Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għas-17-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li se ssir f'Johannesburg (l-Afrika t'Isfel) mill-24 ta' Settembru sal-5 ta' Ottubru 2016 (2016/2664(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-gravità tat-tnaqqis fil-bijodiversità globali, li jirrappreżenta s-sitt estinzjoni massiva tal-ispeċijiet,
– wara li kkunsidra r-rwol tal-foresti u l-foresti tropikali, li huma l-akbar riżerva tal-bijodiversità terrestri fid-dinja u ħabitat essenzjali għall-fawna u l-flora selvaġġi u għall-popolazzjonijiet indiġeni,
– wara li kkunsidra s-17-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP 17) għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li se ssir mill-24 ta' Settembru sal-5 ta' Ottubru 2016 f'Johannesburg (l-Afrika t'Isfel),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 69/314 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' organiżmi selvaġġi, adottata fit-30 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar objettivi ewlenin għall-Konferenza tal-Partijiet għas-CITES f'Johannesburg (l-Afrika t-Isfel) mill-24 ta' Settembru sal-5 ta' Ottubru 2016 (O-000088/2016 – B8-0711/2016 u O-000089/2016 – B8-0712/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-CITES hija l-akbar ftehim dinji eżistenti dwar il-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi, b'181 Parti, fosthom l-UE u t-28 Stat Membru tagħha;
B. billi l-għan tas-CITES huwa li tiżgura li l-kummerċ internazzjonali fl-annimali u l-pjanti selvaġġi ma jkunx theddida għas-sopravivenza tal-ispeċijiet li jgħixu fis-selvaġġ;
C. billi, skont il-Lista Ħamra tal-Ispeċijiet Mhedda tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (IUCN), iktar minn 23 000 speċi, li jirrappreżentaw madwar 30 % tad-79 837 speċi studjati mill-IUCN, jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni;
D. billi l-foresti pluvjali tropikali jilqgħu bejn 50 u 80 % tal-ispeċijiet ta' annimali u pjanti terrestri; billi llum dawn l-ambjenti huma partikolarment mhedda, inkluż mill-kummerċjalizzazzjoni tal-ispeċijiet, b'mod partikolari l-isfruttament tal-injam tropikali u tas-sottoswoli; billi d-deforestazzjoni u l-bejgħ illegali tal-injam qed iħallu impatt diżastruż fuq il-preservazzjoni tal-fawna u l-flora tal-foresti;
E. billi s-sajd intensiv, il-kaċċa kummerċjali u l-isfruttament bla limitu ta' mikroorganiżmi u ta' riżorsi ta' taħt qiegħ il-baħar qed jagħmlu ħsara lill-bijodiversità tal-baħar;
F. billi ħafna speċijiet soġġetti għall-kaċċa għat-trofej qed iġarrbu tnaqqis serju fil-popolazzjoni; billi fuq perjodu ta' 10 snin, l-Istati Membri tal-UE ddikjaraw bħala trofej tal-kaċċa l-importazzjoni ta' kważi 117 000 kampjun ta' speċijiet selvaġġi elenkati fl-appendiċijiet tas-CITES;
G. billi t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi sar fattur ewlieni tal-kriminalità organizzata transnazzjonali li għandu impatti negattivi fuq il-bijodiversità u fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet lokali, peress li jċaħħadhom minn introjtu legali u joħloq sens ta' insigurtà u ta' instabilità;
H. billi t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi sar ir-raba' l-ikbar suq illeċitu, wara dawk tad-drogi, tal-bnedmin, u tal-armi; billi l-internet ħa rwol ewlieni fit-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; billi anke l-gruppi terroristiċi jużaw dawn it-tipi ta' traffikar biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom; billi r-reati ta' traffikar tal-organiżmi selvaġġi ma jiġux ikkastigati biżżejjed;
I. billi l-korruzzjoni għandha rwol ċentrali fit-traffikar tal-organiżmi salvaġġi;
J. billi l-evidenza tissuġġerixxi li kampjuni maqbuda fis-selvaġġ qed jiddaħħlu fis-sistema legali permezz tal-użu frodulenti ta' permessi tas-CITES u pretensjonijiet ta' trobbija fil-magħluq;
K. billi l-UE hija suq ewlieni ta' destinazzjoni u ta' tranżitu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi, speċjalment għall-kummerċ fl-għasafar, fil-fkieren tal-baħar, fir-rettili u fi speċijiet ta' pjanti(1) elenkati fl-appendiċijiet tas-CITES;
L. billi fl-Ewropa u madwar id-dinja qed jinżammu bħala annimali domestiċi għadd dejjem ikbar ta' speċijiet eżotiċi kkumerċjalizzati illegalment; billi, jekk dawn l-annimali jaħarbu, dan jista' jwassal għal tixrid bla kontroll li jkollu riperkussjonijiet fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-pubbliku;
M. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ finanzjarju u loġistiku sostanzjali favur is-CITES u favur l-indirizzar tal-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi f'ħafna pajjiżi terzi;
N. billi l-ispeċijiet inklużi fis-CITES huma elenkati f'appendiċijiet skont l-istatus ta' konservazzjoni u l-livelli ta' kummerċ internazzjonali tagħhom, l-Appendiċi I fih speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni li l-kummerċ tagħhom huwa pprojbit, u l-Appendiċi II fih speċijiet li l-kummerċ tagħhom irid jiġi kkontrollat sabiex jiġi evitat użu inkompatibbli mas-sopravivenza tagħhom;
O. billi l-ispeċijiet tal-Appendiċi I tas-CITES huma protetti b'mod qawwi, billi kwalunkwe negozju kummerċjali fl-ispeċijiet elenkati fih huwa pprojbit, u billi kwalunkwe permess biex jinbiegħu kampjuni jew prodotti kkonfiskati, (pereżempju avorju, prodotti relatati mat-tigri jew qrun tar-rinoċeronti) jippreġudika l-għan tal-Konvenzjoni CITES;
P. billi huwa essenzjali li jsiru sforzi biex titjieb it-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
1. Jilqa' l-adeżjoni tal-UE għas-CITES; iqis li l-adeżjoni hija pass fundamentali biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tkompli ssegwi l-objettivi usa' tal-politiki ambjentali tagħha u r-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-ispeċijiet ta' flora u fawna selvaġġi fil-periklu u tippromwovi l-politiki ta' żvilupp sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-NU;
2. Jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-UE qed tipparteċipa għall-ewwel darba bħala parti, u jappoġġa l-proposti li saru mill-UE u l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet li ġew proposti dwar il-korruzzjoni u dwar it-trofej tal-kaċċa, l-estensjoni tal-protezzjoni tas-CITES għal għadd ta' speċijiet importati fl-UE, b'mod partikolari bħala annimali domestiċi, u l-emendi proposti għar-Riżoluzzjoni 13.7 (Rev. CoP14) dwar il-kontroll tal-kummerċ f'oġġetti personali u domestiċi;
3. Jenfasizza li l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għas-CITES għamlet l-istatus ġuridiku tal-Unjoni Ewropea fis-CITES aktar trasparenti fil-konfront tal-partijiet terzi għall-Konvenzjoni; jemmen li huwa pass loġiku u neċessarju li jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea tkun kompletament kapaċi ssegwi l-objettivi tagħha skont il-politika ambjentali tagħha; ifakkar li l-adeżjoni tippermetti li l-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tesprimi pożizzjoni koerenti tal-UE fi kwistjonijiet relatati mas-CITES u jkollha rwol sostanzjali fin-negozjati waqt il-Konferenzi tal-Partijiet;
4. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea saret parti għas-CITES fl-2015 u fil-Konferenza tal-Partijiet għas-CITES se tkun qed tivvota bi 28 vot dwar kwistjonijiet ta' kompetenza tal-UE; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-bidliet fir-Regoli ta' Proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet li jirriflettu t-test tal-Konvenzjoni CITES dwar il-votazzjoni min-naħa ta' organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika u li huma konsistenti ma' dak li ilu bosta snin stabbilit fi ftehimiet internazzjonali oħra, u ma jaqbilx li l-voti tal-Unjoni Ewropea jiġu kkalkulati abbażi tal-għadd ta' Stati Membri li jkunu akkreditati b'mod adegwat għal-laqgħa dakinhar li ssir il-votazzjoni;
5. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE adottat riċentement kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, li għandu l-għan li jimpedixxi dan it-traffikar billi jindirizza l-kawżi prinċipali tiegħu, itejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti u jiġġieled il-kriminalità organizzata b'rabta mal-organiżmi selvaġġi b'mod iktar effettiv; jilqa' l-inklużjoni, fil-Pjan ta' Azzjoni, ta' kapitolu speċifiku dwar it-tisħiħ tas-sħubija globali tal-pajjiżi ta' oriġini, tal-konsum u ta' tranżitu kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; iħeġġeġ ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw u jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni msaħħaħ, sabiex juru impenn Ewropew b'saħħtu fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;
6. Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jaqblu dwar linji gwida globali rigward il-kaċċa għat-trofej fi ħdan is-CITES sabiex jikkontrollaw aħjar, fil-livell internazzjonali, l-oriġini sostenibbli tat-trofej tal-kaċċa tal-ispeċijiet elenkati fl-Appendiċi I jew II;
7. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaderixxu mal-prinċipju ta' prekawzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet fid-deċiżjonijiet kollha tagħhom dwar dokumenti ta' ħidma u proposti għal inklużjoni fl-elenkar (kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni tas-CITES Konf. 9.24 (Rev. CoP16)) – b'mod partikolari fir-rigward tal-importazzjoni ta' trofej tal-kaċċa ta' speċijiet tas-CITES – filwaqt li jqisu wkoll, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' min juża jħallas, il-prinċipju ta' azzjoni preventiva u l-approċċ ekosistemiku; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, barra min hekk, jippromwovu t-tneħħija tal-eżenzjonijiet għal permessi għat-trofej tal-kaċċa kollha minn speċijiet elenkati fis-CITES;
8. Jitlob li d-deċiżjonijiet kollha tas-CITES/CoP 17 ikunu bbażati fuq ix-xjenza, analiżi bir-reqqa u konsultazzjoni ekwa mal-Istati affettwati u jintlaħqu b'kooperazzjoni mal-komunitajiet lokali; jenfasizza li kwalunkwe regolamentazzjoni dwar l-organiżmi selvaġġi għandha tinċentiva l-involviment tal-popolazzjoni rurali fil-ħarsien tan-natura billi torbot il-benefiċċji tagħha mal-istat tal-bijodiversità;
9. Iħeġġeġ lill-Partijiet għas-CITES biex isaħħu l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejn il-konvenzjonijiet relatati mal-bijodiversità fil-livelli relevanti kollha;
10. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għal kooperazzjoni, koordinazzjoni u skambju immedjat ta' informazzjoni fost l-aġenziji relevanti kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni CITES, b'mod partikolari l-awtoritajiet doganali, il-pulizija, is-servizzi li jwettqu spezzjonijiet veterinarji u fitosanitarji fil-fruntieri, u korpi oħra;
11. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu u jappoġġaw inizjattivi biex tiżdied il-protezzjoni kontra l-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq speċijiet li l-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi suq ta' tranżitu jew ta' destinazzjoni sinifikanti għalihom;
12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-linja li tifred il-kummerċ legali u dak illegali hija sottili ħafna f'dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċjalizzazzjoni tal-ispeċijiet u tal-prodotti derivati minnhom, u li bl-effetti kumulattivi tal-attività tal-bniedem u t-tisħin globali, illum il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet ta' fawna u flora selvaġġi jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni;
13. Iħeġġeġ lill-UE tadotta leġiżlazzjoni biex jitnaqqas il-kummerċ illegali billi tirrendi illegali l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-akkwiżizzjoni jew ix-xiri ta' annimali jew pjanti selvaġġi meħuda, fil-pussess, ittrasportati jew mibjugħa bi ksur tal-liġi tal-pajjiż ta' oriġini jew ta' tranżitu;
14. Jimpenja ruħu b'mod partikolari biex iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri kollha: jipprojbixxu l-esportazzjoni ta' avorju mhux maħdum, kif diġà jagħmlu l-Ġermanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit u xi Stati Amerikani; iżidu l-viġilanza tagħhom fir-rigward taċ-ċertifikati ta' kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom; jagħmlu l-ġlieda kontra l-frodi effettiva, b'mod partikolari fil-fruntieri; iniedu operazzjonijiet ta' qerda tal-avorju illegali; u jżidu l-penali għat-traffikar ta' speċijiet protetti (b'mod partikolari ljunfanti, rinoċeronti, tigri, primati u varjetajiet ta' injam tropikali);
15. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Partijiet għas-CITES, biex minbarra l-Artikoli III, IV u V tal-Konvenzjoni, jippromwovu u jappoġġaw inizjattivi biex itejbu l-benessri tal-annimali ħajjin fil-lista tas-CITES fil-kummerċ; inizjattivi bħal dawn jinkludu mekkaniżmi biex jiġi żgurat li l-annimali "jitħejjew u jiġu ttrasportati b'tali mod li jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' korriment, ħsara għas-saħħa jew trattament krudili", li d-destinazzjonijiet ikunu "mgħammra sewwa sabiex jilqgħuhom u jindukrawhom" u li l-konfiska ta' kampjuni ħajjin issir b'mod li jitqies il-benessri tagħhom;
16. JInsab imħasseb dwar l-impatt li jista' jkollu "s-serħan fuq l-estinzjoni", jew ix-xiri ta' prodotti bit-tama li l-ispeċi kkonċernata dalwaqt tiġi estinta, fuq il-protezzjoni ta' organiżmi selvaġġi fil-periklu. jistieden lill-Partijiet u s-Segretarjat tas-CITES iwettqu riċerka ulterjuri dwar jekk prodotti u teknoloġiji emerġenti bħall-Bitcoin għandhomx rwol ta' katalist;
17. Jirrikonoxxi li l-osservaturi tas-CITES għandhom rwol importanti minħabba li jipprovdu għarfien espert dwar l-ispeċijiet u l-kummerċ, u jappoġġaw il-bini ta' kapaċità min-naħa tal-Partijiet;
It-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet
18. Iqis li t-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet f'istituzzjonijiet ambjentali internazzjonali hija element ewlieni għall-funzjonament effettiv tagħhom; jilqa' l-isforzi volontarji u proċedurali kollha biex tiżdied it-trasparenza fil-governanza tas-CITES; jopponi bil-qawwa l-użu ta' votazzjonijiet permezz ta' vot sigriet bħala prattika ġenerali fi ħdan is-CITES;
19. Jilqa' d-deċiżjoni meħuda fil-laqgħa CoP 16 biex jiġi inkluż rekwiżit biex il-membri tal-Kumitati dwar l-Annimali u l-Pjanti jipprovdu dikjarazzjonijiet ta' kwalunkwe konflitt ta' interess; jirrikonoxxi, madankollu, li dan ir-rekwiżit huwa bbażat biss fuq awtovalutazzjoni mill-membri; jiddispjaċih li s'issa ma kien hemm ebda dikjarazzjoni ta' xi konflitt ta' interess finanzjarju potenzjali mill-membri ta' dawn il-kumitati;
20. Iħeġġeġ lis-Segretarjat tas-CITES biex jinvestiga l-potenzjal ta' bord ta' rieżami indipendenti, jew tal-espansjoni tal-mandat tal-Kumitat Permanenti biex jinkludi bord ta' rieżami indipendenti, sabiex tinħoloq salvagwardja ta' sorveljanza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-konflitti ta' interess;
21. Iqis li t-trasparenza hija imperattiva għal kwalunkwe proċess ta' finanzjament u hija rekwiżit għal governanza tajba, u għalhekk jappoġġa r-riżoluzzjoni proposta mill-UE dwar "Sponsored Delegates Project" (il-Proġett ta' Delegati Sponsorjati)(2);
Rapportar
22. Iqis li t-traċċabbiltà hija essenzjali għal kummerċ legali u sostenibbli, indipendentement minn jekk dan ikunx ta' natura kummerċjali jew le, u hija ċentrali għall-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-traffikar u l-kaċċa illegali ta' organiżmi selvaġġi, liema suq huwa meqjus bħala r-raba' l-ikbar suq illeċitu fid-dinja; f'dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa li l-Partijiet kollha jimplimentaw is-sistema għall-ħruġ elettroniku tal-permessi, li għandha tkun organizzata b'mod trasparenti u b'mod konġunt minnhom kollha; jirrikonoxxi, madankollu, l-isfidi tekniċi li xi Partijiet jiffaċċjaw b'dan, u jħeġġeġ l-għoti ta' appoġġ għall-bini ta' kapaċità biex il-Partijiet kollha jkunu jistgħu jimplimentaw is-sistema għall-ħruġ elettroniku tal-permessi;
23. Jilqa' d-deċiżjoni meħuda fil-CoP 16 dwar rappurtar regolari, min-naħa tal-Partijiet għas-CITES, dwar il-kummerċ illegali; iqis li l-format il-ġdid tar-rapport annwali dwar il-kummerċ illegali, kif imdaħħal fin-Notifika tas-CITES Nru 2016/007 huwa pass sinifikanti lejn l-iżvilupp ta' fehim aħjar tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, u jħeġġeġ lill-Partijiet kollha għas-CITES jirrappurtaw b'mod preċiż u regolari dwar il-kummerċ illegali billi jużaw il-format stabbilit;
24. Jilqa' inizjattivi tas-settur privat bħalma huma dawk meħuda mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru dwar it-trasport elettroniku tal-merkanzija fil-katina ta' provvista tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru; iqis li l-espansjoni ta' tali inizjattivi ta' traċċabilità, speċjalment għas-settur tat-trasport, hija għodda importanti fil-ġbir ta' intelligence;
25. Jenfasizza l-importanza tal-proċess għall-ħruġ tal-permessi fil-ġbir effettiv ta' data, u għalhekk ir-rwol ċentrali tal-Awtoritajiet ta' Ġestjoni; itenni li l-awtoritajiet li joħroġu l-permessi għandhom ikunu indipendenti, bkonformità mal-Artikolu VI tas-CITES;
It-traffikar ta' organiżmi selvaġġi u l-korruzzjoni
26. Jiġbed l-attenzjoni għall-każijiet ta' korruzzjoni fejn sar ħruġ deliberatament frodulenti ta' permessi minn atturi fl-awtoritajiet li joħorġu l-permessi; jistieden lis-Segretarjat u lill-Kumitat Permanenti tas-CITES jindirizzaw dawn il-każijiet bħala kwistjoni ta' prijorità u urġenza;
27. Jenfasizza li l-korruzzjoni tinsab f'kull stadju tal-katina tal-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi, u dan jaffettwa lill-pajjiżi ta' oriġini, lill-pajjiżi ta' tranżitu u lill-pajjiżi ta' destinazzjoni, u jgħawwar l-effettività, l-implimentazzjoni xierqa u s-suċċess aħħari tal-Konvenzjoni CITES; iqis, għalhekk, li miżuri b'saħħithom u effettivi kontra l-korruzzjoni huma essenzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;
28. Iqajjem tħassib serju dwar l-użu deliberatament ħażin tal-kodiċijiet tal-oriġini għall-kummerċ illegali ta' kampjuni ta' organiżmi maqbuda fis-selvaġġ, fil-forma ta' użu frodulenti tal-kodiċijiet li jikkorrispondu għal organiżmi mrobbija fil-magħluq għal speċijiet tas-CITES; jitlob li l-CoP 17 tadotta sistema robusta għar-reġistrar, il-monitoraġġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-kummerċ fi speċijiet imrobbija jew imnissla fil-magħluq, kemm fil-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll fl-UE, sabiex jiġi evitat li jsir dan l-abbuż;
29. Iħeġġeġ lill-Partijiet għas-CITES biex jiżviluppaw gwida ulterjuri u jappoġġaw l-iżvilupp ta' tekniki u metodoloġiji addizzjonali biex issir distinzjoni bejn l-ispeċijiet li joriġinaw minn faċilitajiet ta' produzzjoni fil-magħluq u l-ispeċijiet maqbuda mis-selvaġġ;
30. Jikkundanna l-livell għoli ta' attività illegali minn netwerks u gruppi kriminali organizzati fi ksur tal-Konvenzjoni, li frekwentement jużaw il-korruzzjoni biex jiffaċilitaw it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u jxekklu l-isforzi biex tiġi infurzata l-liġi;
31. Iħeġġeġ lill-Partijiet li għadhom mhumiex firmatarji, jew li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni biex jagħmlu dan mingħajr dewmien;
32. Jilqa' l-impenn internazzjonali skont ir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU Nru 69/314 (Lulju 2015), inter alia dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni (l-Artikolu 10)(3);
33. Jappoġġa l-inizjattivi tal-UE u tal-Istati Membri li jitolbu azzjoni ulterjuri fil-ġlieda dinjija kontra l-korruzzjoni taħt is-CITES; iħeġġeġ lill-Partijiet għas-CITES biex jappoġġaw il-proposta tal-UE għal riżoluzzjoni kontra l-attivitajiet li jiffaċilitaw il-korruzzjoni mwettqa fi ksur tal-Konvenzjoni;
Infurzar
34. Jitlob l-użu sħiħ u f'waqtu tas-sanzjonijiet mis-CITES kontra l-Partijiet li ma jikkonformawx ma' aspetti ewlenin tal-Konvenzjoni, u b'mod partikolari li l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu użu mill-mekkaniżmi disponibbli biex jinkoraġġixxu lill-Partijiet sabiex jikkonformaw mal-Konvenzjoni CITES u ma' ftehimiet internazzjonali oħra mmirati lejn il-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi u l-bijodiversità;
35. Jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni internazzjonali konġunta bejn l-atturi kollha fil-katina tal-infurzar, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali; jilqa' l-kontribut tagħhom, u jitlob involviment ulterjuri; jirrimarka l-importanza li jitwaqqfu uffiċċji ta' prosekuturi speċjali u skwadri speċjalizzati tal-pulizija biex il-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi tkun aktar effettiva; jenfasizza l-importanza tal-operazzjonijiet konġunti ta' infurzar internazzjonali taħt l-ICCWC(4), u jinsab sodisfatt, f'dan ir-rigward, bis-suċċess tal-operazzjoni COBRA III(5); jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-ICCWC;
36. Jirrikonoxxi ż-żieda fil-kummerċ illegali fil-fawna u l-flora selvaġġi u l-prodotti tagħhom permezz tal-internet, u jistieden lill-Partijiet għas-CITES jikkollaboraw mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-unitajiet taċ-ċiberkriminalità u l-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi bl-għan li jiġu identifikati l-aħjar prattiki u miżuri domestiċi eżemplari biex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali fuq l-internet;
37. Jistieden lill-Partijiet jadottaw u jimplimentaw politiki ċari u effettivi sabiex jiskoraġġixxu l-konsum ta' prodotti dderivati minn speċijiet selvaġġi vulnerabbli, iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatt tal-konsum tagħhom fuq l-ispeċijiet selvaġġi u jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-perikli tan-netwerks ta' traffikar illegali;
38. Jistieden lill-Partijiet jappoġġaw l-iżvilupp tal-għajxien għall-komunitajiet lokali li jinsabu l-eqreb tal-organiżmi selvaġġi kkonċernati u jinvolvu lil dawn il-komunitajiet fil-ġlieda kontra l-kaċċa illegali u fl-għoti ta' informazzjoni dwar l-effetti tal-kummerċ fl-ispeċijiet ta' fawna u flora li jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni;
39. Jitlob impenn internazzjonali kontinwu sabiex jiġi ffaċilitat il-bini ta' kapaċità fit-tul, jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence u jiġu kkoordinati l-isforzi ta' infurzar tal-awtoritajiet tal-gvern;
40. Jistieden lill-Partijiet jiżguraw it-tnedija ta' proċedimenti ġudizzjarji effettivi fil-konfront ta' dawk li jwettqu reati relatati mat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u jiżguraw li dawn jiġu kkastigati b'mod proporzjonali mal-gravità ta' azzjonijiethom;
Finanzjament
41. Jirrimarka l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament disponibbli għall-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u l-programmi ta' tisħiħ ta' kapaċità;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati riżorsi adegwati lis-Segretarjat tas-CITES, speċjalment fid-dawl tar-responsabbiltajiet ikbar u l-ammont ta' xogħol addizzjonali tiegħu; jenfasizza wkoll il-ħtieġa tad-depożitu f'waqtu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mwiegħda mill-Partijiet għas-CITES;
43. Jistieden lill-Partijiet jikkunsidraw żieda fil-baġit prinċipali tas-CITES sabiex tiġi riflessa l-inflazzjoni u jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Konvenzjoni CITES;
44. Iħeġġeġ sabiex kemm il-finanzjament minn sħubiji pubbliċi-privati ta' programmi ta' bini ta' kapaċità kif ukoll il-finanzjament dirett jiġu estiżi għall-oqsma oħra tal-qafas tal-Konvenzjoni CITES, sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni;
45. Jilqa' l-finanzjament tal-UE pprovdut għall-Konvenzjoni CITES permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u jħeġġeġ lill-UE tkompli tipprovdi u tiżgura appoġġ finanzjarju mmirat u, anke fuq perjodu ta' żmien fit-tul, tkompli tappoġġa għajnuna finanzjarja speċifika u mmirata;
Emendi fl-Appendiċijiet tas-CITES
46. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proposti ta' inklużjoni fl-elenkar imressqa mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;
47. Iħeġġeġ lill-Partijiet kollha għas-CITES u l-parteċipanti kollha fil-CoP 17 biex jirrispettaw il-kriterji stabbiliti fil-Konvenzjoni għall-inklużjoni ta' speċijiet fl-appendiċijiet, u jadottaw approċċ ta' prekawzjoni bl-għan li jkun żgurat livell għoli u effiċjenti ta' protezzjoni ta' speċijiet fil-periklu; josserva li l-kredibbiltà tas-CITES tiddependi fuq il-kapaċità tagħha li timmodifika l-listi b'reazzjoni kemm għax-xejriet negattivi kif ukoll għal dawk pożittivi, u għalhekk jilqa' l-possibbiltà li speċijiet jingħataw klassifikazzjoni ġdida biss meta dan ikun xieraq, b'konformità ma' kriterji xjentifiċi stabbiliti, bi prova li l-elenkar tas-CITES jiffunzjona tajjeb;
Il-kummerċ tal-avorju u l-iljunfanti Afrikani
48. Jinnota li bl-irduppjar tal-qtil illegali u t-triplikar tal-kwantità ta' avorju kkonfiskat f'dawn l-aħħar għaxar snin, il-kriżi li qed jaffaċċjaw l-iljunfanti Afrikani (Loxondonta africana) minħabba l-kaċċa illegali għall-kummerċ tal-avorju għadha waħda devastanti u qed twassal għal tnaqqis fil-popolazzjonijiet fl-Afrika kollha, u tikkostitiwixxi theddida għall-għajxien ta' miljuni ta' nies, meta jitqies li l-kummerċ illegali tal-avorju jagħmel ħsara lill-iżvilupp ekonomiku, irawwem il-kriminalità organizzata, jiffavorixxi l-korruzzjoni, jinkoraġġixxi l-konflitti u jhedded is-sigurtà reġjonali u nazzjonali peress li jikkostitwixxi sors ta' finanzjament għall-milizzji; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw proposti li jsaħħu l-protezzjoni tal-iljunfanti Afrikani u li jnaqqsu l-kummerċ illegali fl-avorju;
49. Jilqa' l-proposta mressqa mill-Benin, il-Burkina Faso, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iċ-Chad, il-Kenja, il-Liberja, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, is-Sri Lanka u l-Uganda, u approvata mill-African Elephant Coalition, li għandha l-għan li telenka l-popolazzjonijiet ta' ljunfanti kollha fl-Afrika fl-Anness I u b'hekk tissimplifika l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali fl-avorju u tibgħat messaġġ ċar lid-dinja rigward id-determinazzjoni globali biex tiġi evitata l-estinzjoni tal-iljunfanti Afrikani;
50. Jistieden lill-UE u lill-Partijiet kollha jżommu l-moratorju attwali u jopponu, għaldaqstant, il-proposti magħmula min-Namibja u ż-Żimbabwe dwar il-kummerċ tal-avorju, li għandhom l-għan li jneħħu r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ b'rabta mal-annotazzjonijiet tal-elenkar tal-Appendiċi II tal-popolazzjonijiet tal-iljunfanti ta' dawk il-partijiet;
51. Josserva li t-tentattivi tas-CITES biex tnaqqas il-kaċċa u l-kummerċ illegali billi tippermetti l-bejgħ legali tal-avorju fallew u li t-traffikar tal-avorju żdied b'mod sinifikanti; jitlob sforzi ulterjuri mill-partijiet ikkonċernati fil-qafas tal-proċess tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Avorju; jappoġġa miżuri għall-ġestjoni u l-qerda tal-ħażniet tal-avorju;
52. Ifakkar fit-talba li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi(6) fejn stieden lit-28 Stat Membru tal-UE jintroduċu moratorji fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni kummerċjali, kif ukoll fuq ix-xiri u l-bejgħ domestiku ta' snien tal-iljunfanti u prodotti tal-avorju – sew maħduma u sew le – sakemm il-popolazzjonijiet tal-iljunfanti selvaġġi ma jibqgħux aktar mhedda mill-kaċċa illegali; jinnota li l-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, ir-Renju Unit, l-Awstrija, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u d-Danimarka diġà ddeċidew li ma joħorġux permessi ta' esportazzjoni għal avorju "mhux maħdum" ta' qabel il-Konvenzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, għaldaqstant, biex jipprojbixxu l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-avorju u biex jipprojbixxu l-bejgħ u x-xiri kummerċjali kollu tal-avorju fl-UE;
Ir-rinoċeronti abjad
53. Jiddeplora l-proposta magħmula mis-Swaziland biex tillegalizza l-kummerċ fil-qrun tar-rinoċeronti mill-popolazzjoni tagħha ta' rinoċeronti bojod (Certotherium simum simum), peress li dan jiffaċilita r-riċiklaġġ ta' qrun tar-rinoċeronti kkaċċjati illegalment fiil-kummerċ legali u jippreġudika l-isforzi eżistenti ta' tnaqqis fid-domanda domestika u l-projbizzjonijiet kummerċjali domestiċi fis-swieq tal-konsumaturi, u jaf iżid il-kaċċa illegali tal-popolazzjonijiet tar-rinoċeronti fl-Afrika u l-Asja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Partijiet kollha biex jopponu din il-proposta, u konsegwentement jistieden lis-Swaziland tirtira l-proposta tagħha;
L-iljun Afrikan
54. Jinnota li filwaqt li l-popolazzjonijiet tal-iljun Afrikan (Panthera leo) kellhom tnaqqis dedott drammatiku ta' 43 % f'21 sena u dan l-aħħar inqerdu minn 12-il Stat Afrikan, il-kummerċ internazzjonali fil-prodotti dderivati mill-iljuni żdied b'mod sinifikanti; iħeġġeġ lill-UE u lill-Partijiet kollha jappoġġaw il-proposta tan-Niġer, iċ-Chad, il-Kosta tal-Avorju, il-Gabon, il-Guinea, il-Mali, il-Mauritania, in-Niġerja, ir-Rwanda u t-Togo biex jittrasferixxu l-popolazzjonijiet tal-iljuni Afrikani kollha fl-Appendiċi I tas-CITES;
Il-pangolini
55. Josserva li l-pangolini huma l-aktar mammiferi kkummerċjalizzati illegalment fid-dinja, kemm għal laħamhom u kemm għal qoxrithom, li tintuża fil-mediċina tradizzjonali, u b'hekk it-tmien speċijiet ta' pangolin (Manis crassicaudata, M. tetradactyla, M. tricuspis, M. gigantea, M. temminckii, M. javanica, M. pentadactyla, M. culionensis) qegħdin f'riskju ta' estinzjoni; jilqa', għaldaqstant, il-proposti varji għat-trasferiment tal-ispeċijiet kollha tal-pangolin Asjatiku u Afrikan fl-Appendiċi I tas-CITES;
It-tigri u felini Asjatiċi kbar oħra
56. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Partijiet kollha biex jappoġġaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet proposti mill-Kumitat Permanenti tas-CITES li jistabbilixxu kundizzjonijiet stretti għat-trobbija tat-tigri u l-kummerċ ta' kampjuni u prodotti ta' tigri mrobbija fil-magħluq, kif ukoll il-proposta li għamlet l-Indja li tinkoraġġixxi lill-Partijiet jikkondividu ritratti ta' kampjuni u prodotti tat-tigri li jgħinu lill-aġenziji tal-infurzar fl-identifikazzjoni ta' tigri individwali permezz tad-disinn uniku tal-istrixxi tagħhom; jitlob lill-UE tikkunsidra li tiffinanzja l-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, u jitlob li jingħalqu l-farms tat-tigri u jintemm il-kummerċ fil-partijiet u l-prodotti dderivati mit-tigri mrobbija fil-magħluq fil-CoP 17 tas-CITES;
Il-kummerċ ta' speċijiet domestiċi
57. Josserva li s-suq għall-annimali domestiċi eżotiċi qiegħed jikber internazzjonalment u fl-UE u li tressqu għadd kbir ta' proposti sabiex jiġu elenkati rettili, amfibji, għasafar, ħut u mammiferi li huma mhedda mill-kummerċ internazzjonali għas-suq tal-annimali domestiċi; jitlob lill-Partijiet kollha jappoġġaw dawn il-proposti sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar għal dawn l-ispeċijiet mhedda mill-isfruttament għall-kummerċ tal-annimali domestiċi;
58. Jitlob lill-Istati Membri tal-UE, jistabbilixxu lista pożittiva ta' annimali eżotiċi li jistgħu jinżammu bħala annimali domestiċi;
L-injam tal-agar u tar-rosewood
59. Jirrikonoxxi li l-qtugħ illegali tas-siġar huwa wieħed mill-aktar reati distruttivi għall-organiżmi selvaġġi, peress li jhedded mhux biss speċi waħda iżda ħabitats sħaħ u li d-domanda għar-rosewood (Dalbergia spp.) għas-swieq Asjatiċi kompliet tikber; iħeġġeġ lill-UE u lill-Partijiet kollha biex jappoġġaw il-proposta tal-Arġentina, il-Brażil, il-Gwatemala u l-Kenja biex il-genus Dalbergia jiddaħħal fl-Appendiċi II tas-CITES, bl-eċċezzjoni tal-ispeċijiet inklużi fl-Appendiċi I, peress li dan ikun kontribut ta' importanza kritika għall-isforzi biex jitwaqqaf il-kummerċ insostenibbli fir-rosewood;
60. Jinnota li l-eċċezzjonijiet attwali għar-rekwiżiti tas-CITES jistgħu jippermettu l-esportazzjoni ta' trab reżinuż tal-injam tal-agar (Aquilaria spp. u Gyrinops spp.) bħala trab eżawrit, u l-ippakkjar ta' prodotti oħra għall-bejgħ bl-imnut qabel l-esportazzjoni, b'tali mod li jiġu evitati r-regolamenti dwar l-importazzjoni; jitlob, għalhekk, lill-UE u lill-Partijiet kollha jappoġġaw il-proposta tal-Istati Uniti tal-Amerka biex l-annotazzjoni tiġi emendata sabiex jiġu evitati lakuni għall-kummerċ f'dan l-injam aromatiku prezzjuż ħafna;
Speċijiet oħra
61. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Partijiet kollha biex:
–
jappoġġaw il-proposta tal-Perù biex l-annotazzjoni tal-vicuña (Vicugna vicugna) fl-Appendiċi II tiġi emendata peress li dan jikkonsolida r-rekwiżiti tal-immarkar għall-kummerċ internazzjonali ta' din l-ispeċi;
–
jappoġġaw l-inklużjoni tan-nautilus (Nautildae spp.) fl-Appendiċi II, kif propost minn Fiġi, l-Indja, Palau u l-Istati Uniti tal-Amerika fid-dawl tal-fatt li l-kummerċ internazzjonali fil-qxur tan-nautilus bħala ġojjelli u dekorazzjoni jikkostitwixxi theddida kbira għal dawn l-ispeċijiet bijoloġikament vulnerabbli;
–
jopponu l-proposta tal-Kanada biex il-bież (Falco peregrinus) jitmexxa mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II, peress li dan jista' jiggrava l-kummerċ illegali sinifikanti f'din l-ispeċi;
62. Ifakkar li s-Sultan iċ-Ċawl tal-Banggai (Pterapogon kauderni) jinsab fil-lista tal-IUCN ta' speċijiet mhedda u li ntilef proporzjon kbir minn din l-ispeċi, inklużi diversi popolazzjonijiet sħaħ, minħabba d-domanda għolja kontinwa għall-kummerċ tal-akkwarji, fejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma destinazzjonijiet ewlenin; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-inklużjoni tas-Sultan iċ-Ċawl tal-Banggai fl-Appendiċi I, minflok l-Appendiċi II;
63. Jinnota ż-żieda fil-kummerċ internazzjonali tal-qroll – kemm dak maħdum u kemm dak li mhuwiex – u ż-żieda fid-domanda tas-suq għall-qroll prezzjuż, u li dan jhedded is-sostenibbiltà tal-qroll prezzjuż; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Partijiet kollha biex jappoġġaw l-adozzjoni tar-rapport dwar il-qroll prezzjuż fil-kummerċ internazzjonali ppreżentat mill-Istati Uniti;
o o o
64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Partijiet għas-CITES u lis-Segretarjat tas-CITES.
Il-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi, li jinkludi l-INTERPOL, is-Segretarjat tas-CITES, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, l-Uffiċċju tan-NU kontra d-Drogi u l-Kriminalità Organizzata u l-Bank Dinji.