Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja (2015/2341(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 41(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika (Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika), stabbilit fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, li ġie organizzat fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni konġunt adottat fis-Summit tal-Belt Valletta,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1), l-emendi suċċessivi tiegħu u l-Anness IC tiegħu (il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020) li jikkorrispondi għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ),
– wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020, li jikkostitwixxi l-baġit tal-UE, u l-intestatura baġitarja 4 li tinsab fih (''Ewropa Globali''),
– wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fl-2015,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa: nittrasformaw il-ħajjiet tal-bniet u n-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE 2016-2020 (SWD(2015)0182) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 li japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni tas-Sessi korrispondenti,
– wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin (1995) u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) (1994) u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0221/2016),
A. billi l-għan ewlieni tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE (EUTF) għall-Afrika, iffirmat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' 25 Stat Membru tal-UE, kif ukoll in-Norveġja u l-Iżvizzera, u mniedi fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni fit-12 ta' Novembru 2015 mis-sħab Ewropej u Afrikani, huwa li jgħin sabiex titrawwem l-istabbiltà fir-reġjuni u jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni; billi, aktar speċifikament, l-EUTF għandu l-għan jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni irregolari billi jippromwovi l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp;
B. billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jibqa' l-qafas dottrinali għall-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jafferma mill-ġdid il-prinċipji fundamentali tal-għajnuna umanitarja; billi fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdida u fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja, il-paċi ġiet rikonoxxuta bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp; billi l-UE u s-sħab tagħha fil-qasam umanitarju għandhom ikunu kapaċi jiżguraw assistenza u protezzjoni bbażati fuq il-ħtiġijiet u fuq ir-rispett għall-prinċipji tan-newtralità, l-imparzjalità, l-umanità u l-indipendenza ta' azzjoni umanitarja, kif stabbilit fid-dritt internazzjonali u b'mod partikolari fid-dritt umanitarju internazzjonali;
C. billi l-Afrika għadha tesperjenza rati għoljin ħafna ta' tkabbir fil-popolazzjoni u biss tnaqqis kajman fir-rata ta' fertilità, sitwazzjoni li fil-futur qrib se twassal għal żieda qawwija fil-popolazzjoni żagħżugħa fl-età tax-xogħol u ġġib magħha ħafna benefiċċji soċjali u ekonomiċi potenzjali; billi huwa essenzjali li ż-żgħażagħ jingħataw l-edukazzjoni u l-ħiliet li jeħtieġu biex jilħqu l-potenzjal tagħhom u li jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi biex jitrawmu l-istabbiltà, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp fir-reġjun;
D. billi l-EUTF huwa maħsub sabiex ikun għodda ta' żvilupp li jiġbor flimkien riżorsi minn donaturi differenti sabiex ikun hemm rispons rapidu, flessibbli, komplementari, trasparenti u kollettiv mill-UE għad-dimensjonijiet differenti ta' sitwazzjoni ta' emerġenza;
E. billi 1,5 biljun persuna jgħixu f'reġjuni fraġli u milquta minn kunflitti u fi stati fraġli madwar id-dinja, u billi qegħdin jiżdiedu l-ispazji mhux iggvernati bil-konsegwenza li bosta persuni jispiċċaw fil-faqar, f'anarkija, korruzzjoni u vjolenza bla rażan; billi l-EUTF inħoloq sabiex jassisti 23 pajjiż fi tliet reġjuni Afrikani (il-Qarn tal-Afrika; is-Saħel u l-baċir tal-Lag Chad; u l-Afrika ta' Fuq) li fosthom jinkludu wħud mill-aktar pajjiżi fraġli tal-Afrika, huma affettwati mill-migrazzjoni bħala pajjiżi ta' oriġini, tranżitu jew ta' destinazzjoni, jekk mhux it-tlieta li huma, u se jiksbu l-akbar benefiċċju minn din il-forma ta' assistenza finanzjarja tal-UE; billi l-ġirien tal-pajjiżi Afrikani eliġibbli jistgħu jibbenefikaw ukoll, fuq bażi ta' każ b'każ, mill-proġetti EUTF li jkollhom dimensjoni reġjonali, bil-għan li jiġu indirizzati l-flussi migratorji reġjonali u l-isfidi transkonfinali relatati;
F. billi l-EUTF għandu l-għan li jittratta l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostamenti fil-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u ta' destinazzjoni, permezz ta' ħames setturi prijoritarji, jiġifieri: 1) il-benefiċċji tal-migrazzjoni b'rabta mal-iżvilupp; 2) il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà; 3) il-protezzjoni u l-asil; 3) il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari; u 5) ir-ritorn, ir-riammissjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid;
G. billi l-kontribuzzjoni tal-UE tammonta għal EUR 1.8 biljun, filwaqt li l-Kummissjoni tista' tiġbor ukoll fondi addizzjonali mill-Istati Membri tal-UE u donaturi oħrajn għal ammont ekwivalenti; billi l-EUTF għandu jservi biex jikkumplimenta l-għajnuna eżistenti tal-UE lir-reġjuni koperti għall-ammont ta' aktar minn EUR 10 biljuni sal-2020, bil-għan li jappoġġa tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli;
H. billi fl-2014 inħolqu żewġ EUTFs, jiġifieri l-Fond Fiduċjarju ta' Bekou li kien jiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li kellu riżultati pożittivi, kif ukoll il-Fond Madad li jittratta r-rispons għall-kriżi Sirjana;
I. billi r-rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) - Ir-Rapport Globali tal-ICPD lil hinn mill-2014, ippubblikat fit-12 ta' Frar 2014, enfasizza li l-protezzjoni tan-nisa u tal-adolexxenti milquta mill-vjolenza trid tkun prijorità fl-aġenda internazzjonali tal-iżvilupp;
J. billi l-fondi fiduċjarji huma parti minn reazzjoni ad hoc, u għalhekk jiżvelaw l-iskarsezza tar-riżorsi u l-flessibbiltà limitata li jikkaratterizzaw il-qafas finanzjarju tal-UE, iżda huma vitali biex jiżguraw reazzjoni rapida u komprensiva għall-kriżijiet umanitarji, inklużi kriżijiet fit-tul;
K. billi l-UE ser tkompli bl-isforzi għall-implimentazzjoni effettiva tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u riżoluzzjonijiet sussegwenti tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà;
Allokazzjoni finanzjarja u l-aspetti baġitarji
1. Ifakkar li l-allokazzjoni finanzjarja hija kkaratterizzata minn tliet fażijiet ewlenin: il-wegħda, l-impenn u l-azzjoni/il-ħlas; jinnota, madankollu, li hemm bżonn li wieħed jitgħallem minn EUTFs preċedenti; jiddispjaċih dwar il-fatt li sal-lum il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri baqgħu baxxi wisq, fejn jammontaw biss għal frazzjoni żgħira tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u għalhekk huma 'l bogħod milli jilħqu l-impenn uffiċjali, hekk kif f'April 2016 kienu jammontaw biss għal EUR 81.71 miljun (jew 4.5 % minn EUR 1.8 biljun ipproġettati); jinsisti li l-wegħdiet u l-impenji jridu jissarrfu f'azzjoni; ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li għajnuna effikaċi hija kkaratterizzata minn finanzjament prevedibbli u f'waqtu, u jappella sabiex jitħaffef l-iżborż ta' dan il-finanzjament;
2. Jilqa' l-intenzjoni li l-fondi jiġu żburżati aktar malajr u b'mod aktar flessibbli f'sitwazzjoni ta' emerġenza, u li jinġabru flimkien diversi sorsi ta' finanzjament biex il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati tiġi indirizzata fil-ħafna dimensjonijiet tagħha; jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ddevjat l-approprjazzjonijiet mill-objettivi u l-prinċipji tal-atti bażiċi biex tmexxihom mill-EUTF, billi dan jikkostitwixxi ksur tar-regoli finanzjarji u barra minn hekk iqiegħed f'riskju s-suċċess fit-tul tal-politiki tal-Unjoni; jitlob għalhekk biex jintużaw approprjazzjonijiet ġodda kill fejn possibbli u li tkun żgurata trasparenza sħiħa dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi;
3. Jinnota li fil-qasam tal-azzjoni esterna, l-EUTFs huma maħsuba primarjament biex jippermettu rispons rapidu għal kriżi speċifika ta' emerġenza jew ta' wara emerġenza billi jistimulaw il-kontribut tal-Istati Membri tal-UE u donaturi oħra filwaqt li tiżdied il-viżibilità globali tal-isforzi Ewropej; jenfasizza, madankollu, li l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw l-impenn tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira ta' 0.7 % tad-dħul nazzjonali gross (GNI) għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA); jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw b'mod xieraq l-impenji tagħhom fir-rigward kemm tal-objettiv ta' 0.7 % tal-ODA kif ukoll il-kontribuzzjoni tagħhom għall-EUTF għall-Afrika;
4. Jenfasizza l-instabbiltà tal-kontribuzzjonijiet volontarjiu jħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu malajr u b'mod effettiv biex tintlaħaq il-kontribuzzjoni tal-Unjoni sabiex l-EUTF ikun jista' jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu aktar milli jiġi pprovdut il-minimu meħtieġ sabiex jinkisbu drittijiet tal-vot fuq il-Bord Strateġiku;
5. Jiddeplora l-fatt li l-fondi fiduċjarji jwasslu biex tiġi evitata l-awtorità baġitarja u tiġi mminata l-unità tal-baġit; jinnota li l-fatt li dan l-istrument ad hoc ġie stabbilit juri li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) huwa iżgħar milli suppost; jirrimarka li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jirrappreżentaw 85 % tal-baġit tal-Unjoni; iqis li t-twaqqif tal-EUTF de facto huwa ekwivalenti għal reviżjoni tal-limiti massimi tal-QFP attwali, billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; jenfasizza, għalhekk, li l-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament barra mill-baġit tal-UE għandu jibqa' l-eċċezzjoni; jiddeplora l-fatt li l-Parlament mhuwiex rappreżentat fuq il-Bord Strateġiku, minkejja l-fatt li fondi sostanzjali ġejjin mill-baġit tal-Unjoni; jitlob li l-awtorità baġitarja tiġi mistiedna tipparteċipa fil-Bord Strateġiku;
6. Jinnota li l-allokazzjoni finanzjarja tal-UE għall-EUTF għall-Afrika tiġi prinċipalment mill-11-il FEŻ; jenfasizza li l-EUTF ġie stabbilit minħabba li l-baġit tal-UE u l-QFP huma nieqsa mir-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa biex jindirizzaw minnufih u b'mod komprensiv id-dimensjonijiet differenti ta' kriżijiet bħal dawn; jitlob lill-UE biex taqbel li ssib soluzzjoni aktar olistika għall-finanzjament ta' emerġenza fil-qafas tar-reviżjoni ta' din is-sena tal-QFP 2014-2020 u r-reviżjoni tal-istrumenti ta'finanzjament estern fl-2016, bil-ħsieb li tiżdied l-effettività u r-reattività tal-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp disponibbli taħt il-baġit tal-UE;
7. Jitlob b'mod partikolari, reviżjoni adegwata tal-limitu massimu biex tippermetti l-inklużjoni tal-mekkaniżmi ta' kriżi fil-QFP sabiex terġa' tiġi stabbilita l-unità tal-baġit; iqis li reviżjoni tal-QFP tipprovdi livell akbar ta' ċertezza baġitarja, demokratika u ġuridika; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li jiġu rieżaminati r-regoli finanzjarji bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi baġitarji tal-UE u biex jinkisbu, bħala parti minn approċċ integrat, sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-Unjoni, il-FEŻ u kooperazzjoni bilaterali sabiex jiżdied l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp u titwitta t-triq lejn il-baġitizzazzjoni tal-FEŻ, filwaqt li jinżamm il-livell tar-riżorsi kif previst mill-2021; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex ittejjeb l-involviment tal-awtorità baġitarja u tallinja aħjar il-fondi fiduċjarji u mekkaniżmi oħra man-norma baġitarja, b'mod partikolari billi dawn jiġu jidhru fil-baġit tal-Unjoni;
8. Josserva li l-Parlament, bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja, wera responsabbiltà billi qabel li jirrilaxxa fondi ta' emerġenza; jiddeplora l-fatt, madankollu, li bħala riżultat tal-proliferazzjoni tal-istrumenti ta' emerġenza, il-metodu Komunitarju qed jiġi abbandunat; jagħti assigurazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jissalvagwardja l-prinċipji fundamentali tal-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari l-unità baġitarja u l-kodeċiżjoni; iqis li dak li huwa verament kruċjali hu rieżami tal-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi għal kriżijiet fuq skala kbira, b'mod partikolari dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom; jissuġġetta l-approvazzjoni tiegħu ta' proposti futuri dwar strumenti ta' kriżi għall-inkorporazzjoni ta' dawk l-implikazzjonijiet fir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-QFP, li huwa ppjanat li jsir qabel tmiem l-2016;
9. Josserva li nġabar finanzjament ulterjuri minn strumenti finanzjarji oħrajn taħt il-baġit tal-UE, bħall-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), ta' EUR 125 miljun, l-Istrument ta' Finanzjament għall-Għajnuna Umanitarja, ta' EUR 50 miljun, u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) ta' EUR 200 miljun;
10. Jinnota li mill-kontribuzzjoni totali tal-UE ta' EUR 1.8 biljun, EUR 1 biljun mir-riżerva tal-FEŻ biss huwa riżorsa addizzjonali; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-finanzjament tal-EUTF jista' jiġi implimentat b'detriment għal objettivi oħra tal-iżvilupp; ifakkar li l-għodda EUTF għandha tkun komplementari għal strumenti diġà eżistenti, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza u rendikont dwar l-użu u l-ammont ta' linji baġitarji attwali li jikkontribwixxu għall-EUTF;
11. Jenfasizza bil-qawwa li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA għandhom ikunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali tal-pajjiż ospitanti, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; jenfasizza li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr is-sigurtà; jikkundanna kwalunkwe użu ta' fondi tal-FEŻ u tal-ODA għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kontroll ta' kwalunkwe azzjoni oħra mingħajr objettivi ta' żvilupp;
Il-finanzjament tal-pajjiżi l-anqas żviluppati
12. Jenfasizza li l-użu tal-FEŻ biex jiġi ffinanzjat l-EUTF għall-Afrika jista' jkollu impatt fuq il-pajjiżi Afrikani benefiċjarji tal-għajnuna li mhumiex koperti mill-Fond Fiduċjarju, u b'mod partikolari fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs);
13. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li, minkejja l-importanza kontinwa tal-ODA għal-LDCs, il-livelli diġà baxxi tal-għajnuna għall-iżvilupp lil-LDCs naqsu għat-tieni sena konsekuttiva fl-2014 u l-proporzjon tal-għajnuna allokata lil dawk il-pajjiżi tinsab fl-aktar livell baxx tagħha f'għaxar snin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għaldaqstant, biex jiżguraw li l-għajnuna ma tiġix iddevjata mill-aktar pajjiżi fqar sabiex tkopri l-ispiża tal-kriżijiet attwali;
Ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali
14. Iqis li l-EUTF għall-Afrika għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp f'pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-migranti, it-tisħiħ u t-titjib tas-servizzi pubbliċi lokali (servizzi soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, il-kultura), il-parteċipazzjoni politika u l-governanza, speċjalment permezz ta' proġetti bbażati fuq il-komunità; iqis li l-Fond għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' impjiegi f'setturi lokali, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; jemmen, f'dan il-qafas, li l-awtoritajiet tal-gvern lokali għandhom jiġu kkonsultati bħala sħab sħaħ sakemm ikun hemm garanziji kompluti ta' effiċjenza u governanza tajba skont il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, u li dawn għandhom ikunu wkoll l-atturi ewlenin responsabbli mis-servizzi pubbliċi mogħtija fil-livell lokali; jemmen li s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-komunitajiet tad-dijaspora għandu jkollhom rwol kumplimentari u rwol ċentrali fl-indirizzar tal-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni u t-titjib fis-servizzi lokali;
15. Ifakkar li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs huma sħab naturali għal politika ta' żvilupp effettiva, u li djalogu kontinwu mal-awtoritajiet nazzjonali u l-komunitajiet lokali huwa essenzjali sabiex jiġu definiti strateġiji u prijoritajiet komuni u jippermetti approċċ ibbażat fuq l-evidenza fl-implimentazzjoni tal-Fond, b’mod partikolari fi stati li ma jurux biżżejjed garanziji ta' governanza tajba u trasparenza; jitlob rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà u sjieda anke f'dan il-qasam ta' azzjoni; jenfasizza li l-entitajiet tal-gvern lokali, is-soċjetà ċivili lokali, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu involuti sew fil-fażijiet ta' ppjanar, implimentazzjoni u evalwazzjoni tal-EUTF; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara u tifformalizza l-proċeduri ta' konsultazzjoni ma' dawn il-partijiet interessati sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fid-diskussjonijiet li għaddejjin fi ħdan il-Kumitati Operazzjonali, bi kriterji ta' eliġibbiltà ċari u trasparenti;
16. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat bilanċ aħjar ta' finanzjament għall-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji u speċjalment għal atturi affidabbli tas-soċjetà ċivili, li għandhom it-tendenza jkunu aktar konxji tad-dgħufijiet tas-soċjetà li għandhom bżonn ta' appoġġ;
17. Ifakkar fl-importanza li fir-rigward tar-reżiljenza jkun hemm approċċ imfassal madwar il-persuni u l-komunità, u jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti popolari speċifikament immirati biex titjieb il-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali tas-servizzi bażiċi kif ukoll taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;
Trasparenza u ċarezza biex jintlaħqu aħjar l-objettivi
18. Jirrikonoxxi l-kumplessità u n-natura multidimensjonali tal-kriżi attwali tar-rifuġjati; iwissi, madankollu, kontra r-riskju serju ta' użu ħażin tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, b'mod partikolari f'pajjiżi milquta minn kunflitti fejn kwistjonijiet b'rabta mas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-iżvilupp huma marbuta mill-qrib; jenfasizza li l-proġetti koperti mill-EUTF, li nħolqu permezz ta' sorsi li fil-prinċipju huma ddedikati l-aktar għal skopijiet ta' żvilupp, għandu jkollhom objettivi tal-iżvilupp; jenfasizza li proġetti mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà f'pajjiżi partikolari għandhom ikunu mfasslin b'tali mod li r-riżultati finali tagħhom ikunu ffukati fuq it-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-istabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji;
19. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet inkarigati direttament bil-ġestjoni tal-Fond Fiduċjarju, li r-riżorsi kollha li ġejjin mill-FEŻ jew fondi oħra għall-iżvilupp għandhom jintużaw esklużivament għal azzjonijiet direttament iddedikati għall-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi espliċitament assigurazzjoni fir-rigward ta' tali użu u tiżgura rappurtar regolari u komprensiv dwar l-użu ta' dawn il-fondi;
20. Jenfasizza li l-baġit tal-UE ma jistax jintuża direttament għall-finanzjament ta' operazzjonijiet militari jew tad-difiża (l-Artikolu 41(2) tat-TUE), iżda li m'hemmx esklużjoni espliċita għal operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi b'objettivi tal-iżvilupp; ifakkar barra minn hekk li l-Artikoli 209 u 212 tat-TFUE ma jeskludux espliċitament il-finanzjament tal-bini tal-kapaċità fis-settur tas-sigurtà;
21. Jistieden lill-Kummissjoni, il-Bord Strateġiku u l-Kumitat Operattiv jiffukaw primarjament fuq il-bini tal-kapaċità, l-istabbiltà u l-paċi, ir-reżiljenza, il-benessri u l-għoti tas-setgħa lill-popolazzjonijiet lokali, il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u taħriġ, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ;
22. Jenfasizza bil-qawwa li l-għan aħħari tal-politika għall-iżvilupp tal-UE, kif minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għandu jkun it-tnaqqis u l-qerda tal-faqar; jiddeplora f'dan ir-rigward il-fatt li filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-UE għall-EUTF għandha ssir l-aktar permezz ta' riżorsi mill-ODA, dan il-mekkaniżmu ta' finanzjament mhux se jkun iffukat esklussivament fuq objettivi orjentati lejn l-iżvilupp; jenfasizza li għandha ssir distinzjoni ċara, trasparenti u li tista' tiġi kkomunikata fi ħdan l-EUTF bejn il-pakketti ta' finanzjament għall-attivitajiet ta' żvilupp min-naħa, u dawk l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri u l-attivitajiet l-oħrajn kollha min-naħa l-oħra; jenfasizza li t-tnaqqir tal-ODA sabiex jintużaw anqas fondi għall-ġlieda kontra l-faqar estrem jista' jfixkel il-progress sinifikanti li jkun sar fl-iżvilupp internazzjonali u jhedded l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) adottati reċentement;
Koerenza tal-politika tal-UE u l-impenn għad-drittijiet tal-bniedem
23. Jitlob lill-UE turi koerenza akbar meta taġixxi fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp, minn żewġ perspettivi: l-UE u l-Istati Membri għandhom, min-naħa, jaġixxu skont l-impenji tagħhom u, min-naħa l-oħra, juru koerenza ġenerali fil-politiki u l-istrumenti esterni tagħhom għar-reġjun Afrikan, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispirtu ta' koġestjoni tal-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-AKP; iqis, meta tikkunsidra l-perspettiva aħħarija, li l-EUTF għandu jirrifletti l-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli u l-komplementarjetà bejn il-partijiet interessati kollha tal-iżvilupp, u għandu jevita kwalunkwe kontradizzjoni bejn l-għanijiet ta' żvilupp u l-politiki ta' sigurtà, umanitarji u dwar il-migrazzjoni; jittama li l-pakkett ta' regolamentazzjoni aħjar se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha tiegħu;
24. Ifakkar li r-regoli u l-kriterji li jirregolaw l-għajnuna għall-iżvilupp għall-proġetti ffinanzjati mill-EUTF għandhom ikunu stabbiliti abbażi ta' valuri kondiviżi u interessi komuni, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni fis-sigurtà, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi mmirati biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, b'attenzjoni partikolari fuq id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet ta' persuni LGBTI, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-minoranzi u gruppi oħra partikolarment vulnerabbli; jindika li l-UE għandha tħeġġeġ sforzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon jew twemmin personali, il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali;
25. Jinnota li l-fondi fiduċjarji għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul li tiġi żgurata l-paċi u tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat sistematikament u bir-reqqa l-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-EUTF għall-Afrika dwar it-twassil ta' għajnuna umanitarja; jenfasizza li l-EUTF m'għandux jimmina l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq perjodu twil tal-UE; jenfasizza li s-sjieda u komplementarjetà ta' proġetti fuq perjodu qasir u twil għandhom jiġu żgurati, issalvagwardjati u allinjati mal-istrateġiji eżistenti tal-UE reġjonali u nazzjonali għas-Saħel, il-Golf tal-Guinea, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta' Fuq; jenfasizza li hemm bżonn li ssir valutazzjoni komprensiva skont il-pajjiż u s-settur biex ikun hemm allokazzjoni tajba tal-fondi, kif ukoll biex jinħolqu sħubijiet mill-qrib ma' firxa wiesgħa ta' atturi tas-soċjetà ċivili; jilqa' l-komponent ta' riċerka integrat fl-EUTF bħala opportunità potenzjali biex jinħolqu opportunitajiet ta' żvilupp u sinerġiji bejn l-UE u l-pajjiżi kkonċernati;
Objettivi u segwitu
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku kif qed jintużaw il-fondi tal-EUTF u kif jiġu allokati, u żżid is-setgħa ta' skrutinju tal-Parlament fuq l-EUTF; jistieden b'mod partikolari lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkomunikaw fuq bażi regolari l-azzjonijiet speċifiċi meħuda kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Afrikani meta jintużaw dawn il-fondi u r-riżultati miksuba;
27. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni fost l-atturi kollha involuti fil-ġestjoni tal-EUTF (u b'mod partikolari bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) u d-dipartiment tagħha għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO), u n-nuqqas ta' linji gwida ċari dwar kif jista' jkun żgurat finanzjament; jiddeplora n-nuqqas ta' ċarezza u trasparenza rigward il-kriterji ta' finanzjament u l-volum ta' fondi disponibbli għas-soċjetà ċivili taħt l-EUTF; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-EUTF b'mod ġenerali, fl-interessi tal-ippjanar ulterjuri ta' Fondi Fiduċjarji oħra addizzjonali; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li l-azzjonijiet tagħha jkunu konsistenti u koordinati mal-Programmi ta' Żvilupp Reġjonali (PŻR), sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi żgurat li l-enfasi prinċipali tkun fuq l-iżvilupp, u mhux fuq il-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà għad-detriment ta' migranti; jistieden lill-Kummissjoni, għall-istess raġuni kif ukoll sabiex jiġi massimizzat l-impatt u l-effettività tal-għajnuna globali, tkompli bi djalogu effettiv man-NU fil-kuntest tal-EUTF; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha bil-għan li jkun hemm valutazzjoni tal-impatt aktar sistematika tal-politiki tagħha u l-finanzjament, inkluż l-EUTF, speċjalment rigward l-effetti tagħhom fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex tintegra r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet fil-politiki tagħha u l-ipprogrammar;
28. Jenfasizza n-nuqqas ta' involviment tal-Parlament sa issa fl-istabbiliment tal-EUTF, u jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi garantita, permezz ta' rappurtar dettaljat u regolari mill-Kummissjoni, l-iskrutinju tal-Parlament dwar kif qed jiġi implimentat il-Fond;
29. Jemmen li, fid-dawl tal-flessibbiltà straordinarja u r-rapidità xierqa għal Fond Fiduċjarju, għandu jsir rappurtar perjodiku lill-Parlament tal-anqas darba kull sitt xhur; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa għal monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar tal-prestazzjoni trasparenti;
30. Jemmen li t-trasparenza, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà fir-rigward tal-proġetti żviluppati fil-qafas tal-EUTF huma tal-akbar importanza għall-komunikazzjoni tar-riżultati u għall-involviment u s-sensibilizzazzjoni tal-atturi privati Ewropej, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal involviment aktar wiesa' u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni mill-Istati Membri;
31. Jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid, is-sostituzzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini, u l-impenji finanzjarji tal-Istati Membri, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-bniedem;
32. Ifakkar li l-politiki ta' migrazzjoni tal-UE għandhom jiffukaw primarjament fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, jenfasizza li l-politiki ta' migrazzjoni tal-UE għandhom jaħdmu biex jgħinu fil-ħolqien tal-paċi u l-istabbiltà u jrawmu l-iżvilupp ekonomiku, f'konformità mal-għanijiet Nri 3, 4 u 5, il-mira Nru 7 tal-għan Nru 10, u l-għan Nru 16 tal-SDGs Agenda 2030 u billi ssir ħidma aktar mill-qrib ma' pajjiżi terzi sabiex titjieb il-kooperazzjoni dwar inċentivi għar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti, inklużi l-migranti, b'ħiliet għolja, ir-ritorn volontarju u r-riammissjoni, b'mod li jtejjeb l-opportunitajiet tagħhom;
33. Jisħaq fuq il-fatt li l-instabilità u n-nuqqas ta' sigurtà fiżika għandhom huma kawżi prominenti ta' spostament furzat, u għalhekk jappoġġa approċċ sensittiv għall-kunflitt fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fond li jipprijoritizza l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-istat, il-governanza tajba u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt; jemmen li l-EUTF huwa opportunità kbira għall-UE, li jippermettilha ssaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu politiku tagħha mas-sħab Afrikani tagħha, b'mod partikolari rigward l-implimentazzjoni effettiva ta' ftehimiet ta' ritorn u ta' riammissjoni, u biex tibni fuq strateġiji komuni għall-ġestjoni ta' flussi migratorji; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn l-UE u s-sħab Afrikani tagħha, f'konformità mal-konklużjonijiet tas-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru 2015; iqis, madankollu, li l-għajnuna għall-iżvilupp m'għandhiex tintuża biex jitwaqqfu l-flussi ta' migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil, u li l-proġetti li jaqgħu taħt l-EUTF m'għandhomx iservu bħala skuża biex jipprevjenu t-tluq jew l-issikkar tal-fruntieri bejn il-pajjiżi, filwaqt li jiġu injorati l-fatturi li jwasslu biex in-nies jaħarbu minn djarhom; jesprimi tħassib serju dwar l-impatt li l-EUTF jista' jkollu fuq id-drittijiet tal-bniedem, jekk il-kontroll tal-flussi migratorji jinvolvi kooperazzjoni ma' pajjiżi li jwettqu ksur sistematiku u/jew serju tad-drittijiet fundamentali; jitlob lill-Kummissjonisabiex l-Fond jaqdi l-iskop tiegħu, jiġifieri li jgħin lil dawk fil-bżonn u mhux li jiffinanzja lill-gvernijiet li huma responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jittejjeb ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti fi proġetti ffinanzjati mill-UE;
34. Jenfasizza li huwa importanti li nifhmu l-kawżi u l-konsegwenzi tal-migrazzjoni internazzjonali mill-perspettiva tal-ġeneru, inkluż il-proċess involut ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-mekkaniżmi li jwasslu għall-migrazzjoni; ifakkar li n-nisa u l-bniet, bħala rifuġjati u migranti, huma partikolarment vulnerabbli meta jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet fejn is-sikurezza tagħhom ma tistax tiġi żgurata u fejn dawn jistgħu jkunu suġġetti għal vjolenza jew sfruttament sesswali; jenfasizza li l-EUTF għandu jikkontribwixxi għall-protezzjoni, l-appoġġ u/jew l-assistenza fir-rigward ta' migranti vulnerabbli, rifuġjati u vittmi tat-traffikar, u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u t-tfal;
35. Jinnota li l-EUTF għall-Afrika nħoloq b'segwitu għas-Summit tal-Belt Valletta tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Afrikani u Ewropej dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet konkreti li segwew dan is-summit, notevolment fil-qasam tal-iżvilupp, il-ġlieda kontra t-traffikanti u l-iffirmar ta' ftehimiet ta' ritorn, riammissjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jistieden lill-Kunsill jagħti l-mandati meħtieġa lill-Kummissjoni biex tikkonkludi tali ftehimiet mal-pajjiżi li jikkonċernahom l-EUTF;
o o o
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP/UE u lill-President tal-Parlament Pan-Afrikan.