Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2016)0071 – C8-0098/2016 – 2016/0043(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0071),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0098/2016),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0247/2016),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal deċiżjoni Premessa -1 (ġdida)
(-1) Il-Kunsill, bid-Deċiżjoni (UE) 2015/18481a tiegħu, għażel, għal darb'oħra, li jinjora r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015. L-approċċ tal-Kunsill ma jirriflettix l-ispirtu tat-Trattati, u jdgħajjef il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni filwaqt li jkabbar id-"defiċit demokratiku" fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew jiddeplora bil-qawwa l-approċċ tal-Kunsill u jenfasizza li r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament għandha tiġi kkunsidrata.
____________
1a Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).
Emenda 2 Proposta għal deċiżjoni Premessa 1
(1) It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula, fl-Artikolu 145, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u li tadatta, kif ukoll swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku, bl-għan li jinkisbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
(1) It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula, fl-Artikolu 145, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u li tadatta, kif ukoll swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku, bl-għan li jinkisbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-Artikolu 9 u 10 tat-TFUE, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tiżgura suq tax-xogħol inklużiv u integrat li jkun kapaċi jindirizza l-impatt sever tal-qgħad u jiżgura livell għoli ta' impjieg, tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni kollha, inklużi pagi adegwati, u tiggarantixxi protezzjoni soċjali xierqa u konformi mar-regolamenti dwar ix-xogħol, il-ftehimiet kollettivi u bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif ukoll livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ u tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
Emenda 3 Proposta għal deċiżjoni Premessa 2
(2) L-"Istrateġija Ewropa 2020" proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, akkumpanjat minn impjiegi ta' livell għoli, produttività u koeżjoni soċjali. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, u jikkunsidraw il-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom, kif ukoll il-pożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Unjoni. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi marbutin mal-impjiegi u mas-suq tax-xogħol tal-istrateġija l-ġdida.
(2) L-"Istrateġija Ewropa 2020" proposta mill-Kummissjoni (Ewropa 2020) għandha tippermetti lill-Unjoni ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, akkumpanjat minn livell għoli ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali. L-Unjoni teħtieġ politika olistika u investimenti pubbliċi li jiġġieldu l-qgħad u l-faqar.F'dan ir-rigward, l-iżvilupp tal-indikaturi tal-impjieg u soċjali tal-Ewropa 2020 sal-lum huwa ta' tħassib kbir, peress li l-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdied b'ħames miljuni minflok ma naqas, ir-rata tal-impjieg f'ċerti pajjiżi għadha ma rritornatx għal-livelli ta' qabel il-kriżi, filwaqt li f'xi Stati Membri r-rata ta' żgħażagħ li mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu (NEET) hija 'l fuq minn 20 % u r-rata ta' dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien tlaħħaq it-23 %. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi marbutin mal-impjiegi, mal-inklużjoni soċjali u mas-suq tax-xogħol tal-istrateġija l-ġdida. Madankollu, dawn l-objettivi għadhom ma ntlaħqux u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi aktar sinifikanti sabiex jinkisbu r-riżultati mistennija. It-twettiq tal-Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali jeħtieġ jibqa' objettiv kruċjali tal-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi.
Emenda 4 Proposta għal deċiżjoni Premessa 3
3) Dawn il-linji gwida integrati huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi, waqt li jirriflettu l-interdipendenza u b'mod konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, b’mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) ta’ dak it-Trattat. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ukoll jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew.
(3) Dawn il-linji gwida integrati għandhom ikunu f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi, waqt li jirriflettu l-interdipendenza u bi qbil mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiġu kkunsidrati għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, f'bilanċ mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE.Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom jagħtu kas mhux biss tal-indikaturi ekonomiċi iżda anke, jekk ikun xieraq, ta' dawk soċjali u tal-impjiegi, filwaqt li jivvalutaw ex ante r-riformi li għandhom jiġu implimentati u l-impatt tagħhom fuq iċ-ċittadini. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiġu stabbiliti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u għandhom jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew. Tliet indikaturi tal-impjiegi – ir-rata ta' attività, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul – dan l-aħħar ġew inklużi fil-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku, u l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 20161a, appella biex dawn l-indikaturi jqanqlu analiżi fil-fond fl-Istati Membri rilevanti li tista' twassal għall-proposta u l-applikazzjoni ta' aktar riformi ekonomiċi, soċjali u tas-suq tax-xogħol.
(4) L-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri li qegħdin fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, turi li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jonqos il-qgħad strutturali, titrawwem forza tax-xogħol ta' ħila skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jiġu promossi impjiegi ta' kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja, tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ f'kull livell u tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.
(4) L-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri, li qegħdin fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, juri li l-Istati Membri għandhom jagħtu kas tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-linji gwida dwar l-impjiegi u għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jonqos il-qgħad strutturali billi jinħolqu l-impjiegi, jingħata appoġġ lil suq tax-xogħol dinamiku u inklużiv li jiffunzjona tajjeb, titrawwem forza tax-xogħol ta' ħila li tkun kapaċi tirrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jiġu promossi impjiegi deċenti u t-tagħlim tul il-ħajja, tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ f'kull livell u tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-familja u l-ħajja professjonali, l-oppożizzjoni għal kull tip ta' diskriminazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar, partikolarment il-faqar fost it-tfal, kif ukoll it-titjib tal-kapaċità ta' popolazzjoni li qed tixjieħ.
Emenda 6 Proposta għal deċiżjoni Premessa 6a (ġdida)
(6a) 120 miljun ċittadin tal-Unjoni madwar 25% qegħdin f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali. Din is-sitwazzjoni ta' emerġenza, li hija riflessa wkoll fl-għadd dejjem kbir ta' ċittadini tal-Unjoni li huma mingħajr impjieg, tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta miżuri biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw skemi ta' introjtu bażiku minimu nazzjonali sabiex huma jkunu jistgħu jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti.
Emenda 7 Proposta għal deċiżjoni Artikolu 1 – paragrafu 1
Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri4 għandhom jinżammu għall-2016 u għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-politiki tal-impjiegi tagħhom.
Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness, qed jiġu adottati. Dawn il-linji gwida għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-politiki tal-impjiegi u fil-programmi ta' riforma tagħhom, u għandu jsir rapport dwar dan f'konformità mal-Artikolu 148(3) tat-TFUE.
__________________
4 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).
Emenda 8 Proposta għal deċiżjoni Anness (ġdid)
Linja gwida 5: Inżidu d-domanda għax-xogħol
L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jindirizzaw b'mod effikaċi u fil-pront il-kwistjoni serja tal-qgħad, u jiffaċilitaw u jinvestu fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, jindirizzaw l-aċċessibbiltà għall-gruppi li qegħdin f'riskju u jnaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu persuni fil-livelli kollha tal-ħiliet u fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol, inkluż billi jnaqqsu l-burokrazija, filwaqt li jirrispettaw l-istandards soċjali u tax-xogħol, jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, u b'mod partikolari jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu attivament, fost l-oħrajn, l-impjiegi ekoloġiċi u dawk fil-qasam tas-saħħa u s-settur marittimu, kif ukoll l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali.
Il-ħaddiema għandu jonqsilhom il-piż tat-taxxa u minflok dan għandhom jerfgħuh sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir filwaqt li għandu jitħares id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq immirat lejn l-investiment pubbliku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. It-tnaqqis fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandu jkun immirat lejn komponenti rilevanti tal-piż tat-taxxa u għandu jsir bil-ħsieb li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u jonqsu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità u għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards eżistenti tax-xogħol.
Il-politiki li jiżguraw li l-pagi jippermettu introjtu adegwat li jiggarantixxi l-għajxien jibqgħu importanti għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-faqar fl-Unjoni. Flimkien mas-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom għalhekk jirrispettaw u jinkoraġġixxu mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi ħalli l-pagi reali jkunu jistgħu jwieġbu għall-iżviluppi fil-produttività u jgħinu jikkoreġu diverġenzi tal-passat mingħajr ma jinkoraġġixxu pressjoni deflazzjonarja. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jiżguraw riżorsi suffiċjenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi tal-faqar speċifiċi għal kull Stat Membru. Għalhekk għandhom jitqiesu d-differenzi fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali bil-għan li jiġu żgurati pagi għal għajxien deċenti madwar l-Unjoni. Meta jiġu biex jiffissaw il-pagi minimi f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jiżguraw l-adegwatezza tagħhom kif ukoll iqisu l-impatt li dawn iħallu fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, l-introjtu tal-familji, id-domanda aggregata, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.
L-Istati Membri għandhom inaqqsu l-burokrazija sabiex itaffu l-piż fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, billi dawn jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għall-ħolqien tal-impjiegi.
Linja gwida 6: Insaħħu l-provvista tax-xogħol u l-ħiliet
L-Istati Membri għandhom jippromwovu produttività sostenibbli u impjegabbiltà ta' kwalità permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti, magħmula aċċessibbli u disponibbli għal kulħadd. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u s-servizzi tat-trasport li qed jiffaċċjaw jew se jiffaċċjaw nuqqas ta' persunal fit-terminu medju. L-Istati Membri għandhom jagħmlu investimenti effikaċi f'edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità għolja minn età bikrija u fis-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali u għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdiedu l-kompetenzi u l-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, filwaqt li tiżdied id-diversità tal-ħiliet, u b'hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-"ħiliet mhux tekniċi" bħall-komunikazzjoni qed isiru dejjem aktar importanti għal għadd kbir ta' impjiegi.
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ billi, fost l-oħrajn, jintroduċu korsijiet volontarji dwar l-intraprenditorija u jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' intrapriżi tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji u fil-kulleġġi. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex ma jħallux liż-żgħażagħ jitilqu mill-iskola u biex jiżguraw tranżizzjoni bla intoppi mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħajja professjonali, biex jitjieb l-aċċess u jitneħħew l-ostakli għal tagħlim ta' kwalità għolja għall-adulti kollha b'enfasi partikolari fuq gruppi b'riskju għoli u l-ħtiġijiet tagħhom, billi joffru taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet meta t-telf ta' impjiegi u t-tibdil fis-suq tax-xogħol ikunu jeħtieġu riintegrazzjoni attiva. Fl-istess ħin l-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji għal tixjiħ attiv biex jippermettu ħajja tax-xogħol b'saħħitha sal-età reali tal-irtirar.
Filwaqt li jiżguraw il-livell ta' ħiliet meħtieġ minn suq tax-xogħol li kontinwament qed jinbidel u jappoġġjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ flimkien ma' programmi ta' edukazzjoni tul il-ħajja, l-Istati Membri għandhom iżommu f'moħħhom li l-impjiegi li jeħtieġu ftit kwalifiki huma meħtieġa wkoll u li l-opportunitajiet ta' impjieg huma aħjar għal dawk li għandhom ħafna kwalifiki milli għal dawk li għandhom kwalifiki medji jew baxxi.
L-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità għolja fil-bidu tat-tfulija għandu jkun prijorità għall-politiki komprensivi u l-investiment flimkien mal-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol ma' tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.
Il-kwistjoni tal-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fit-tul u l-qgħad reġjonali għoli, għandha tiġi solvuta b'mod effikaċi u f'waqtu, kif ukoll evitata permezz ta' taħlita ta' miżuri min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista. Permezz ta' strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin għandhom jiġu indirizzati l-għadd ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-problema tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u ta' ħiliet skaduti, billi fost l-oħrajn jingħata appoġġ attiv personalizzat u bbażat fuq il-ħtiġijiet u jiġu pprovduti skemi ta' protezzjoni soċjali xierqa lil dawn il-persuni biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol b'mod infurmat u responsabbli. Anke l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jiġi indirizzat b'mod komprensiv permezz ta' strateġija globali għall-impjieg taż-żgħażagħ. Dan jinkludi investiment fis-setturi li jistgħu joħolqu impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ u billi l-atturi rilevanti bħas-servizzi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jingħataw il-mezzi meħtieġa ħalli l-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom jimplimentawhom għalkollox u b'mod konsistenti, iżda wkoll bl-użu rapidu tar-riżorsi min-naħa tal-Istati Membri. L-aċċess għall-finanzjament għal dawk li jagħżlu li jibdew negozju għandu jiġi ffaċilitat permezz ta' disponibbiltà usa' ta' informazzjoni, tnaqqis ta' burokrazija eċċessiva u l-possibbiltà li l-benefiċċji tal-qgħad ta' diversi xhur jiġu konvertiti f'għotja inizjali bil-quddiem wara l-preżentazzjoni ta' pjan tan-negozju u f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki kontra l-qgħad, l-Istati Membri għandhom iqisu l-inugwaljanzi lokali u reġjonali u jikkooperaw mas-servizzi pubbliċi lokali tal-impjiegi.
Għandhom jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli jkunu żgurati riżultati fit-tagħlim ta' kwalità filwaqt li jkun evitat u jingħeleb it-tluq bikri mill-iskola, u tiġi promossa edukazzjoni komprensiva u ta' kwalità għolja mil-livell l-aktar bażiku tagħha. Dan jeħtieġ sistemi edukattivi flessibbli b'enfasi fuq il-prattika. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu l-kwalità tar-riżultati tas-sistema edukattiva billi jagħmluha aċċessibbli għal kulħadd, jistabbilixxu u jtejbu s-sistemi ta' tagħlim doppju, adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, bit-titjib tat-taħriġ professjonali u ta' oqfsa eżistenti bħall-Europass, filwaqt li jiżguraw, fejn ikun hemm bżonn, taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba barra s-sistema edukattiva formali. Ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol għandhom jissaħħu, filwaqt li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun wiesgħa biżżejjed biex tipprovdi lin-nies b'bażi solida għall-impjegabbiltà tul il-ħajja.
L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw aħjar is-sistemi tat-taħriġ tagħhom mas-suq tax-xogħol sabiex itejbu t-tranżizzjoni mit-taħriġ għad-dinja tax-xogħol. L-impjiegi ekoloġiċi u s-settur tal-kura tas-saħħa huma partikolarment essenzjali fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u f'termini ta' teknoloġiji ġodda.
Jeħtieġ li tonqos aktar id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-aktar għall-gruppi li jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew esklużjoni, bħan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura ta' kwalità u għall-but ta' kulħadd fil-bidu tat-tfulija kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa biex tiġi evitata l-esklużjoni ta' dawk b'waqfiet fil-karriera tagħhom minħabba responsabbiltajiet familjari bħal dawk li jieħdu ħsieb il-familja. Għalhekk, id-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet għandha tiġi żblukkata mill-Istati Membri.
F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li r-rati ta' żgħażagħ li mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu (NEETs) huma ogħla għan-nisa milli għall-irġiel u li l-fenomenu tan-NEETs jeżisti primarjament minħabba żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda wkoll minħabba inattività mhux marbuta mal-edukazzjoni.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ, effikaċi u effiċjenti mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni biex jiġġieldu l-faqar u jtejbu l-impjiegi ta' kwalità, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-pjattaformi ta' investiment tiegħu għandhom ikunu wkoll mobilizzati sabiex jiġi żgurat li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u li l-ħaddiema jingħataw il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli.
Linja gwida 7: Intejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol
L-Istati Membri għandhom inaqqsu s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jindirizzaw l-impjiegi prekarji, is-sottoimpjieg, ix-xogħol mhux iddikjarat u l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol. Għandhom isiru regoli li jħarsu x-xogħol u l-istituzzjonijiet ħalli jinħoloq ambjent xieraq għar-reklutaġġ filwaqt li dawn ikunu joffru livelli xierqa ta' protezzjoni lil min jaħdem u lil min qed ifittex xogħol jew jaħdem b'kuntratt temporanju, part-time jew atipiku jew b'kuntratt tax-xogħol indipendenti, billi jinvolvu b'mod attiv lill-partijiet soċjali u jippromwovu n-negozjar kollettiv. Għandhom ikunu żgurati impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, u dan mil-lat ta' sigurtà soċjoekonomika, durabbiltà, salarji adegwati, drittijiet fuq ix-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (inkluż mill-perspettiva tas-saħħa u s-sikurezza), il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta' taħriġ. Għalhekk hemm bżonn li ssir promozzjoni għad-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, ir-riintegrazzjoni ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, bil-forniment ta' kura bi prezz raġonevoli u bl-immodernizzar tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Għandha ssir promozzjoni favur il-konverġenza 'l fuq fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha.
L-aċċess għas-suq tax-xogħol għandu jiffaċilita l-intraprenditorija, il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fis-setturi kollha, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, u l-kura soċjali u l-innovazzjoni, sabiex isir l-aħjar użu mill-ħiliet tal-persuni, jitrawwem l-iżvilupp tul il-ħajja tagħhom u titħeġġeġ l-innovazzjoni mmexxija mill-impjegati.
Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prinċipju ta' sħubija u mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u għandhom jappoġġjaw it-titjib tal-funzjonament u l-effikaċja tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, b'mod speċjali f'dawk il-pajjiżi bl-ikbar problemi ta' devalwazzjoni tal-pagi minħabba d-deregolamentazzjoni reċenti tas-swieq tax-xogħol u d-dgħufija tan-negozjar kollettiv.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw standards ta' kwalità bażiċi għall-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jtejbu l-livell ta' kemm ikunu mmirati, kemm jilħqu 'l bogħod, kemm ikunu mifruxin, u kemm jinteraġixxu ma' miżuri ta' appoġġ bħas-sigurtà soċjali. Billi jipprovdu servizzi pubbliċi tal-impjiegi kwalifikati ħafna li jagħtu appoġġ individwalizzat u billi joħolqu sistemi li jkejlu l-prestazzjoni, dawn il-politiki għandhom jimmiraw li jtejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol, isaħħu n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali u jgħinu għal tranżizzjonijiet sostenibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li b’mod effettiv, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom jattivaw u jagħmluha possibbli biex kull min jista’, jieħu sehem fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jipproteġu lil dawk li (temporanjament) huma esklużi mis-swieq tax-xogħol u/jew ma jistgħux jieħdu sehem fihom, u jħejju lill-individwi għal riskji potenzjali u kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali varjabbli, billi jinvestu fil-kapital uman. L-Istati Membri għandhom jintroduċu, bħala waħda mill-miżuri possibbli biex biha jitnaqqas il-faqar u f'konformità mal-prattika nazzjonali, introjtu minimu proporzjonali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għal kulħadd u jistabbilixxu miżuri effikaċi kontra d-diskriminazzjoni.
Għandha tkun żgurata l-mobilità tal-ħaddiema bħala dritt fundamentali u kwistjoni ta' għażla ħielsa ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista’ jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u r-rikonoxximent effettiv tal-kwalifiki u l-ħiliet u l-eliminazzjoni tal-burokrazija u ta' ostakli eżistenti oħrajn. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jegħlbu l-ostakli lingwistiċi, u b'hekk itejbu s-sistemi tat-taħriġ f'dan il-qasam. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu adatt min-netwerk tal-EURES sabiex jinkoraġġixxu l-mobilità tal-ħaddiema. Għandu jiġi promoss l-investiment fir-reġjuni li qed jesperjenzaw flussi ta' ħruġ ta' ħaddiema sabiex jittaffa l-eżodu ta' mħuħ u biex il-ħaddiema mobbli jiġu mħeġġa jerġgħu lura.
Linja gwida 8: Intejbu l-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ fil-livelli kollha
L-Istati Membri għandhom jagħmlu prijorità l-aċċess għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd sa mill-bidu tat-tfulija, minħabba li t-tnejn huma miżuri ta' appoġġ importanti għall-atturi tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxu għaż-żieda fir-rata tal-impjiegi globali filwaqt li jappoġġjaw l-individwi fir-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki komprensivi u investimenti meħtieġa biex jitjieb l-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.
Linja gwida 9: Niżguraw il-ġustizzja soċjali, niġġieldu l-faqar u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs
L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu s-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom billi jiżguraw standards bażiċi ħalli jagħtu protezzjoni effikaċi, effiċjenti u sostenibbli f'kull stadju tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jiżguraw ħajja dinjituża, solidarjetà, aċċess għall-protezzjoni soċjali, rispett sħiħ tad-drittijiet soċjali, ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi kif ukoll jiżguraw l-inklużjoni sabiex jeliminaw il-faqar, b'mod partikolari għall-persuni li huma esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi aktar vulnerabbli. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati, aktar immirati u aktar ambizzjużi, inkluż permezz ta' kura tat-tfal u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd, taħriġ effikaċi u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa ta' kwalità għolja aċċessibbli għal kulħadd, aċċess għal servizzi bażiċi bħal kontijiet bankarji u l-internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u jingħelbu l-faqar estrem, l-esklużjoni soċjali u, b'mod aktar ġenerali, kull forma ta' faqar. B'mod partikolari għandu jiġi indirizzat b'mod deċiżiv il-faqar fost it-tfal.
Għal dan il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b'mod komplementari, fosthom servizzi ta' għajnuna u attivazzjoni tax-xogħol u appoġġ għall-introjtu li jkunu maħsuba skont il-ħtiġijiet individwali. F'dan ir-rigward, hija kompetenza ta' kull Stat Membru li jiffissa livelli ta' introjtu minimu f'konformità mal-prattika nazzjonali u b'mod proporzjonali mas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika fl-Istat Membru partikolari. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b'tali mod li kull persuna, mingħajr ebda diskriminazzjoni, issibha faċli biex tikseb aċċess għalihom u tużahom, b'tali mod li jkunu jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex jiġi evitat il-faqar, biex dan jonqos u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnu u mill-esklużjoni soċjali kif ukoll minn riskji oħrajn bħal tnaqqis fis-saħħa jew telf ta' impjieg. Għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tfal li jgħixu fil-faqar minħabba l-qgħad fit-tul tal-ġenituri tagħhom.
Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom ikunu strutturati b'mod li s-sostenibbiltà, is-sikurezza u l-adegwatezza tagħhom għan-nisa u l-irġiel tkun iggarantita permezz tat-tisħiħ ta' skemi tal-irtirar li jimmiraw għal introjtu ta' rtirar deċenti li tal-inqas jaqbeż is-soll tal-faqar. Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jipprevedu l-konsolidazzjoni, l-iżvilupp ulterjuri u t-titjib tat-tliet pilastri tas-sistemi ta' tfaddil għall-irtirar. Il-ħolqien ta' rabta bejn l-età tal-irtirar u l-istennija tal-għomor mhijiex l-uniku strument li permezz tiegħu tista' tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ. Ir-riformi tas-sistemi tal-pensjoni għandhom ukoll, fost l-oħrajn, jirriflettu x-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rata tat-twelid, is-sitwazzjoni demografika, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija. L-aqwa mod biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi, abbażi ta', fost l-oħrajn, investimenti soċjali f'tixjiħ attiv.
L-Istati Membri għandhom itejbu l-kwalità, l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul u s-servizzi soċjali kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-setturi relatati, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà finanzjarja ta' dawn is-sistemi bit-titjib tal-finanzjament ibbażat fuq is-solidarjetà.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni fil-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, itejbu l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jtejbu l-amministrazzjoni pubblika.
L-objettiv tal-miri ewlenin ta' Ewropa 2020, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, skont il-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkustanzi nazzjonali relattivi tagħhom, huwa li r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 tiżdied għal 75 % sal-2020; li r-rata ta' tluq bikri mill-iskola titnaqqas għal inqas minn 10 %; li s-sehem ta' dawk bejn 30 u 34 sena li temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied għal mhux inqas minn 40 %; u li titrawwem l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, billi mill-inqas 20 miljun persuna titneħħa mir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni1a.
______________
1a Il-popolazzjoni hija definita bħala l-għadd ta' persuni li huma f'riskju ta' faqar u esklużjoni skont tliet indikaturi (f'riskju ta' faqar; privazzjoni materjali; familja mingħajr impjieg), li jħalli lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom abbażi tal-indikaturi l-aktar adatti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.