Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2090(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0246/2016

Testi mressqa :

A8-0246/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2016 - 4.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0322

Testi adottati
PDF 253kWORD 49k
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2016 - Strasburgu
Rapport interim dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
P8_TA(2016)0322A8-0246/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (2016/2090(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu (UE) 2016/34 tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 198 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (A8-0246/2016),

A.  billi l-Artikolu 226 tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika għat-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta temporanju min-naħa tal-Parlament Ewropew biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni, u billi dan jikkostitwixxi element importanti tas-setgħat superviżorji tal-Parlament;

B.  billi, abbażi ta' proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, fis-17 ta' Diċembru 2015 il-Parlament iddeċieda li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-allegati fallimenti fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, u li l-Kumitat kien se jagħmel kull rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa f'dik il-kwistjoni;

C.  billi l-Kumitat ta' Inkjesta jopera skont pjan ta' ħidma li jinkludi:

   programm ta' seduti ta' smigħ ta' xhieda u esperti bil-għan li tinġabar evidenza orali rilevanti;
   talbiet għal evidenza bil-miktub mix-xhieda u l-esperti mistiedna għas-seduti ta' smigħ;
   talbiet għal dokumenti bil-għan li tinġabar evidenza rilevanti bil-miktub mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn atturi rilevanti oħrajn;
   żewġ missjonijiet biex tinġabar informazzjoni fuq il-post;
   dokumenti ta' tgħarrif u studji kkummissjonati skont il-baġit għall-għarfien espert;
   opinjoni formali bil-miktub mis-Servizz Legali tal-Parlament fir-rigward ta' stedina lil mistednin li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti ġuridiċi biex jixhdu;

D.  billi l-Kumitat ta' Inkjesta bagħat diversi kwestjonarji lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lil korpi oħrajn, u ħareġ sejħa pubblika għal evidenza fuq is-sit web tiegħu;

E.  billi r-riżultati tal-investigazzjoni li għadha għaddejja jistgħu jġibu valur miżjud lill-qafas ta' approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni;

F.  billi fid-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015, il-Parlament talab lill-Kumitat ta' Inkjesta jippreżenta rapport interim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma tiegħu;

G.  billi n-natura ta' Kumitat ta' Inkjesta żżommu milli jressaq kwalunkwe konklużjoni finali li toħroġ mill-investigazzjonijiet tiegħu qabel ma l-Kumitat iqis li l-mandat tiegħu jkun tlesta; billi, għalhekk, ikun prematur li l-Kumitat jippreżenta kwalunkwe osservazzjoni dwar id-diversi aspetti tal-mandat tiegħu f'dan ir-rapport interim;

H.  billi l-evidenza orali u bil-miktub ippreżentata u eżaminata mill-Kumitat sal-lum tikkonferma l-bżonn li jiġu investigati aktar il-punti kollha msemmija fil-mandat tiegħu;

1.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Inkjesta jkompli bix-xogħol tiegħu u jimplimenta b'mod sħiħ il-mandat mogħti lilu mill-Parlament fid-Deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015, u jappoġġja l-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha li jwasslu għat-twettiq ta' dan il-mandat;

2.  Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau jappoġġjaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-Kumitat ta' Inkjesta jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu, b'mod partikolari rigward l-awtorizzazzjoni ta' seduti u laqgħat straordinarji, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-esperti u tax-xhieda, il-missjonijiet u mezzi tekniċi oħra li huma debitament ġustifikati;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ fil-ħin u trasparenza sħiħa fl-assistenza mogħtija lill-Kumitat ta' Inkjesta fil-ħidma tiegħu, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, u tipprovdi kull appoġġ tekniku u politiku, b'mod partikolari permezz ta' sottomissjoni aktar rapida tad-dokumentazzjoni mitluba; jistenna kooperazzjoni sħiħa mill-Kummissarji u d-Direttorati Ġenerali rilevanti attwali kif ukoll minn dawk li kienu responsabbli matul il-mandati preċedenti; jitlob lill-Istati Membri, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, sabiex jagħtu lill-Kumitat ta' Inkjesta l-appoġġ tekniku u politiku meħtieġ, b'mod partikolari billi jippermettu lill-Kummissjoni tippreżenta aktar malajr id-dokumenti li jkunu ntalbu u, jekk is-sottomissjoni tad-dokumenti teħtieġ il-kunsens tal-Istati Membri, iħaffu l-proċeduri interni tagħhom għall-għoti ta' dan il-kunsens;

4.  Jitlob li l-gvernijiet, il-parlamenti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jassistu lill-Kumitat ta' Inkjesta fil-kompiti tiegħu b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit fid-dritt tal-Unjoni;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 113, 19.5.1995, p. 2.
(2) ĠU L 10, 15.1.2016, p. 13.

Avviż legali - Politika tal-privatezza