Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2320(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0248/2016

Testi mressqa :

A8-0248/2016

Dibattiti :

PV 14/09/2016 - 19
CRE 14/09/2016 - 19

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2016 - 11.12
CRE 15/09/2016 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0359

Testi adottati
PDF 433kWORD 71k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2016 - Strasburgu
Kif nisfruttaw bl-aħjar mod il-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi tal-SMEs?
P8_TA(2016)0359A8-0248/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar kif għandu jiġi sfruttat bl-aħjar mod il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (2015/2320(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 173 u 49 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata 'Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (COM(2008)0394),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-idoneità regolatorja tal-UE (COM(2013)0685),

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni Intraprenditorjali 2020 tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs' (COM(2011)0870),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Lejn irkupru li jwassal ghall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi' (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Investiment Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 intitolata 'Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi'(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar 'It-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs'(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 intitolata 'L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?'(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard (Direttiva 2011/7/UE),

–  wara li kkunsidra l-programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI),

–  wara li kkunsidra l-Programm tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Orizzont 2020,

–  wara li kkunsidra l-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (COSME),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar 'Il-proċess ta' konsultazzjoni "top ten" u t-tħaffif tal-piż tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq l-SMEs'(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni 'L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro' (COM(2011)0803),

–  wara li kkunsidra l-'Annual Report on European SMEs 2013/2014 – A Partial and Fragile Recovery' (Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2013/2014 - Irkupru Parzjali u Fraġli) tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound ta' Jannar 2013 intitolat 'Born global: The potential of job creation in new international businesses', (Imwielda Globali: Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi f'negozji ġodda internazzjonali)

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2013 intitolat 'Public policy and support for restructuring in SMEs' (Politika pubblika u appoġġ għar-ristrutturar tal-SMEs),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2016 intitolat 'ERM annual report 2015: Job creation in SMEs' (Rapport Annwali 2015 tal-ERM: Il-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2012 bl-isem 'Public measures to support self-employment and job creation in one-person and micro enterprises' (Miżuri pubbliċi biex jappoġġjaw l-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' impjiegi f'intrapriżi mikro u b'persuna waħda),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem 'SMEs in the crisis: Employment, industrial relations and local partnership' (L-SMEs fil-kriżi: l-impjiegi, ir-relazzjonijiet industrijali u s-sħubiji lokali),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem 'Employee representation at establishment level in Europe' (Rappreżentanza tal-impjegati fil-livell ta' stabbiliment fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2014 bl-isem 'Social dialogue in micro and small companies' (Djalogu soċjali f'kumpaniji mikro u f'kumpaniji żgħar),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea 2015 dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi (SAFE),

–  wara li kkunsidra l-'Annual Report on European SMEs 2014/2015 – SMEs start hiring again' (Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 - l-SMEs jibdew jimpjegaw mill-ġdid) tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar 'L-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali'(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju,

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2015 dwar l-'Internationalisation of Small and Medium-Sized Enterprises' (L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD tal-2015 intitolat 'Financing SMEs and Entrepreneurs 2015 – An OECD Scoreboard' (Il-Finanzjament tal-SMEs u tal-Intraprendituri 2015 - Tabella tal-OECD),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0248/2016),

A.  billi l-SMEs (22.3 miljun(8)kienu attivi fl-UE28 fl-2014) joħolqu aktar impjiegi minn kumpaniji oħrajn fis-settur privat, billi jipprovdu madwar żewġ terzi tal-impjiegi kollha fis-settur privat fl-UE u billi l-imprendituri u l-SMEs jagħtu kontribut importanti għat-tkabbir soċjoekonomiku u għall-iżvilupp tal-UE; jirrimarka li l-appoġġ lill-SMEs jgħin fil-ġlieda kontra r-rata ta' qgħad u r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, li huma 8.9 % u 19.4 % rispettivament(9); billi n-numru ta' persuni qiegħda – madwar 23 miljun ruħ fl-2015 – għadu storikament għoli;

B.  billi fl-2014 l-SMEs taw kontribut kbir għat-tkabbir tal-impjiegi, sa 71 % fl-ekonomija tan-negozju mhux finanzjarju;

C.  billi l-ħolqien tax-xogħol fl-SMEs huwa influwenzat minn numru ta' fatturi interni u esterni – fost dawn tal-aħħar il-kundizzjonijiet essenzjali huma kompetizzjoni maniġġabbli (inkluż mill-korporazzjonijiet multinazzjonali - MNCs, u l-ekonomija klandestina), piżijiet amministrattivi maniġġabbli u l-ispejjeż tal-produzzjoni globali, kif ukoll l-aċċess għall-finanzi u l-ħaddiema tas-sengħa;

D.  billi r-riċerka riċenti tal-Eurofound turi li l-SMEs li għandhom tendenza li joħolqu xogħlijiet huma ħafna drabi ġodda, innovattivi, attivi fil-livell internazzjonali, jinsabu f'żoni urbani u huma mmexxija minn maniġers kapaċi, u għandhom strateġiji komprensivi ta' tkabbir u ta' investiment;

E.  billi l-SMEs għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; billi s-settur tal-SMEs huwa importanti fil-livell reġjonali u b'mod partikolari fir-reġjuni rurali;

F.  billi, minkejja l-fatt li 90 % tat-tkabbir dinji jseħħ barra mill-UE, 13 % tal-SMEs biss mexxew negozji internazzjonali barra mill-UE;

G.  billi hemm differenzi fil-karatteristiċi tal-SMEs madwar l-UE, jiġifieri l-iskala u l-impatt fuq l-ekonomiji nazzjonali; billi hemm raġunijiet storiċi għal dawn id-differenzi;

H.  billi hemm skarsezza u disparitajiet tal-ħiliet madwar l-UE, kif ukoll il-fluss tax-xogħol tas-sengħa l-aktar mit-tkabbir tal-Istati Membri ta' wara l-2004 u l-pajjiżi fi kriżi taż-Żona tal-Euro lejn Stati Membri oħrajn, li joħolqu reġjuni perifiċi b''nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa minħabba l-fenomenu tal-eżodu tal-imħuħ;

I.  billi, minkejja r-regoli tas-suq intern, għad hemm differenzi kbar madwar l-UE f'termini ta' oqfsa regolatorji għall-SMEs, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċertezza ta' żviluppi regolatorji fil-ġejjieni kif ukoll il-kwalità ġuridika tar-regolamentazzjoni b'mod ġenerali;

J.  billi r-rappreżentanti tal-SMEs jindikaw spejjeż tax-xogħol għoljin bħala waħda mir-restrizzjonijiet ewlenin għall-ħolqien tal-impjiegi u jippretendu t-tnaqqis tal-imsemmija spejjeż, billi l-ogħla spejjeż tax-xogħol ġew identifikati f'sistemi burokratizzati u rregolati żżejjed;

K.  billi, minħabba l-iskala iżgħar tagħhom, l-SMEs isibuha iktar diffiċli minn kumpaniji kbar biex jikkonformaw mal-istandards regolatorji;

L.  billi r-rappreżentanza tal-impjegati u d-djalogu soċjali mhumiex mifruxin fl-SMEs daqskemm huma f'kumpaniji ikbar u t-trejdjunjins f'xi pajjiżi qed jagħmluha prijorità li jippruvaw iżidu r-rappreżentanza tal-impjegati fl-SMEs, pereżempju billli jippruvaw iħeġġu l-istabbiliment tal-kunsilli tax-xogħlijiet fl-SMEs(10);

M.  billi l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6.5 % tal-ħaddiema fl-UE; billi hemm 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-UE, li jirrappreżentaw 10 % tal-intrapriżi fl-Unjoni; billi l-intrapriżi soċjali wrew li huma reżiljenti matul il-kriżi ekonomika;

N.  billi l-SMEs jirreżistu aħjar il-kriżi ekonomika f'termini ta' telf ta' impjiegi, b'mod partikolari l-kooperattivi fl-industrija u s-servizzi wrew reżiljenza aħjar mill-kriżi tal-2008 minn intrapriżi oħrajn fl-istess setturi;

O.  billi t-trasferimenti tan-negozju lil impjegati taħt il-forma ta' kooperattiva huma tipi ta' trasferimenti ta' negozju b'suċċess, kif jidher ċar mir-rati għolja ta' sopravivenza tagħhom;(11)

P.  billi ħafna postijiet jibqgħu battala minħabba mobbiltà baxxa tal-ħaddiema u l-inadegwatezza ta' ċerti sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għas-suq tax-xogħol tal-lum;

Q.  billi s-settur ekoloġiku kien wieħed mill-ħallieqa netti ewlenin fl-Ewropa matul ir-riċessjoni u l-SMEs bi pjan għal żmien twil biex joperaw fl-ekonomija ekoloġika joħolqu impjiegi li huma aktar adattabbli għall-esternalitajiet attwali tal-ekonomija globalizzata(12);

R.  billi d-data dwar l-arranġamenti kuntrattwali u l-organizzazzjoni tal-impjiegi fl-SMEs hija diffiċli biex tinstab b'mod ġenerali;

S.  billi skont l-Eurofound, il-kundizzjonijiet tax-xogħol f'bosta pajjiżi, inklużi s-sigħat tax-xogħol huma ta' spiss aktar flessibbli u rranġati b'mod informali fl-SMEs milli f'kumpaniji ikbar; billi l-impatt inizjali tal-kriżi jidher li kellu l-effett li jżid il-flessibbiltajiet "interni" eżistenti, hekk kif l-organizzazzjonijiet jippruvaw ilaħħqu ma' ċirkustanzi u talbiet esterni li qed jinbidlu;

T.  billi l-BĊE jargumenta li l-kriżi tad-dejn sovran żiedet l-ispejjeż ta' finanzjament tal-banek fil-pajjiżi fi kriżi taż-Żona tal-Euro, li mbagħad ġew mgħoddija lill-SMEs fil-forma tar-rati tas-self ogħla jew self iżgħar;

U.  billi l-baġit tal-UE għandu jikkontribwixxi biex jagħti spinta lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u bi kwalifiki għoljin fuq perjodu twil u għall-potenzjal tal-SMEs li joħolqu impjiegi deċenti u sostenibbli;

V.  billi l-aċċess għall-finanzjament għadu wieħed mill-ostakli ewlenin għall-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs, partikolarment fil-każ ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali, minħabba, fost oħrajn, in-nuqqas ta' firxa diversifikata biżżejjed ta' strumenti ta' ekwità u ta' kapital ta' riskju fl-Unjoni kollha, li hija meħtieġa tul il-perkors tat-tkabbir ta' kumpanija;

W.  billi minħabba raġunijiet storiċi xi soċjetajiet jipperċepixxu l-intraprendituri b'mod pjuttost negattiv, li f'xi każijiet huwa rifless ukoll fit-trattament diskriminatorju tal-gvernijiet tas-settur tal-SMEs, meta mqabbel, pereżempju, mal-ambjent vantaġġuż maħluq f'dawn il-pajjiżi għall-investiment barrani, speċjalment għall-MNCs;

X.  billi l-kundizzjonijiet diskriminatorji bejn il-MNCs u l-SMEs jirriżultaw ukoll mill-prattika tat-trasferimenti tal-profitti lejn il-pajjiżi meqjusa bħala ġenna fiskali (tax havens);

Y.  billi l-istudji tal-Kummissjoni ma jipprovdux valutazzjoni dettaljata tal-impatt potenzjali tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) futura fuq l-SMEs fi Stati Membri differenti;

Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi u l-ħaddiema tas-sengħa

1.  Ifakkar li kważi 99 % tal-kumpaniji Ewropej huma SMEs u li għalhekk dawn huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE;

2.  Jemmen li sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet aħjar għall-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità għas-settur tal-SMEs, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-problemi li ġejjin, li huma preżenti b'mod inugwali fi Stati Membri u f'reġjuni differenti: nuqqas ta' ħiliet, nuqqas ta' stima tal-bżonnijiet futuri fir-rigward tal-ħiliet, nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, eżodu ta' mħuħ, piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u inċertezza regolatorja fl-oqsma kollha, insuffiċjenza ta' djalogu bejn il-partijiet interessati tas-suq tax-xogħol, aċċess limitat għall-finanzi u l-akkwist pubbliku, kapaċità baxxa ta' innovazzjoni u aċċess limitat għal teknoloġiji ġodda, appoġġ insuffiċjenti għall-SMEs fi ħdan politiki ta' investiment pubbliku, l-ekonomija sewda u frodi, kif ukoll il-pożizzjoni ta' vantaġġ tal-korporazzjonijiet multinazzjonali;

3.  Huwa tal-fehma li l-indirizzar tal-problemi strutturali msemmija hawn fuq jirriżulta, fost l-oħrajn, f'kompetizzjoni aktar ġusta u fl-estensjoni tal-kontribuzzjoni soċjali u tal-bażi tat-taxxa għal għadd akbar ta' operaturi ekonomiċi, li jagħti lill-Istati Membri l-opportunità li jiffinanzjaw politiki favorevoli għall-impjieg, b'mod partikolari għall-SMEs u jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-Istati Membri u kundizzjonijiet aktar ġusti tas-suq;

4.  Jenfasizza l-bżonn ta' ambjent regolatorju li jħeġġeġ l-investiment u li fl-istess ħin irawwem it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ta' kwalità;

5.  Jirrikonoxxi li, fost affarijiet oħra, l-ispejjeż tax-xogħol, bħala parti min-negozju, għandhom impatt fuq il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-SMEs u jistgħu jaffettwaw il-kompetittività; għal dan l-għan, jenfasizza li l-piż tat-taxxa għandu jiġi ttrasferit mix-xogħol għal sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li huma inqas detrimentali għall-impjiegi u għat-tkabbir, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni soċjali adegwata;

6.  Jenfasizza li jrid jintlaħaq standard għoli ta' protezzjoni tal-ħaddiema u li t-tnaqqis fl-ispejjeż tax-xogħol permezz ta' tnaqqis tal-protezzjoni tal-ħaddiema m'għandux ikun mezz biex jitnaqqas il-qgħad; iwissi, barra minn hekk, li t-tnaqqis fil-pagi u fid-drittijiet tal-ħaddiema jista' jwassal għal żieda fil-flussi 'l barra ta' ħiliet ogħla u jkun ta' theddida għas-sigurtà tax-xogħol, billi jesponi lill-SMEs għal nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati, filwaqt li fl-istess ħin jiġġenera l-prekarjetà fl-Ewropa; huwa tal-fehma li ż-żieda fil-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol m'għandhiex twassal għal tnaqqis tal-protezzjoni tal-ħaddiema, peress li dan ma jżidx il-potenzjal tal-SMEs għall-ħolqien tal-impjiegi;

7.  Huwa tal-fehma li l-akkademizzazzjoni mhux neċessarja ta' xi professjonijiet ma tgħinx biex issolvi l-problema tal-iskarsezzi tal-ħiliet fl-SMEs; jemmen li t-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali u, b'mod partikolari, is-sistemi doppji mħaddma b'kooperazzjoni mal-SMEs, għandhom jingħataw aktar appoġġ pubbliku; jenfasizza li t-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali doppju huma għodda importanti fit-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u jitlob li jingħata appoġġ lill-SMEs li jħarrġu liż-żgħażagħ biex isiru ħaddiema tas-sengħa kwalifikati u għalhekk jagħtu kontribut importanti għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà; jindika li sistema ta' edukazzjoni doppja użata fi Stat Membru wieħed ma tistax tiġi sempliċement ikkupjata minn Stat Membru ieħor;

8.  Jitlob lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali permezz tal-inkorporazzjoni ta' ħiliet relatati fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

9.  Iqis li l-iskemi ta' apprendistat fi ħdan l-SMEs għandhom jiġu promossi mill-Istati Membri, inkluż permezz ta' inċentivi fiskali u finanzjarji, kif ukoll permezz ta' oqfsa ta' kwalità, inkluż ħarsien xieraq ta' saħħa u sigurtà; ifakkar li l-SMEs jeħtieġu ħiliet speċifiċi ħafna; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, programmi ta' edukazzjoni doppja u l-kombinazzjoni ta' edukazzjoni u opportunitajiet ta' apprendistat għandhom ukoll ikunu mħeġġa, billi jaqdu rwol ekonomiku u soċjali essenzjali bħala strumenti li jippromwovu opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw forom ta' kooperazzjoni li jinvolvu l-governanza kollha, negozji (inklużi negozji marbuta mal-ekonomija soċjali), trejdjunjins, istituzzjonijiet ta' tagħlim u partijiet interessati oħra, bil-għan li jiġu adattati s-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tagħhom biex tiġi indirizzata d-disparità bejn il-ħiliet/kwalifiki u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk tal-SMEs; jitlob li jkun hemm inkoraġġiment għal aktar taħriġ informali inkluż b'rabta mat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-qsim tal-għarfien fost il-persunal;

11.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs u l-intrapriżi mikro, b'kollaborazzjoni ma' dawk li jfasslu l-politika u s-sħab soċjali fit-trasformazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u tal-programmi tat-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa, kemm fir-rigward tal-metodi tat-tagħlim u t-tfassil tal-kurrikulu, sabiex issir enfasi ikbar fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tax-xogħol tas-seklu 21, b'mod partikolari l-ħiliet diġitali, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi u x-xogħol f'tim; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-esperjenzi prattiċi u tal-ħajja reali;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġi megħlub id-distakk fil-ħiliet li qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-SMEs innovattivi; jemmen li l-Kummissjoni jeħtieġ li tagħmel enfasi fuq il-faċilitazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu biex jingħalaq id-distakk fil-ħiliet fir-rigward tal-ħiliet fl-ICT li huma essenzjali għal SMEs innovattivi;

13.  Iqis li, bil-għan li jiġu bbilanċjati l-provvistà u d-domanda fl-impjiegi, l-Istati Membri għandhom jirriformaw is-sistemi edukattivi tagħhom biex iqisu t-tibdil fil-kuntest soċjali fir-rigward tal-importanza li wieħed jitgħallem lingwa waħda jew iżjed u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ xieraq u jiżguraw żvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema biex jippromwovu metodi tat-tagħlim aġġornati u l-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kompetenzi tas-seklu 21;

15.  Jitlob li jittieħdu wkoll miżuri oħrajn għall-integrazzjoni tal-Ġenerazzjoni 50+ fis-suq tax-xogħol, fin-negozju, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ bil-għan li jiġi evitat il-qgħad għal żmien twil u r-riskju ta' esklużjoni soċjali għal din il-kategorija ta' ħaddiema u l-familji tagħhom;

16.  Iqis li l-SMEs għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; iħeġġeġ aktar investiment fil-potenzjal għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet ta' negozju;

17.  Jagħraf l-importanza dejjem tikber tal-impjieg indipendenti u tal-intrapriżi mikro, li huma ta' importanza vitali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lilll-intraprenditorja; huwa mħasseb, madankollu, dwar il-fenomenu tal-impjieg indipendenti fittizju madwar l-UE, li ma jistax jitqies f'termini pożittivi bħala li jikkontribwixxi għan-'numru dejjem jikber ta' intrapriżi mikro', iżda, minflok, jikkawża l-prekarjetà tal-impjieg, iwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol mhux favorevoli u protezzjoni soċjali mnaqqsa jew ineżistenti, u jimmina l-immaġini tal-intraprenditorija, filwaqt li jqiegħed lil ħafna nies f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u b'hekk jiġġenera problemi soċjali ġodda li jeħtieġ li jiġu indirizzati;

18.  Jenfasizza li l-piż amministrattiv tar-regolamentazzjoni huwa sproporzjonatament ogħla għall-ħaddiema indipendenti u għall-intrapriżi mikro milli għal kumpaniji ikbar; iqis f'dan ir-rigward li kwalunkwe miżura li tikkonċerna l-"ħaddiema b'impjieg indipendenti fittizju" għandha tkun immirata b'mod ċar u ma għandhiex tpoġġi piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq l-individwu;

19.  Huwa mħasseb dwar il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol ta' numru kbir ta' ħaddiema indipendenti u l-livelli tagħhom dejjem jiżdiedu ta' faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu netwerks kollaborattivi ta' intrapriżi mikro u żgħar taħt il-forma kooperattiva (bħal kooperattivi ta' produtturi individwali, kooperattivi ta' freelancers, kooperattivi ta' SMEs, kooperattivi tal-attività u tal-impjieg) peress li dawn in-netwerks isaħħu b'mod konsiderevoli s-sostenibbiltà u l-potenzjal tal-impjieg tal-unitajiet kostitwenti;

20.  Jieħu nota tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li huwa mfassal biex joħloq impjiegi ġodda u jagħti spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività, u jittama li l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment, bħala sensiela ta' proġetti trasparenti u investibbli fl-UE, jgħin sabiex l-investituri jiġu orjentati lejn l-opportunitajiet eżistenti favur l-iffinanzjar tal-SMEs u l-iżvilupp ta' negozji ġodda bħala mod importanti u sostenibbli ta' kif jitnaqqas il-qgħad u jiġi promoss l-impjieg fit-tul ta' kwalità; jitlob għalhekk li jiġu inklużi kategoriji differenti b'livelli limiti xierqa fil-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment sabiex l-SMEs u n-negozji ġodda jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-funzjonament tiegħu;

21.  Ifakkar li l-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ il-bażi industrijali tagħha billi stabbiliet il-mira li l-produzzjoni industrijali se tammonta għal mill-inqas 20 % tal-PDG sal-2020, li għandha tiżdied għal 30 % sal-2030; iqis li dan huwa prerekwiżit essenzjali għal titjib effikaċi tas-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-Ewropa;

22.  Jenfasizza r-rwol ta' leġiżlazzjoni li tħares 'il quddiem u l-faċilitazzjoni tal-proċess fil-kuntest ta' żviluppi rapidi fis-settur tal-SMEs intensivi fl-għarfien u innovattivi ħafna, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija kooperattiva, jissottolinja r-rwol tagħhom fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u b'kont meħud tal-Aġenda Urbana tal-UE, kif ukoll b'ħarsa 'l quddiem lejn il-Patt ta' Amsterdam u r-rwol ta' strutturi ta' netwerking u ta' koordinazzjoni bħall-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni;

23.  Jinnota li l-SMEs fl-Istati Membri li m'għandhomx banek ta' investiment pubbliku jistgħu jkunu żvantaġġati meta mqabbla ma' dawk f'pajjiżi li għandhom banek ta' investiment pubbliku, minħabba li l-valutazzjoni tal-interess pubbliku mhijiex prijorità għal istituzzjonijiet bankarji privati;

24.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess ugwali tal-SMEs għall-akkwist pubbliku;

25.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi kooperattivi peress li hemm esperjenza pprovata li huma aktar reżiljenti waqt krizi u inqas soġġetti għat-telf ta' impjiegi mill-intrapriża medja u biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità li ma jidelokalizzawx; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni biex iżommu lill-Parlament infurmat dwar miżuri konkreti li ttieħdu s'issa biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal kooperattivi u intrapriżi soċjali;

26.  Iqis li l-politiki nazzjonali u tal-UE ma għandhomx jiffokaw biss fuq negozji SMEs ġodda u fuq il-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-SMEs u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jappoġġjaw it-trasferimenti tan-negozju bħala għodda għaż-żamma tal-impjiegi eżistenti fl-SMEs li qed jirriskjaw li jagħlqu; jitlob il-promozzjoni ta' trasferimenti tan-negozju lill-impjegati taħt il-forma kooperattiva bħala tipi ta' trasferimenti tan-negozju ta' suċċess;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja iktar lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-edukazzjoni terzjarja u l-faċilitajiet ta' taħriġ, l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji, it-trejdjunjins u l-istituzzjonijiet finanzjarji, bl-għan li jippromwovu u jagħmlu użu sħiħ mis-sorsi ta' finanzjament tal-UE (eż. il-FEIS, il-FSE, il-FEŻR, COSME, Orizzont 2020 u Erasmus+) sabiex jgħinu biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-aċċess għall-informazzjoni, il-pariri u l-finanzi, li huma wħud mill-ostakoli ewlenin għat-tkabbir tal-SMEs u l-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza wkoll l-importanza ta' programmi ta' promozzjoni transkonfinali tal-SMEs taħt il-qafas tal-inizjattiva tar-riċerka Ewropea EUREKA bħala mezz għal aktar kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet tar-riċerka; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw aħjar l-istrumenti ta' finanzjament differenti għall-SMEs;

28.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li s'issa, it-taħriġ u l-informazzjoni dwar opportunitajiet bħal dawn huma kważi ineżistenti, meta mqabbla mal-bżonnijiet attwali u l-ħafna opportunitajiet li dawn il-fondi jistgħu joħolqu;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mal-punti ta' kuntatt nazzjonali biex tiżviluppa kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni assertivi u effettivi, maħsuba biss għall-SMEs fuq l-istrument "Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni" li huwa parti mill-programm tal-Orizzont 2020;

30.  Jistieden lill-SMEs (inklużi l-mikroimpriżi) kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet eżistenti biex jikkombinaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) mal-FEIS, waqt li jitqies li dawn huma żewġ strumenti komplementari; jirrakkomanda t-taħlita ta' Fondi ESI u l-FEIS fi pjattaformi ta' investiment tematiċi u multinazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI jintensifikaw l-isforzi tagħhom għall-ħolqien ta' dawn il-pjattaformi sabiex jippromwovu l-prodotti tal-Grupp tal-BEI u jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ kwalifikat u l-iżvilupp sabiex jiġu xprunati t-tkabbir kwalitattiv u l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi tal-SMEs Ewropej; jenfasizza l-fatt li EUR 75 biljun ġew allokati biex jappoġġaw lill-SMEs fi ħdan it-taqsima ddedikata għat-taqsima tal-SMEs tal-FEIS; jilqa' l-implimentazzjoni b'suċċess tal-finanzjament tal-SMEs permezz tal-FEIS fost il-proġetti approvati s'issa;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tirrevedi l-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, biex issib mod sabiex tikkumpensa bis-sħiħ għat-tnaqqis fil-baġit tal-FEIS fl-allokazzjonijiet għall-programm Orizzont 2020, minħabba l-importanza tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-SMEs;

33.  Jilqa' l-pass 'il quddiem lejn strumenti finanzjari li jappoġġaw lill-SMEs, iżda jemmen li l-għotjiet finanzjarji għandhom jinżammu fejn qed ikollhom rwol importanti u meħtieġ għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, tal-iżvilupp u tar-riċerka, li huma importanti ħafna għall-ħolqien tal-impjiegi u għas-suċċess ekonomiku ġejjieni tal-Ewropa;

34.  Iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni, fil-qafas ta' approċċ olistiku lejn l-appoġġ lill-SMEs, biex jagħmlu progress sinifikanti b'aktar semplifikazzjoni tal-finanzjament tal-UE sal-2017 fir-rigward tal-applikazzjoni, il-ġestjoni u l-monitoraġġ/kontroll tal-proġetti, b'mod partikolari billi tiġi introdotta proċedura elettronika uniformi tal-akkwist pubbliku mal-UE kollha, koeżjoni elettronika kompluta, awditu uniku msejjes fuq il-prinċipju tar-riskju, it-tnaqqis tar-rekwiżiti ta' data u ta' informazzjoni u l-eliminazzjoni ta' regolamentazzjoni żejda permezz ta' ottimizzazzjoni regolatorja estensiva; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jkun żgurat bilanċ tajjeb bejn is-semplifikazzjoni fuq naħa waħda, u t-tiftix u l-prevenzjoni tal-irregolaritajiet, inkluż il-frodi, min-naħa l-oħra; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal bidliet leġiżlattivi għar-regolamenti dwar il-politika ta' koeżjoni matul ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu, bl-għan li jkun faċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, u b'mod partikolari għan-negozji ġodda li jixtiequ jikbru; ifakkar li, fuq il-bażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, l-akkwist elettroniku Ewropew, it-trasparenza u t-tnaqqis fl-infiq amministrattiv jistgħu jagħmlu possibbli l-iffrankar ta' EUR 50 biljun fis-sena;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tagħti bidu għal dibattitu veru u proprju mal-Parlament dwar il-qafas finanzjarju futur u dwar il-politika ta' koeżjoni għall-perjodu wara l-2020, twettaq studji kwantitattivi meħtieġa biex tkejjel l-impatt ta' politiki u strumenti ta' appoġġ għall-SMEs, li jagħmluha possibbli li titwettaq ħidma preparatorja billi jiġu mmonitorjati r-riżultati u tiġi vvalutata l-effikaċja tagħhom meta mqabbla ma' forom oħra ta' għajnuna mhux immirata lejn intrapriżi taħt ċertu daqs;

36.  Jenfasizza l-importanza tal-aċċessibbiltà għal miżuri ta' finanzjament tal-UE li jagħtu appoġġ u għas-servizzi pubbliċi elettroniċi għall-SMEs li jinsabu f'żoni urbani iżgħar u f'żoni rurali, billi jittejjeb il-potenzjal ta' impjieg tagħhom u jingħata kontribut għall-iżvilupp ekonomiku f'żoni f'riskju ta' depopolazzjoni;

37.  Jistieden lill-SMEs biex inaqqsu d-disparità bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol fir-rigward tal-impjiegi u l-ħlas, fost kwistjonijiet oħrajn, billi jipprovdu jew jappoġġjaw il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, il-liv tal-persuni li jindukraw, ħinijiet tax-xogħol flessibbli għall-persuni li jindukraw, u biex jiżguraw ħlas ugwali għal xogħol ugwali bejn il-ħaddiema nisa u dawk irġiel;

38.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi pprovduta infrastruttura tal-indukrar tat-tfal lokali sabiex tiffaċilità l-aċċess tal-ġenituri għall-forza tax-xogħol;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħtu spinta lit-taħriġ u l-edukazzjoni fl-ICT u fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) sabiex il-forza tax-xogħol attwali u dik futura tkun mgħammra bil-ħiliet elettroniċi rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw programmi, bħal korsijiet online miftuħa, li jipprovdu liż-żgħażagħ qiegħda b'ħiliet elettroniċi, u jinkoraġġixxi l-provvista ta' tali korsijiet għal persuni attivi tal-ġenerazzjoni ta' 50 sena u 'l fuq.

40.  Jenfasizza l-bżonn ta' inċentivi mmirati għal negozji ġodda, SMEs, u intrapriżi mikro sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment u l-operat tagħhom, kif ukoll il-bżonn li jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta' forza tax-xogħol kwalifikata u t-taħriġ tal-impjegati;

41.  Huwa tal-fehma li l-mobilità f'apprendistati u taħriġ professjonali Ewropej għandha tissaħħaħ aktar;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-gvernijiet reġjonali, lill-istituzzjonijiet edukattivi u lis-sħab soċjali, sabiex joħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ bil-għan li jkunu jistgħu jiksbu ħiliet intraprenditorjali kif ukoll biex jagħrfu u jivvalidaw aħjar l-edukazzjoni mhux formali u l-ħiliet; jenfasizza wkoll l-importanza ta' konsulenza tan-negozju għal intraprendituri żgħażagħ u SMEs li jkunu f'fażi bikrija sabiex jissaħħu r-rati ta' suċċess u s-sostenibbiltà tal-kumpaniji u l-impjiegi;

43.  Jemmen bis-sħiħ li ċ-Ċertifikat tal-Kapumastru għandu jinżamm;

44.  Jilqa' l-programm 'Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ', li jgħin sabiex jipprovdi l-ħiliet meħtieġa liż-żgħażagħ li jkunu imprendituri bl-għarfien u l-ħiliet utli biex jibdew u/jew imexxu negozju b'suċċess; jemmen li tali programmi għandhom jiġu promossi aktar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex il-programm isir magħruf aktar fost il-gruppi mira u biex iktar żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw in-negozji tagħhom u jiksbu suċċess;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw oqfsa leġiżlattivi favorevoli biex jippromwovu u jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ fl-SMEs jew jinċentivizzawhom biex jibdew in-negozji tagħhom, inkluż permezz ta' aċċess aħjar għal informazzjoni u pariri mfassla apposta, billi jiġi faċilitat l-aċċess għal kreditu u arranġamenti ta' finanzjament kif ukoll bil-ħolqien ta' one-stop shops; jemmen li oqfsa bħal dawn għandhom jinkludu wkoll il-promozzjoni ta' programmi ta' internati għall-istudenti sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu l-ewwel esperjenza prattika tagħhom f'SME, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni soċjali xierqa;

46.  Jinnota li għandhom jittieħdu miżuri biex jippermettu b'mod aħjar l-għarfien tal-kwalifiki u d-diplomi madwar l-Ewropa, inklużi diplomi u ċertifikati onlajn bħal dawk mogħtija mill-korsijiet onlajn miftuħin massivi (MOOCs), u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali sabiex il-professjonisti jkunu jistgħu jikkontribwixxu bl-għarfien u l-ħiliet tagħhom madwar l-Ewropa;

47.  Jilqa' l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar l-insolvenza tan-negozji, inkluż ristrutturar bikri u ċansijiet oħra, biex tiġi indirizzata l-biża ta' falliment u jiġi żgurat li l-intraprendituri jkollhom ċans ieħor;

48.  Jenfasizza li r-responsabbiltà soċjali korporattiva għandha tradizzjoni Ewropea twila u li n-negozji responsabbli b'mod soċjali jkomplu jagħtu eżempju sal-lum; jenfasizza li l-SMEs jista' jkollhom rwol importanti fl-iżgurar tat-tkabbir sostenibbli mill-aspett ambjentali, soċjali u ekonomiku;

Ambjent regolatorju favorevoli u stabbli

49.  Jitlob lill-Istati Membri biex jevitaw regolamentazzjoni żejda li tfixkel il-kompetittività tan-negozji u l-potenzjal tagħhom li joħolqu l-impjiegi; huwa tal-fehma li t-tneħħija ta' piż regolatorju u amministrattiv, flimkien mal-iżvilupp ta' regolamentazzjoni soda u sostenibbli, inkluż permezz tal-użu sistematiku ta' 'test tal-SMEs' u l-implimentazzjoni effiċjenti fl-Istati Membri, jikkostitwixxu l-mod xieraq kif jitbaxxew l-ispejjeż tal-SMEs u kif jiżdied il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li dan m'għandux inaqqas il-protezzjoni tal-ħaddiema;

50.  Huwa tal-fehma li ambjent regolatorju favorevoli u stabbli, inklużi ċ-ċarezza intrinsika tar-regoli, huwa prerekwiżit essenzjali għall-ħolqien sostenibbli ta' impjiegi ta' kwalità fl-SMEs; iqis li din iċ-ċertezza regolatorja għandha tinkludi, fost elementi oħrajn, il-liġi kuntrattwali u r-regolamentazzjoni fiskali u soċjali, il-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll ir-regolamenti dwar it-taxxa u wkoll iċ-ċertezza legali u l-effettività proċedurali; jemmen li l-istabbilità tal-ambjent regolatorju tinkiseb l-aħjar permezz ta' involviment kontinwu tas-sħab soċjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jekk l-impatt tar-rekwiżiti amministrattivi jinħass b'mod sproporzjonat minn SMEs, għandhom jiġu kkonsidrati b'mod sistematiku miżuri biex jitnaqqas il-piż u l-ostakli, filwaqt li jiġi żgurat li l-impjegati jirċievu protezzjoni xierqa tas-saħħa u s-sigurtà; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-ostakoli speċifiċi jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi, filwaqt li titqies il-varjetà wiesgħa ta' SMEs;

52.  Jenfasizza l-importanza ta' amministrazzjoni pubblika favorevoli, effettiva, flessibbli u li tirrispondi għall-SMEs fl-Istati Membri sabiex dawn ikunu jistgħu jippromwovu l-valuri intraprenditorjali, jiffaċilitaw it-tkabbir tal-SMEs u jagħtuhom iċ-ċans li jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom fil-ġenerazzjoni ta' impjiegi ta' kwalità għolja;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-iskambji effiċjenti tal-aqwa prattika bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ambjenti regolatorji differenti għall-SMEs; jilqa', f'dan ir-rigward, in-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, li r-rwol tiegħu huwa li jtejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni mal-SMEs nazzjonali u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE; jinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-awtoritajiet lokali u s-settur edukattiv, li tista' tkun ta' benefiċċju għall-ħolqien tal-clusters u l-inkubaturi tan-negozju u, b'hekk, għaż-żieda tal-potenzjal tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-SMEs biex isiru membri ta' organizzazzjonijiet rappreżentattivi sabiex iwasslu leħinhom fil-livell nazzjonali u Ewropew, kif inhu l-aktar fil-każ ta' korporazzjonijiet multinazzjonali; jinkoraġġixxi wkoll lill-assoċjazzjonijiet tal-SMEs biex jappoġġjaw b'mod aħjar lill-SMEs u biex ikollhom rwol aktar b'saħħtu bħala sieħeb soċjali affidabbli;

54.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu r-regoli li jaffettwaw lill-SMEs u japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju "Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir", sabiex jitneħħew piżijiet mhux ġustifikati li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs u biex tinkiseb ċertezza regolatorja u fiskali bħala prekundizzjoni għall-istabilità u l-kwalità tal-impjiegi;

55.  Jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata l-kundizzjonalità ex ante relatata mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, bil-ħsieb li jitjieb l-ambjent u l-proċeduri amministrattivi għall-iżvilupp tan-negozju u l-intraprenditorjat, kif ukoll l-użu ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

56.  Iqis li l-inugwaljanzi inerenti bejn l-SMEs u l-kumpaniji multinazzjonali jridu jiġu rrimedjati sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jużaw riżorsi addizzjonali, u flimkien mal-investiment pubbliku jinħolqu impjiegi ta' kwalità;

57.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinċentivaw permezz tat-tassazzjoni t-tkabbir u l-emerġenza tal-investituri informali, tal-fond inizjali u tas-setturi tal-atturi tas-suq ta' stadju bikri;

58.  Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi reġjonali u l-żbilanċi fl-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament minn banek promozzjonali nazzjonali, programmi ffinanzjati mill-UE u istituzzjonijiet oħra ta' finanzjament pubbliku u privat; jappella għal kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs kollha – b'enfasi speċjali fuq reġjuni inqas żviluppati, ifqar, aktar remoti jew iżolati li jiffaċċjaw problemi serji ta' depopolazzjoni u/jew dispersjoni, u fuq pajjiżi li kienu taħt restrizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji – biex ikollhom aċċess għal finanzjament minn strumenti finanzjarji appoġġati mill-UE filwaqt li jintużaw l-intermedjarji;

59.  Huwa tal-fehma li huwa biss b'aċċess imtejjeb għall-finanzjament permezz tal-fattur korrettiv tal-SMEs li tista' tinħoloq sitwazzjoni finanzjarja stabbli li trawwem it-tkabbir u b'hekk ssostni l-impjiegi;

60.  Jenfasizza li l-mikrokreditu, li hu mmirat l-aktar għall-mikroimprendituri u persuni f'pożizzjoni żvantaġġata li jixtiequ jaħdmu għal rashom, huwa mezz biex jingħelbu l-ostakli għall-aċċess għas-servizzi bankarji tradizzjonali; jilqa' l-inizjattivi ta' simplifikazzjoni intelliġenti bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tal-valutazzjoni ta' proġetti li jeħtieġu l-mikrokrediti; jilqa' wkoll miżuri ta' kontabbiltà li huma mmirati għall-intermedjarji finanzjarji, li mhumiex ta' piż żejjed jew ma jżidux l-ispejjeż b'mod mhux raġonevoli;

61.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-insolvenza u r-riskji ta' falliment għall-SMEs li qed jiffaċċjaw dewmien fil-ħlasijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-infurzar tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tardivi; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex iqisu mekkaniżmi finanzjarji xierqa, bħall-garanziji tal-bank;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq ir-regolament ta' qafas Ewropew biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' swieq ta' finanzjament kollettiv u investiment kollettiv pan-Ewropej;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-titolizzazzjoni tas-self lill-kumpaniji mikro u lill-SMEs biex jiżdied il-kreditu li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-qafas regolatorju għan-negozji soċjali;

65.  Jirrikonoxxi l-importanza li jittieħed kont tas-sitwazzjoni, tal-ħtiġijiet speċifiċi u tad-diffikultajiet fir-rigward tal-konformità mill-intrapriżi mikro u żgħar fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri OSH fil-livell tal-kumpanija; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju ta' prattiki tajbin, konsultazzjoni, gwidi għall-utent li jinftiehmu faċilment u pjattaformi onlajn huma ta' importanza kbira biex jgħinu lill-SMEs u l-intrapriżi mikro jikkonformaw b'mod aktar effettiv ma' rekwiżiti regolatorji tal-OSH; jistieden lill-Kummissjoni, l-EU-OSHA u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw għodod u linji gwida prattiċi, li se jiffaċilitaw il-konformità tal-SMEs u tal-intrapriżi mikro mar-rekwiżiti tal-OSH;

66.  Jilqa' l-introduzzjoni tal-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA) tal-EU-OSHA kif ukoll għodod elettroniċi oħra fl-Istati Membri li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tar-riskju u għandhom l-għan li jippromwovu l-konformità u kultura ta' prevenzjoni, b'mod partikolari f'intrapriżi mikro u żgħar; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi Ewropej għal azzjonijiet tal-OSH b'mod ġenerali u l-iżvilupp ta' għodod elettroniċi b'mod partikolari bil-għan li jappoġġjaw lill-SMEs;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tqis in-natura speċifika u s-sitwazzjoni tal-SMEs u l-intrapriżi mikro meta tirrevedi l-qafas strateġiku sabiex tgħin lil dawn il-kumpaniji jilħqu l-objettivi stabbiliti fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

68.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, meta jkun xieraq u fil-qafas tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew speċifiċi għal kull pajjiż, tadotta approċċ differenzjat sabiex jittejjeb l-ambjent għall-SMEs, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull pajjiż u d-differenzi strutturali speċifiċi tar-reġjuni tal-UE, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq l-SMEs, b'mod partikolari l-mikrointrapriżi;

69.  Jinnota li l-Objettiv Tematiku 3 – "Insaħħu l-kompetittività tal-SMEs" – wassal lill-Istati Membri biex jinkludu enfasi fuq it-tisħiħ tat-tkabbir u tal-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi għall-SMEs fil-programmi operazzjonali; jenfasizza li la l-kriżijiet ġejjiena mhux mistennija fl-UE kollha u lanqas l-inizjattivi ewlenin m'għandhom jirriżultaw fi tnaqqis fl-impenji jew pagamenti relatati mal-Objettiv Tematiku 3 u l-istrumenti rilevanti taħt l-Intestatura 1b tal-baġit ġenerali tal-UE; jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom pożizzjoni ta' ekwità dgħajfa, u għalhekk jenfasizza li d-dewmien fil-pagamenti għal fatturi taħt il-politika ta' koeżjoni għandu jiġi minimizzat sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' insolvenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex itejbu aktar ir-ritmu tal-pagamenti lill-SMEs;

70.  Jenfasizza li kemm ir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 juru diverġenzi reġjonali fl-ambjent tal-SMEs u differenzi oħra li għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv mill-Istati Membri qabel tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, flimkien ma' sforzi biex isir progress fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs billi jitneħħew l-ostakoli mhux tariffarji;

71.  Jistieden lill-Istati Membri b'deċentralizzazzjoni limitata tal-ġestjoni tal-finanzjament mill-UE biex ixeqilbu l-bilanċ tal-kapaċità amministrattiva għall-għajnuna teknika u s-sistemi ta' appoġġ lokali u reġjonali, fosthom aċċess imtejjeb għall-finanzjament u soluzzjonijiet tal-informazzjoni, għall-SMEs (inklużi l-mikroimpriżi) lejn l-awtoritajiet lokali, peress li dan se jippermetti riżultati u rati ta' assorbiment li jkunu reġjonalment iktar ibbilanċjati, b'mod partikolari f'reġjuni inqas żviluppati.

72.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinġiebu flimkien l-iżviluppaturi tan-negozju u l-inkubaturi tan-negozju, bil-għan li n-negozji l-ġodda jsiru għodda importanti għall-ħolqien tal-impjiegi dejjiema u li jinżamm il-potenzjal fi ħdan il-kumpaniji, u b'hekk jiġi skoraġġit "il-bejgħ ta' idea importanti" għall-profitt pur;

73.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi faċilitat l-aċċess għas-suq uniku billi jitneħħew l-ostakoli amministrattivi mhux ġustifikati li fadal u permezz tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta, id-distorsjonijiet fis-suq, l-impjieg indipendenti fittizju u l-"letterbox companies"; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-aċċess għas-suq nazzjonali tagħhom għall-SMEs, b'mod partikolari fil-provvediment ta' servizzi transfruntiera; jilqa' f'dan ir-rigward il-fokus b'saħħtu fuq l-SMEs fl-Istrateġija għas-Suq Uniku tal-2015 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isegwu l-inizjattivi pożittivi b'miżuri speċifiċi li huma tanġibbli għal SMEs;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw oqfsa leġiżlattivi favorevoli biex jinbdew negozji bħala wieħed mill-modi biex tiġi indirizzata l-ekonomija sewda, li tqiegħed fi żvantaġġ b'mod partikolari l-SMEs, u biex jagħmlu użu sħiħ mill-pjattaforma ġdida biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat; jirrikonoxxi li r-reċessjoni ekonomika u l-miżuri implimentati minn ħafna Stati Membri kkontribwixxew għat-tkabbir tal-ekonomija sewda;

75.  Huwa fermament konvint li l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol tkun impossibbli mingħajr appoġġ attiv u solidu minn intrapriżi mikro u intrapriżi żgħar u medji fl-UE;

76.  Jenfasizza li taħriġ lingwistiku komprensiv għar-rifuġjati huwa tal-ikbar importanza; jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jibda kemm jista' jkun malajr u li l-għarfien tal-lingwa relatat mal-impjieg huwa essenzjali biex ir-rifuġjati jkunu jistgħu jintegraw ruħhom fil-kumpaniji;

77.  Jenfasizza li aktar sforzi u inċentivi huma meħtieġa sabiex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' SMEs, inklużi intrapriżi soċjali u mikrointrapriżi, minn persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, u li għandha tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-iżvilupp ta' ħiliet tul il-ħajja u l-għoti ta' pariri huma għodda importanti biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet tal-Istati Membri xierqa għandhom jipprovdu lill-SMEs b'appoġġ u pariri dwar l-integrazzjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol;

78.  Jitlob li l-mikrointrapriżi u l-SMEs ma għandhomx ikunu meħtieġa bl-ebda mod li jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja dwar l-impenn soċjali volontarju tagħhom; jenfasizza li dan l-iżvelar jista' jiġġenera spejjeż burokratiċi għolja b'mod sproporzjonat u jipperikola, aktar milli jrawwem, l-impenn soċjali mid-ditti;

79.  Jenfasizza li l-fatt li huwa, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva (CSR)(13), għamilha assolutament ċara li f'soċjetà ħielsa, is-CSR qatt ma tista' tagħmel azzjoni ta' karità obbligatorja; huwa fermament konvint li jekk is-CSR kellha ssir obbligatorja, in-nies ikunu inqas lesti li jappoġġjaw il-kawżi ta' karità;

80.  Jenfasizza li l-industrija tal-impjieg temporanju hija b'mod partikolari importanti għall-SMEs u għandha titqies b'mod aktar sfumat;

Kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni

81.  Jinnota li, f'xi każijiet, il-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni tista' tirriżulta f'vantaġġ li prinċipalment huwa ta' benefiċċju għall-operaturi kbar tas-suq, li huma kkaratterizzati minn ekonomiji ta' skala akbar mill-SMEs; jenfasizza f'dan ir-rigward li r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandhom jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għal intrapriżi żgħar, ta' daqs medju u kbar biex jingħeleb in-nuqqas ta' ekonomiji ta' skala tal-SMEs u b'hekk tiġi permessa l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom u tingħata spinta lill-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-kuntest ta' ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

82.  Jappella lill-korpi pubbliċi tal-Istati Membri biex b'mod uffiċjali jillimitaw lilhom infushom għas-settur statutorju tagħhom meta jipprovdu s-servizzi sabiex il-pożizzjoni tat-taxxa speċjali tagħhom ma twassalx biex ikun hemm SMEs li qed ibatu minħabba l-fatt li kien hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni;

83.  Jindika li l-SMEs madwar l-Ewropa huma karatterizzati minn varjetà ta' mudelli tan-negozju u forom legali u li għandhom jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għalihom kollha, inklużi l-atturi tal-ekonomija soċjali;

84.  Huwa tal-fehma li l-aċċess inugwali tal-SMEs għas-swieq, għall-informazzjoni, għall-konsulenza, għas-servizzi pubbliċi, għall-ħiliet u għall-finanzi madwar l-UE huwa detrimentali għall-prospetti tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi, u huwa r-riżultat ta' għadd ta' differenzi strutturali f'termini tal-iskala u l-prestazzjoni tal-intrapriżi; iqis, għalhekk, li dawn id-differenzi għandhom jitqiesu meta tiġi evalwata l-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-suq intern;

85.  Iqis li immaġini ta' SME bħala impjegatur attraenti, ibbażata fuq kundizzjonijiet tajbin ta' ħidma u ta' impjieg, hija ta' vantaġġ kompetittiv importanti fir-rigward tar-reklutaġġ ta' persunal ikkwalifikat;

86.  Huwa tal-fehma li r-regolamenti jservu l-interess ġenerali u li huma maħsuba, fost objettivi oħrajn, biex jistabbilixxu suq kompetittiv u ġust, jipproteġu lill-impjegati, jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà, jippromwovu l-innovazzjoni u jippreservaw l-ambjent naturali; jenfasizza l-bżonn urġenti għal qafas regolatorju ċar u effettiv li ma jikkawżax piżijiet burokratiċi mhux meħtieġa fuq l-SMEs meta jiġu biex japplikaw għalih;

87.  Jinnota li fir-reġjuni fejn l-iżvilupp ekonomiku huwa ffokat fuq l-attrazzjoni ta' investiment dirett barrani (IDB), il-kumpaniji multinazzjonali jistgħu f'xi każijiet jiġu ttrattati b'mod preferenzjali fi kwistjonijiet leġiżlattivi; jemmen li trattament preferenzjali ta' kumpaniji multinazzjonali għandu jkun eżaminati bil-ħsieb li jitnaqqas l-impatt negattiv potenzjali tiegħu fuq l-SMEs, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-SMEs u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ta' ħolqien ta' impjiegi; jirrikonoxxi wkoll il-fatt li ħafna SMEs jinħolqu biex jappoġġjaw lill-kumpaniji multinazzjonali u lill-impjegati tagħhom permezz tal-provvista ta' prodotti tal-katina tal-provvista u servizzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir sorveljanza mill-qrib tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema f'dawn il-każijiet, u jilqa' wkoll il-mossa tal-OECD biex tiżdied it-trasparenza fis-sistema fiskali internazzjonali u jappella għal implimentazzjoni rapida tal-miżuri BEPS;

88.  Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw il-prinċipju tat-tassazzjoni fuq id-dħul fil-post fejn tiġi ġġenerata u miżuri oħrajn kontra l-prattiki tat-trasferimenti tal-profitti tal-korporazzjonijiet multinazzjonali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-SMEs b'hekk jiġi mtejjeb il-potenzjali tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi;

89.  Jinnota li qafas regolatorju mtejjeb, u infurzartal-liġi effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ekonomija klandestina u tal-evitar tat-taxxa;

90.  Huwa tal-opinjoni li l-ftehimiet tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi għandhom iqisu d-differenzi strutturali speċifiċi tar-reġjuni tal-UE fis-settur tal-SMEs madwar l-Unjoni, u jevalwaw l-impatt tagħhom fuq perspettivi futuri ta' impjieg u dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-pagi tal-impjegati tal-SMEs;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-implikazzjonijiet tal-ftehim propost tat-TTIP u tagħti status tal-ekonomija tas-suq liċ-Ċina dwar l-għadd u l-kwalità tal-impjiegi fis-settur tal-SMEs fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li valutazzjoni tal-impatt bħal din għandha tinkludi analiżi dettaljata tat-tipi ta' SMEs u setturi li jistgħu jiġu affettwati;

92.  Jinnota l-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal evalwazzjoni tal-potenzjal , tal-benefiċċji u tal-isfidi għall-SMEs fir-rigward tat-tkabbir u tal-potenzjal ta' ħolqien tal-impjiegi tagħhom fl-Istati Membri differenti, kif ukoll fir-rigward tal-impatt fuq fil-ħaddiema u s-sistemi tas-sigurtà soċjali; jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-SMEs biex jadattaw u jimxu gradwalment fis-Suq Uniku Diġitali;

93.  Jemmen li l-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku (gvern elettroniku) u ż-żieda fid-disponibbiltà tal-broadband f'żoni remoti għandhom inaqqsu l-ispejjeż ta' stabbiliment u dawk operattivi għall-SMEs, u għalhekk jippermettulhom li jkomplu jżidu l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi;

94.  Iħeġġeġ lill-SMEs biex jippromwovu t-telexogħol u x-xogħol intelliġenti, li huma għodod effettivi għat-tnaqqis tal-ispejjeż materjali tal-kumpaniji u biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jsibu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali tagħhom b'mod aħjar;

95.  Jilqa' l-preżenza tal-portali ta' informazzjoni mmirati speċifikament għall-SMEs, bħall-'Portal dwar l-Aċċess għall-Finanzi' fuq L-Ewropa Tiegħek, u jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb aktar il-funzjonalità u l-aċċessibbiltà tagħhom u biex tibdilhom fi strumenti aktar interattivi; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li l-Portal Diġitali Uniku l-ġdid imħabbar fl-Istrateġija għas-Suq Uniku jitwassal b'mod effettiv bħala punt ta' aċċess onlajn għall-informazzjoni u s-servizzi kollha relatati mas-suq uniku;

o
o   o

96.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 81.
(2) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 2.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0459.
(5) Test adottat, P8_TA(2015)0321.
(6) Test adottat, P8_TA(2015)0264.
(7) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 40.
(8) Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 (http://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/performance-review/index_en.htm)
(9) Data minn Frar 2016 (http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/7225076/3-04042016-BP-EN.pdf/e04dadf1-8c8b-4d9b-af51-bfc2d5ab8c4a)
(10) Rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem "Employee representation at establishment level in Europe" (Rappreżentanza tal-impjegati fil-livell ta' stabbiliment fl-Ewropa).
(11) Pubblikazzjoni tas-CECOP tal-2013 bl-isem "Business Transfers to Employees under the Form of a Cooperative in Europe" (Trasferimenti ta' Negozji lill-Impjegati taħt il-Forma ta' Kooperattiva fl-Ewropa).
(12) Test adottat, P8_TA(2015)0264.
(13) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 33.

Avviż legali - Politika tal-privatezza