Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħatra proposta ta' Lazaros Stavrou Lazarou bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0190/2016 – 2016/0807(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0190/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0258/2016),
A. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi, waqt il-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Settembru 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Lazaros Stavrou bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.