Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2273(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0249/2016

Testi mressqa :

A8-0249/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2016 - 9.7
CRE 14/09/2016 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0345

Testi adottati
PDF 415kWORD 67k
L-Erbgħa, 14 ta' Settembru 2016 - Strasburgu
Relazzjonijiet tal-UE mat-Tuneżija fil-kuntest reġjonali attwali
P8_TA(2016)0345A8-0249/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mat-Tuneżija fil-kuntest reġjonali attwali (2015/2273(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali fit-Tuneżija fl-2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem intitolat "Prisons in Tunisia: International Standards versus Reality" (Il-ħabsijiet fit-Tuneżija: standards internazzjonali vs realtà) ta' Marzu 2014 u d-dikjarazzjonijiet ta' uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Tuneżin,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Appoġġ Uniku għall-appoġġ min-naħa tal-Unjoni Ewropea lit-Tuneżija għall-perjodu 2014-2015, li ġie prorogat sa tmiem l-2016 permezz ta' modifika tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)5160,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta’ Novembru 2015 intitolat "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2015)0050),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tat-Tuneżija, fl-1 ta' Diċembru 2015, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fl-ambitu tar-riċerka u tal-innovazzjoni fil-qafas tal-programm Orizzont 2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 dwar il-proposta għar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija(3),

–  wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ fid-19 ta' April 2016 tar-Regolament (UE) 2016/580 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija(4),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tas-17 ta' Marzu 2015 għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija (2013-2017) u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tat-18 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-"Pjan ta' Żvilupp Strateġiku għall-2016-2020" tat-Tuneżija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0249/2016),

A.  billi t-Tuneżija tgħodd mal-pajjiżi prijoritarji tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-UE;

B.  billi l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika li sar b'mod paċifiku fit-Tuneżija jirrappreżenta eżempju pożittiv fid-dinja Għarbija u l-konsolidament tiegħu huwa ta' importanza liema bħalha għall-istabilità tar-reġjun kollu u, b'konsegwenza diretta ta' dan, għas-sigurtà tal-Ewropa;

C.  billi l-Premju Nobel għall-Paċi ngħata lill-Kwartett għad-Djalogu Nazzjonali Tuneżin fl-2015 għall-"kontribut deċiżiv għall-bini ta' demokrazija pluralistika fit-Tuneżija";

D.  billi t-Tuneżija bħalissa qiegħda tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli iżda wkoll sfidi għas-sigurtà li ġejjin mis-sitwazzjoni fil-Libja; billi t-turiżmu, li jirrappreżenta element fundamentali tal-ekonomija Tuneżina, huwa milqut b'mod gravi minn dawn iċ-ċirkostanzi u mill-attakki terroristiċi mmirati lejn il-pajjiż;

E.  billi l-ekonomija Tuneżina hija dipendenti fil-biċċa l-kbira mill-investimenti barranin, mit-turiżmu u mill-esportazzjoni ta' prodotti lejn l-UE u billi l-ekonomija tista' biss tiffjorixxi jekk id-demokrazija tkun tista' tkompli tiżviluppa ruħha;

F.  billi n-nuqqas ta' impjiegi u opportunitajiet kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin għad-dimostrazzjonijiet popolari enormi fl-2011, u billi ħafna mill-problemi għadhom jinħassu kuljum min-nies, minħabba r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ;

G.  billi hemm bżonn li tiġi żviluppata sħubija reali li tqis l-interessi tal-komunitajiet taż-żewġt ixtut tal-Mediterran u li jkollha l-iskop li tittratta, b'mod partikolari, l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali fit-Tuneżija;

H.  billi, bit-tmiem tar-reġim ta' Ben Ali u l-konsolidament tal-proċess demokratiku, l-UE tista' ttejjeb id-djalogu politiku tagħha mat-Tuneżija billi tieħu aktar kont tal-interessi u tal-prijoritajiet ta' dan is-sieħeb importanti bħala mod kif jintlaħaq l-objettiv ta' stabilità;

I.  billi jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu impenjati li jaħdmu mal-poplu Tuneżin u mal-gvern tagħhom bil-għan li jippromwovu l-interessi komuni, inklużi l-kummerċ, l-investimenti, it-turiżmu, il-kultura u s-sigurtà;

J.  billi, fil-kuntest tal-organizzazzjoni tas-sottokumitati, twaqqaf djalogu tripartitiku bejn l-awtoritajiet, l-atturi tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-UE fit-Tuneżija;

K.  billi l-libertà tal-istampa u l-libertà ta' pubblikazzjoni huma elementi essenzjai ta' soċjetà miftuħa, libera u demokratika;

L.  billi t-Tuneżija żvolġiet rwol importanti fil-promozzjoni tal-konklużjoni ta' ftehim bejn il-partijiet f'kunflitt fil-Libja;

M.  billi l-instabilità fil-Libja u r-riperkussjonijiet relatati jikkostitwixxu theddida gravi għall-istabilità tat-Tuneżija u għar-reġjun kollu kemm hu; billi t-Tuneżija attwalment tospita numru konsiderevoli ta' Libjani spustati, li ħarbu mill-instabilità u mill-vjolenza fil-Libja, u billi dan qiegħed jeżerċita pressjoni qawwija fuq is-sitwazzjoni interna u fuq l-infrastrutturi;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin it-Tuneżija sofriet bosta attentati terroristiċi; billi t-Tuneżija hija sieħba essenzjali tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

O.  billi numru għoli immens ta' żgħażagħ Tuneżini ġie rreklutat mill-IS/Daesh u billi n-nuqqas ta' prospettivi u l-istaġnar ekonomiku jistgħu jikkontribwixxu biex iż-żgħażagħ isiru aktar vulnerabbli għall-ġibda tal-gruppi estremisti;

1.  Itenni l-impenn tiegħu fil-konfront tal-poplu Tuneżin u tal-proċess ta' tranżizzjoni politika li beda fl-2011; jenfasizza l-isfidi u t-theddidiet li għandu jħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż biex jikkonsolida l-proċess demokratiku, jimplimenta r-riformi neċessarji għall-ġid soċjali u ekonomiku u jiggarantixxi s-sigurtà; iħeġġeġ il-mobilizzazzjoni u l-koordinament aħjar tal-UE u tal-Istati Membri tar-riżorsi tekniċi u finanzjarji sostanzjali bil-għan li t-Tuneżija tingħata sostenn konkret; jissottolinja li, mingħajr it-tisħiħ tal-kapaċità ta' assorbiment tat-Tuneżija, l-istabilità tagħha, id-demokrazija u l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi fir-reġjun, kwalunkwe possibilità ta' riforma se tkun f'riskju; jitlob, għalhekk, sħubija approfondita u komprensiva reali bejn l-UE u t-Tuneżija;

2.  Jistieden lill-parteċipanti tas-Sħubija ta' Deauville jwettqu dak li wiegħdu; iqis li s-sitwazzjoni fit-Tuneżija tiġġustifika t-tnedija ta' "Pjan Marshall" veru u proprju mgħammar b'biżżejjed fondi biex isostnu l-konsolidament tat-tranżizzjoni demokratika u jrawmu l-investimenti u l-iżvilupp fis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà fil-pajjiż, partikolarment il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żamma ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità aċċessibbli għal kulħadd; jitlob ukoll il-konsolidament tal-isforzi favur is-soċjetà ċivili; jesprimi t-tħassib tiegħu għad-diffikultajiet soċjoekonomiċi u baġitarji attwali marbuta mal-instabilità tal-perjodu ta' tranżizzjoni mad-dmir kategoriku tat-Tuneżija li timplimenta riformi adegwati intiżi biex jippromwovu l-impjiegi u jiżviluppaw tkabbir sostenibbli u inklużiv; iqis, għaldaqstant, essenzjali li l-awtoritajiet baġitarji jaqblu dwar tisħiħ deċiżiv tar-riżorsi ddestinati għat-Tuneżija mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat;

3.  Jafferma li t-tranżizzjoni demokratika storika tat-Tuneżija, minkejja sitwazzjoni soċjoekonomika diżastruża, teħtieġ sħubija UE-Tuneżija ħafna aktar ambizzjuża li tmur lil hinn mill-miżuri konvenzjonali;

4.  Ifaħħar il-kooperazzjoni tajba bejn it-Tuneżija u l-ġirien tagħha, kif deher permezz tal-iffirmar ta' ftehim kummerċjali preferenzjali u tal-istabbiliment ta' kumitati transfruntieri lokali mal-Alġerija mmirati biex irawmu l-iżvilupp lokali, permezz tar-rabta mill-qrib bejn l-ekonomija tat-Tuneżija ma' dik tal-Libja u s-solidarjetà tal-poplu Tuneżin mal-Libjani spustati; jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, il-progress tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni fil-Libja;

5.  Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta; jagħmel appell favur l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ tar-rispett tal-libertajiet fundamentali, tal-ugwaljanza tal-ġeneru u ta' kwistjonijiet oħrajn marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, bl-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili;

6.  Jissottolinja li t-tnedija mill-ġdid tal-proċess politiku ta' integrazzjoni fil-qafas tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi taf tkun opportunità partikolarment adegwata biex tkun garantita s-sigurtà u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-reġjun kollu kemm hu;

I – Riformi politiċi u istituzzjonijiet

7.  Jesprimi s-sostenn tiegħu għall-proċess ta' demokratizzazzjoni u josserva l-bżonn ta' riformi ekonomiċi u soċjali fit-Tuneżija; jenfasizza l-bżonn li jingħata sostenn lill-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu fid-dawl tal-isfida li qed taffronta biex ittejjeb l-istabilità f'kuntest reġjonali volatili u ssaħħaħ, fl-istess waqt, id-demokrazija; jesprimi tħassib għan-nuqqas ta' riżorsi tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu, li jostakola r-rwol leġiżlattiv tiegħu u jnaqqas ir-ritmu tal-abbozzar tal-leġiżlazzjonijiet l-ġodda u tal-proċess ta' riforma li tant hemm bżonn urġenti tagħhom; isostni l-isforzi tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu biex ittejjeb il-kapaċità tagħha, anki permezz tar-reklutaġġ ta' persunal; isostni rieżami tal-bżonnijiet tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu; jitlob lis-servizzi tal-Parlament iqawwu l-attivitajiet ta' sostenn għall-bini tal-kapaċitajiet favur l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu; jirrakkomanda li l-Parlament jorganizza fis-sede tiegħu laqgħa fl-ogħla livelli politiċi, pereżempju "ġimgħa Tuneżina", bil-għan li jrawwem il-kooperazzjoni parlamentari;

8.  Jilqa' favorevolment it-twaqqif ta' Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Tuneżija li se jiżvolġi rwol ta' importanza primarja u jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lid-deputati Tuneżini jiltaqgħu fuq bażi regolari u jiżviluppaw djalogu politiku strutturat dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u kwalunkwe suġġett ta' interess komuni; jisħaq fuq il-fatt li, bħala parti mill-ftuħ tan-negozjati kummerċjali, il-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Tuneżija għandu rwol importanti fil-monitoraġġ effettiv tan-negozjati li għaddejjin; jappella għat-tnedija ta' inizjattivi speċifiċi bħala sostenn favur l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu ma' kumitati oħrajn tal-Parlament Ewropew, bħall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (għas-sostenn fir-rigward tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-liġi dwar l-immigrazzjoni u l-miżuri marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'materja kriminali, inkluż it-terroriżmu);

9.  Jilqa' pożittivament id-djalogu tripartitiku fit-Tuneżija; jitlob li jitkompla u jkun estiż għall-aspetti kollha tar-relazzjonijiet bilaterali UE-Tuneżija u, b'mod partikolari, jistieden li jkun garantit l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tar-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-proċess għan-negozjati tal-prijoritajiet UE-Tuneżija;

10.  Josserva li r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika hija waħda mir-riformi l-aktar ambizzjużi li t-Tuneżija jkollha timplimenta; jilqa' pożittivament il-fatt li l-Gvern Tuneżin qies il-metodi l-ġodda biex jaċċelera l-politiki prijoritarji fundamentali; jemmen li l-ġemellaġġ bejn l-amministrazzjoni Ewropea u dik Tuneżina jikkostitwixxi kontribut pożittiv għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; isostni l-użu ta' soluzzjonijiet informatiċi biex jinħoloq u jkun żviluppat Stat u amministrazzjoni elettroniċi;

11.  Japprezza r-rispett, min-naħa tat-Tuneżija, tal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-libertà ta' assoċjazzjoni, li bis-saħħa tiegħu t-Tuneżija hija minn ta' quddiem fit-tisħiħ ta' soċjetà ċivili indipendenti fid-dinja Għarbija; jappella għat-tisħiħ tas-sostenn tekniku u għall-bini ta' kapaċitajiet favur l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-partiti politiċi u t-trade unions, li għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu fit-Tuneżija u wrew ruħhom fundamentali għat-tranżizzjoni demokratika, l-iżvilupp ġenerali, l-obbligu ta' rendikont min-naħa tal-gvern u l-monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-protezzjoni tan-nisa u tat-tfal, tal-ugwaljanza tal-ġeneru u tal-vittmi kollha ta' persekuzzjoni u diskriminazzjoni; jilqa' favorevolment il-programmi speċifiċi ffinanzjati mill-UE f'dan il-qasam, bħall-proġett ta' appoġġ lis-soċjetà ċivili (PASC), u l-ftehim iffirmat bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-kwartett Tuneżin maħsub biex isaħħaħ ir-rabtiet bejn is-soċjetà ċivili Tuneżina u dik Ewropea; jinkoraġġixxi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-iżvilupp lokali, inklużi l-investimenti lokali; jappella għall-promozzjoni tal-edukazzjoni ċivika u għall-impenn demokratiku;

12.  Jissottolinja l-importanza li tkun żviluppata kultura taċ-ċittadinanza u jappella għall-ħolqien ta' ambjent favorevoli mgħammar bl-istrutturi neċessarji biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu inklużi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

13.  Iqis bħala neċessarju li l-Kummissjoni u s-SEAE joffru s-sostenn meħtieġ għall-elezzjonijiet lokali (previsti għal Ottubru 2016) u jibagħtu missjoni ta' monitoraġġ u ta' assistenza elettorali tal-UE u tal-Parlament Ewropew, fl-eventwalità li tkun rikjesta mill-Gvern Tuneżin, kif diġà ġara fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali tal-2014; jappella, f'dan ir-rigward, għal sostenn imsaħħaħ favur il-muniċipalitajiet fil-qafas tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), anki billi jitrawwem l-iżvilupp ta' proġetti ta' ġemellaġġ b'koordinament mal-Istati Membri;

14.  Jappella għal sostenn favur politiki bbilanċjati mil-lat tal-ġeneru, permezz tar-riforma tal-kodiċi tal-istat personali bil-għan li jiġu aboliti l-liġijiet diskriminatorji fil-konfront tan-nisa, bħal dawk marbuta mad-drittijiet ta' suċċessjoni u taż-żwieġ, kif ukoll għal aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u fis-settur privat, skont it-termini disposti fl-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni Tuneżina; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, l-iżvilupp ta' programmi ta' mentoraġġ għall-mexxejja nisa emerġenti bil-għan li jkun iffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-pożizzjonijiet deċiżjonali; jirrakkomanda t-tneħħija tad-dikjarazzjoni ġenerali tat-Tuneżija dwar il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

15.  Jappella għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja politika, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet lokali; japprezza, f'dan ir-rigward, il-proġett ta' sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ/edukazzjoni ċivika ffinanzjat mill-UE; jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rigward ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali; iqis li l-elezzjonijiet muniċipali tal-2016 huma opportunità biex iż-żgħażagħ ikunu inkoraġġiti jerġgħu jimpenjaw ruħhom attivament fil-proċess ta' trasformazzjoni politika;

16.  Jilqa' pożittivament il-liġi fil-qasam tal-ġustizzja tranżizzjonali; ifakkar fit-tamiet kbar li l-poplu Tuneżin għandu fil-proċess ta' tranżizzjoni; jiddispjaċih bil-polarizzazzjoni qawwija fi ħdan il-Kummissjoni għall-Verità u d-Dinjità; josserva li r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u t-tkabbir ma għandhomx ikunu prijoritajiet kontradittorji;

17.  Jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jagħtu sostenn lit-Tuneżija fir-riforma tas-settur ġudizzjarju u tal-istat tad-dritt għal dawk li huma l-valuri tal-Kostituzzjoni Tuneżina, anki permezz tas-sostenn tekniku u finanzjarju favur il-ħolqien, li għadu għaddej, tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u tal-Qorti Kostituzzjonali; jilqa' favorevolment il-programm tal-UE għar-riforma tal-ġustizzja (PARJI), approvat fl-2011, u l-programm PARJ2, approvat fl-2014 u ffinanzjat bi EUR 15-il miljun biss;

18.  Jistieden lill-Gvern jadotta malajr miżuri li jipprevjenu l-użu tat-tortura; jinkoraġġixxi lit-Tuneżija tabolixxi l-piena tal-mewt; jesprimi tħassib għall-każijiet ripetuti ta' tortura, min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini fuq minuri ssuspettati li biħsiebhom jissieħbu f'organizzazzjonijiet terroristiċi;

19.  Jistieden lit-Tuneżija tirriforma b'urġenza l-liġi tal-1978 dwar l-istat ta' emerġenza, attwalment applikata barra mid-dispożizzjonijiet ta' bażi tal-Kostituzzjoni;

20.  jesprimi tħassib dwar l-iffullar eċċessiv, in-nuqqas ta' ikel u l-kundizzjonijiet sanitarji fil-ħabsijiet Tuneżini u dwar il-konsegwenzi relatati fuq id-drittijiet fundamentali tal-ħabsin; jilqa' pożittivament il-proġett Tuneżin-Ewropew ta' riforma tal-istituti tal-piena Tuneżini, bil-għan li tissaħħaħ is-sistema tal-pieni alternattivi għall-ħabs għar-reati inqas gravi;

21.  Jappella għal riforma tal-kodiċi penali u partikolarment ir-revoka tal-Artikolu 230, li jippenalizza l-omosesswalità bi tliet snin priġunerija u jmur kontra l-prinċipji kostituzzjonali tan-nondiskriminazzjoni u tal-protezzjoni tal-ħajja privata; jilqa' favorevolment il-liġi l-ġdida li tissostitwixxi u timmodifika l-liġi 1992-52 dwar id-drogi stupefaċenti, li tagħti prijorità lill-prevenzjoni minflok lid-dissważjoni u tistabbilixxi pieni alternattivi li jippromwovu r-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-konsumaturi tad-droga, bħala pass effikaċi lejn l-allinjament tal-leġiżlazzjoni Tuneżina mal-istandards internazzjonali;

22.  Jitlob li jkun hemm proċess aktar b'saħħtu ta' deċentralizzazzjoni u r-responsabbilizzazzjoni tar-reġjuni permezz ta' awtonomiji lokali ulterjuri; isostni s-sħubijiet mal-Istati Membri tal-UE li jinkoraġġixxu approċċi deċentralizzati (pereżempju, taħriġ u bini ta' kapaċitajiet f'dan l-ambitu), kif ukoll proġetti ta' kooperazzjoni deċentrizzata mmexxija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-governanza reġjonali u lokali Tuneżina u sħubijiet u skambji tal-aħjar prassi mal-bliet u mal-komunitajiet lokali tal-UE; jappella għal aktar sostenn tal-UE favur is-soċjetà ċivili fir-reġjuni, ibbażat fuq inizjattivi eżistenti li rnexxew;

23.  Huwa inkwetat bil-ftit progress li sar fir-riforma tal-kodiċi tal-proċedura kriminali u tal-kodiċi kriminali bil-għan li tkun sostnuta l-libertà ta' espressjoni; huwa inkwetat bil-fatt li bosta ċittadini ġew proċessati u impriġunati għal allegati malafama, inġurja kontra uffiċjali pubbliċi fil-kanzunetti rap jew offiża għall-moralità pubblika, inklużi ġurnalisti u bloggers, talli esprimew fehmiethom; japprezza l-fatt li t-Tuneżija ssieħbet fil-Koalizzjoni għal-Libertà Online u jistidinha tipparteċipa b'mod aktar attiv;

24.  Itenni li l-libertà tal-istampa u tal-mezzi tal-komunikazzjoni, il-libertà ta' espressjoni online, anki għall-bloggers, u offline kif ukoll il-libertà ta' assoċjazzjoni jirrappreżentaw elementi essenzjali u pilastri indispensabbli għad-demokrazija u soċjetà pluralista u miftuħa; jinkoraġġixxi standards tal-aħjar prattiki fis-settur tal-mezzi tal-komunikazzjoni biex jirriflettu ġurnaliżmu tassew investigattiv u differenzjat; jirrikonoxxi l-effetti abilitanti tal-aċċess mhux iċċensurat għall-internet u tal-midja diġitali u soċjali; jilqa' pożittivament il-qagħda ġenerali vibranti u miftuħa tal-mezzi tal-komunikazzjoni online tat-Tuneżija, iżda jappella lill-awtoritajiet Tuneżini biex ikomplu jinvestu fl-infrastrutturi teknoloġiċi bażiċi u jippromwovu l-konnettività u l-litteriżmu diġitali, speċjalment fl-ifqar żoni tal-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-liġi l-ġdida fil-qasam tal-informazzjoni ta' Marzu 2016 intiża biex tipproteġi b'mod effikaċi d-dritt għal-libertà ta' informazzjoni fit-Tuneżija, inklużi d-drittijiet tal-informaturi; japprezza l-fatt li l-Awtorità Għolja Indipendenti għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva (HAICA) u s-suċċessur tagħha, il-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva (ACA), se jisiltu benefiċċju mis-sostenn tal-UE fil-qafas tal-programm li għaddej bħalissa ta' EUR 10 miljun favur ir-riforma tal-mezzi tal-komunikazzjoni;

25.  Jistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tagħti lit-Tuneżija l-istatus ta' sieħba għad-demokrazija bħala pass importanti lejn il-konsolidament tad-demokrazija parlamentari u tal-istat tad-dritt fit-Tuneżija;

II – Żvilupp ekonomiku u soċjali

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 500 miljun u l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew;

27.  Jikkonstata t-tnedija tan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv ambizzjuż bejn l-UE u t-Tuneżija; ifakkar li jeħtieġ li l-UE tmexxi dawn in-negozjati flimkien ma' assistenza teknika u finanzjarja mfassla apposta; jenfasizza li dan il-ftehim, filwaqt li huwa mmirat biex itejjeb l-aċċess għas-suq u l-klima tal-investimenti, għandu wkoll dimensjoni kummerċjali u jrid jikkontribwixxi biex jestendi l-istandards Ewropej fil-qasam tal-ambjent, tal-ħarsien tal-konsumaturi u tad-drittijiet tal-ħaddiema fit-Tuneżija, billi jrawwem l-istabilità tal-pajjiż, jikkonsolida s-sistema demokratika tiegħu u jsaħħaħ l-ekonomija tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ progressiv waqt in-negozjati u tiżgura li dan il-ftehim joffri benefiċċji reċiproċi filwaqt li jittieħed debitament kont tad-disparitajiet ekonomiċi sinifikanti li jeżistu bejn iż-żewġ partijiet; ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu indirizzati lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tuneżin bil-għan li jkun implimentat proċess ċar u dettaljat intiż biex jinvolvi lis-soċjetà ċivili Tuneżina u Ewropea fin-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv; jitlob li l-proċess ta' konsultazzjoni jkun miftuħ u trasparenti u jqis aktar id-diversità tas-soċjetà ċivili Tuneżina, u jispira ruħu mill-aħjar prassi applikata fin-negozjati simili;

28.  Josserva l-adozzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza favur it-Tuneżija bħala pass konkret biex jingħata sostenn lill-ekonomija Tuneżina u inċentiv għar-riformi; jappella għal żieda fl-għajnuna mogħtija mill-UE lit-Tuneżija permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u l-koordinament tal-għajnuna internazzjonali lit-Tuneżija biex il-pajjiż ikun jista' jibbenefika bis-sħiħ mis-sostenn tal-UE u joħloq postijiet tax-xogħol, partikolarment għall-gradwati żgħażagħ; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' sħubijiet ma' pajjiżi jew organizzazzjonijiet donaturi interessati oħrajn fil-livell dinji u reġjonali u, b'mod partikolari, l-adozzjoni ta' miżuri ta' tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u ta' promozzjoni tat-taħriġ u tal-investiment fl-agrikoltura, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-agrikoltura lokali, tas-settur informatiku, tal-ekonomija soċjali, tas-settur tal-manifattura u tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jkunu jagħtu spinta lill-impjiegi; josserva li s-settur tat-turiżmu ħa daqqa ta' ħarta notevoli minħabba l-attentati tal-2015 u, fid-dawl tal-miżuri implimentati minn dak iż-żmien mill-awtoritajiet Tuneżini, jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jerġgħu jivvalutaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà mill-aktar fis, bil-għan li s-settur tat-turiżmu Tuneżin ikun jista' jirpilja;

29.  Jistieden lill-UE tinkludi lis-soċjetà ċivili, lill-awtoritajiet lokali u atturi importanti oħrajn fil-proċess ta' identifikazzjoni tal-prijoritajiet ta' finanzjament fir-rieżami intermedju tal-ENI;

30.  Jissottolinja l-bżonn li tiġi affrontata l-problema tal-qgħad, speċjalment għall-gradwati żgħażagħ, ikunu varati r-riformi ta' portata wiesgħa għall-promozzjoni tat-tkabbir, tal-edukazzjoni ta' kwalità u tal-impjiegi (pereżempju, billi jkunu ffaċilitati r-restrizzjonijiet tal-valuti, l-aċċess għall-mikrokreditu, ir-riforma tal-liġijiet dwar ix-xogħol, l-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ adatti għall-esiġenzi tas-suq tax-xogħol u s-semplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi) u għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija Tuneżina; jitlob lill-partijiet kollha jżommu spirtu ta' kooperazzjoni tajba biex jikkonċentraw fuq ir-riformi, bil-għan li jintlaħaq żvilupp ekonomiku inklużiv għat-territorji kollha tal-pajjiż, inklużi r-reġjuni inqas avvanzati li għandhom bżonn pjan ta' żvilupp fit-tul; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jilqgħu favorevolment l-inizjattivi li fihom huma involuti ċ-ċittadini biex itejbu d-djalogu politiku u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi; jenfasizza l-bżonn tas-sostenn internazzjonali favur dawn l-inizjattivi ċiviċi;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Pjan Strateġiku għall-Iżvilupp 2016-2020 tat-Tuneżija, u jitlob li dan jiġi implimentat malajr permezz tal-adozzjoni ta' oqfsa regolatorji mmirati biex jiffaċilitaw l-assorbiment tas-sostenn Ewropew u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kollha; jilqa' pożittivament kemm l-adozzjoni ta' kodiċi ta' investiment ġdid, li għandu joħoloq stabilità regolatorja u jiffaċilita l-investimenti, kif ukoll ir-riformi tat-taxxa; jitlob il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, li għandha topera b'mod effiċjenti u trasparenti, b'tali mod li jiġu ffaċilitati ħafna kemm l-implimentazzjoni tal-proġetti kif ukoll l-użu aħjar tal-fondi;

32.  Isostni l-isforzi li għamel il-Gvern Tuneżin biex jimmodernizza u jilliberalizza l-ekonomija bil-għan li jissodisfa d-domanda interna, reġjonali u globali l-ġdida u jemmen li ekonomija Tuneżina b'saħħitha u varjata toħloq postijiet tax-xogħol, opportunitajiet u prosperità u tippermetti lill-pajjiż jilħaq l-ambizzjonijiet usa' tiegħu f'termini politiċi u soċjali;

33.  Ifakkar fl-importanza strateġika tas-settur agrikolu fit-Tuneżija u, f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri previsti fil-baġit Tuneżin għall-2016, inkluża l-kanċellazzjoni tad-djun għall-bdiewa, u t-tnedija ta' konsultazzjoni nazzjonali dwar is-settur agrikolu; iqis li huwa essenzjali li din il-konsultazzjoni nazzjonali tinvolvi lis-soċjetà ċivili u l-akbar numru possibbli ta' atturi, inklużi l-bdiewa żgħar min-Nofsinhar tal-pajjiż kif ukoll il-bdiewa żgħażagħ; jemmen li s-settur agrikolu jeħtieġ riforma profonda u sensiela ta' miżuri prattiċi u urġenti, bħall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-impjanti tad-desalinazzjoni sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tan-nuqqas ta' ilma u problemi emerġenti oħra minħabba t-tibdil fil-klima; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jipprojbixxu l-użu ta' kwalunkwe pestiċida diġà pprojbit fl-UE;

34.  Jistieden lill-UE jintensifika l-isforzi tagħha kontra d-deżertifikazzjoni fit-Tuneżija; josserva li t-Tuneżini għaddejjin minn skarsezza gravi ta' ilma; jistieden lit-Tuneżija trawwem agrikoltura u drawwiet alimentari sostenibbli; jirrakkomanda riforma agrarja biex iħeġġeġ lill-bdiewi jikkonservaw il-foresti u x-xmajjar; ifakkar li l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu kostali Tuneżin jeħtieġ tnaqqis qawwi tad-densità tal-lukandi bil-għan li jirrazzjonalizza l-investimenti u jiġġestixxi x-xatt;

35.  Jilqa' pożittivament it-tnedija tal-proġett intitolat "Il-mobilità fost iż-żgħażagħ, is-sigurtà tal-ikel u t-tnaqqis tal-faqar f'żoni rurali" min-naħa tal-APIA (Agence de promotion des investissements agricoles), sabiex jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi joffri alternattivi fiż-żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jsostnu l-azzjonijiet tal-UE billi jinvolvu ruħhom, flimkien mal-awtoritajiet Tuneżini, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mas-settur privat, fi proġetti settorjali jew tematiċi li jista' jkollhom impatt dirett u ta' benefiċċju fuq is-soċjetà Tuneżina;

36.  Jilqa' favorevolment il-programmi żviluppati mis-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, bħal Med4jobs, biex tiġi ttrattata l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fil-Mediterran; Jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran jinkarigaw lis-Segretarjat biex jikkonċentra fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tat-Tuneżija bħala sostenn għall-konsolidament tal-proċess ta' tranżizzjoni tal-pajjiż;

37.  Jappella għal tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment f'kuntest ikkaratterizzat minn ekonomija sotterranja dejjem akbar, bil-għan li jinkiseb proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u trasparenti u jinħoloq ambjent aħjar għall-investimenti u għall-impriżi; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Aġenzija Tuneżina kontra l-Korruzzjoni, iżda jiddispjaċih bil-baġit limitat tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tuneżini jsaħħu l-kapaċità u l-effikaċja tal-Aġenzija u jgħammruha b'kull sostenn finanzjarju u loġistiku neċessarju bil-għan li jkun żgurat il-funzjonament korrett tal-amministrazzjoni pubblika u r-regolarità tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jiggarantixxu li l-passi li jieħdu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jkunu viżibbli ferm;

38.  Jappella biex jitħaffef il-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali tad-Djalogu Soċjali, deċiż fl-2013;

39.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' rkupru tal-assi tat-Tuneżija, b'mod speċifiku minħabba l-proċessi twal u kkumplikati involuti fil-konfiska u fir-rimpatriju tal-assi; jitlob li t-Tuneżija tingħata sostenn tekniku speċifiku biex tkun tista' twettaq investigazzjonijiet u tiġbor l-intelligence u l-provi meħtieġa biex tħejji każijiet ta' rkupru tal-assi;

40.  Jistieden lill-Istati Membri juru sostenn u rieda politika biex jaċċeleraw l-irkupru tal-assi Tuneżini ffriżati; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta' Jannar 2016, intiża biex testendi b'sena l-iffriżar tal-assi ta' 48 persuna;

41.  Jappella għall-promozzjoni ta' trasferimenti aktar veloċi u aktar sikuri tar-rimessi u tal-potenzjal tal-investiment, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp lokali u reġjonali, tat-Tuneżini u tal-Afrikani ta' Fuq li diġà jirrisjedu fl-UE;

42.  Jesprimi tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn Tuneżin, u jappella biex issir valutazzjoni tal-modi possibbli kif isir aktar sostenibbli, speċjalment fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż; jitlob il-konverżjoni tad-dejn Tuneżin fi proġetti ta' investiment speċjalment għall-bini ta' infrastrutturi strateġiċi u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, u jilqa' favorevolment l-inizjattivi f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu n-numru ta' dawn it-tipi ta' proġetti; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw metodi ta' kif jiggarantixxu ristrutturazzjoni preferenzjali tad-dejn tat-Tuneżija kif ukoll diversifikazzjoni tal-komponenti tad-dejn;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-proġetti tal-UE fil-qasam tal-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol u tat-taħriġ vokazzjonijiet, bħall-IRADA; jirrakkomanda l-użu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) biex l-SMEs jiġu assistiti ulterjorment; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs huma kruċjali għat-tkabbir tat-Tuneżija u għaldaqstant għandhom jibbenefikaw mis-sostenn tal-UE; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' programmi għall-impriżi start-up li, speċifikament, jimmiraw in-nisa u ż-żgħażagħ, bil-għan li jiżviluppaw it-taħriġ fil-ġestjoni azjendali u l-aċċess għas-sostenn finanzjarju bil-għan li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs; jirrakkomanda li t-Tuneżija tieħu miżuri adegwati biex tkun tista' tibbenefika bis-sħiħ mill-programm COSME (Kompetittività tal-Impriżi u l-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju) mill-aktar fis possibbli; jinkoraġġixxi s-self privat lill-SMEs, anki permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur tal-garanziji ta' kreditu u tar-riforma tas-settur bankarju b'kapitalizzazzjoni insuffiċjenti; jilqa' pożittivament il-programm ta' ġemellaġġ reċenti għall-Bank Ċentrali Tuneżin bil-għan li jappoġġa l-modernizzazzjoni tas-settur bankarju;

44.  Jirrakkomanda li l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-fondi reġjonali u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali għandhom jintużaw sabiex jindirizzaw l-iżvilupp reġjonali fit-Tuneżija u jnaqqsu d-disparitajiet; jappella għas-sostenn tas-sħab internazzjonali u tal-istituzzjonijiet ta' finanzjament biex itejbu u jespandu l-infrastruttura nazzjonali (eż. l-awtostradi, il-ferroviji, il-portijiet, l-ajruporti u n-netwerks tat-telekomumikazzjoni) ħalli jintegraw aħjar iċ-ċentri rurali u interni;

45.  Jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) ma' inizjattivi pan-Ewropej bħall-Unjoni tal-Enerġija; jinkoraġġixxi, fl-istess ħin, aktar kooperazzjoni reġjonali mal-Afrika ta' Fuq fi kwistjonijiet speċifiċi bħalma huma t-tisġir u l-ġestjoni tal-ilma, kif ukoll aktar integrazzjoni soċjoekonomika, b'aktar kummerċ, fl-Afrika ta' Fuq; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Unjoni għall-Mediterran issostni l-iżvilupp ta' proġetti speċifiċi fir-reġjun u għandha, f'dan ir-rigward, tkun involuta fi proġetti fit-Tuneżija mmexxija mill-UE;

46.  Jappella biex il-kooperazzjoni tal-UE tikkonċentra aktar fuq l-ekonomija ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u żżid l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll titjib fit-trattament tal-ilma u tal-iskart, speċjalment meta wieħed iqis il-potenzjal tat-Tuneżija fis-settur tal-enerġija rinnovabbli; japprezza l-proġetti bħal dak tat-tindif mit-tniġġis tal-Lag ta' Biżerta ssekondat mill-Unjoni għall-Mediterran, il-bjut bil-pjanti ta' Ghar el Melh u l-iskart organiku użat għall-konsum f'Beja;

47.  Jilqa' favorevolment l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku Ewro-Mediterranji bħala element importanti tal-kooperazzjoni eneġetika mal-ġirien tan-Nofsinhar; iqis li l-proġett Elmed ikun jippermetti kummerċ bidirezzjonali tal-elettriku bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran, b'hekk jiġġenera benefiċċji għas-sħab kollha f'termini ta' sigurtà, stabilità u prezzijiet aċċessibbli tal-provvista tal-elettriku;

III – Sigurtà u difiża

48.  Huwa ferm imħasseb bil-konsegwenzi immedjati għas-sigurtà fit-Tuneżija li joriġinaw, fost raġunijiet oħra, mill-instabilità fil-Libja; jinnota l-bini ta' ħajt f'żona tal-fruntiera mal-Libja; jesprimi tħassib dwar l-għadd kbir ta' ġellieda barranin Tuneżini li qed jingħaqdu mad-Daesh u ma' gruppi terroristiċi oħra; jissottolinja l-fatt li l-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta' armi tikkostitwixxi parti importanti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jissottolinja l-bżonn ta' riforma tas-servizzi tal-intelligence tal-pajjiż filwaqt li jiġu rispettati l-istat tad-dritt u l-konvenzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

49.  Huwa inkwetat dwar l-attentat terroristiku fil-belt ta' Ben Guerdane, li tinsab mal-fruntiera, immedjatament wara l-bumbardamenti f'Sabratha, li juri li l-fruntiera Tuneżina-Libjana għadha permeabbli immens; jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u jappella lill-partijiet kollha tal-Libja jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv mal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali; jissottolinja li l-UE tinsab lesta li toffri s-sostenn f'termini ta' sigurtà fuq talba tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali u li l-koordinament tas-sigurtà bejn it-Tuneżija u l-Libja jeħtieġ li jerġa' jkun stabbilit; jissuġġerixxi li għandha ssir valutazzjoni, fi sħubija mal-awtoritajiet Tuneżini, tal-possibbiltà li tinħoloq Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri fit-Tuneżija;

50.  Jirrikonoxxi li l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma fost il-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni; jappella għal inklużjoni soċjali aktar effikaċi taż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsibu impjieg stabbli u jbegħedhom milli jiġu fil-mira tar-reklutaġġ bħala ġellieda għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; jirrakkomanda l-użu tal-għarfien espert li nġabar permezz tal-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħal Hedayah biex jiġu żviluppati strateġiji lokali u reġjonali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; jitlob li ssir sensibilizzazzjoni dwar dawn in-netwerks eżistenti jew inizjattivi simili fit-Tuneżija;

51.  Jistieden lill-Gvern Tuneżin joħroġ bi strateġija li tieħu ħsieb ir-ritorn tal-ġellieda barranin, pereżempju billi l-miżuri punittivi u kawtelatorji jkunu kkombinati mal-programmi ta' deradikalizzazzjoni u ta' riabilitazzjoni biex jingħataw il-possibbiltà jirreintegraw ruħhom fis-soċjetà, b'hekk jonqsu r-riskji fil-futur; jappella għal strateġija aktar komprensiva intiża li timpedixxi r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u fiċ-ċentri ta' detenzjoni; jappella li ssir enfasi fuq it-titjib tal-edukazzjoni u fuq il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ;

52.  Jirrikonoxxi li t-terroriżmu jirrappreżenta sfida komuni li teħtieġ risposta konġunta u li dan l-aħħar ġiet intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija fil-qasam tas-sigrutà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, partikolarment bit-tnedija ta' progamm ambizzjuż maħsub biex isostni r-riforma tas-settur tas-sigurtà;

53.  Isostni l-proċess, immexxi min-Nazzjonijiet Uniti, ta' paċi u rikonċiljazzjoni politika fil-Libja bħala strument essenzjali lejn l-istabilizzazzjoni tar-reġjun tal-madwar u t-tisħiħ tas-sigurtà tat-Tuneżija u tal-proċess ta' riforma tagħha;

54.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-proċess ta' koordinament tal-assistenza fil-qasam tas-sigurtà varat mit-Tuneżija, li fih l-UE tiżvolġi rwol attiv; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha ssostni lit-Tuneżija fil-bini tal-istrutturi statali biex jittrattaw il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà; jilqa' pożittivament ir-riżultati li nkisbu mill-G7+3 fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà; jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-progammi attwalment fis-seħħ u għat-tisħiħ tal-assistenza għas-sigurtà lit-Tuneżija, b'enfasi fuq is-sigurtà tal-fruntieri, il-protezzjoni tal-infrastrutturi turistiċi u l-ġlieda kontra t-theddida terroristika komuni; jinkoraġġixxi, madankollu, lill-awtoritajiet Tuneżini jirreaġixxu b'mod proporzjonat għal tali theddidiet bil-għan li jissalvadwardjaw il-libertajiet demokratiċi u d-drittijiet fundamentali; jappella għall-appoġġ totali għall-awtoritajiet kompetenti Tuneżini, id-deżinjazzjoni ta' konsulent għas-sigurtà nazzjonali u biex l-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prassi fil-qasam tas-sigurtà mat-Tuneżija, b'enfasi fuq it-taħriġ tal-persunal tas-sigurtà u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jappella biex is-sostenn tal-UE lit-Tuneżija fil-qasam tas-sigurtà jkun suġġett għal valutazzjoni sistematika tad-drittijiet tal-bniedem;

55.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-Liġi 22/2015 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, adottat f'Lulju 2015 mill-Assemblea tar-Rappreżentanti tat-Tuneżija, li timponi l-piena tal-mewt bħala sentenza possibbli għal firxa ta' reati tat-"terrur"; jesprimi tħassib dwar bosta dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; jisħaq fuq il-fatt li din il-liġi taf tikser serjament il-libertajiet ċivili u timmina r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tuneżija; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jkomplu josservaw il-moratorju fuq il-piena tal-mewt; ifakkar li, skont id-dritt Tuneżin, il-piena tal-mewt diġà teżisti għal reati bħal omiċidju u stupru, anki jekk l-ebda eżekuzzjoni ma saret mill-1991 'il hawn; jissottolinja li, minkejja li t-Tuneżija hija fost l-aktar pajjiżi vulnerabbli għat-theddida tat-terroriżmu, l-Istati huma obbligati jirrispettaw totalment id-drittijiet tal-bniedem huma u jiġġieldu kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-PEV hija marbuta strettament mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali u jfakkar l-pożizzjoni determinata tal-UE kontra l-piena tal-mewt;

56.  Jilqa' pożittivament il-fatt li issa teżisti d-dispożizzjoni, skont il-Liġi 22/2015 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li tipprevedi l-protezzjoni ġuridika tas-sorsi tal-ġurnalisti u l-kriminalizzazzjoni tas-sorveljanza governattiva mhux awtorizzata;

57.  Japprezza l-varar, f'Novembru 2015, tal-programm tal-UE ta' sostenn favur ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fit-Tuneżija – b'attenzjoni partikolari fuq ir-ristrutturazzjoni tas-servizzi tas-sigurtà, il-kontrolli fil-fruntieri u s-servizzi tal-intelligence – u l-impenn li ħadu ż-żewġ partijiet fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tat-18 ta' April 2016 biex il-programm ikun implimentat b'mod effiċjenti u malajr;

58.  Jappella għall-promozzjoni ta' loġika ta' objettivi, pjuttost milli sempliċement sostenn minn strumenti politiċi, fi ħdan viżjoni strateġika ċara li tikkonċentra fuq il-prevenzjoni, is-sostenn tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu u l-ħolqien tal-uffiċċju tal-prosekutur inkarigat mill-ġlieda kontra t-terroriżmu;

59.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu politiku msaħħaħ bejn l-UE u t-Tuneżija fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza l-importanza li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-miżuri kontra t-terroriżmu;

60.  Jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE bħall-Europol, filwaqt li josserva li t-Tuneżija ma kinitx fil-lista ta' stati terzi li magħhom l-Europol se tikkonkludi ftehimiet; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-inklużjoni tat-Tuneżija f'din il-lista ta' stati terzi; jitlob li jsir studju tal-impatt fuq din il-kooperazzjoni u jkun ippreżentat f'laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) qabel l-approvazzjoni tal-ftehim; jilqa' pożittivament il-fatt li EUROJUST stabbiliet punt ta' kuntatt mat-Tuneżija u l-istedina minn EUROJUST indirizzata lill-awtoritajiet biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom u jaħtru t-tieni punt ta' kuntatt inkarigat speċifikament mit-terroriżmu; jistieden lill-Gvern Tuneżin jagħti segwitu xieraq lil dawn il-proposti malajr kemm jista' jkun;

IV – Mobilità, riċerka, edukazzjoni u kultura

61.  Jilqa' favorevolment is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u t-Tuneżija ffirmata f'Marzu 2014, u jitlob li din tiġi implimentata malajr; jappella għal politika ġdida fil-qasm tal-viżi fil-konfront tat-Tuneżija u għall-konklużjoni ta' ftehim ta' riammissjoni; josserva li, minkejja l-fatt li s-sħubijiet għall-mobilità jiddependu mill-kompetenzi nazzjonali, huma inklużi fil-proposta tal-UE fi ħdan il-PEV; jirrakkomanda li l-Istati Membri juru s-solidarjetà tagħhom mat-Tuneżija bis-saħħa tal-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta 'viżi għall-imprendituri, għall-għalliema, għall-istudenti, għar-riċerkaturi, għall-artisti, eċċ.;

62.  Jinkoraġġixxi lill-UE tiffirma s-sħubija għall-mobilità mal-pajjiżi sħab fil-viċinat tan-Nofsinhar tagħha bil-għan li taġevola l-proċeduri tal-viża flimkien mal-ftehimiet ta' riammissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa possibbiltajiet għal skemi ta' migrazzjoni ċirkolari li jiftħu rotot sikuri u legali għall-migranti; jikkundanna t-traffikar tal-bnedmin, li l-biċċa l-kbira tal-vittmi tiegħu huma nisa, u jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab sabiex jiġġilduh; josserva li l-ħruġ ta' viżi għal soġġorn twil bi dħul multipli, minflok viżi għal soġġorn qasir, huwa l-aħjar mod biex tonqos il-migrazzjoni irregolari, inkluż bil-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u bit-traffikar tal-bnedmin; jirrakkomanda li t-Tuneżija temenda l-liġi tal-2004 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-individwi li ħallew it-territorju tagħha mingħajr awtorizzazzjoni, skont id-dritt internazzjonali;

63.  Jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jikkooperaw mill-qrib mal-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-forom organizzati ta' immigrazzjoni illegali;

64.  Jisħaq fuq il-fatt li l-missjonijiet bħal EUNAVFOR MED jikkostitwixxu mod pożittiv u effikaċi biex jingħeleb it-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-UE tkompli tintensifika l-operazzjonijiet ta' dan it-tip u tinvolvi lill-pajjiżi sħab bħat-Tuneżija;

65.  Jilqa' pożittivament is-sħubija bejn l-UE u t-Tuneżija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-parteċipazzjoni tat-Tuneżija fil-Programm Qafas Orizzont 2020; jenfasizza li politika konsistenti ta' riċerka xjentifika u żvilupp teknoloġiku se tirrappreżenta inċentiv għall-investimenti fir-R&Ż, it-trasferiment ta' riċerka u innovazzjoni lis-settur privat u l-ħolqien ta' impriżi ġodda; jissottolinja li t-Tuneżija għandha ssir parteċipant sħiħ fil-programm Erasmus + sabiex jiġi żviluppat aktar l-iskambju ta' studenti universitarji; jinsab imħasseb bid-diffikultajiet dejjem akbar li jħabbtu wiċċhom magħom l-istudenti Tuneżini li jixtiequ jistudjaw fl-Ewropa; jitlob li jkun hemm "politika ta' diskriminazzjoni pożittiva" implimentata partikolarment għal studenti żgħażagħ li ġejjin minn reġjuni anqas żviluppati b'inċentivi għalihom biex jitħallew jipparteċipaw f'tali programmi; jistieden lit-Tuneżija terġa' tadegwa u tagħti prijorità lis-sħubijiet għall-iżvilupp tal-ħiliet fil-lingwi barranin, fl-inġinerija, fl-enerġiji rinnovabbli, fix-xjenzi u fix-xjenza informatika, li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' sħubijiet fost l-iskejjel, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka u ssaħħaħ il-proġetti komuni ta' tagħlim tul il-ħajja, speċjalment fl-oqsma tat-tagħlim tal-lingwi, tat-teknoloġiji l-ġodda, tal-promozzjoni tal-edukazzjoni tan-nisa u tal-imprenditorija;

67.  Jappella għal sħubija msaħħa fis-setturi tal-kreattività, tal-kultura, tal-isport, tal-edukazzjoni popolari, tal-ħajja fil-komunità u tal-awdjoviżiv permezz tat-tisħiħ tan-netwerks u tal-inizjattivi li jrawmu żieda fid-djalogu interkulturali, l-enfasi fuq il-patrimonju storiku u arkeoloġiku komuni mill-epoka Rumana, il-mobilità tal-parteċipanti u l-promozzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut kulturali u awdjoviżiv, inklużi l-festivals u l-wirjiet; iħeġġeġ lit-Tuneżija tipparteċipa fil-programm Ewropa Kreattiva;

68.  Jirrakkomanda l-użu tal-Għarbi mill-istituzzjonijiet tal-UE, u speċjalment mid-Delegazzjoni tal-UE f'Tuneż, meta tippubblika sejħiet għal offerti u għal espressjoni ta' interess u fil-komunikazzjoni mal-pubbliku; jissottolinja l-importanza li l-Gvern Tuneżin jinforma liċ-ċittadini dwar azzjonijietu;

69.  Iqis li l-użu tal-Għarbi huwa neċessarju biex jiggarantixxi l-involviment tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet UE-Tuneżija, partikolarment fil-kuntest tan-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles;

o
o   o

70.  Jistieden lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija u lill-President tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu tat-Tuneżija.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0272.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0061.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0086.
(4) ĠU L 102, 18.4.2016, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza