Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2058(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0232/2016

Testi mressqa :

A8-0232/2016

Dibattiti :

PV 12/09/2016 - 18
CRE 12/09/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2016 - 4.15
CRE 13/09/2016 - 4.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0334

Testi adottati
PDF 361kWORD 75k
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2016 - Strasburgu
Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ
P8_TA(2016)0334A8-0232/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ (2016/2058(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq f'Diċembru 2015 fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ" (COM(2016)0051),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija sal-2030,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8–0232/2016),

A.  billi kważi 50 % tad-domanda finali għall-enerġija tal-UE hija użata għat-tisħin u t-tkessiħ, li minnha 80 % tintuża fil-bini; billi s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jirrifletti l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21); billi settur tat-tisħin u t-tkessiħ kompatibbli mal-għanijiet tal-enerġija u l-klima tal-UE jeħtieġ li jkun ibbażat 100 % fuq is-sorsi rinnovabbli sal-2050, li jista' jinkiseb biss billi nnaqqsu l-konsum tagħna tal-enerġija u nużaw bis-sħiħ il-prinċipju "l-effiċjenza fl-enerġija: l-ewwel karburant";

B.  billi kull żieda ta' 1 % fi ffrankar tal-enerġija tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass bi 2.6 %(5);

C.  billi għandu jsir sforz akbar kemm biex titnaqqas id-domanda għat-tisħin tal-bini kif ukoll biex id-domanda li jifdal ma sserraħx fuq il-ħruq tal-fjuwils fossili impurtati f'bojlers individwali iżda jsiru għażliet ta' tisħin u tkessiħ sostenibbli skont l-objettivi tal-UE 2050;

D.  billi l-binjiet jirrappreżentaw sehem kbir ħafna mit-total tal-konsum finali tal-enerġija, u billi livell ogħla ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini u programmi ta' rispons għad-domanda jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jibbilanċjaw id-domanda għall-enerġija u biex jissodisfaw l-ogħla domanda, u jwasslu sabiex titnaqqas il-kapaċità żejda u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni, dawk operazzjonali u tat-trasport;

E.  billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli qed jiżdied bil-mod (u kien jammonta għal 18 % tal-provvista tal-enerġija primarja fl-2012), iżda għad hemm potenzjal kbir ħafna fil-livelli kollha, u billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u tal-enerġija tas-sħana rkuprata fit-tisħin u t-tkessiħ fl-Istati Membri għandu jiżdied;

F.  billi s-suq tal-UE tat-tisħin u t-tkessiħ huwa fframmentat minħabba n-natura lokali tiegħu, u t-teknoloġiji u l-atturi ekonomiċi differenti involuti; billi d-dimensjonijiet lokali u reġjonali huma essenzjali biex jiġu stabbiliti l-aħjar politiki għat-tisħin u t-tkessiħ, fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' infrastruttura għat-tisħin u t-tkessiħ u fil-konsultazzjoni mal-konsumaturi biex jitneħħew l-ostakoli u sabiex it-tisħin u t-tkessiħ isiru iktar effiċjenti u sostenibbli;

G.  billi l-bijomassa tirrappreżenta 89 % tat-total tal-konsum tat-tisħin rinnovabbli tal-UE u 15 % tat-total tal-konsum tat-tisħin tal-UE u għandha potenzjal kbir biex tkompli tagħti aktar soluzzjonijiet sinifikanti u kosteffikaċi għal-domanda tat-tisħin li qed tikber;

H.  billi t-tisħin u t-tkessiħ huwa eżempju eċċellenti tal-bżonn ta' approċċ olistiku u bbażati fuq sistemi integrati għal soluzzjonijiet tal-enerġija, li jinkludu approċċi orizzontali għad-disinn tas-sistema tal-enerġija u għal-ekonomija usa';

I.  billi s-sehem ta' 75 % tal-enerġija primarja mill-fjuwils fossili fit-tisħin u t-tkessiħ għadu għoli ferm u jirrapreżenta ostaklu ewlieni għad-dekarbonizzazzjoni, u b'hekk jaċċellera t-tibdil fil-klima u jikkawża ħsara sinifikanti lill-ambjent; billi s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, u s-sussidji għall-użu tal-fjuwils fossili f'dan is-settur għandhom jitneħħew gradwalment, b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013, skont il-kundizzjonijiet lokali;

J.  billi huwa stmat li l-ammont ta' sħana prodotta mill-proċessi industrijali u proċessi kummerċjali oħra, li mbagħad tiġi moħlija fl-atmosfera jew fl-ilma (minflok li tintuża b'xi mod produttiv) huwa biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet tat-tisħin kollha tal-UE f'binjiet residenzjali u terzjarji;

K.  billi s-settur tal-binji jemetti madwar 13 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 fl-UE;

L.  billi l-użu ta' sistemi progressivi u effiċjenti ta' tisħin jew ta' tkessiħ fil-binjiet għandu jimxi id f'id ma' proċess komplut ta' iżolazzjoni termali b'mod omoġenju, u b'hekk inaqqas id-domanda għall-enerġija u l-ispejjeż għall-konsumaturi u jagħti kontribut biex jittaffa l-faqar enerġetiku kif ukoll biex jinħolqu impjiegi kwalifikati fil-livell lokali;

M.  billi l-miżuri għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u integrata għat-tisħin u t-tkessiħ fl-Unjoni tal-Enerġija, jekk ikunu implimentati b'mod korrett, joffru opportunitajiet sinifikanti għan-negozji u l-konsumaturi fl-UE, f'termini tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija globali għall-industrija, jagħtu spinta lill-kompetittività u permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jiffrankaw;

N.  billi l-oqfsa regolatorji tal-UE jservu biex jenfasizzaw l-objettivi wesgħin, iżda huwa essenzjali li jkun hemm progress reali fit-trasformazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ bħala parti minn riforma usa' tas-sistema tal-enerġija;

O.  billi l-għan tal-ottimizzazzjoni tar-rwol tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment tal-elettriku, fil-grilja tal-enerġija globali permezz ta' integrazzjoni aħjar mal-applikazzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ u t-trasport, jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija, inaqqas il-kontijiet tal-enerġija għall-familji u jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE;

P.  billi l-aktar mod effettiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet konġunti huwa li jingħataw is-setgħa u l-appoġġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien mal-partijiet interessati rilevanti kollha, biex ikun applikat approċċ ibbażat fuq sistemi kompletament integrati għall-ippjanar urban, l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-bini u r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-binjiet u l-iżvilupp industrijali ġdid, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-kollegamenti, tal-effiċjenzi u ta' benefiċċji reċiproċi oħra;

Q.  billi l-effiċjenza fl-enerġija tal-binjiet tiddependi wkoll fuq l-użu ta' sistemi tal-enerġija adegwati; billi l-prinċipji ta' "l-ewwel l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija" u ta' "l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bħala l-ewwel fjuwil" għandhom jiġu rispettati fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

R.  billi objettivi ambizzjużi għal rinnovazzjoni profonda tal-istokk tal-binjiet eżistenti joħolqu miljuni ta' impjiegi Ewropej, speċjalment fl-SMEs, iżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jkollhom rwol vitali sabiex jiżguraw li l-konsum tal-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ ikun minimizzat;

S.  billi l-arkitettura, l-ippjanar urban, id-densità tad-domanda tal-flussi ta' sħana u d-diversità taż-żoni klimatiċi Ewropej u t-tipi ta' binjiet għandhom jitqiesu fl-ippjanar ta' binjiet pubbliċi u residenzjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b'emissjonijiet baxxi;

T.  billi hemm potenzjal enormi mhux sfruttat għall-użu tas-sħana residwa u tas-sistemi ta' tisħin distrettwali, peress li s-sħana żejda disponibbli fl-Ewropa hija ogħla mid-domanda totali għal sħana fil-binjiet Ewropej kollha, u l-fatt li 50 % tat-total tad-domanda għat-tisħin tal-UE jista' jiġi pprovdut permezz tat-tisħin distrettwali;

U.  billi proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f'żoni, speċjalment fil-bliet, fejn l-istandards tal-kwalità tal-arja ma jiġux irrispettati;

V.  billi t-tisħin u t-tkessiħ huma mistennija li jibqgħu l-akbar għejun tad-domanda għall-enerġija fl-Ewropa, u billi l-gass naturali u l-LPG huma użati ħafna biex tintlaħaq din id-domanda u l-użu tagħhom jista' jkun ottimizzat permezz tal-ħżin tal-enerġija b'effiċjenza għolja; billi d-dipendenza kontinwa fuq il-fjuwil fossili tmur kontra l-obbligi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u l-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni;

W.  billi bħalissa hemm differenzi kbar fl-ispiża annwali fuq l-enerġija għal skopijiet ta' tisħin bejn id-diversi żoni klimatiċi fl-Ewropa, b'medja ta' 60 sa 90 kWh/m2 fil-pajjiżi Ewropej tan-Nofsinhar u 175 sa 235 kWh/m2 fl-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana;

X.  billi l-użu ta' soluzzjonijiet ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti għandu potenzjal sinifikanti biex jistimula l-iżvilupp tas-setturi industrijali u tas-servizzi Ewropej, partikolarment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, u l-ħolqien ta' valur miżjud ogħla fir-reġjuni remoti u rurali;

Y.  billi l-enerġija saret assi soċjali, li l-aċċess għaliha irid ikun garantit; billi, madankollu, mhux iċ-ċittadini kollha jista' jkollhom aċċess għall-enerġija, minħabba li hemm iktar minn 25 miljun persuna fl-Ewropa li għandhom diffikultajiet serji biex jagħmlu dan;

Z.  billi l-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija għandhom jiffokaw fuq l-aktar modi kosteffettivi biex itejbu r-rendiment tal-bini billi jnaqqsu d-domanda għat-tisħin u/jew jikkollegaw il-binjiet ma' alternattivi b'effiċjenza għolja;

AA.  billi l-livell baxx ta' għarfien fost il-konsumaturi dwar in-nuqqas ta' effikaċja tas-sistemi ta' tisħin huwa wieħed mill-fatturi li għandhom l-akbar impatt fuq il-kontijiet tal-enerġija;

AB.  billi d-djar li jkollhom iżolazzjoni termali tajba huma ta' benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-utent, li jgawdi minn kontijiet irħas tal-enerġija;

AC.  billi 72 % tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ minn djar għal familja b'persuna waħda qed tiġi kkunsmata f'żoni urbani jew intermedji;

AD.  billi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħall-veġetazzjoni tat-triq iddisinjata sew, soqfa u ħitan ekoloġiċi li jipprovdu iżolazzjoni u dell għall-bini, inaqqsu d-domanda għall-enerġija billi jillimitaw il-ħtieġa għat-tisħin u għat-tkessiħ.

AE.  billi 85 % tal-enerġija kkunsmata fil-bini hija użata għat-tisħin ta' spazju u għall-produzzjoni ta' ilma sħun u 45 % tat-tisħin u tat-tkessiħ fl-UE jintuża fis-settur residenzjali;

AF.  billi l-industrija, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, għandha rwol importanti x'taqdi f'użu aħjar tat-tisħin u t-tkessiħ residwi;

AG.  billi, bħala medja, l-Ewropej jonfqu 6 % tan-nefqa fuq il-konsum tagħhom fuq it-tisħin u t-tkessiħ u 11 % ma jistgħux jaffordjaw li jżommu d-djar tagħhom sħan biżżejjed fix-xitwa;

AH.  billi s-settur tat-tkessiħ għad irid jiġi analizzat b'mod aktar bir-reqqa, kif ukoll jiġi kkunsidrat aktar, fl-istrateġija tal-Kummissjoni u fil-politiki tal-Istati Membri;

AI.  billi huwa importanti li jiġu promossi studji dwar l-iffrankar tal-enerġija f'binjiet storiċi sabiex jiġi ottimizzat ir-rendiment tal-enerġija, fejn ikun possibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-wirt kulturali jkun imħares u salvagwardjat;

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ” bħala pass importanti biex jingħata approċċ olistiku li jittrasforma t-tisħin u t-tkessiħ fl-Unjoni Ewropea, u li jidentifika oqsma prijoritarji ta' azzjoni; japprova bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi u tisfrutta s-sinerġiji bejn is-setturi tal-elettriku u tat-tisħin, bil-għan li tikseb settur effiċjenti li jżid is-sigurtà tal-enerġija u jiffaċilita l-kisba kosteffettiva tal-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ bħala parti mit-tfassil tas-suq Ewropew tal-enerġija;

2.  Jirrimarka l-ħtieġa li jittieħdu flimkien miżuri speċifiċi għat-tisħin u t-tkessiħ meta tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (2012/27/UE), id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE) u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2010/31/UE);

3.  Iqis li l-Istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ għandha tikkunsidra dawn iż-żewġ neċessitajiet b'mod indaqs, billi tqis li l-Ewropa għandha żoni klimatiċi differenti u li l-ħtiġijiet f'termini ta' użu tal-enerġija jvarjaw skont il-każ;

4.  Jenfasizza li l-istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ għandha tagħti prijorità lil soluzzjonijiet sostenibbli u kosteffiċjenti li jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE; jinnota li s-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ tal-Istati Membri jvarjaw ħafna minħabba d-differenzi fit-taħlitiet tal-enerġija tagħhom, fil-kundizzjonijiet tal-klima, fl-effiċjenza tal-istokk tal-bini u l-intensità tal-industrija, u jenfasizza, għalhekk, li għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà fl-għażla ta' strateġija ta' soluzzjonijiet adegwati;

5.  Jappella biex jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali strateġiji sostenibbli għat-tisħin u t-tkessiħ li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sħana u l-enerġija kkombinati, lill-koġenerazzjoni, lit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, ibbażati preferibbilment fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif dikjarat fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija;

6.  Jinnota li effiċjenza għolja fl-enerġija, iżolazzjoni termali ta' prestazzjoni għolja u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' sħana rkuprata huma prijoritajiet fundamentali għal-istrateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ; iqis, għalhekk, li l-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" għandu jkun irrispettat, billi l-effiċjenza fl-enerġija tirrappreżenta waħda mill-ogħla rati ta' redditu finanzjarju kif ukoll waħda mill-aktar rapidi disponibbli u hija parti essenzjali tal-istrateġija biex tinkiseb tranżizzjoni b'suċċess lejn settur tat-tisħin u tat-tkessiħ sikur, reżiljenti u intelliġenti;

7.  Jinnota li sistema ta' enerġija aktar deċentralizzata u flessibbli, b'sorsi ta' enerġija u ta' sħana mqiegħda eqreb lejn il-punt tal-konsum, tista' tiffaċilita l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija u b'hekk tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u l-komunitajiet biex ikunu aktar involuti fis-suq tal-enerġija u jikkontrollaw l-użu tagħhom tal-enerġija, kif ukoll tippermettilhom isiru parteċipanti attivi fir-rispons għad-domanda; huwa tal-fehma li aktar ma tkun qasira l-katina li permezz tagħha l-enerġija primarja tiġi konvertita f'forom oħrajn biex tiġġenera sħana li tista' tintuża, aktar tkun effiċjenti l-enerġija tas-sistema tal-enerġija ġenerali; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li tali approċċ inaqqas it-telf mit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, ittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija, u simultanjament jipprovdi opportunitajiet ta' negozju lokali għall-SMEs;

8.  Jenfasizza l-komplementarjetajiet bejn il-leġislazzjoni dwar l-ekodisinn u dik dwar it-tikkettar tal-enerġija, fuq naħa waħda, u d-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini, min-naħa l-oħra, sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tisħin u tat-tkessiħ; iqis li l-apparat domestiku (magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, dishwashers, eċċ) għandhom ikunu l-aktar effiċjenti possibbli u jiġu ddisinjati b'tali mod li jkunu jistgħu jużaw il-provvista tal-ilma sħun fil-post fejn huma installati; jemmen, għalhekk, li l-politiki ta' rekwiżiti dwar l-ekodisinn u dwar it-tikketti tal-enerġija għandhom jiġu riveduti u mtejba regolarment, sabiex jinkiseb iffrankar addizzjonali tal-enerġija u titjieb il-kompetittività, permezz ta' prodotti aktar innovattivi u spejjeż tal-enerġija mnaqqsa;

9.  Ifakkar li t-tisħin u t-tkessiħ jikkostitwixxu l-akbar sehem tad-domanda għall-enerġija tal-UE; jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika bejn is-sorsi rinnovabbli attwalment disponibbli u l-inċentivi bbażati fuq is-suq u fuq l-istat fit-tranżizzjoni lejn provvista tal-enerġija sikura u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas favorevoli għall-kerrejja u dawk li jgħixu f'bini b'ħafna abitazzjonijiet, biex huma jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-awtoġenerazzjoni u l-konsum ta' tisħin u tkessiħ rinnovabbli u minn miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, u b'hekk jiġu indirizzati l-isfidi ta' inċentivi maqsuma u regoli tal-kera li xi drabi jistgħu jkunu restrittivi;

11.  Jenfasizza r-rwol fundamentali tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-użu ta' bijomassa sostenibbli, ta' enerġija aerotermali, ġeotermali u solari, u taċ-ċelloli fotovoltajċi f'kombinazzjoni ma' batteriji elettriċi, biex isaħħnu l-ilma u jipprovdu tisħin u tkessiħ fil-bini, konġuntament ma' faċilitajiet ta' ħżin termali li jistgħu jintużaw biex jikkumpensaw fuq bażi ta' kuljum jew fuq livell staġjonali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi għall-promozzjoni u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-direttivi attwali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini, inklużi r-rekwiżiti tal-nZEB (Nearly Zero Energy Buildings - Binjiet b'Konsum tal-Enerġija Kważi Żero) u l-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi mmobilizzat biżżejjed investiment għall-modernizzazzjoni tal-istokkijiet tal-bini tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta viżjoni għall-UE kollha tal-istokk ta' nZEB sal-2050;

12.  Iqis li l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal-enerġija fl-UE fil-parti l-kbira jikkonċernaw is-sigurtà tal-provvista tat-tisħin; iqis, għalhekk, li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija hija ta' importanza kbira u jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi biex tkompli tappoġġja u taċċellera aktar l-użu ta' teknoloġiji tat-tisħin rinnovabbli;

13.  Iqis li l-użu ta' riżorsi ta' mmappjar għal finijiet ta' tisħin, soluzzjonijiet arkitettoniċi xierqa, l-aħjar prattiki għall-ġestjoni tal-faċilitajiet u prinċipji tad-disinn urban, inklużi soluzzjonijiet tan-netwerk fil-livell urban bħat-tisħin u t-tkessiħ urban, fl-ippjanar ta' żoni residenzjali u kummerċjali sħaħ għandu jkun il-bażi għal kostruzzjoni effiċjenti fl-enerġija u b'emissjonijiet baxxi fid-diversi żoni klimatiċi fl-Ewropa; jenfasizza li bini mibni b'materjal b'iżolazzjoni tajba għandu livell għoli ta' kapaċità ta' ħażna termali, li jirriżulta f'iffrankar sinifikanti għat-tisħin u għat-tkessiħ;

14.  Jenfasizza li d-domanda għall-enerġija fis-settur tal-bini hija responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE u terz tal-użu tal-gass naturali, u tista' titnaqqas b'sa tliet kwarti jekk ir-rinnovazzjoni tal-bini titħaffef; jenfasizza li 85 % ta' dan il-konsum tal-enerġija jintuża għat-tisħin u l-ilma sħun domestiku, u li għaldaqstant, il-modernizzazzjoni ta' sistemi tat-tisħin qodma u ineffiċjenti, użu akbar tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, użu aħjar ta' "sħana residwa" permezz ta' sistemi tat-tisħin distrettwali effiċjenti ħafna, u rinnovazzjoni fil-fond tal-bini permezz ta' iżolazzjoni termali mtejba, għadhom ferm importanti għal approċċ iktar sigur u sostenibbli għall-provvista tas-sħana; jirrakkomanda li jitkomplew jiżdiedu l-standards tal-effiċjenza tal-enerġija għall-bini, bil-kunsiderazzjoni u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni teknika, partikolarment biex tkun żgurata l-omoġeneità tal-iżolazzjoni; jirrakkomanda wkoll li jitkomkla l-appoġġ għall-kostruzzjoni ta' nZEB;

15.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji fit-tul tat-tisħin u t-tkessiħ ibbażati fuq approċċ integrat, immappjar armonizzat u l-valutazzjoni magħmula skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija; jenfasizza li l-istrateġija għandha tidentifika l-oqsma ta' prijorità għal intervent u tippermetti l-ottimizzazzjoni tal-ippjanar urban tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri f'dan l-eżerċizzju billi telabora gwida ġenerali għal strateġiji nazzjonali dwar it-tisħin u t-tkessiħ;

16.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-effett ekonomiku ta' rinnovazzjoni u tal-iżolazzjoni tal-bini, li sikwit jirriżulta fi spejjeż tat-tisħin u t-tkessiħ sa 50 % anqas, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kofinanzjament adegwat għal inizjattivi mmirati lejn ir-rinnovazzjoni tad-djar u l-blokki ta' appartamenti pubbliċi b'livelli baxxi ta' effiċjenza tal-enerġija;

17.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa ġabra ta' miżuri sabiex tiffaċilita r-rinovazzjoni f'binjiet b'ħafna appartamenti; iqis li għandhom ikunu żviluppati għodod armonizzati u komprensivi anki fl-ippjanar tal-enerġija tal-ibliet li jippermettu l-identifikazzjoni tal-potenzjal lokali tat-tisħin u t-tkessiħ, rinnovazzjoni mtejba u integrata tal-bini, u l-iżvilupp ta' infrastruttura għat-tisħin u t-tkessiħ;

18.  Itenni l-importanza li jiġu żviluppati skemi tal-UE li jipprovdu inċentivi għal modifiki retroattivi effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-binjiet, djar pubbliċi u djar soċjali, u għall-kostruzzjoni ta' bini ekoloġiku ġdid, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi;

19.  Jenfasizza l-karattru lokali u l-potenzjal tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw aktar termomodernizzazzjoni permezz tar-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi, kummerċjali u residenzjali eżistenti b'livell baxx ta' prestazzjoni tal-enerġija; jenfasizza l-importanza ta' movimenti bħall-Patt tas-Sindki, li jippermettu l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir immappjar tal-potenzjal lokali tat-tisħin u t-tkessiħ madwar l-Ewropa, sabiex il-bliet ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar ir-riżorsi lokalment disponibbli, li jippermettulhom jikkontribwixxu biex tiżdied l-indipendenza fl-enerġija tal-UE, tingħata spinta lit-tkabbir u l-kompetittività permezz tal-ħolqien ta' impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu esternalizzati, u tiġi pprovduta enerġija nadifa u bi prezz affordabbli għall-konsumaturi;

21.  Jitlob lill-awtoritajiet lokali jivvalutaw il-potenzjal ta' tisħin u tkessiħ eżistenti kif ukoll il-ħtiġijiet tat-tisħin u t-tkessiħ fil-ġejjieni, filwaqt li jqisu l-potenzjal ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli disponibbli lokalment, l-enerġija termali mill-koġenerazzjoni u l-volumi tat-tisħin distrettwali;

22.  Jemmen li għandha titwaqqaf sistema ta' finanzjament attraenti għall-unitajiet domestiċi li jinsabu barra minn żoni b'sistemi ċentralizzati ta' tisħin u tkessiħ, biex jiġu promossi teknoloġiji ġodda għat-tisħin tad-djar bl-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali jindirizzaw il-problemi speċifiċi tal-bini f'inħawi rurali, li għandu t-tendenza jkun aktar antik, anqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija, anqas ta' benefiċċju għas-saħħa, u li għandu t-tendenza li jipprovdi anqas kumdità termali;

24.  Iqis li aktar ma tkun qasira l-katina li permezz tagħha l-enerġija primarja tiġi konvertita f'forom oħra biex tiġi ġġenerata sħana li tista' tintuża, aktar ikun hemm effiċjenza fl-enerġija, u, filwaqt li jqis il-medda wiesgħa ta' kundizzjonijiet klimatiċi u oħrajn tal-Unjoni, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi strumenti teknoloġikament newtrali li jippermettu lil kull komunità tiżviluppa soluzzjonijiet kosteffiċjenti biex tnaqqas l-intensità tal-karbonju tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

25.  Jinnota li waqt li l-oqfsa regolatorji tal-UE jservu biex jenfasizzaw objettivi wesgħin, huwa l-progress reali li huwa essenzjali sabiex jirrivoluzzjonizza t-tisħin u t-tkessiħ bħala parti minn riforma usa' tas-sistema tal-enerġija;

26.  Jenfasizza li l-għodod u l-kapaċitajiet politiċi tal-UE għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed biex jixprunaw it-trasformazzjoni tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, biex jimmassimizzaw l-użu tal-potenzjalitajiet jew biex jimplimentaw soluzzjonijiet għat-tnaqqis tad-domanda u għad-dekarbonizzazzjoni fid-daqs u bil-pass meħtieġa;

27.  Jenfasizza l-importanza ta' netwerks ta' enerġija distrettwali li joffru alternattiva għal sistemi ta' tisħin individwali li jniġġsu aktar, minħabba li dan huwa mezz partikolarment effiċjenti u kosteffettiv biex jipprovdi tisħin u tkessiħ sostenibbli, l-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u s-sħana u l-kesħa rkuprati, u l-ħżin tal-elettriku żejjed f'ħinijiet ta' konsum baxx, biex b'hekk tingħata l-flessibbiltà lill-grilja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi integrat sehem akbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jitqies li aktar minn 20 % tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali huwa diġà ġġenerat mill-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, li jeħtieġ valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal ta' tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti; jappella għall-modernizzazzjoni u l-estensjoni tas-sistemi ta' tisħin distrettwali eżistenti sabiex jaqilbu għal sorsi alternattivi tal-enerġija rinnovabbli u b'effiċjenza għolja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi finanzjarji u fiskali biex iħeġġu l-iżvilupp u l-użu ta' tisħin u tkessiħ distrettwali, u biex jindirizzaw l-ostakoli regolatorji;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta serjament il-valutazzjonijiet komprensivi tal-Istati Membri tal-potenzjal għall-koġenerazzjoni u t-tisħin distrettwali skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, sabiex dawn il-pjanijiet jirriflettu l-potenzjal ekonomiku reali ta' dawn is-soluzzjonijiet u jipprovdu bażi soda għal politiki konformi mal-objettivi tal-UE;

29.  Jenfasizza li fl-agglomerazzjonijiet urbani b'densità għolja huwa imperattiv li l-użu ta' sistemi individwali jew sistemi ta' tisħin/tkessiħ distrettwali ineffiċjenti u mhux sostenibbli jiġu gradwalment sostitwit minn sistemi ta' tisħin/tkessiħ distrettwali effiċjenti jew jiġu mmodernizzati bl-aktar teknoloġiji ta' tisħin/tkessiħ avvanzati, u ssir qalba għal sistemi ta' koġenerazzjoni lokali b'effiċjenza għolja u għal alternattivi rinovabbli;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, fl-inizjattivi tagħha dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-disinn tas-suq, miżuri li jikkontribwixxu għal sistema tal-enerġija aktar effiċjenti u flessibbli billi tintegra aħjar is-sistemi tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas Ewropew komuni li jippromwovi u jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-awtoġenerazzjoni, b'mod partikolari billi jħeġġeġ u jappoġġja kooperattivi tal-viċinat li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

32.  Jappella għall-iżvilupp ta' indikatur tad-domanda għall-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ għall-binjiet fil-livell nazzjonali;

33.  Jitlob approċċ strateġiku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tad-domandi industrijali għat-tisħin u t-tkessiħ, permezz tat-titjib tal-effiċjenza tal-proċessi, is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili b'sorsi sostenibbli u l-integrazzjoni tal-industriji fl-ambjent ta' enerġija termali tal-madwar;

34.  Jenfasizza l-potenzjal enormi li jitlaqqgħu flimkien il-flussi tal-enerġija u tar-riżorsi biex jiġi ffrankat l-użu tal-enerġija primarja, speċjalment fl-ambjenti industrijali, fejn, skont is-sistema ta' kaskata, is-sħana jew il-kesħa żejda minn proċess wieħed jistgħu jintużaw mill-ġdid fi proċess ieħor li jkun jirrikjedi temperaturi anqas estremi, u, fejn possibbli, għat-tisħin u t-tkessiħ tal-binjiet permezz ta' sistemi ta' tisħin distrettwali;

35.  Jinnota li l-impjanti tat-tisħin antikwati b'effiċjenza baxxa fl-enerġija għandhom b'mod urġenti jiġu sostitwiti bl-aqwa alternattivi disponibbli li huma kompatibbli bis-sħiħ mal-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-UE, bħal impjanti ta' koġenerazzjoni li jirrispettaw aktar l-ambjent billi jużaw fjuwils sostenibbli skont il-kriterji ta' sostenibilità għall-bijomassa;

36.  Jinnota li t-tisħin u t-tkessiħ huma settur lokali ħafna, billi d-disponibbiltà u l-infrastruttura, kif ukoll id-domanda għas-sħana, jiddependu essenzjalment fuq iċ-ċirkustanzi lokali;

37.  Jaqbel mal-Kummissjoni li, kif mistqarr fl-istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ, il-potenzjal ekonomiku tal-koġenerazzjoni mhuwiex sfruttat, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jippromwovu koġenerazzjoni u t-tisħin distrettwali b'effiċjenza għolja, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija (COM(2015)0572);

38.  Huwa tal-fehma li jinħtieġ approċċ fil-livell tas-sistemi fir-rigward tat-tkessiħ, inkluż għall-ambjent mibni u attivitajiet oħrajn, bħar-refriġerazzjoni għat-trasport;

39.  Jesprimi l-fehma li, fiż-żona ta' klima moderata tal-Ewropa, is-sistemi li jalternaw billi jsaħħnu u jkessħu bl-użu ta' pompi tas-sħana effiċjenti jista' jkun importanti ħafna f'ċerti kundizzjonijiet, minħabba l-flessibilità tagħhom; jenfasizza li sistemi ta' tisħin ibridi, li jipprovdu s-sħana minn żewġ sorsi tal-enerġija jew aktar, jistgħu jiffaċilitaw rwol dejjem akbar tat-tisħin bl-użu ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari għal binjiet eżistenti fejn jistgħu jiġu introdotti bi ħtiġijiet limitati għal tiġdid; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu, fir-rigward tal-pompi tas-sħana, metodi ta' kalkolu allinjati b'mod adegwat, u jippromwovu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għall-mekkaniżmi ta' appoġġ, bil-għan li jkun ta' sostenn għal soluzzjonijiet effiċjenti, sostenibbli u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju għal ħtiġijiet termali diversi;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar gassjiet fluworurati b'effett ta' serra bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dawn il-gassijiet fl-atmosfera; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-użu ta' refriġeranti alternattivi jkun sikur, kosteffiċjenti u b'konformità mal-objettivi l-oħra tal-UE li jirrigwardaw l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza fl-enerġija;

41.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jesploraw il-possibbiltà li jużaw is-sħana minn ilmijiet ġeotermali, minn enerġija rkuprata direttament minn proċessi industrijali u minn sorsi oħra tas-sħana b'temperatura aktar baxxa, bħas-sħana li tinsab fil-minjieri f'fond il-baħar għat-tisħin (u t-tkessiħ), li tista', bis-saħħa ta' pompi kbar ħafna tas-sħana, issaħħan bliet sħaħ permezz tan-netwerks eżistenti u ġodda tat-tisħin distrettwali, u mhux biss binjiet individwali, jekk infrastruttura xierqa tat-tisħin distrettwali tkun disponibbli jew tiġi żviluppata;

42.  Jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji li kapaċi jnaqqsu kemm id-domanda għall-enerġija termali kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, bħall-użu ta' enerġija ġeotermali b'entalpija baxxa, sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali bbażati fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli, impjanti fuq skala żgħira ta' triġenerazzjoni jew koġenerazzjoni tal-elettriku li jaħarqu gass naturali u/jew bijometan, jew kombinazzjonijiet tagħhom;

43.  Jesprimi l-fehma li l-faċilitajiet tal-ħżin tas-sħana li jużaw reżistenza elettrika matul is-sigħat tad-domanda kwieti (jiġifieri billi jaħżnu l-enerġija fil-forma ta' sħana), biex b'hekk itejbu l-kwalità tal-provvista tal-elettriku billi jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli varjabbli, jistgħu jaqdu rwol importanti ħafna fit-tisħin u jgħinu jibbilanċjaw il-grilja u jnaqqsu l-produzzjoni, l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-enerġija;

44.  Huwa tal-fehma li s-sħana u l-kesħa residwa miksuba permezz tal-proċessi industrijali u tal-koġenerazzjoni fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika f'impjanti tal-enerġija konvenzjonali, minn bini residenzjali iżolati sewwa li jużaw metodi ta' rkupru, u mill-mikroġenerazzjoni, għandu jkollhom rwol ħafna akbar fit-tisħin u t-tkessiħ milli kellhom fl-imgħoddi; jenfasizza li l-isfruttament tas-sħana u l-kesħa residwa industrijali għandu jiġi rikonoxxut u mħeġġeġ permezz tar-riċerka, billi din tirrappreżenta opportunità kbira għall-investiment u l-innovazzjoni; jenfasizza li l-industriji u l-bini residenzjali u tas-servizzi fil-qrib għandhom jitħeġġew jikkooperaw u jikkondividu l-produzzjoni u l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom;

45.  Jenfasizza li l-finanzjament pubbliku jew is-sjieda pubblika ta' infrastruttura tat-tisħin distrettwali m'għandhomx jikkontribwixxu għal lock-in għali tal-infrastruttura b'livell għoli ta' karbonju; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jwettqu skrutinju tal-appoġġ finanzjarju pubbliku għall-infrastruttura ta' tisħin distrettwali fid-dawl tal-objettiv tal-UE ta' tnaqqis ta' 80-95 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effettt ta' serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u transizzjoni ordnata tal-ekonomija tal-enerġija.

46.  Huwa tal-fehma li l-integrazzjoni tal-produzzjoni, tal-konsum u tal-użu mill-ġdid tal-kesħa residwa toħloq benefiċċji ambjentali u ekonomiċi u tnaqqas id-domanda tal-enerġija primarja għall-kesħa.

47.  Jenfasizza li l-"iskart għall-enerġija" se jibqa' jkollu rwol sinifikanti fit-tisħin peress li l-alternattiva spiss hija r-rimi f'miżbla u l-użu tal-fjuwils fossili, filwaqt li jfakkar li hemm ħtieġa għal iżjed riċiklaġġ;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-mezzi legali u ekonomiċi biex jaċċelleraw it-tneħħija gradwali tal-fran skaduti li jaħdmu bil-fjuwils solidi li joperaw b'effiċjenza fl-enerġija ta' anqas minn 80 % u jissostitwuhom, fejn possibbli, b'sistemi effiċjenti u sostenibbli tat-tisħin fil-livell lokali (bħalma huma s-sistemi ta' tisħin distrettwali) jew fil-livell mikro (bħalma huma l-enerġija ġeotermali u s-sistemi solari);

49.  Jirrimarka li l-introduzzjoni ta' sistemi ta' tisħin intelliġenti tista' tgħin lill-konsumaturi jifhmu aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom u jgħinu fit-tiġdid tas-sistemi ta' tisħin ineffiċjenti, u jippromwovu l-iffrankar tal-enerġija;

50.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li 75 % tal-istokk tal-binjiet Ewropew eżistenti huwa binjiet ineffiċjenti fl-enerġija, u li l-estimi juru li 90 % ta' dawn il-binjiet se jkunu għadhom jintużaw sal-2050; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa urġenti li dawn il-binjiet ikunu fil-mira ta' rinnovazzjoni profonda;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan, bħala parti mill-programm "skart għall-enerġija", biex tippromwovi u tisfrutta l-kontribut potenzjali tal-użu sostenibbli tal-iskart organiku għat-tisħin u t-tkessiħ konness ma' sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali;

52.  Jenfasizza li l-bijogass jirrappreżenta sors sostenibbli għal sistemi ta' tisħin u tkessiħ, u li, għal din ir-raġuni jeħtieġ li tiġi stabbilita mira ċara fir-rigward tar-riċiklaġġ organiku sabiex jiġu inċentivati investimenti fil-ġbir u t-trattament tal-bijoskart;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jneħħu gradwalment l-użu ta' fran skaduti għal skopijiet ta' tisħin li jiġġeneraw emissjonijiet li jibqgħu fil-baxx u jitfgħu fl-atmosfera gassijiet pirolitiċi naturali minn kombustjoni mhix kompluta, NOx, ġmied, materja partikolata u rmied li jtir imxerrdin permezz tal-konvezzjoni – fit-tisħin tal-agglomerazzjonijiet, u jippromwovu, bis-saħħa ta' inċentivi, l-użu ta' alternattivi sostenibbli – inklużi dawk rinnovabbli;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex ineħħu gradwalment il-fran u l-bojlers li mhumiex effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jużaw żejt għat-tisħin u faħam li attwalment jintużaw f'aktar minn nofs l-istokk tal-binjiet fil-kampanja; huwa tal-fehma li l-provvista tal-enerġija għandha tiġi minn sorsi rinnovabbli u b'livelli aktar baxxi ta' karbonju;

55.  Jenfasizza li t-tisħin distrettwali bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli jipprevjeni l-firxa ta' sistemi ta' tisħin individwali li jniġġsu aktar, li jżidu t-tniġġis tal-arja f'żoni residenzjali u li huma ferm aktar diffiċli li jiġu kkontrollati minn sistemi mifruxa ta' tisħin distrettwali; jenfasizza, madanakollu, li l-infrastruttura u l-kundizzjonijiet klimatiċi jvarjaw fl-Unjoni u li dawn is-sistemi sikwit jeħtieġ li jiġu modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; jitlob għalhekk li ssir analiżi tal-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-infrastruttura tat-tisħin distrettwali u ta' prattiki ta' tassazzjoni fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tat-tisħin distrettwali;

56.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jieħdu passi lejn it-tneħħija gradwali tal-fran b'temperatura baxxa użati għall-kombustjoni ta' fjuwils solidi u skart organiku, li, waqt il-proċess ta' kombustjoni, jitfgħu fl-atmosfera varjetà ta' sustanzi dannużi; huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom, meta jkun possibbli, jinkoraġġixxu t-tneħħija gradwali ta' fireplaces qodma u ineffiċjenti li jaħarqu l-injam fi bliet b'densità ta' bini għolja, u jiffaċilitaw is-sostituzzjoni tagħhom b'alternattivi moderni, effiċjenti u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lis-saħħa, flimkien ma' inizjattivi biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa u l-aħjar prattiki rigward in-nar bl-injam;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħlqu l-lakuna regolatorja li tirriżulta mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva dwar l-Impjanti tal-Kombustjoni Medji li twassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' installazzjonijiet ta' anqas minn 1 MW li jaqgħu barra mill-ambitu tad-Direttivi;

58.  Huwa tal-fehma li l-ħtieġa li qed tikber għat-tkessiħ teħtieġ kunsiderazzjoni ulterjuri ta' din il-kwistjoni, inkluż approċċ integrat għall-katina sħiħa tat-tkessiħ – mid-domanda għal tkessiħ industrijali minn temperaturi għoljin għal tkessiħ fl-unitajiet domestiċi u l-ħtiġijiet tat-tkessiħ fl-industrija tal-ikel;

59.  Jinnota li d-disponibbiltà ta' data ta' kwalità hija prekundizzjoni biex il-konsumaturi u l-awtoritajiet ikunu jistgħu jagħmlu għażliet razzjonali dwar l-effiċjenza fl-enerġija u s-soluzzjonijiet ta' tisħin; jenfasizza l-importanza li l-possibbiltajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni jiġu estiżi għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni u metodoloġija ta' kalkolu, għat-tkessiħ rinnovabbli;

60.  Iqis li l-iskambjaturi tas-sħana li jkun effiċjenti fl-użu tal-ilma jista' jkollhom rwol fundamentali fit-tkessiħ fil-proċessi industrijali, billi jittrasferixxu s-sħana għal korpi ta' ilma naturali lokalizzati viċin is-siti fejn jinħażnu l-prodotti, li t-temperatura tagħhom ma taqbiżx is-6 ºC matul is-sena kollha (tkessiħ bla ħlas);

61.  Huwa tal-fehma li ċ-ċelloli fissi tal-fjuwil ta' potenza għolja jistgħu, fil-futur qrib, ikunu alternattiva li tirrispetta l-ambjent għall-faħam bħala fjuwil solidu;

62.  Iqis li l-gass miksub mill-elettriku għandu potenzjal qawwi għall-futur bħala mod ta' ħżin u trażmissjoni ta' enerġija rinnovabbli u biex din l-enerġija tintuża għal skopijiet ta' ġenerazzjoni tas-sħana ċentrali u lokali; josserva li l-użu tal-gass miksub mill-elettriku huwa mod effiċjenti ta' kif tintuża l-enerġija rinnovabbli għall-ġenerazzjoni tas-sħana, b'mod partikulari fil-konurbazzjonijiet, bis-saħħa tal-possibbiltà li tintuża l-infrastruttura eżistenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, jippromwovu proġetti ta' riċerka u proġetti pilota dwar il-gass bl-elettriku;

63.  Jemmen li l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar it-tisħin u t-tkessiħ innovattivi teħtieġ riċerka intensiva li tipprovdi bażi għall-ħolqien ta' industriji li jagħmlu tagħmir li jirrispetta l-ambjent li jservi dan l-iskop;

64.  Jenfasizza l-benefiċċji tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika għall-industrija Ewropea, li jsaħħu l-vantaġġ kompetittiv u l-vijabbiltà kummerċjali tagħha, kif ukoll jikkontribwixxu lejn l-għanijiet tal-enerġija u tal-klima tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' aktar riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u fit-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ b'enerġija rinnovabbli (RHC), bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż, titjieb il-prestazzjoni u jiżdied l-użu u l-integrazzjoni fis-sistema tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-partijiet interessati tas-settur biex il-pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġiji RHC jinżammu aġġornati u sabiex ikun hemm koordinazzjoni, traċċar u identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-iżvilupp tat-Teknoloġiji RHC;

65.  Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jinkisbu riżultati rapidi u effettivi fil-proċess ta' termomodernizzazzjoni tas-settur termali tal-UE, l-UE għandha tiffoka fuq ir-riċerka biex iżżid l-użu tal-aħjar teknoloġiji disponibbli fil-mument;

66.  Huwa tal-fehma li r-riċerka taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 għandha tkopri l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli tat-tisħin u t-tkessiħ, teknoloġiji ta' valorizzazzjoni tas-sħana u l-kesħa żejda, materjali ġodda b'konduttività termali massima (skambjaturi tas-sħana), konduttività minima – jiġifieri reżistenza termali massima (iżolazzjoni termali), u rati massimi ta' akkumulazzjoni tas-sħana (ħażniet ta' sħana);

67.  Huwa tal-fehma li għandu jsir progress taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 dwar is-sistemi u l-materjali għat-tisħin u t-tkessiħ sostenibbli u effiċjenti, bħas-soluzzjonijiet ta' ġenerazzjoni rinnovabbli u ħażna fuq skala żgħira, is-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, il-koġenerazzjoni u l-materjali iżolanti, kif ukoll materjali innovattivi bħall-ħġieġ tat-twieqi strutturali li jħalli li jidħlu minn barra livelli għoljin ta' radjazzjoni short-wave (dawl tax-xemx) u jħalli li toħroġ biss minimu ta' radjazzjoni long-wave termali, li inkella taħrab 'il barra;

68.  Jenfasizza l-importanza ta' riċerka xjentifika estensiva dwar l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ddisinjati biex joħolqu tagħmir u sistemi sħaħ ta' tisħin u ta' tkessiħ li jkunu effiċjenti fl-enerġija u bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli;

69.  Jitlob li jsir rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti li jiffoka fuq is-salvagwardja tan-newtralità tat-teknoloġija u l-kosteffiċjenza sabiex jiġi żgurat li ma tippromwovix jew ma tiskreditax teknoloġija askapitu ta' oħra – l-enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post, bħal permezz tal-pannelli solari residenzjali, jew qrib bini pereżempju, għandha titqies meta tiġi kkalkolata l-prestazzjoni enerġetika tal-bini, irrispettivament mis-sors;

70.  Jenfasizza l-importanza li ssir għaqda bejn it-teknoloġiji l-aktar avvanzati u l-ġestjoni tal-enerġija intelliġenti, pereżempju permezz tal-awtomatizzazzjoni domestika u sistemi ta' kontroll intelliġenti tat-tisħin, speċjalment f'dinja konnessa fejn l-apparat jista' faċilment jadatta għall-kundizzjonijiet tat-temp u s-sinjali tal-prezzijiet tal-elettriku u jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-grilja billi jassorbu parti mid-domanda; jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod aħjar it-teknoloġiji intelliġenti fl-inizjattivi rilevanti tal-Unjoni tal-Enerġija sabiex tiżgura l-interkonnettività tat-tagħmir intelliġenti, id-djar konnessi u l-bini intelliġenti ma' grilji intelliġenti; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu promossi meta jkun qed jiġi rinnovat l-istokk tal-binjiet eżistenti peress li jgħinu lill-konsumaturi jifhmu aħjar it-tendenzi ta' konsum tagħhom, u b'konsegwenza jaġġustaw l-operat tas-sistema ta' tisħin tagħhom;

71.  Jenfasizza li s-settur tal-bini għandu potenzjal kbir fit-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u fl-emissjonijiet tas-CO2; jenfasizza li jinħtieġu sforzi ulterjuri biex tiżdied ir-rata ta' rinnovazzjoni tal-bini; jinnota li inċentivi finanzjarji attraenti, id-disponibbiltà ta' esperti b'livell għoli ta' kompetenza f'bosta livelli, u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki huma meħtieġa biex dan jinkiseb;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakli li fadal għall-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari r-rinnovazzjonijiet mill-unitajiet domestiċi, u tiżviluppa suq ġenwin fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex trawwem it-trasferiment tal-aħjar prattiki u tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti u s-soluzzjonijiet madwar l-UE bl-għan li jinbena suq uniku reali fil-prodotti u s-servizzi tal-effiċjenza fl-enerġija; jenfasizza l-ħolqien tal-impjiegi u l-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku mhux biss tal-introduzzjoni inizjali ta' tali prodotti u servizzi iżda wkoll tal-manutenzjoni kontinwa u t-tħaddim ta' kuljum ta' sistema tal-enerġija integrata li tinkludi t-tisħin u t-tkessiħ;

73.  Jemmen li l-industrija teħtieġ sinjali ċari minn dawk li jfasslu l-politika sabiex tagħmel l-investimenti meħtieġa fil-kisba tal-objettivi tal-enerġija tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' miri vinkolanti ambizzjużi u qafas regolatorju li jippromwovi l-innovazzjoni mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, sabiex jiġu promossi bl-aħjar mod soluzzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ li jkunu kosteffiċjenti u ambjentalment sostenibbli;

74.  Jemmen li l-investiment fl-effiċjenza fl-Enerġija fil-bini għandu jimxi id f'id mal-investiment fit-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ b'enerġija rinnovabbli (RHC); iqis is-sinerġiji li jeżistu bejn l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini u t-teknoloġiji RHC jippreżentaw opportunità sinifikanti fil-mixja lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jilqa' l-isforzi fil-livell nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta' nZEBs;

75.  Jirrakkomanda li jitfasslu sistemi individwali ta' tiġdid termali għal siti b'wirt arkitettoniku, b'enfasi doppja fuq l-investimenti fil-qafas tal-bini flimkien mal-ottimizzazzjoni tal-kontroll tal-bini u s-sistemi ta' awtomazzjoni u l-provvista ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti, filwaqt li tingħata attenzjoni sabiex l-istil arkitettoniku uniku tal-binjiet ikkonċernati ma jiġix ipperikolat;

76.  Jinnota li d-disinn arkitettoniku ta' bini intelliġenti għandu jieħu approċċ olistiku biex jiżgura kumdità termali (tkessiħ) permezz tal-forma u l-massa tal-binjiet, l-adattament tal-ispazji u l-aġġustament ta' parametri bħall-ammont ta' dawl tax-xemx u l-intensità tal-ventilazzjoni u l-irkupru, filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm spejjeż operattivi baxxi;

77.  Jenfasizza l-importanza ta' awditjar standardizzat tal-enerġija termali, u tal-kosteffikaċja tar-rimedjar tal-problemi bl-iżolazzjoni industrijali biex tiġi ffrankata l-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet. jirrimarka li l-ispejjeż tal-enerġija industrijali jistgħu jkomplu jitnaqqsu permezz ta' investimenti f'teknoloġiji sostenibbli eżistenti u ppruvati.

78.  Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma għodda importanti għall-immodernizzar tas-sistema tal-enerġija; huwa tal-fehma li r-restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ s'issa fuq il-finanzjament tal-FEŻR għall-prijorità tat-tranżizzjoni lejn livell baxx tal-karbonju ma kinux effettivi; iqis li, għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020, il-perċentwal tal-baġit allokat għal din il-prijorità għandu jiżdied;

79.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzi, kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, għal investimenti fi proġetti ta' kull daqs relatati mal-immodernizzar tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, inkluż għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, l-aġġornar tal-infrastruttura rilevanti tal-grilja, il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' tisħin, inkluża l-qalba għal sorsi rinnovabbli, u żieda fir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu finanzjarju fit-tul robust u innovattiv; jenfasizza r-rwol li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u fondi Ewropej oħra applikabbli, bħal dawk disponibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew permezz tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), jista' jkollu f'termini ta' għajnuna finanzjarja u teknika, jiżgura li l-proġetti jkunu attraenti għall-investituri billi joffru kundizzjonijiet regolatorji stabbli, partikolarment billi tiġi minimizzata l-burokrazija u jiġi mħaddan proċess espedjenti ta' applikazzjoni u approvazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet attwali dwar it-tisħin u t-tkessiħ għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 għal fondi Ewropej kollha applikabbli, u telimina l-ostakli li jxekklu lill-awtoritajiet lokali milli jallokaw riżorsi utli lir-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi; jappoġġja l-inizjattiva "finanzjament intelliġenti għall-binjiet intelliġenti", li tippromwovi użu akbar tal-effiċjenza fl-enerġija flimkien ma' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini; jemmen li l-modernizzazzjoni u l-iżolazzjoni termali tal-binjiet għandhom jieħdu prijorità fuq miżuri oħra f'termini ta' aċċess għall-finanzjament minħabba l-potenzjal enormi tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi;

80.  Itenni l-ħtieġa li l-Fondi Strutturali jintużaw għal firxa usa' ta' titjib tal-bini u tas-sistema tal-bini, speċjalment fil-forma ta' self preferenzjali lil sidien tal-binjiet privati li jiffaċilita rieda ħafna aktar b'saħħitha għal tiġdid ferm meħtieġ fuq binjiet eżistenti, speċjalment fil-partijiet anqas żviluppati tal-UE;

81.  Jenfasizza li biex jiġi stimulat titjib fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, il-Kummissjoni għandha tuża bis-sħiħ "il-kondizzjonalitajiet ex ante" previsti bl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE b'miżuri rilevanti dwar it-tisħin u t-tkessiħ tiġi trasposta u implimentata b'mod adegwat;

82.  Iqis li l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għal teknoloġiji effiċjenti – li huma indispensabbli għat-triq tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ lejn id-dekarbonizzazzjoni, speċjalment billi huma soluzzjonijiet ibbażati fuq il-komunità – għandhom iqisu l-ħtieġa ta' appoġġ pubbliku xieraq;

83.  Huwa tal-fehma li inizjattivi bħalma huma l-faċilità ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali), il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti, u l-Patt il-ġdid integrat tas-Sindki dwar il-Klima u l-Enerġija jistgħu jappoġġjaw lill-operaturi lokali u reġjonali fir-rinnovazzjoni tas-sistemi tal-enerġija fil-binjiet;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-baġit tal-UE jintuża b'konformità mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni u ta' effiċjenza fl-enerġija;

85.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri maħsuba sabiex jinċentivizzaw titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu usa' ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) f'unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni talloka sehem akbar tal-fondi tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija u għal programmi RES f'unitajiet domestiċi vulnerabbli u foqra fl-enerġija, u tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar miżuri speċifiċi dwar il-faqar enerġetiku;

86.  Iqis li ċ-ċittadini għandhom jingħataw informazzjoni aħjar dwar il-konsum tal-enerġija tad-djar rispettivi tagħhom, u dwar l-iffrankar tal-enerġija possibbli u l-benefiċċji tal-aġġornamenti bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli tas-sistemi tat-tisħin tagħhom, inkluża l-possibbiltà li jipproduċu u jikkunsmaw l-enerġija rinnovabbli tagħhom stess għat-tisħin u t-tkessiħ;

87.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jiżguraw – permezz ta', fost l-oħrajn, kampanji ta' informazzjoni, one-stop shops, skemi ta' xiri kollettiv (għajnuna sabiex il-konsumaturi jingħaqdu flimkien biex jixtru bi prezzijiet imraħħsa) u l-aggregazzjoni ta' proġetti individwali (li bosta proġetti żgħar jinġiebu flimkien fi cluster akbar biex ikunu jistgħu jsibu investimenti b'rati aħjar) – li l-konsumaturi jkunu konxji bis-sħiħ tal-benefiċċji ekonomiċi u teknoloġiċi tas-sistemi aktar sostenibbli tat-tisħin u tat-tkessiħ, u ta' titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, u għandhom aċċess għalihom, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet possibbli skont iċ-ċirkustanzi individwali tagħhom, u li jibbenefikaw mit-titjib ekonomiku, ta' saħħa u tal-kwalità tal-ħajja disponibbli; jinnota li l-unitajiet domestiċi f'postijiet remoti u iżolati jistgħu jirrikjedu attenzjoni partikolari u soluzzjonijiet uniċi; jenfasizza l-potenzjal tal-"prosumaturi" sabiex jiġu stabbiliti sistemi li jipprovdu tisħin u tkessiħ b'enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni kontinwa, tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni ta' installaturi u l-periti, billi dawn huma l-ewwel punt ta' kuntatt għall-konsumaturi fid-djar;

88.  Iqis li t-taħriġ kontinwu tal-esperti li jivvalutaw il-kundizzjoni termali tal-bini u l-effiċjenza tal-mod kif jissaħnu (jitkessħu) huwa essenzjali; jemmen li qed jinħass il-bżonn ta' gruppi ta' servizz li jkunu jinsabu f'postijiet ottimali u jkunu aċċessibbli għall-utenti aħħarin;

89.  Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw il-libertà li jagħżlu minn għadd ta' teknoloġiji tat-tisħin b'effiċjenza għolja u li jużaw enerġija minn sorsi rinnovabbli li jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet ta' tisħin personali tagħhom;

90.  Jenfasizza li għalhekk jeħtieġ li l-konsumaturi, permezz ta' informazzjoni u inċentivi, ikunu jistgħu jħaffu l-modernizzazzjoni tas-sistemi qodma u ineffiċjenti tat-tisħin tagħhom sabiex jiksbu żidiet kbar fl-effiċjenza tal-enerġija, li diġà jistgħu jinkisbu permezz tal-użu tat-teknoloġiji eżistenti, inklużi sistemi tat-tisħin rinnovabbli; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' għarfien fost il-konsumaturi dwar il-prestazzjoni sikwit baxxa tas-sistemi tat-tisħin tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti li jgħinu biex tiżdied il-kuxjenza dwar sistemi eżistenti ta' tisħin u ta' tkessiħ, u li jżidu r-rata ta' modernizzazzjoni tagħhom, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; u tikkunsidra li tintroduċi sistema ta' tikkettar tal-enerġija għal sistemi tat-tisħin installati;

91.  Jenfasizza r-rwol attiv li l-konsumaturi jista' jkollhom fit-triq lejn sistema Ewropea sostenibbli ta' tisħin u tkessiħ; huwa tal-fehma li riżultat effiċjenti tar-regolament il-ġdid dwar it-"tikkettar enerġetiku", fejn l-iskali tat-tikketti l-ġodda jħarsu 'l quddiem u jenfasizzaw id-differenzi f'termini ta' effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti differenti li għandhom jiġu enfasizzati, jista' jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jindirizzaw l-għażliet tagħhom f'termini ta' ffrankar tal-enerġija, u biex inaqqsu l-kontijiet tagħhom;

92.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ifasslu strateġiji speċifiċi sabiex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-faqar enerġetiku sabiex jgħinu lill-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-abitazzjoni u s-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ, fuq bażi individwali jew kollettiva, irrispettivament jekk dawn ikunux is-sidien tad-dar jew l-inkwilini;

93.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinkiseb livell għoli ta' indipendenza enerġetika permezz tal-użu prijoritarju tar-riżorsi lokali;

94.  Jappella sabiex is-sħana residwa minn intrapriżi industrijali eżistenti tintuża għat-tisħin domestiku;

95.  Huwa tal-fehma li s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku hija li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tisħin ġenerali għall-unitajiet domestiċi individwali billi jiġi żgurat li jkun hemm żieda sinifikanti fl-effiċjenza tal-enerġija fit-tliet stadji ewlenin tal-użu tal-enerġija: waqt il-konverżjoni minn enerġija primarja għal enerġija utli, matul it-trasport ulterjuri ta' dik l-enerġija u, b'mod partikolari, waqt l-użu mill-utent aħħari; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità reali lill-miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-qalba lejn tisħin u tkessiħ minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

96.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li sehem tal-finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija jiġi ddedikat għat-titjib ta' unitajiet domestiċi b'faqar enerġetiku jew għal dawk li jgħixu fiż-żoni l-iktar żvantaġġati, billi, pereżempju, jiġu megħjuna jinvestu f'tagħmir tat-tisħin u t-tkessiħ iktar effiċjenti fl-enerġija;

97.  Jemmen li skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta' rinnovazzjoni tal-bini bil-ħsieb li jagħmlu l-binjiet effiċjenti fl-enerġija, mhux l-anqas billi joffru inċentivi għar-rinnovazzjoni tal-binijiet li jkunu proprjetà ta' individwi privati, u li tali pjanijiet għandhom jinkludu wkoll miżuri speċifiċi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli biex jiġu mgħejuna jiġġieldu l-faqar enerġetiku;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed timplimenta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, tiżviluppa taħriġ għall-professjonisti fl-oqsma tal-ippjanar u l-awditjar tal-effiċjenza fl-enerġija, u tgħin lil individwi privati, u b'mod partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, iwettqu attivitajiet ta' dan it-tip;

99.  Jissottolinja li filwaqt li proporzjon kbir tal-binjiet Ewropej illum jaħlu l-enerġija minħabba l-kwalità ħażina tal-iżolament tagħhom u s-sistemi ta' tisħin qodma u ineffiċjenti tagħhom, il-faqar enerġetiku jaffettwa kważi 11 % tal-popolazzjoni tal-UE;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali, fid-dawl tal-possibbiltà ta' kriżijiet futuri fil-provvista tal-gass, biex jintegraw bis-sħiħ il-produzzjoni tal-bijogass mill-ipproċessar tad-demel fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari.

101.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0094.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0266.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0444.
(5) "L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija", Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2014) (COM(2014)0520).

Avviż legali - Politika tal-privatezza