Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2237(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0229/2016

Testi mressqa :

A8-0229/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2016 - 4.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0323

Testi adottati
PDF 336kWORD 49k
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2016 - Strasburgu
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' István Ujhelyi
P8_TA(2016)0323A8-0229/2016

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' István Ujhelyi (2015/2237(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' István Ujhelyi, ifformulata mill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Pest (l-Ungerija) fid-deċiżjoni tagħha tas-26 ta' Novembru 2014 b'rabta mal-proċedimenti kriminali pendenti quddiem dik il-qorti, li ġiet imressqa mir-Rappreżentant Permanenti tal-Ungerija fil-15 ta' Lulju 2015, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-7 ta' Settembru 2015,

–  wara li sema' lil István Ujhelyi fit-28 ta' Jannar 2016, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10(2) tal-Att Ungeriż LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 74(3) u 79(2) tal-Att Ungeriż XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1), u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0229/2016),

A.  billi l-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Pest talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membri tal-Parlament Ewropew, István Ujhelyi, b'rabta mal-proċedimenti quddiemha;

B.  billi t-talba tal-qorti tirrigwarda proċedimenti kriminali għar-reat ta' diffamazzjoni b'rabta mad-dikjarazzjonijiet magħmula minn István Ujhelyi fil-25 ta' April 2014 dwar individwu fl-Ungerija;

C.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

D.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament tagħhom;

E.  billi skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament huma intitolati għal immunità u remunerazzjoni bil-għan li tiġi promossa l-indipendenza tagħhom;

F.  billi skont l-Artikolu 10(1) tal-Att Ungeriż LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, tali Membru għandu jkollu l-istess grad ta' immunità bħal dak li jgawdu minnu l-Membri tal-Parlament Ungeriż;

G.  billi skont l-Artikolu 74(3) tal-Att Ungeriż XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, talba għat-tneħħija tal-immunità għandha titressaq lill-Ispiker mill-prosekutur ġenerali qabel it-tressiq tal-akkuża jew mill-qorti wara t-tressiq tal-akkuża;

H.  billi skont l-Artikolu 79(2) tal-Att Ungeriż XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, persuna rreġistrata bħala kandidata fl-elezzjoni tal-Membri għandha tgawdi mill-istess immunità, u għalhekk id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-25 ta' April 2014 jistgħu jkunu koperti mill-immunità assoluta tal-Parlament Ungeriż, bid-differenza li kull tneħħija ta' immunità għandha tiġi determinata mill-Kumitat Elettorali Nazzjonali u kull talba għat-tneħħija ta' immunità tiġi ppreżentata lill-President tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali;

I.  billi d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni saru fil-25 ta' April 2014, fi żmien meta István Ujhelyi ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew, iżda membru tal-Parlament Nazzjonali;

J.  billi l-akkużi kontra István Ujhelyi ma jikkonċernawx opinjoni espressa jew vot mixħut minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala membru tal-Parlament Ewropew u billi l-immunità assoluta prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 mhijiex għalhekk applikabbli;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' István Ujhelyi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti fl-Ungerija.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza