rappreżentant Speċjali u Kap tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja, tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen, tal-Koordinatur Speċjali tan-NU għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Saħara tal-Punent; jappella għal għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika kontinwa min-naħa tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja, u jaħdem favur il-waqfien immedjat tal-vjolenza; jikkundanna l-azzjonijiet unilaterali u mhux koordinati fi kwalunkwe żona ta' kriżi,
   (c) isostni t-taħditiet bejn il-partijiet Sirjani li huma ggwidati mir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; isostni l-ħidma tat-task forces maħluqa mill-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja li qegħdin jissorveljaw il-konsenja tal-għajnuna umanitarja tant bżonjuża lil eluf ta' Sirjani f'żoni assedjati u f'żoni oħra diffiċli li jintlaħqu, kif ukoll il-waqfien tal-ostilitajiet approvat mir-riżoluzzjoni 2268(2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà; jikkundanna bil-qawwa l-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sirja u jappoġġa l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddokumentaw evidenza ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-bżonn li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt u jiggarantixxi l-inklużjoni tan-nisa fit-taħditiet ta' paċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex jgħinu lill-popolazzjoni lokali u lir-rifuġjati;
   (d) jaċċerta li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tforni, b'kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Uniti tal-Amerka, l-istrumenti kollha biex jiġi żgurat li soluzzjoni ta' żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, li tipprevedi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, bi Stat ta' Iżrael sikur, bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, tkun waħda sostenibbli u effikaċi; jaġixxi konformement mal-konklużjonijiet tal-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani adottati fit-18 ta' Jannar 2016, li jqisu l-espansjoni kontinwa tal-insedjamenti bħala ostaklu kostanti għall-paċi;
   (e) jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja koordinata taħt it-tmexxija tan-NU fil-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u umanitarji internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti taċ-ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; jappella għal pawża umanitarja sabiex għajnuna li tista' ssalva l-ħajjiet titħalla tasal għand il-poplu Jemenit b'mod urġenti; jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-ksur allegat tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastruttura u persunal umanitarji; jappella lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha, u jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż, inklużi ħaddiema umanitarji, tobba u ġurnalisti; jinkoraġġixxi politika ta' avviċinament bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran ħalli jittaffew it-tensjonijiet reġjonali u biex titwitta t-triq lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Jemen u fi bnadi oħrajn;
   (f) ikompli jappella għar-rispett totali tal-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u tal-integrità territorjali tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, fosthom il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali f'dawn l-inħawi, kif ukoll għall-għażla ħielsa u sovrana tagħhom li jimxu fit-triq Ewropea; isostni u jintensifika l-isforzi diplomatiċi għal riżoluzzjoni paċifika ta' dawn il-kunflitti li għaddejjin u dawk iffriżati; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; iżid attivament il-pressjoni fuq ir-Russja, inkwantu membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bil-għan li tinstab riżoluzzjoni tal-kunflitt fl-Ukrajna;
   (g) jappella għal aktar appoġġ għall-isforzi tal-komunità internazzjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex jiġu ġestiti l-kriżijiet tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fis-Somalja, fis-Sudan, fis-Sudan t'Isfel, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fil-Mali, fin-Niġerja u fil-Burundi fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar inġenerali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jintensifikaw is-sostenn għar-rwol dejjem akbar u għall-kapaċitajiet proprji tal-Unjoni Afrikana fil-medjazzjoni u fil-ġestjoni tal-kriżijiet filwaqt li fl-istess ħin taġixxi f'isem il-komplementarjetà mal-azzjonijiet tal-Uffiċċju ta' Appoġġ għall-Konsolidament tal-Paċi tan-NU; isostni l-isforzi użati mill-UA, mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u min-NU biex jiġi evitat l-aggravar ulterjuri tal-kriżi fil-Burundi u jaħdem favur il-promozzjoni ta' djalogu urġenti, inklużiv u ġenwin internament għall-Burundi bejn il-gvern u l-oppożizzjoni; isostni r-rikors għal inkjesta indipendenti u internazzjonali li qiegħda tinvestiga kwalunkwe ksur allegat tad-drittijiet tal-bniedem u jikkontribwixxi biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom u jitressqu quddiem il-ġustizzja;
   (h) isostni l-isforzi komprensivi li għaddejjin biex jissaħħu l-operazzjonijiet ta' paċi tan-NU u l-kapaċità tal-organizzazzjoni li tittratta l-kunflitt; jeżamina opportunitajiet ġodda u jinkoraġġixxi kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u n-NU fil-kuntest tar-riforma tal-viżjonijiet strateġiċi tagħhom dwar is-sigurtà, permezz, fuq naħa, tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà u, fuq in-naħa l-oħra, ir-reviżjoni tal-operazzjonijiet tal-paċi tan-NU, l-arkitettura taż-żamma tal-paċi u l-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà tan-NU (riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà) u s-sinerġiji bejniethom; jiżgura li l-proċess ta' rieżami tal-arkitettura tan-NU għall-konsolidament tal-paċi jippromwovi l-prinċipju tar-Responsabilità ta' Protezzjoni u r-rwol tan-nisa fil-konsolidament tal-paċi;
   (i) jilqa' favorevolment l-adozzjoni u jsostni l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 2242 (2015) reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tpoġġi lin-nisa bħala komponent ċentrali f'kull sforz biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, u jappella għal aktar sforzi biex tiġi integrata l-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fid-dimensjonijiet differenti kollha taż-żamma tal-paċi; jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni ndaqs, sħiħa u attiva tan-nisa fil-prevenzjoni u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fin-negozjati ta' paċi kif ukoll fil-proċess tal-konsolidament tal-paċi; jiżgura li tingħata l-assistenza medika sikura kollha neċessarja lill-vittmi nisa tal-istupri tal-gwerra;
   (j) jippromwovi kultura ta' prevenzjoni fi ħdan is-sistema tan-NU bil-għan li l-kapaċità tagħha titjieb ħalli twieġeb aktar malajr għall-kriżijiet emerġenti u għat-theddid potenzjali għall-paċi u s-sigurtà, partikolarment permezz tad-diplomazija preventiva effikaċi, tat-tisħiħ tal-fiduċja u tal-isforzi ta' medjazzjoni; jistinka biex isaħħaħ is-sistemi ta' twissija bikrija u ta' komunikazzjoni bikrija u jkompli jiżviluppa l-proċeduri għall-konsultazzjoni f'każ ta' kriżi bejn in-NU, l-UE u l-organizzazzjonijiet sottoreġjonali l-oħra, li jiżvolġu rwol importanti fil-paċi u s-sigurtà internazzjonali, bil-għan li jkun hemm koordinament aħjar tar-risposti tagħhom għall-kriżijiet, u tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn; jikkoopera man-NU fit-tisħiħ tar-rwol u tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u militari u fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti;
   (k) iżid is-sostenn min-naħa tal-Istati Membri favur l-operazzjonijiet ta' żamma u ta' konsolidament tal-paċi tan-NU li jinkludu komponent marbut mad-drittijiet tal-bniedem u strateġiji ta' ħruġ ċari, partikolarment billi jikkontribwixxu b'persunal u b'tagħmir, u jżid ir-rwol ta' faċilitatur tal-UE f'dan ir-rigward; jiżviluppa ulterjorment il-proċeduri għall-użu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE bħala sostenn għall-operazzjonijiet tan-NU, anki permezz tal-istazzjonament ta' gruppi tattiċi tal-UE jew bis-saħħa tal-inizjattivi ta' bini tal-kapaċitajiet u ta' riforma tas-settur tas-sigurtà, filwaqt li jagħti biżżejjed attenzjoni lill-kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-kawżi profondi tal-migrazzjoni tal-massa;
   (l) jippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà umana, biex toqrob aktar lejn l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem, u l-prinċipju tar-responsabilità ta' protezzjoni (R2P) u jkompli jsostni l-isforzi biex tkompli l-operazzjonalizzazzjoni tal-R2P; isostni lin-NU biex ikomplu jiżvolġu rwol kritiku fl-assistenza lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-R2P, bil-għan li jiġi difiż l-istat tad-dritt kif ukoll id-dirtt umanitarju internazzjonali; jippromwovi l-Kodiċi ta' Kondotta rigward il-Kunsill tas-Sigurtà kontra l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità jew id-delitti tal-gwerra, b'hekk l-Istati Membri tan-NU jimpenjaw ruħhom li jsostnu l-azzjoni li jieħu l-Kunsill tas-Sigurtà mmirata biex tipprevjeni jew ittemm tali delitti u ma jivvotawx kontra riżoluzzjoni korrispondenti tal-Kunsill tas-Sigurtà;
  

Ġlieda kontra t-terrorizmu

   (m) itenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu tat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jingħelbu u jinqerdu l-organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari, l-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh", li jikkostitwixxu theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, filwaqt li jitfakkar li dawn l-azzjonijiet għandhom jirrispettaw dejjem bis-sħiħ id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; isostni l-promozzjoni tal-aspetti kollha tar-riżoluzzjoni 2178(2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-ġlieda kontra t-theddid rappreżentat mill-ġellieda terroristi barranin u tal-Prinċipji Gwida ta' Madrid biex jitwaqqaf il-fluss tal-ġellieda terroristi barranin;
   (n) jintensifika l-isforzi bl-iskop li jirreprimi r-reklutaġġ u jikkumbatti l-propaganda terroristika li ssir permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u mix-xbieki ta' predikaturi tal-mibegħda radikalizzati; isostni politiki ta' kontroradikalizzazzjoni u deradikalizzazzjoni b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti;
   (o) ikompli jaħdem man-NU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż l-użu tal-mekkaniżmi eżistenti maħsuba biex jidentifikaw l-individwi u l-organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi tal-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha u fl-istess ħin jiddefendu l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-proċess ġust u tal-istat tad-dritt;
   (p) iforni sostenn lit-Task Force tan-NU għall-Implimentazzjoni tal-Miżuri kontra t-Terroriżmu bil-għan li jiġu garantiti koordinament u koerenza fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu, bl-użu tar-riżorsi u tal-kompetenzi ta' 25 entità tas-sistema tan-NU u tal-Interpol, filwaqt li jitfakkar dejjem li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tintuża bħala pretest għar-repressjoni tad-dissens intern jew għall-ksur tad-drittijiet tal-popolazzjoni;
   (q) jippromwovi azzjoni internazzjonali koordinata biex tingħeleb it-theddida dejjem akbar rappreżentata mill-apparati esplożivi improvviżati (IED), partikolarment permezz tal-fehim aktar fil-fond tar-rabta bejn il-ġlieda kontra l-apparati esplożivi improvviżati u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, bl-użu tar-riżorsi u tal-kompetenzi tal-entitajiet tas-sistema tan-NU u tal-Interpol għal finijiet ta' eżekuzzjoni aktar effikaċi tal-liġi u ta' kooperazzjoni militari usa';
   (r) itenni, f'dan il-kuntest, in-neċessità ta' kombinazzjoni adegwata ta' sigurtà, eżekuzzjoni tal-liġi, drittijiet tal-bniedem u strumenti soċjoekonomiċi, li toffri soluzzjonijiet aktar idonei biex tiġi affrontata n-natura li qiegħda tinbidel tat-terroriżmu u tal-estremiżmu vjolenti rappreżentat minn organizzazzjonijiet bħal Daesh, al-Qaeda, Al-Shabaab, Boko Haram u oħrajn;
   (s) isostni kontribut akbar tal-UE fl-inizjattivi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet tan-NU fil-ġlieda kontra l-ġellieda barranin u kontra l-estremiżmu vjolenti;
  

Nonproliferazzjoni u diżarm

   (t) isostni l-isforzi tan-NU biex jipprevjenu atturi mhux statali u gruppi terroristiċi milli jiżviluppaw, jimmanifatturaw, jakkwistaw jew jittrasferixxu armi ta' qerda massiva u l-mezzi tagħhom u jikkontribwixxu għal rieżami komprensiv tar-riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà fl-2016; jinsisti fuq il-konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u fuq il-konklużjoni tal-proċess ta' ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tal-użu, il-ħażna, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u dwar il-qerda tagħhom; jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma miftuħ, bħala entità sussidjarja tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, bil-għan li jġib 'il quddiem in-negozjati multilaterali dwar id-diżarm nukleari, u li l-Istati Membri kollha tal-UE jieħdu sehem attiv fil-proċeduri tiegħu; jitlob lill-Membri tan-NU jieħdu miżuri attivi favur id-diżarm globali, u jieħdu kont dovut kemm tad-dimensjoni tas-sigurtà kif ukoll tad-dimensjonijiet umanitarji tal-armi nukleari;
   (u) iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw, fil-71 sessjoni, ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-effetti tal-użu tal-armi u munizzjon li jkun fihom uranju mfaqqar, u jiżviluppaw pożizzjoni komuni tal-UE li tirrifletti aħjar it-talbiet ripetuti tal-Parlament għal moratorju globali prekawzjonarju u l-iżvilupp ta' kunsens globali dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-persuni ċivili, il-piż kumpless tal-ġestjoni ta' skart radjuattiv ħwara l-kunflitt u l-ispejjeż finanzjarji assoċjati mal-użu ta' tali armi; jinkludu proġetti ta' valutazzjoni u għall-eliminazzjoni tal-uranju mfaqqar fl-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għall-azzjoni kontra l-mini;
   (v) jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jiffirmaw jew jaderixxu mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;
   (w) jaħdem favur azzjoni aktar effikaċi kontra d-devjazzjoni u l-kummerċ illeċitu ta' armi u munizzjon, inklużi armi ħfief u ta' kalibru żgħir, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' sistema ta' rintraċċar tal-armi;
   (x) jippromwovi risposta politika fuq livell globali dwar l-użu ta' drones armati, li jkollha l-għan li żżomm l-użu tagħhom strettament fi ħdan il-limiti tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jippromwovi projbizzjoni tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jaċċerta li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fid-djalogi kollha li jsiru mal-pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
   (y) ikompli jsostni l-isforzi li għaddejjin min-naħa tan-NU f'dak li huwa l-eżami tal-iżvilupp ta' normi għal imġiba responsabbli u sikura fiċ-ċiberspazju, inkluż qafas multilaterali kontra ċ-ċiberattakki, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali u tad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
  

Migrazzjoni

   (z) jippromwovi sostenn akbar għall-ħidma tal-UNHCR fl-implimentazzjoni tal-mandat internazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tar-rifuġjati, b'attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal; jevidenzja d-distakk wiesa' ta' finanzjament bejn il-ħtiġijiet baġitarji tal-UNHCR u l-fondi rċevuti u jitlob solidarjetà globali akbar; jitlob li jiżdied il-baġit ordinarju tan-NU biex jiġu ffinanzjati l-funzjonijiet prinċipali tal-UNHCR bil-għan li jiġi salvagwardjat il-funzjonament tiegħu;
   (aa) ifakkar li l-koerenza u l-koordinament imsaħħa huma meħtieġa bejn id-dimensjonijiet esterni u interni tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-aġendi tal-iżvilupp u l-affarijiet esterni;
   (ab) jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari billi jiġu miġġielda n-netwerks kriminali permezz ta' skambju f'waqtu u effikaċi ta' informazzjoni rilevanti ta' intelligence filwaqt li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; itejjeb il-metodi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġi rintraċċat, sekwestrat u rkuprat ir-rikavat tal-attivitajiet kriminali f'dan is-settur; jinsisti fil-livell tan-NU fuq l-importanza tar-ratifika u tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll dwar id-Dħul Klandestin ta' Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal; isostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti;
   (ac) isostni l-laqgħa plenarja ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-indirizzar ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti, skedata għad-19 ta' Settembru 2016, u jitlob li hija tikkonċentra fuq il-kawżi profondi tal-migrazzjoni, b'attenzjoni dovuta għall-qerda tal-faqar u r-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istabilità;
  

Drittijiet tal-bniedem, demokrazija u stat tad-dritt

   (ad) jenfasizza b'mod ċar u bis-saħħa li d-drittijiet tal-bniedem kollha miftiehma fl-ambitu tal-konvenzjonijiet tan-NU huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati u li r-rispett ta' dawn id-drittijiet irid jiġi infurzat; jiġbed l-attenzjoni għall-ksur u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappella għad-difiża tal-libertajiet ta' opinjoni u ta' espressjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' stampa ħielsa f'soċjetà sana, u r-rwol ta' kull ċittadin f'din tal-aħħar, u tad-difiża tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda;
   (ae) ikompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; isostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħabbrek b'mod attiv għar-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra l-minoranzi kommess mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh, kif ukoll għar-riferiment għand il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta' każijiet ta' suspetti ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju;
   (af) ikompli jippromwovi attivament l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; iħeġġeġ lin-NU jsostnu attivament l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u fil-programmi u jkomplu jsostnu l-ħidma tal-UN Women; isostni l-miżuri intiżi li jsaħħu r-rwol ta' tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jiġġieled kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom; jappella għar-revoka tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri tan-NU li hija fi ksur tad-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI); jilqa' favorevolment l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar id-drittijiet tal-LGBTI fl-2015; jappella lill-Istati Membri tan-NU jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata;
   (ag) jippromwovi d-drittijiet tat-tfal, partikolarment billi jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li t-tfal ikollhom aċċess għall-ilma, għas-sanità, għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, anki f'żoni ta' kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati, u biex jiġi eliminat it-tħaddim tat-tfal, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ ta' minorenni u l-isfruttament sesswali; isostni u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, sabiex jieqaf l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati, kif ukoll sabiex jiġi affrontat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u postkunflitt fuq in-nisa u l-bniet; isostni approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem rigward id-diżabilità f'sitwazzjonijiet ta' riskju u emerġenza, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;
   (ah) iħeġġeġ lill-Istati kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw malajr il-protokoll fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li jistabbilixxi l-mekkaniżmi ta' lment u inkjesta;
   (ai) jikkontribwixxi għall-eżitu pożittiv tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar il-kumpaniji transnazzjonali u l-impriżi l-oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; isostni aktar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem min-naħa tal-Istati Membri tan-NU; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; isostni l-Proġett ta' Responsabilità u Rimedju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem immirat biex isaħħaħ ir-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment fil-każijiet ta' abbużi maġġuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tal-impriżi; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem mal-entitajiet sportivi internazzjonali u nazzjonali;
   (aj) ikompli jiddefendi t-tolleranza żero rigward il-piena tal-mewt u jkompli jaħdem favur l-abolizzjoni universali tagħha, u jwitti t-triq għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt; jiddenunzja ż-żieda fis-sentenzi ta' mewt li ngħataw għal delitti relatati mad-drogi u jappella għall-esklużjoni tal-użu tal-piena kapitali għal tali delitti;
   (ak) ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali, meta teleġġi l-membri tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC), li tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; jappella għall-istabbiliment ta' kriterji ċari bbażati fuq ir-riżultati fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem biex kandidat isir membru tal-UNHRC, u, fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-UNHRC, jappella għal valutazzjoni tal-metodi ta' ħidma tal-Kunsill u tal-impatt tiegħu;
   (al) isaħħaħ il-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità għal min jikkommetti l-aktar delitti gravi li jolqtu l-komunità internazzjonali, li tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ta' ġenoċidju; jagħti sostenn politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; irawwem kooperazzjoni b'saħħitha mal-Qorti min-naħa tan-NU u l-organi u l-aġenziji tagħhom kif ukoll l-espansjoni tar-relazzjoni tagħha mal-Kunsill tas-Sigurtà; jappella għal riferiment, min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea quddiem l-QKI;
   (am) jimpenja ruħu f'dibattitu pubbliku u komprensiv mal-membri kollha tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bil-għan li jiddiskuti dwar l-importanza tar-rispett tal-limiti kostituzzjonali tal-mandati presidenzjali fid-dinja kollha;
   (an) jistieden lin-NU jimlew il-lakuni ġuridiċi tat-terminu "rifuġjat minħabba l-klima", inkluża l-eventwali definizzjoni internazzjonali;
  

Żvilupp

   (ao) jaħdem favur l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; iħabbrek għat-titjib tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri u jinkoraġġixxi u jsostni lill-pajjiżi biex jieħdu s-sjieda u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali biex jintlaħqu s-17-il għan; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jonoraw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-infiq għall-għajnuna għall-iżvilupp u jappella għall-adozzjoni ta' qafas sod ta' indikaturi u l-użu tad-data statistika biex timmonitorja l-progress u tiżgura l-obbligu ta' rendikont ta' kulħadd; jinsisti li l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli jmissu jsir l-korp deċiżjonali ewlieni kompetenti għall-garanzija ta' segwitu u rieżami tal-implimentazzjoni tal-SDGs u jippreżenta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 qabel il-Forum Politiku ta' Livell Għoli fl-2016;
   (ap) jiġi żgurat li l-acquis tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa bħala dritt bażiku uman ma jiġix imminat; jissaħħaħ l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, peress li din tikkontribwixxi għal tnaqqis tal-mortalità materna u tat-trabi; jiġi promoss l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, l-aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u l-aċċess għall-firxa kollha ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduuttiva bħala elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa u jgħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid jekk ikunu sfaw vittmi ta' stupru; li dawn il-politiki jitqiegħdu fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' pajjiżi terzi;
   (aq) jinsisti fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-koerenza politika għall-iżvilupp fi ħdan l-istrutturi ta' ħidma tan-NU sabiex ikun hemm integrazzjoni effikaċi tad-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli; jissottolinja l-importanza ta' sistema kummerċjali multilaterali universali, ibbażata fuq regoli, miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja, inklużiva u ekwa u l-ħtieġa ta' realizzazzjoni tal-konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tad-WTO; ifakkar li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr il-paċi, u lanqas il-paċi mingħajr l-iżvilupp, u jisħaq fuq l-importanza tal-SDG nru 16 dwar il-paċi, il-ġustizzja u l-governanza, li għandu jkun waħda mill-prijoritajiet fil-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jappella lin-NU jintegraw b'mod sistematiku l-bini tal-kapaċitajiet u tal-governanza tajba fl-istrateġiji tal-iżvilupp fit-tul tagħhom;
   (ar) jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni, min-naħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tar-riżoluzzjoni storika nru 68/304 tad-9 ta' Settembru 2014, li tirrikonoxxi d-dritt sovran ta' kull Stat li jirristruttura d-dejn sovran tiegħu, li ma għandux ikun imxekkel jew ostakolat minn kwalunkwe miżura li toħroġ minn Stat ieħor u innotat bi tħassib li s-sistema finanzjarja internazzjonali ma għandhiex qafas ġuridiku b'saħħtu għar-ristrutturar ordinat u prevedibbli tad-dejn sovran u li nediet proċess għall-adozzjoni ta' qafas ġuridiku multilaterali għall-proċessi ta' ristrutturar tad-dejn sovran; jappella lis-sistema tan-NU tappoġġa dan il-proċess bis-sħiħ; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod attiv f'dan il-proċess.
   (as) jiżviluppa approċċ ħafna aktar strateġiku u effiċjenti fil-konfront tal-aġenziji tan-NU, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni bil-għan li tiġi żgurata viżibilità akbar tal-għajnuna tal-UE fil-post;
   (at) jintervjeni attivament biex titjieb il-governanza politika fl-ambitu tal-iżvilupp sostenibbli permezz tat-tisħiħ tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), u jilqa' l-proposta biex tiġi stabbilita Qorti Kriminali Internazzjonali għar-reati ambjentali bil-għan li tiġi rispettata l-legiżlazzjoni ambjentali b'mod aktar effikaċi fid-dinja kollha;
   (au) jaħdem favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fiskali internazzjonali, billi jagħti appoġġ għall-ħolqien ta' korp fiskali internazzjonali fi ħdan is-sistema tan-NU; jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil ta' flus bis-saħħa ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni fuq skala dinjija dwar kwisjonijiet relatati mat-taxxa u tal-ħolqien ta' lista sewda globali komuni tar-rifuġji fiskali;
   (av) iniedi pjan globali għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, bil-għan li jiġi evitat tixrid ulterjuri ta' superbatterji reżistenti;
  

Tibdil fil-klima

   (aw) jiżgura li l-UE tibqa' fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tkompli tikkoopera ulterjorment man-NU f'dan il-qasam; jiżgura l-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet meħudin waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015 f'Pariġi;
  

L-UE u r-riforma tas-sistema tan-NU

   (ax) isostni riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-bażi ta' kunsens wiesa', bil-għan li r-realtà dinjija l-ġdida tkun riflessa aħjar u li jiġi żgurat li l-Kunsill ikun kapaċi jittratta b'mod effikaċi t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jaħdem favur l-għan fit-tul li l-UE jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà tan-NU riformat; iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jastjenu milli jirrikorru għad-dritt ta' veto tagħhom f'każijiet li fihom ikunu qegħdin jiġu kommessi delitti kontra l-umanità;
   (ay) jippromwovi r-rivitalizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali, u l-koordinament u l-koerenza mtejba tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet kollha tan-NU, li għandha ssaħħaħ l-effiċjenza, l-effikaċja, il-leġittimità, it-trasparenza, ir-responsabilità, il-kapaċità u r-rappreżentattività tas-sistema; jappoġġa u jibni fuq aktar trasparenza fil-proċess tal-għażla tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jmiss, bil-preżentazzjonijiet tal-kandidati li jsiru fi ħdan l-Assemblea Ġenerali; matul l-għażla u l-ħatra tal-aħjar kandidat, jippromwovi opportunitajiet indaqs u ġusti bbażati fuq bilanċ tal-ġeneru u ġeografiku u jsostni l-għażla ta' mara bħala s-Segretarju Ġenerali li jmiss jekk il-kandidati jkollhom kwalifiki straordinarji simili;
   (az) jiżgura li, fid-dawl tar-rapport tal-2015 tan-NU u tal-akkużi reċenti ta' vjolenza sesswali fuq it-tfal kontra t-truppi Franċiżi u tan-NU fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, in-NU, l-Istati Membri tal-UE u l-organi tal-PSDK tal-UE jinvestigaw, iħarrku u jikkundannaw, mingħajr dewmien u bil-mod l-aktar qawwi possibbli, kwalunkwe membru tal-persunal tan-NU u ta' organizzazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej li kkommetta atti ta' vjolenza sesswali;
   (ba) jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet ta' sorveljanza rispettivi tas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment l-Uffiċċju tas-Servizzi ta' Sorveljanza Interna (OIOS), il-Kumitat Konsultattiv Indipendenti għall-Awditjar (IAAC) u l-Kumitat tal-Awditjar (BoA), bil-għan li tiżdied it-trasparenza u l-fehim reċiproku fil-qasam tal-finanzjament u tal-funzjonament;
   (bb) jistabbilixxi sistema effiċjenti ta' protezzjoni tal-informaturi tan-NU;
   (bc) iħejji kodiċi ta' kondotta vinkolanti li jobbliga lid-detenturi ta' kariga jżommu l-imparzjalità, kif stabbilit mil-linji gwida tan-NU għal medjazzjoni effikaċi, fid-dawl tal-każ reċenti ta' kunflitt ta' interessi tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU fil-Libja;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) A/RES/65/276 tat-3 ta' Mejju 2011.
(2) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 56.
(3) ĠU C 45, 5.2.2016, p. 89.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0259.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0403.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0020.
(7) Testi adottati, P8_TA(2014)0013.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0073.
(10) EEAS 01024/12, dokument tal-Kunsill 11216/12.
(11) EEAS 458/15, dokument tal-Kunsill 7632/15.

Avviż legali - Politika tal-privatezza