Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Iżvezja – EGF/2016/002 SE/Ericsson) (COM(2016)0554 – C8-0355/2016 – 2016/2214(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0554 – C8-0355/2016),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0272/2016),
A. billi l-Unjoni waqqfet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassisti r-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;
D. billi l-Iżvezja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/002 SE/Ericsson għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji mogħtija fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi), primarjament fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 ta' Stokkolma (SE11), Östra Mellansverige (SE12), Sydsverige (SE22) u Västsverige (SE23); u billi 918 mill-1556 ħaddiem li ngħataw is-sensja u li huma eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;
E. billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jkun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' riferiment ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi iktar 'il quddiem fil-katina ta' attività u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li ntemmet l-attività tagħhom;
F. billi, minħabba li kienet qed tiffaċċja staġnar fit-tkabbir u fl-istess ħin kompetizzjoni aktar ħarxa mill-produtturi Asjatiċi, Ericsson bdiet tnaqqas il-produzzjoni ta' hardware fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, proċess li beda żewġ deċennji ilu;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li għalhekk l-Iżvezja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 957 918 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 6 596 531, li se tgħin lil 918-il benefiċjarju fil-mira jerġa' lura għas-suq tax-xogħol;
2. Jinnota li l-Iżvezja ppreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-31 ta' Marzu 2016, u li b'segwitu għall-informazzjoni addizzjonali li pprovdiet l-Iżvezja, il-valutazzjoni tagħha ġiet finalizzata mill-Kummissjoni fil-5 ta' Settembru 2016 u fl-istess ġurnata ġiet innotifikata lill-Parlament, b'mod li b'hekk ġiet irrispettata l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa minn mindu tasal l-applikazzjoni kompluta;
3. Jinnota li l-industriji tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u t-telekomunikazzjoni huma ddominati mill-manifatturi Asjatiċi li saru destinazzjoni għall-esternalizzazzjoni; jindika li Ericsson ilha tnaqqas gradwalment il-persunal tagħha fl-Iżvezja (minn 21 178 ħaddiem fl-2005 għal 17 858 fl-2014) iżda intant qiegħda tikber immensament madwar id-dinja (minn 56 055 ħaddiem fl-2005 għal 118 055 fl-2014);
4. Jenfasizza li r-reġjuni milquta qed iħabbtu wiċċhom ma' grupp relattivament kbir ta' ħaddiema kbar fl-età minn kuntesti simili li ngħataw is-sensja fl-istess żmien u li l-biċċa l-kbira tagħhom, b'mod partikolari dawk li jinsabu f'Kista, il-belt bl-ogħla numru ta' sensji, ma għandhomx il-ħiliet imfittxija fis-suq tax-xogħol lokali;
5. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Iżvezja li tikkonċentra l-assistenza potenzjali mill-FEG fuq is-siti ta' Kista, Katrineholm u Kumla, li qed jiffaċċjaw l-akbar sfidi, filwaqt li toffri wkoll għajnuna individwalizzata lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja fis-siti l-oħrajn;
6. Ifakkar fid-diversità tal-impjegati, li jinkludu kemm ħaddiema manwali u kemm mhux, li ntlaqtu mis-sensji; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fl-industriji tal-manifattura tradizzjonali, id-domanda fis-suq tax-xogħol hi pjuttost baxxa; jirrikonoxxi l-opportunitajiet għal dawn il-ħaddiema fl-industriji tas-servizzi tas-settur pubbliku jew privat, li kieku jirrikjedu sforzi kbar ta' taħriġ mill-ġdid;
7. Jirrikonoxxi l-valutazzjoni ta' Arbetsförmedlingen (is-Servizz Pubbliku għall-Impjiegi Żvediż) li l-ħaddiema manwali għandhom opportunitajiet potenzjali fl-industriji tas-servizzi tas-settur pubbliku jew privat, dment li jiġu offruti taħriġ sostanzjali mill-ġdid;
8. Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema mhux manwali milquta huma inġiniera, li wħud minnhom huma speċjalizzati f'setturi li huma uniċi għal Ericsson, iżda jilqa' l-fiduċja tas-Servizz Pubbliku għall-Impjiegi Żvediż li pakkett personalizzat ta' programmi ta' taħriġ u coaching jippermetti li l-biċċa l-kbira tal-impjegati li ngħataw is-sensja jsibu impjiegi ġodda ta' kwalità għolja;
9. Jinnota li s-servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu: konsulenza u gwida dwar il-karriera; miżuri għal impjieg protett u appoġġat, kif ukoll għal riabilitazzjoni; edukazzjoni u taħriġ; u benefiċċji għaż-żmien waqt li jkunu qed ifittxu impjieg; jilqa' l-enfasi speċjali li se titqiegħed fuq il-parteċipanti li għandhom 50 sena jew iżjed meta jkunu qed jiġu pprovduti l-coaching motivazzjonali u l-ippjanar tal-karriera;
10. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għad-dħul jammonta għal 33,92 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, u joqorbu għal-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' taħriġ; jikkunsidra li dan il-perċentwal relattivament għoli hu ġġustifikat minħabba l-proporzjon sinifikanti ta' ħaddiema kbar fl-età kkonċernati u minħabba l-għoti ta' appoġġ individwali lill-parteċipanti b'diżabilitajiet fit-tagħlim;
11. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mal-atturi pubbliċi lokali, waqt li ġie kkunsidrat li 22 % tal-ħaddiema huma nisa u 78 % huma rġiel;
12. Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġat mill-FEG għandu jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet rikjesti fis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni u għandu jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi;
13. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;
14. Jilqa' l-assigurazzjoni tal-awtoritajiet Żvediżi li se jsiru sforzi speċjali biex jingħelbu l-ostakoli tradizzjonali marbutin mal-ġeneri, inkluż billi l-benefiċjarji rġiel jitħeġġu jsibu xogħol fis-settur tal-kura tas-saħħa, kif ukoll il-kontribut li l-miżuri se jagħmlu għas-16-il Għan fil-qasam tal-Kwalità Ambjentali li għandha l-Iżvezja;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tistabbilixxi, fi proposti futuri, is-setturi li fihom il-ħaddiema x'aktarx isibu impjieg u jekk it-taħriġ offrut huwiex allinjat mal-prospetti ekonomiċi futuri u mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fir-reġjuni milqutin mis-sensji;
16. Jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju u li dawn l-azzjonijiet huma komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
17. Jinnota li s-settur tal-Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi kien is-suġġett ta' 14-il applikazzjoni oħra għall-FEG, li 11 minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u tlieta fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
18. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
19. Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;
20. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;
21. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.