Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u ż-żieda tad-diversità tal-finanzjament tal-SMEs f’Unjoni tas-Swieq Kapitali (2016/2032(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2014(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: L-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa(9),
– wara li kkunsidra d-dibattitu tat-13 ta' April 2016 abbażi tal-mistoqsijiet orali f'isem il-gruppi PPE, S&D, ECR, ALDE u GUE/NGL dwar ir-rieżami tal-fattur ta' sostenn lill-SMEs(10),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs" (COM(2011)0870),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2015 bit-titolu ‘Pjan ta' Azzjoni għall-bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali” (COM(2015)0468),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozju" (COM(2015)0550),
– Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta' finanzjament ta' riskju”(11) ,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali(12),
– wara li kkunsidra l-“Istħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi fiż-żona tal-euro – April sa Settembru 2015”, tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra t-tieni dokument konsultattiv tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja dwar reviżjonijiet għall-Approċċ Standardizzat għar-riskju tal-kreditu ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2015 dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (COM(2015)0301),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-finanzjament kollettiv fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE (SWD(2016)0154),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju(13),
– wara li kkunsidra l-bulletin ta' kull xahar tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Lulju 2014(14),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa: Il-pass li jmiss lejn it-twettiq ta' tassazzjoni effettiva u trasparenza fiskali akbar fl-UE" (COM(2016)0023),
– wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2015 għal regolament dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (COM(2015)0583),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-SMEs u l-fattur ta' sostenn lill-SMEs(15),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2015 intitolata "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2015)0361),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016 tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 (COM(2015)0691),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0222/2016),
A. billi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u dawk b'kapitalizzazzjoni medja jaqdu rwol importanti għall-ekonomija Ewropea f'termini ta' impjiegi u tkabbir, fejn l-SMEs jammontaw għal 67 % tal-impjiegi totali, 71.4 % taż-żieda fl-impjiegi u 58 % tal-valur miżjud fis-settur kummerċjali mhux finanzjarju fl-UE fl-2014(16);
B. billi l-ebda definizzjoni espressa unika ta' SMEs, għajr għall-kategorizzazzjonijiet "intrapriżi żgħar" u "intrapriżi ta' daqs medju" skont id-Direttiva dwar il-Kontabilità, mhija stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;
C. billi l-SMEs Ewropej huma varjati ħafna u jinkludu għadd kbir ta' mikrointrapriżi, li ta' sikwit joperaw fis-setturi tradizzjonali, u għadd dejjem jikber ta' intrapriżi ġodda u intrapriżi innovattivi b'rata għolja ta' tkabbir; billi dawn il-mudelli kummerċjali jiffaċċjaw problemi differenti u, għaldaqstant, għandhom ħtiġijiet ta' finanzjament differenti;
D. billi l-biċċa l-kbira tal-SMEs Ewropej joperaw l-aktar fil-livell nazzjonali; billi huma relattivament ftit l-SMEs involuti f'operazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-UE, filwaqt li dawk li jesportaw barra l-Unjoni jirrappreżentaw minoranza żgħira;
E. billi 77 % tal-finanzjament pendenti tal-SMEs fl-Ewropa huwa pprovdut mill-banek(17);
F. billi l-finanzjament tal-SMEs għandu jsir bl-aktar mod wiesa' possibbli, sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-finanzjament tal-SMEs f'kull stadju tal-iżvilupp ta' kumpanija; billi dan jinkludi ambjent regolatorju adegwat għall-mezzi kollha ta' finanzjament, bħall-finanzjament bankarju, il-finanzjament tas-swieq kapitali, in-noti promissorji, il-kiri, il-finanzjament kollettiv, il-kapital ta' riskju, is-self bejn il-pari eċċ.;
G. billi l-investituri istituzzjonali bħas-servizzi tal-assigurazzjoni jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-SMEs permezz tat-trasferiment u tat-trasformazzjoni tar-riskji;
H. billi fir-rapport tiegħu dwar l-SMEs u l-fattur ta' sostenn lill-SMEs (SF) ta' Marzu 2016, l-EBA sabet li ma hemm l-ebda evidenza li l-SF lill-SMEs ipprovda stimolu addizzjonali għal self lill-SMEs meta mqabbel ma' kumpaniji kbar; billi, madankollu, hija rrikonoxxiet li jista' jkun kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi, minħabba l-limitazzjonijiet tal-analiżi tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjonijiet dwar id-data disponibbli, l-introduzzjoni relattivament riċenti tal-SF lill-SMEs, il-fatt li żviluppi sovrastanti setgħu fixklu l-identifikazzjoni tal-effetti tal-SF liall-SMEs u l-użu ta' kumpaniji kbar bħala grupp ta' kontroll; billi, minflok, l-EBA sabet li, b'mod ġenerali, il-banek b'kapitalizzazzjoni aħjar isellfu aktar lill-SMEs u li l-kumpaniji iżgħar u aktar ġodda għandhom probabilità ogħla ta' restrizzjoni tal-kreditu minn kumpaniji kbar u li ilhom stabbiliti; filwaqt li tinnota wkoll li l-SF lill-SMEs ġie introdott mil-leġiżlatur bħala miżura ta' prekawzjoni sabiex ma jiġix ipperikolat is-self lill-SMEs;
I. billi l-finanzjament tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, minkejja li riċentement irreġistra xi titjib, sofra aktar mill-kriżi milli l-finanzjament tal-intrapriżi l-kbar, u billi l-SMEs fiż-żona tal-euro esperjenzaw u għadhom sa ċertu punt jiffaċċjaw issikkar fir-rekwiżiti ta' kollateral tal-banek(18);
J. billi, mill-ewwel sensiela ta' stħarriġ dwar l-Aċċess għall-Finanzi tal-Intrapriżi (SAFE), it-tħassib dominanti tal-SMEs fiż-żona tal-euro kien li "jsibu l-klijenti", filwaqt li l-"aċċess għall-finanzi" kien ta' tħassib aktar baxx; billi l-aħħar stħarriġ, ippubblikat f'Diċembru 2015, wera li d-disponibilità ta' finanzjament estern għall-SMEs ivarja b'mod sinifikanti bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-euro; billi l-aċċess għall-finanzjament baqa' ta' tħassib akbar għall-SMEs milli għall-intrapriżi l-kbar;
K. billi l-banek promozzjonali nazzjonali/reġjonali għandhom rwol importanti biex jikkatalizzaw il-finanzjament fit-tul; billi żiedu l-attivitajiet tagħhom, bil-għan li jikkontrobilanċjaw il-proċess meħtieġ tat-tneħħija tal-effett ta' lieva fis-settur bankarju kummerċjali; billi huma għandhom rwol importanti wkoll biex jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;
L. billi t-titjib fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs m'għandux iwassal għal tnaqqis fl-istandards finanzjarji u fir-regolamentazzjoni;
M. billi, fl-Iżvizzera, il-WIR Bank jikkostitwixxi sistema komplementarja tal-muniti li taqdi l-aktar lin-negozji tal-SMEs fl-ospitalità, il-kostruzzjoni, il-manifattura, il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi professjonali; billi l-WIR joffri mekkaniżmu ta' awtorizzazzjoni li fih in-negozji jistgħu jixtru mingħand xulxin mingħajr ma jużaw il-frank Żvizzeru; billi, madankollu, il-WIR spiss jintuża flimkien mal-frank Żvizzeru fi tranżazzjonijiet ta' valuti doppji; billi l-kummerċ fil-WIR għandu sehem ta' 1-2 % tal-PDG Żvizzeru; billi l-WIR wera li kien kontroċikliku mal-PDG, u anki iżjed minn hekk mal-għadd ta' persuni qiegħda;
N. billi, f'April 2015, skont kif ġie rrapportat, id-Direttiva tal-2011 dwar il-Ħlasijiet Tardivi kienet trasposta b'mod korrett minn 21 biss mit-28 Stat Membru, minkejja li l-iskadenza għaddiet aktar minn sentejn ilu;
O. billi l-Kummissjoni, fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016, twissi li min-naħa waħda, "it-tkabbir sar aktar dipendenti fuq sorsi tad-domanda domestika, b'mod partikolari rkupru aktar evidenti fl-investiment" u, min-naħa l-oħra, "minkejja li l-konsum issaħħaħ riċentement, id-domanda domestika għadha baxxa parzjalment fid-dawl ta' pressjonijiet sinifikanti għat-tnaqqis fl-effett ta' lieva f'diversi Stati Membri";
P. billi d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji; billi l-aċċess għall-finanzjament instab li huwa wieħed mill-ostakli ewlenin li jesperjenzjaw l-imprendituri nisa; billi l-imprendituri nisa għandhom tendenza li jibdew b'anqas kapital, jissellfu anqas u jużaw il-familja aktar milli finanzjament b'dejn jew b'ekwità;
Il-ħtiġijiet diversi ta' finanzjament ta' settur varjat tal-SMEs
1. Jirrikonoxxi d-diversità tal-SMEs, inklużi l-intrapriżi mikro, u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja fl-Istati Membri, li hija riflessa fil-mudell ekonomiku tagħhom, id-daqs, il-pożizzjoni ġeografika, l-ambjent soċjoekonomiku, l-istadji ta' żvilupp, l-istruttura finanzjarja, il-forma legali u livell differenti ta' taħriġ intraprenditorjali;
2. Jirrikonoxxi l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-SMEs minħabba d-differenzi fil-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kwantità u l-prezz tal-finanzjament disponibbli, li huma influwenzati minn fatturi speċifiċi għall-SMEs u għall-pajjiż u r-reġjuni fejn ikunu stabbiliti, inklużi l-volatilità ekonomika, it-tkabbir bil-mod u l-fraġilità finanzjarja akbar; jinnota wkoll sfidi oħra għall-SMEs, bħall-aċċess għal klijenti; jenfasizza li s-swieq kapitali huma frammentati u rregolati b'mod differenti madwar l-UE u li parti mill-integrazzjoni miksuba ntilfet minħabba l-kriżi;
3. Jenfasizza li l-ħtieġa ta' alternattivi varji u mtejba ta' finanzjament pubbliku u privat għall-SMEs ma tintemmx wara l-fażi tal-bidu, iżda tkompli matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom, u jirrimarka li jinħtieġ approċċ strateġiku fit-tul sabiex jiġi salvagwardjat il-finanzjament tan-negozji; jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament huwa ta' importanza wkoll għat-trasferiment tan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-SMEs f'dan il-proċess, inkluż fl-ewwel snin ta' operat; jinnota l-ħtieġa ta' approċċ diversifikat u mfassal apposta f'termini ta' regolamentazzjoni u f'termini ta' inizjattivi li għandhom jiġu appoġġjati; jirrimarka li ma hemmx mudell ta' finanzjament komuni li huwa tajjeb għal kulħadd, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' firxa wiesgħa ta' programmi, strumenti u inizjattivi mfasslin apposta, sabiex tappoġġja n-negozji fil-fażijiet tagħhom tal-bidu, tat-tkabbir, kif ukoll fil-fażijiet ta' trasferiment tagħhom, filwaqt li tqis id-daqs, il-qligħ u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tagħhom; jinnota li sikwit l-intrapriżi tan-nisa f'servizzi u affarijiet oħra huma aktar ibbażati fuq ir-riżorsi mhux materjali mill-intrapriżi tal-irġiel; jinnota li l-proporzjon baxx ta' nisa li jmexxu SMEs huwa parzjalment minħabba aċċess aktar diffiċli għall-finanzjament; jiddispjaċih li l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress, li l-objettiv tagħha huwa li tippromwovi opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, kellha proporzjon ta' rġiel għal nisa għall-mikroselfiet ta' 60:40 fl-2013; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżgura li l-programmi tagħha li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs ma jiżvantaġġjawx lill-imprendituri nisa;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw l-SMEs immexxija minn gruppi vulnerabbli oħra tas-soċjetà;
5. Jemmen li settur tas-servizzi finanzjarji diversifikat, irregolat sewwa u stabbli li joffri firxa wiesgħa ta' possibilitajiet ta' finanzjament imfassla apposta u kosteffiċjenti jaqdi l-aħjar il-ħtiġijiet reali ta' finanzjament tal-SMEs u l-ekonomija reali, u jagħmel possibbli l-iżvilupp sostenibbli fit-tul; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-mudelli tradizzjonali bankarji, inkluż banek reġjonali żgħar, kooperattivi tat-tfaddil u istituzzjonijiet pubbliċi; jinnota f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jiġi żgurat fokus b'mod ugwali fuq it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għal mikrointrapriżi u għal negozjanti individwali;
6. Iħeġġeġ lill-SMEs iqisu l-UE kollha kemm hi bħala s-suq domestiku tagħhom u jużaw il-potenzjal tas-suq uniku għall-ħtiġijiet tagħhom ta' finanzjament; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni li jappoġġjaw l-SMEs u n-negozji l-ġodda f'suq uniku mtejjeb, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tabbozza proposti mfassla għall-ħtiġijiet tal-SMEs; jemmen li l-inizjattiva Start-up Europe għandha tgħin lill-kumpaniji innovattivi żgħar billi tappoġġjahom sakemm isiru operazzjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-konverġenza tar-regoli u l-proċeduri madwar l-Unjoni u tal-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar li jgħin aktar lin-negozji jegħlbu l-ostakoli kemm fiżiċi kif ukoll regolatorji; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li l-innovazzjoni hija fattur ewlieni għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fl-UE u li għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-SMEs innovattivi; jenfasizza r-rwol potenzjali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u tal-fond reġjonali tal-UE bħala sorsi ta' finanzjament għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-koordinazzjoni, il-konsistenza u s-sinerġiji bejn l-istrumenti u l-programmi Ewropej differenti għall-SMEs, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu approċċ olistiku għat-tixrid ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet kollha ta' finanzjament tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu progress sinifikanti lejn aktar simplifikazzjoni sabiex il-finanzjament ikun aktar attraenti għall-SMEs;
7. Ifakkar li ambjent legali u kummerċjali aktar armonizzat li jappoġġja l-ħlasijiet fil-ħin fi tranżazzjonijiet kummerċjali huwa ewlieni għall-aċċess għall-finanzjament; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-problemi finanzjarji mġarrba mill-SMEs u s-sitwazzjoni ta' inċertezza esperjenzata mill-fornituri ġġenerata minn ħlasijiet tard ta' kumpaniji kbar, u istituzzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta matul ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tardivi l-introduzzjoni ta' miżuri speċifiċi mmirati biex iħaffu l-ħlasijiet għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tardivi, previst għas-16 ta' Marzu 2016 u, jekk ikun xieraq, tifformula proposti ġodda biex timminimizza r-riskju għall-ħlasijiet transkonfinali u ta' tfixkil għall-fluss tal-flus, b'mod ġenerali;
8. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex terġa' tibda l-ħidma b'rabta mal-istabbiliment ta' suq veru Ewropew fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji (2015); jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tal-SMEs u tiżgura li l-attivitajiet transkonfinali fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur iwasslu għal aċċess aħjar tal-SMEs għall-finanzjament;
9. Jinnota li l-intrapriżi l-ġodda u l-mikrointrapriżi - b'mod partikulari - isibuha diffiċli jiksbu finanzjament xieraq u biex jidentifikaw u jissodisfaw ir-rekwiżiti finanzjarji regolatorji, b'mod speċjali fl-istadju tal-iżvilupp; jinnota n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħolqien ta' SMEs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-ostakoli amministrattivi u biex joħolqu punti uniċi ta' servizz bħala ċentri għar-rekwiżiti regolatorji kollha għall-imprendituri; iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali, f'dan il-kuntest, biex jipprovdu informazzjoni dwar l-alternattivi ta' finanzjament u l-iskemi ta' garanziji fuq is-self;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tidentifika x-xkiel u l-ostakoli żejda għas-settur finanzjarju, sabiex jingħata finanzjament lill-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi; jenfasizza l-fatt li l-kisba ta' suq kapitali Ewropew li jiffunzjona sew huwa waħda mill-inizjattivi l-aktar importanti għas-settur finanzjarju; jenfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati jew immodifikati r-regoli li jagħtu lok għal konsegwenzi mhux intenzjonati għall-SMEs jew li ma jħalluhomx jiżviluppaw; jenfasizza li dan m'għandux iwassal għal tnaqqis bla bżonn tal-istandards regolatorji finanzjarji, filwaqt li titħalla ssir is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jenfasizza wkoll li l-proposti l-ġodda mill-Kummissjoni m'għandhomx iwasslu għal regolamentazzjoni aktar kumplessa li tista' taffettwa l-investimenti b'mod negattiv; jemmen li approċċ Ewropew għar-regolamentazzjoni finanzjarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandu jieħu kont tal-iżviluppi internazzjonali sabiex jiġu evitati diverġenzi u duplikazzjonijiet mhux meħtieġa fil-leġiżlazzjoni u sabiex l-Ewropa tinżamm bħala post attraenti għall-investituri internazzjonali; jenfasizza li l-ekonomija Ewropea għandha tkun attraenti għal livell għoli ta' investiment dirett barrani (IDB), inkluż IDB f'żoni ġodda, biex tistimola mhux biss is-swieq kapitali imma wkoll l-industrija tal-ekwità privata kif ukoll il-kapital ta' riskju u investimenti fl-industrija Ewropea; jemmen ukoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jadottaw pjan strateġiku biex jappoġġjaw il-finanzjament tal-SMEs bil-ħsieb tal-internazzjonaliżmu tagħhom;
11. Itenni li r-regoli kuntrattwali riveduti tal-akkwist pubbliku u l-konċessjoni m'għandhomx ixekklu l-aċċess tal-SMEs u l-mikrointrapriżi għas-suq tal-akkwist;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħtu aktar attenzjoni għat-tħassib tal-SMEs rigward id-domanda, biex jiġi rifless b'mod aktar xieraq fir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u fil-valutazzjoni ex post tal-konformità tal-Istati Membri mar-rakkomandazzjonijiet;
Is-self mill-banek għall-SMEs
13. Jirrikonoxxi li s-self mill-banek huwa tradizzjonalment l-aktar sors importanti ta' finanzjament estern għall-SMEs fl-Unjoni, billi l-finanzjament bankarju jammonta għal aktar minn tliet kwarti tal-finanzjament tal-SMEs, meta mqabbel ma' anqas min-nofs fl-Istati Uniti, li jwassal biex l-SMEs ikunu partikolarment vulnerabbli meta s-self mill-banek isir aktar ristrett; jinnota li l-kriżi finanzjarja kkontribwiet għal frammentazzjoni fil-finanzjament tal-banek u fil-kundizzjonijiet tas-self mill-banek; jiddeplora d-distakki eżistenti, minkejja li qed jonqsu gradwalment, bejn il-kundizzjonijiet ta' kreditu għall-SMEs fost il-pajjiżi differenti taż-żona tal-euro, li jirrifletti wkoll id-differenzi fil-perċezzjoni tar-riskju u fil-kundizzjonijiet ekonomiċi; jinnota l-kontributi tal-Unjoni Bankarja biex tiġi indirizzata din il-frammentazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2004/113/KE u jikkollaboraw mas-settur finanzjarju rigward l-obbligu tagħhom li jiżguraw aċċess sħiħ u ugwali għas-self mill-banek għall-SMEs; jenfasizza r-rwol importanti u żviluppat sew tal-banek b'għarfien lokali u reġjonali speċifiku fil-provvista ta' fondi għall-SMEs minħabba r-relazzjoni fit-tul li għandhom ma' dawn il-kumpaniji; jenfasizza li, fejn hemm banek lokali żviluppati tajjeb, dawn instabu li kienu effettivi fis-self lill-SMEs u biex jevitaw it-telf; jenfasizza għalhekk l-importanza li jiġu żviluppati banek lokali;
14. Jenfasizza li, filwaqt li d-diġitalizzazzjoni qed tavvanza u għalhekk qed joħorġu sorsi ġodda ta' finanzjament, il-preżenza lokali ta' istituzzjonijiet tal-kreditu tradizzjonali b'mod speċjali fi gżejjer u arċipelagi, kif ukoll f'żoni rurali, remoti u periferali, tibqa' essenzjali għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament;
15. Jinkoraġġixxi lill-banek jikkunsidraw l-UE kollha bħala s-suq intern tagħhom u biex jużaw il-potenzjal tas-suq uniku biex jipprovdu finanzjament lill-SMEs, inklużi l-SMEs li mhumiex ibbażati fl-istess Stat Membru bħall-bank inkwistjoni;
16. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità li tintroduċi programmi ta' "finanzjament għas-self" li jagħmlu l-flus tal-BĊE disponibbli għall-banek bl-għan uniku li jsellfu lill-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilitajiet li tiżviluppa inizjattivi ġodda biex tattira l-investimenti;
17. Jenfasizza r-rwol importanti tal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u reġjonali fil-finanzjament tas-settur tal-SMEs; ifakkar il-parti ċentrali tagħhom fit-tieqa tal-SMEs tal-FEIS u r-rwol li għandhom fl-involviment tal-Istati Membri fil-proġetti tal-FEIS; iqis il-FEIS bħala sors importanti ta' finanzjament għall-SMEs; jemmen li l-BEI/FEI għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu lill-SMEs kompetenza biex jaċċessaw il-finanzjament u għodda biex jiffaċilitaw il-kuntatti mal-investituri bħal, inter alia, il-Fond Ewropew tal-Investituri Informali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali/reġjonali bħala katalizzatur għall-finanzjament fit-tul għall-SMEs u, b'mod paritikolari, biex tidentifika u xxerred l-aħjar prattiki u biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri fejn tali entitajiet attwalment ma jeżistux, biex jistabbilixxu banek promozzjonali nazzjonali/reġjonali fuq din il-bażi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu tkabbir inklussiv u biex jiżguraw li jkun hemm aktar koordinazzjoni u konsistenza fost il-politiki ta' investiment kollha tal-UE mmirati lejn l-SMEs, inkluż il-FEIS, il-fondi reġjonali tal-UE u l-Fond Ewropew tal-Investiment (BEI);
18. Itenni li huwa importanti wkoll li tissaħħaħ il-kapaċità tal-banek biex isellfu lill-SMEs u biex iżidu l-kapaċità tagħhom biex jisilfu lill-SMEs; jirrimarka li l-finanzjament mis-swieq kapitali waħdu mhux se jipprovdi fondi suffiċjenti u soluzzjonijiet adegwati ta' finanzjament, inkluż l-aċċess tal-SMEs għall-kapital; jinnota li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-kreditu twassal għal stabilità akbar tas-settur finanzjarju;
19. Jenfasizza li settur bankarju u Unjoni tas-Swieq Kapitali b'saħħithom, stabbli u reżiljenti, huma prerekwiżit biex jissaħħaħ l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament; jinnota li r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD IV), u b'mod partikolari l-livell ogħla u l-kwalità ta' kapital, huma reazzjoni diretta għall-kriżi u jiffurmaw il-qalba tal-istabilità mġedda tas-settur finanzjarju; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tqis is-self lill-SMEs bħala wieħed mill-oqsma ta' prijorità tagħha fir-reviżjoni tas-CRR; jinnota li l-Kummissjoni tesplora possibilitajiet sabiex l-Istati Membri kollha jibbenefikaw minn unjonijiet tal-kreditu lokali biex joperaw barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rekwiżiti tal-kapital tal-UE għall-banek; jenfasizza l-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni prudenti għall-għaqdiet ta' kreditu li tiżgura kemm l-istabilità finanzjarja kif ukoll l-opportunitajiet biex l-għaqdiet ta' kreditu jipprovdu kreditu b'rati kompetittivi;
20. Jinnota r-rekwiżiti regolatorji multipli għall-banek u l-effetti negattivi possibbli tagħhom fuq is-self lill-SMEs, filwaqt li jfakkar li r-rekwiżiti kienu ddaħħlu fis-seħħ b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati rekwiżiti ta' rrappurtar doppju u mezzi ta' rrappurtar multipli, u b'mod aktar ġenerali piż amministrattiv bla bżonn fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu, b'mod partikolari l-banek iżgħar; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti tar-rekwiżiti regolatorji għall-banek fir-rigward tas-self lill-SMEs, bl-appoġġ tal-EBA u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU);
21. Jinnota li s-self lill-SMEs ma kienx il-kawża tal-kriżi finanzjarja; ifakkar fid-deċiżjoni tal-koleġiżlaturi biex jintroduċu fattur ta' sostenn lill-SMEs fil-qafas tas-CRR/CRD IV u li dan tfassal biex ir-rekwiżiti kapitali għal self lill-SMEs jibqa' konsistenti mal-livelli ta' Basel II aktar milli ta' Basel III; jenfasizza l-importanza tal-Fattur ta' Sostenn lill-SMEs għaż-żamma u ż-żieda tas-self mill-banek lill-SMEs; jinnota r-rapport tal-EBA ta' Marzu 2016 dwar il-fattur ta' sostenn lill-SMEs; jinsab imħasseb dwar l-impatt negattiv possibbli tat-tneħħija tiegħu; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm il-fattur ta' sostenn, li tivvalutah ulterjorment u li teżamina jekk il-livell minimu għandux jiżdied sabiex jissaħħaħ aktar l-aċċess tal-SMEs għas-self mill-banek; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li tikkalibra mill-ġdid il-fattur ta' sostenn, inklużi d-daqs u l-limitu minimu, u teżamina l-interazzjonijiet possibbli ma' rekwiżiti regolatorji oħrajn, kif ukoll elementi esterni bħall-pożizzjoni ġeografika u l-ambjent soċjoekonomiku, bil-għan li żżid l-effett tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li tagħmel il-fattur permanenti; jistieden lill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) jappoġġja l-fattur ta' sostenn lill-SMEs u jikkunsidra li jbaxxi l-imposti ta' kapital għal skoperturi għall-SMEs;
22. Jenfasizza li l-valutazzjoni prudenti tar-riskju u l-evalwazzjoni ta' informazzjoni kwalitattiva huma fost l-ikbar qawwiet tal-banek, b'mod partikolari għas-self kumpless lill-SMEs; huwa tal-fehma li l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni tal-partikolaritajiet tal-SMEs fil-komunità bankarja għandhom jissaħħu aktar; jenfasizza n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni dwar il-kreditu li l-banek jirċievu meta jivvalutaw l-affidabilità kreditizja tal-SMEs;
23. Jilqa' l-inizjattivi varji li qed isiru biex tittejjeb id-disponibilità tal-informazzjoni tal-kreditu tal-SMEs standardizzata u trasparenti, li għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-kunfidenza tal-investituri; jenfasizza madankollu l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità meta tintalab tali informazzjoni dwar il-kreditu, sabiex ma jintefax piż żejjed fuq l-SMEs;
24. Jenfasizza li l-proporzjonalità hija prinċipju ta' gwida li bih l-istituzzjonijiet Ewropej, l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u l-MSU huma marbuta meta jiżviluppaw u jimplimentaw regolamenti, standards, linji gwida u prattiki superviżorji; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, bi qbil mal-koleġiżlaturi, gwida ulterjuri lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-BĊE/MSU dwar kif il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi applikat, u tħeġġeġ li dan jinżamm, mingħajr ma jitbaxxew l-istandards regolatorji attwali, filwaqt li tħalli li l-leġiżlazzjoni tiġi ssimplifikata;
25. Jenfasizza l-benefiċċji tal-garanziji ta' partijiet terzi fil-ftehimiet dwar self għall-imprendituri; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni akbar ta' dawn il-garanziji ta' partijiet terzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-evalwazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu kif ukoll ir-regoli prudenzjali u l-prattiki superviżorji;
26. Ifakkar li l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-SMEs spjegazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta' klassifikazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni u biex issaħħaħ id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 431(4) tas-CRR, u tħeġġu li jingħata feedback lill-SMEs; jinnota d-diskussjonijiet li l-Kummissjoni qed twettaq ma' partijiet interessati rilevanti bl-għan li ttejjeb il-kwalità u l-konsistenza ta' tali feedback; jinnota li dan il-feedback jista' jkun il-punt tat-tluq biex jinstabu sorsi ta' informazzjoni u pariri dwar prodotti finanzjarji mhux bankarji;
27. Jinnota li l-klassifikazzjonijiet ta' kreditu huma element importanti u kultant determinanti tad-deċiżjonijiet ta' investiment; jiġbed l-attenzjoni għall-eżistenza f'xi Stati Membri ta' sistemi interni ta' valutazzjoni ta' kreditu (ICAS) imħaddma mill-banek ċentrali nazzjonali sabiex jivvalutaw l-eliġibilità ta' kollateral u li jippermettu lill-SMEs jiksbu valutazzjoni tal-affidabilità kreditizja tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali jinvestigaw aktar jekk u kif dawn is-sistemi jistgħu jintużaw sabiex jgħinu lill-SMEs jaċċessaw is-swieq kapitali;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EBA jipprovdu aktar gwida dwar l-implimentazzjoni tar-regolament ta' tolleranza attwali; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt tar-reġim attwali ta' tolleranza għas-self improduttiv, ifakkar li s-self improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek qed ixxekkel l-għoti ta' self ġdid, speċjalment għall-SMEs; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' limitu de minimis għal ksur minuri għandha tgħin biex jiġi evitat tnaqqis mhux ġustifikat u mhux meħtieġ tal-affidabilità kreditizja tal-SMEs; jinnota l-konsultazzjoni li għaddejja tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) dwar id-definizzjonijiet ta' skoperturi improduttivi u ta' tolleranza;
29. Jinnota li l-limiti għax-xiri ta' bonds tal-gvern mill-banek jew żieda fl-ippeżar ta' dawn il-bonds jistgħu jżidu l-ispejjeż tal-kreditu u jżidu d-distakk kompetittiv fl-UE, sakemm dan ma jsirx taħt ċerti kundizzjonijiet;
30. Jinnota l-miżuri adottati mill-BĊE fl-10 ta' Marzu 2016 u, b'mod partikolari, is-sensiela ġdida ta' erba' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati fuq żmien itwal (TLTRO II), li se jinċentivaw is-self bankarju lill-ekonomija reali; jenfasizza li l-politiki monetarji waħedhom ma jkunux biżżejjed biex jixprunaw it-tkabbir u l-investimenti u li jridu jkunu akkumpanjati minn politiki fiskali xierqa u riformi strutturali;
31. Jenfasizza l-importanza tal-istituzzjonijiet pubbliċi bħala alternattiva għas-servizzi bankarji privati bħala sors ta' finanzjament għall-SMEs;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-proporzjonalità fir-rigward tal-ħlas lura bikri ta' self madwar l-UE, bħal limitu massimu biex jiġu limitati l-ispejjeż għall-SMEs u aktar trasparenza fil-kuntratti għall-SMEs;
Sorsi mhux bankarji ta' finanzjament għall-SMEs
33. Jistieden lill-Istati Membri jrawmu kultura ta' teħid ta' riskju u tas-suq kapitali; itenni li l-edukazzjoni finanzjarja għall-SMEs hija mhux biss kruċjali biex jiżdied is-self mill-banek iżda wkoll biex jiżdiedu l-użu u l-aċċettazzjoni tas-soluzzjonijiet dwar is-suq kapitali kif ukoll biex in-nisa u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jibdew u jespandu n-negozji tagħhom, biex b'hekk ikun hemm valutazzjoni aħjar tal-kosti, il-benefiċċji u r-riskji assoċjati; jisħaq dwar l-importanza ta' rekwiżiti tal-informazzjoni finanzjarja ċari; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu l-prinċipji bażiċi tal-edukazzjoni finanzjarja u l-etika tan-negozju fil-kurrikuli ta' qabel l-università u tal-università, biex jitrawwem l-involviment taż-żgħażagħ fl-attivitajiet tal-SMEs; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtejbu il-litteriżmu finanzjarju tal-SMEs u l-aċċess ta' dawn għall-ħiliet u l-għarfien finanzjarju, u biex jiġi żgurat li l-aħjar prattiki jiġu kondiviżi; jirrimarka, madankollu, li l-SMEs infushom ukoll għandhom responsabilità f'dan ir-rigward;
34. Jenfasizza l-benefiċċji tat-tranżazzjonijiet ta' kiri għall-SMEs minħabba li jirrilaxxaw il-kapital tal-kumpanija għal investiment addizzjonali fi tkabbir sostenibbli;
35. Jinnota li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tirrappreżenta opportunità biex jimtlew kemm il-lakuni regolatorji fil-qafas attwali kif ukoll għall-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni transkonfinali; jirrimarka li, fejn is-self bankarju ma jissodisfax il-ħtiġijiet finanzjarji u kummerċjali tal-SMEs, jinħoloq vojt fil-kapital; jinnota li l-iżvilupp kontinwu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja jeħtieġ ikun akkumpanjat minn sforzi ripetuti biex jikkonverġu l-proċessi u l-proċeduri tal-UE u biex jevalwaw il-qafas regolatorju finanzjarju eżistenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-effetti tagħha fuq l-SMEs u l-istabilità makrofinanzjarja u makroekonomika ġenerali; jenfasizza li din l-evalwazzjoni għandha ssir billi tqis ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-prattiċità tal-miżuri introdotti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi qafas regolatorju xieraq u mfassal apposta għall-emittenti tal-finanzjament għall-SMEs li ma jkunx ta' piż għalihom u li jirbaħ ukoll il-fiduċja tal-investituri; jemmen li f'Unjoni tas-Swieq Kapitali komprensiva u mfassla tajjeb, il-parteċipanti kollha tas-suq bl-istess karatteristiki rilevanti għandhom jiffaċċjaw sett uniku ta' regoli, ikollhom aċċess ugwali għal sett ta' strumenti jew servizzi finanzjarji u jiġu trattati bl-istess mod meta jkunu attivi fis-suq; jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Kummissjoni li għandu l-għan li jiżgura aċċess aktar faċli għall-SMEs għal alternattivi aktar varji ta' finanzjament; jenfasizza li l-mudelli ta' finanzjament ibbażati fuq il-banek u dawk ibbażati fuq il-kapital għandhom ikunu komplementarji;
36. Ifakkar l-ispiża konsiderevoli għall-SMEs biex ikollhom aċċess għas-swieq kapitali, bħas-swieq ta' dejn u ta' ekwità; jenfasizza l-ħtieġa ta' regolament proporzjonat, b'rekwiżiti anqas kumplessi u burokratiċi għall-iżvelar u l-kwotazzjoni għall-SMEs biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u li tnaqqas l-ispiża tal-aċċess tagħhom għas-swieq tal-kapital, iżda mingħajr ma jitqiegħdu f'riskju l-protezzjoni tal-investituri jew l-istabilità finanzjarja sistemika; jinnota l-introduzzjoni ta' reġim ta' żvelar minimu għall-SMEs fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid dwar il-Prospett li qed tiġi diskussa bħalissa; jinnota li r-regolamentazzjoni m'għandhiex toħloq ostakli kbar wisq meta jkun hemm tranżitu minn, pereżempju, kategorija ta' daqs wieħed għal kategorija oħra, jew bejn kumpaniji kkwotati u mhux ikkwotati; għalhekk huwa tal-opinjoni li l-approċċ fi stadji b'rekwiżiti regolatorji li jiżdiedu b'mod gradwali għandu jkun ippreferut; jirreferi f'dan il-kuntest għas-swieq ta' tkabbir tal-SMEs previsti mill-MiFID II u jħeġġeġ li jkun hemm implimentazzjoni rapida ta' dan l-istrument;
37. Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza, l-istandardizzazzjoni u d-disponibilità pubblika tal-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-SMEs għall-banek, l-investituri, is-superviżuri u partijiet interessati oħra sabiex jifhmu l-profil tar-riskju u jieħdu deċiżjonijiet infurmati, u jnaqqsu l-ispejjeż ta' finanzjament; jemmen li l-ħolqien ta' bażi ta' data Ewropea li tiġbor l-informazzjoni dwar l-istrateġiji kummerċjali u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-SMEs, fejn dawn ikunu jistgħu jdaħħlu d-data tagħhom b'mod volontarju u jżommuhom aġġornati, jista' jservi dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra numru ta' identifikazzjoni uniku tal-SMEs; jiġbed aktar attenzjoni lejn il-potenzjal offrut minn strutturi li jassoċjaw atturi bankarji u mhux bankarji sabiex jipprovdu appoġġ lill-SMEs; jilqa' l-istrateġija ta' informazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-SMEs, speċjalment l-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet ta' appoġġ u ta' konsulenza l-aktar rilevanti għal SMEs li jfittxu finanzjament alternattiv f'kull Stat Membru u li jippromwovu eżempji tal-aqwa prattiki fil-livell tal-UE u l-investigazzjoni ta' possibilitajiet ta' appoġġ għal sistemi tal-informazzjoni pan-Ewropej li jlaqqgħu flimkien l-SMEs u l-fornituri ta' finanzjament alternattiv;
38. Ifakkar li l-istandards tal-kontabilità huma kruċjali għaliex jinkwadraw il-mod kif l-informazzjoni tingħata lis-superviżuri u lill-investituri u sa fejn il-piż amministrattiv impost fuq il-kumpaniji jvarja skont l-istandards tal-kontabilità li japplikaw; jieħu nota tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-espedjenza tal-iddisinjar ta' standards tal-kontabilità komuni speċifiċi għall-SMEs u jistenna bil-ħerqa li jsiru aktar riflessjonijiet dwar din il-kwistjoni;
39. Jenfasizza l-potenzjal ta' teknoloġiji finanzjarji innovattivi ġodda (FinTech) għat-tqabbil aħjar tal-SMEs mal-investituri potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' inizjattivi FinTech u jesploraw ir-riskji potenzjali u l-ħtieġa ta' qafas regolatorju armonizzat xieraq tal-UE mingħajr ma tinħonoq l-innovazzjoni;
40. Jenfasizza l-ħtieġa li titrawwem l-innovazzjoni permezz ta' pjattaformi ta' self; iħeġġeġ lill-banek iqisu l-użu ta' dawn it-teknoloġiji innovattivi bħala opportunità; jenfasizza li s-sorsi ta' finanzjament alternattivi joffru soluzzjonijiet għan-negozji l-ġodda, imprendituri nisa u SMEs innovattivi b'mod partikolari; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-ħtieġa u l-potenzjal ta' qafas armonizzat tal-UE għal sorsi ta' finanzjament alternattivi bl-għan li żżid id-disponibilità ta' dan it-tip ta' finanzjament madwar l-UE għall-SMEs; ifakkar li biex is-sistema tkun effiċjenti kemm l-SME kif ukoll il-mutwant jridu jkunu kompletament konxji tar-riskji/opportunitajiet potenzjali marbuta mal-mekkaniżmu ta' finanzjament; jinnota li l-liġijiet u r-regoli eżistenti dwar il-finanzjament kollettiv ivarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u ma jidhrux li ppromwovew attivitajiet transkonfinali; jilqa' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-qafas eżistenti ta' finanzjament kollettiv; jappoġġja l-approċċ meħud ta' monitoraġġ kontinwu tas-suq u l-monitoraġġ taż-żviluppi regolatorji u l-promozzjoni ta' allinjament aktar mill-qrib tal-istrateġiji regolatorji, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-faċilitazzjoni tal-investiment transkonfinali; ifakkar, fl-istess ħin, li l-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari ma għandhomx ikunu regolati żżejjed, peress li dan jimpedixxi l-iżvilupp tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi pjattaformi ġodda għall-finanzjament bl-ekwità privata bħall-finanzjament intermedju u l-investituri informali (business angels); jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi self sikur lill-kumpaniji minn individwi privati permezz ta' self bejn il-pari jew bonds bl-imnut; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn il-forom ġodda ta' finanzjament ikunu totalment konformi mal-leġiżlazzjoni fiskali u finanzjarja rilevanti, sabiex ma jsirux għodda għall-evitar tat-taxxa jew l-opaċità finanzjarja; jenfasizza l-ħtieġa f'dan ir-rigward li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni attwali;
41. Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni għal qafas għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) u l-ikkalibrar tar-rekwiżiti prudenzjali għall-banek; jinnota li jista' jkun hemm kemm riskji kif ukoll benefiċċji assoċjati mat-titolizzazzjoni tal-SMEs; jinnota l-impatt possibbli ta' dawn il-proposti fuq is-self bankarju lill-SMEs u fuq l-investiment fihom; jenfasizza l-ħtieġa tat-trasparenza fir-rigward tar-riskji sottostanti u l-ħtieġa li jingħata kontribut għall-istabilità tas-sistema finanzjarja;
42. Jinnota li l-eteroġenità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-insolvenza u l-inċertezza legali relatata jikkostitwixxu wieħed mill-ostakoli għall-investiment transkonfinali fl-SMEs u n-negozji ġodda; jemmen li regoli simplifikati u armonizzati fil-qasam jappoġġjaw l-intrapriżi l-ġodda, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, u jtejbu l-ambjent kummerċjali tal-UE; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tindirizza din il-kwistjoni permezz ta' proposta leġiżlattiva, kif iddikjarat fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tagħha, u jistenna bil-ħerqa din il-proposta futura; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra diversi għażliet għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' insolvenza tal-UE u tagħmel rakkomandazzjonijiet biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw jew jimplimentaw leġiżlazzjoni għal reġimi ta' insolvenza effettivi u trasparenti u proċess ta' ristrutturar f'waqtu u biex ineħħu l-piżijiet amministrattivi u regolatorji imposti fuq l-SMEs, kif iddikjarat fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi;
43. Jenfasizza l-potenzjal tal-finanzjament tal-kapital għan-negozji l-ġodda u l-kapital ta' riskju, speċjalment għan-negozji l-ġodda mhux ikkwotati u SMEs innovattivi; jinnota li dawn is-swieq mhumiex żviluppati biżżejjed fl-UE; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-EuVECA u tal-EuSEF; barra minn hekk jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni tindirizza l-frammentazzjoni mal-fruntieri nazzjonali fis-settur Ewropew kollu tal-fondi tal-investiment;
44. Jissottolinja l-influwenza tad-disinn ta' strutturi tat-taxxa korporattiva u fuq id-dħul u tal-possibilità tal-ħelsien mit-taxxa fuq il-kapaċità interna ta' finanzjament tal-SMEs; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f'ħafna Stati Membri t-tassazzjoni tal-SMEs u ta' ċerti intrapriżi multinazzjonali tvarja ħafna, u dan jaffettwa ħażin il-kompetittività tal-SMEs u jnaqqas b'mod sinifikanti l-effettività tal-finanzjament tal-SMEs minn sorsi differenti; jirrimarka li, minħabba l-prattiki fiskali inġusti minn xi kumpaniji multinazzjonali, l-SMEs jesperjenzaw sa 30 % aktar taxxa milli kieku jesperjenzaw fil-każ ta' prattiki fiskali ġusti, li konsegwentement jaffettwa l-kapaċità interna ta' finanzjament tagħhom; jilqa', f'dak il-kuntest, il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa tal-Kummissjoni bil-għan li tikseb taxxa aktar sempliċi, aktar effettiva u ġusta fl-UE; jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jaħdmu favur sistema ta' tassazzjoni ġusta, effettiva u trasparenti li tattira l-finanzjament u l-investimenti sabiex jinħolqu possibilitajiet aħjar għall-SMEs biex dawn jibdew u jikbru; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti eżenzjonijiet finanzjarji għall-SMEs, primarjament fil-fażi inizjali tagħhom, biex jippermettulhom li jkollhom fondi biżżejjed għall-perjodi sussegwenti taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' politika ta' taxxa li tnaqqas il-piż globali tat-taxxa u tnaqqas it-taxxi fuq ix-xogħol u l-intrapriżi; jisħaq fuq l-importanza li jiġi indirizzat l-iżbilanċ fiskali bejn id-dejn u l-ekwità;
45. Jirrimarka li l-għajnuna diretta mill-Istat, li ma tfixkilx il-benefiċċji tal-kompetizzjoni fil-livell tal-UE, kultant hija meħtieġa sabiex tipprovdi l-fondi meħtieġa għall-intrapriżi ġodda, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, speċjalment meta l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi ma jippermettux għal sors ieħor ta' aċċess għall-finanzi; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza rigward l-iskemi pubbliċi u l-għajnuna mill-Istat li jappoġġjaw l-investiment fl-SMEs, kif ukoll il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ġodda għall-finanzjament u l-investiment;
46. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw u jibnu fuq l-esperjenza tal-WIR Żvizzeru mwaqqaf fl-1934 u li jibbaża ruħu fuq assoċjazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-kreditu bejn l-SMEs, meta jitqies li l-WIR jaħdem b'suċċess bħala stabilizzatur makroekonomiku fi żminijiet ta' ssikkar tal-kreditu jew kriżijiet ta' likwidità;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat rapport annwali lill-Parlament Ewropew, tiddeskrivi l-istatus tal-inizjattivi ta' implimentazzjoni u l-impatt tagħhom fuq it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-valutazzjoni tagħha stess tad-direzzjoni strateġika u t-tibdil rakkomandat fejn applikabbli;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-istrumenti eżistenti bħall-fondi strutturali u programmi rilevanti oħra fir-rigward tal-adegwatezza tal-appoġġ finanzjarju tagħhom għall-SMEs fir-rigward tal-għanijiet segwiti u, fejn xieraq, fir-rigward tal-impatt tagħhom ta' tnaqqis tal-effetti tal-kriżi fuq l-SMEs;
49. Jirrikonoxxi l-importanza dejjem ikbar ta' mikrointrapriżi u SMEs fis-setturi kulturali u dak kreattiv (CCS) għall-investiment, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjieg, iżda wkoll fir-rwol essenzjali tagħhom li jippreservaw u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika;
50. Jenfasizza li bil-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-"Survey on access to finance for cultural and creative sectors" f'Ottubru 2013, irriżulta li l-intrapriżi kulturali u kreattivi għandhom diffikultajiet kbar biex jiksbu aċċess għall-kreditu u għandhom defiċit finanzjarju stmat għal bejn EUR 8 biljun u EUR 13,3 biljun;
51. Jenfasizza li ċ-ċifri tal-Eurostat juru li 2,9 % tal-forza tax-xogħol tal-UE, jiġifieri 6,3 miljun persuna, kienet impjegata fis-settur kulturali u dak kreattiv fl-2014, li huwa l-istess proporzjon ta' ħaddiema impjegati fis-setturi bankarju u tal-assigurazzjoni; barra minn hekk jenfasizza li s-settur kulturali u dak kreattiv jikkostitwixxu kważi 4,5 % tal-ekonomija Ewropea, b'madwar 1,4 miljun negozju ta' daqs żgħir u medju li jiġġeneraw u jxerrdu kontenut kulturali u kreattiv fl-Ewropa kollha, u li l-impjiegi fis-settur kulturali u dak kreattiv żdiedu b'mod kontinwu mill-2008, filwaqt li huma fost l-aktar setturi tal-ekonomija Ewropea li qed jikbru, fejn jiġġeneraw madwar 4,2 % tal-PDG totali tal-UE;
52. Jirrikonoxxi li l-kultura u l-innovazzjoni huma fatturi kruċjali fl-għajnuna lir-reġjuni sabiex jattiraw l-investiment; jenfasizza l-fatt li mhuwiex probabbli li l-impjiegi fis-settur kulturali u dak kreattiv jiġu lokalizzati barra mill-pajjiż, peress li huma marbutin ma' tipoloġiji speċifiċi ta' kompetenzi kulturali u storiċi, li jikkontribwixxu wkoll għall-ħarsien ta' firxa wiesgħa ta' arti u s-snajja' tradizzjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-SMEs li joperaw f'ilsna ta' minoranzi jew f'dawk anqas użati, li jipproteġu u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa, u l-importanza ta' appoġġ għal proġetti ġodda miż-żgħażagħ li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni u l-wirt kulturali;
53. Jenfasizza li aktar promozzjoni u investiment fl-industriji kulturali u kreattivi jkunu ta' benefiċċju għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u għall-ġlieda kontra r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, minħabba l-għadd kbir ta' żgħażagħ li jsegwu studji f'dan il-qasam; jinnota li, skont studju reċenti, is-settur kulturali u dak kreattiv impjegaw aktar minn kwalunkwe settur ekonomiku ieħor lill-persuni bejn il-15 u d-29 sena (19,1 % tat-total tal-impjiegi f'dawn is-setturi meta mqabbel mat-18,6 % fil-bqija tal-ekonomija)(19); iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-iżvilupp tal-kompetenzi kulturali u kreattivi u jistabbilixxu netwerks għall-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali bejn is-sistemi edukattivi u ta' taħriġ, il-kumpaniji kreattivi u l-istituzzjonijiet kulturali u tal-arti sabiex jitrawwem approċċ interdixxiplinari; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri biex jespandu soluzzjonijiet li jħeġġu l-iżvilupp tat-talenti u tal-ħiliet fi ħdan is-settur kulturali u dak kreattiv bħal pereżempju billi jiġu previsti għotjiet innovattivi u flessibbli b'appoġġ għall-kreattività u l-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-talenti;
54. Jindika li, skont l-istħarriġ li sar mill-Kummissjoni fl-2013, l-ostakoli għall-aċċess għall-finanzi fis-setturi kulturali u kreattivi għandhom karatteristiċi speċifiċi ħafna, b'mod li jkollhom aktar diffikultà biex jattiraw il-kapital u l-investiment minħabba database limitata, nuqqas ta' informazzjoni li tkun faċilment disponibbli dwar is-sorsi ta' finanzjament, nuqqas ta' ħiliet fin-negozju, dipendenza fuq skemi ta' investiment pubbliku, u nuqqas ta' biżżejjed informazzjoni li jirriżultaw minn problemi fil-valutazzjoni tar-riskji u l-valutazzjoni ta' proprjetà intanġibbli bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
55. Jenfasizza għalhekk li, sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi fis-setturi kulturali u kreattivi, jinħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur biex ikollhom aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' għarfien espert fil-valutazzjoni tar-riskji speċifiċi maħluqa minn nuqqas ta' kollateral tanġibbli, dipendenza fuq assi intanġibbli u l-inċertezza tad-domanda tas-suq fi żminijiet ta' bidla diġitali; jinnota li dan l-għarfien espert huwa meħtieġ kemm fil-mikrointrapriżi u l-SMEs kif ukoll fl-istituzzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jistgħu jiġu aċċettati bħala kollateral; jenfasizza l-importanza ta' qafas leġiżlattiv armonizzat b'dispożizzjonijiet dwar it-taxxa u l-proprjetà intellettwali fl-UE li jista' jgħin biex jattira investimenti u finanzjament għal SMEs kulturali u kreattivi;
56. Jilqa' t-tnedija tal-Faċilità ta' Garanzija tal-programm Ewropa Kreattiva, minkejja l-fatt li din iddewmet sew, peress li hija waħda mill-mezzi ewlenin li jindirizzaw il-ħtieġa urġenti għall-aċċess għal finanzjament tas-self għal proġetti innovattivi u sostenibbli fis-settur kulturali u dak kreattiv, li jinkludu mikrointrapriżi, SMEs, assoċjazzjonijiet iżgħar mingħajr skop ta' qligħ u NGOs, kif ukoll wieħed mill-mezzi prinċipali li jiggarantixxi remunerazzjoni ġusta għall-awturi; jilqa' l-inizjattiva tal-iskema ta' taħriġ integrat tal-Faċilità ta' Garanzija proposta lill-bankiera u lill-intermedjarji finanzjarji; jirrakkomanda b'qawwa li l-miżuri neċessarji jiġu implimentati fl-2016, kif imniżżel fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni; ifakkar li d-differenza fil-finanzjament hija mistennija li taqbeż il-EUR 1 biljun fis-sena skont il-valutazzjoni ex-ante tal-Kummissjoni, u li din id-differenza hija l-ammont f'investimenti mitlufa peress li kumpaniji bi strateġiji ta' negozju sodi u profili tar-riskju tajjeb jew huma rrifjutati s-self jew jiddeċiedu li ma japplikawx għal waħda minħabba li ma jkollhomx biżżejjed assi bħala garanzija;
57. Jilqa' r-rapport il-ġdid ippubblikat mill-grupp ta' esperti tal-Istati Membri dwar l-aċċess għall-finanzjament għas-setturi kulturali u kreattivi, rapport li ġie abbozzat permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, u jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet li saru fih għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni sabiex jinħolqu strumenti aktar effiċjenti u innovattivi, u wkoll biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament;
o o o
58. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.