Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020 (2016/2053(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Georgetown tal-1975 li stabbilixxa l-Grupp AKP, u r-reviżjoni tiegħu tal-1992(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2003 bit-titolu "Towards the full integration of cooperation with ACP countries in the EU budget" (Lejn l-integrazzjoni sħiħa ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi AKP fil-baġit tal-UE) (COM(2003)0590),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Lejn sħubija ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-2020" (JOIN(2015)0033),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet AKP-UE, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE(3), dik tat-13 ta' Ġunju 2013(4) dwar it-tieni emenda għall-Ftehim ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000, dik tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika(5), u dik tal-1 ta' April 2004 dwar il-baġitizzazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-passat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, u b'mod partikolari dik tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar "Forty years of partnership: evaluation of the impact on trade and development in the ACP countries and prospects for enduring relations between the ACP countries and the European Union" (Erbgħin sena ta' sħubija: evalwazzjoni tal-impatt fuq il-kummerċ u l-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP u prospetti għal relazzjonijiet dejjiema bejn il-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea)(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-9 ta' Diċembru 2015 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE(8),
– wara li kkunsidra l-istrateġija globali tal-UE għall-politika barranija u ta' sigurtà, ippreżentata lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-21 ta' Marzu 2012 bit-titolu "Lejn sħubija għall-iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku" (JOIN(2012)0006),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "Strateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew" (JOIN(2012)0018),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, adottata mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern Afrikani u Ewropej fis-summit ta' Lisbona fid-9 ta' Diċembru 2007(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(10),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta AKP-UE tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar l-aġenda ta' wara l-2015(11),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sipopo tas-7 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP li sar fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2012, bit-titolu "The Future of the ACP Group in a Changing World: Challenges and Opportunities" (Il-Futur tal-Grupp AKP f'Dinja li qed Tinbidel: Sfidi u Opportunitajiet)(12),
– wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp tat-13-16 ta' Lulju 2015 u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-27 ta' Lulju 2015(13),
– wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli)(14),
– wara li kkunsidra l-41 sessjoni tal-Kunsill Konġunt AKP-UE, li saret f'Dakar (is-Senegal) fit-28 u d-29 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra t-8 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP f'Port Moresby, Papua New Guinea fl-31 ta' Mejju u fl-1 ta' Ġunju 2016 li fih kienet adottata l-Komunikazzjoni ta' Waigani dwar il-perspettivi futuri tal-Grupp ta' Stati AKP, flimkien mad-Dikjarazzjoni ta' Port Moresby, li fiha kien aċċettat ir-rapport finali tal-Grupp ta' Persuni Eminenti li jirrifletti dwar il-futur tal-Grupp AKP,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0263/2016),
A. billi s-saħħa tal-Ftehim ta' Cotonou kif ukoll l-acquis tiegħu huma bbażati fuq numru ta' karatteristiċi uniċi: huwa dokument legalment vinkolanti, għandu saħħa numerika mingħajr paragun ta' 79+28 Stat Membru, huwa komprensiv permezz tat-tliet pilastri tiegħu ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, ta' kooperazzjoni politika u ta' kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, għandu qafas istituzzjonali konġunt, u għandu baġit kbir fil-forma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);
B. billi l-għan predominanti tal-Ftehim ta' Cotonou: "li jitnaqqas u fl-aħħar jitneħħa l-faqar bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli u integrazzjoni bil-mod tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija." jinsab imnaqqax fl-Artikolu 1 tiegħu; billi s-sħubija hija bbażata fuq sett ta' valuri u prinċipji bażiċi, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt u l-governanza trasparenti u responsabbli;
C. billi aktar minn 80 % tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati tad-dinja ġejjin minn reġjuni AKP, u dan jagħti rilevanza partikolari lis-sħubija UE-AKP;
D. billi kien hemm bidliet fix-xenarju politiku u ekonomiku fil-Grupp AKP u fl-Unjoni Ewropea minn meta ġie ffirmat il-Ftehim ta' Cotonou;
E. billi l-futur tar-relazzjonijiet UE-AKP għandu jkun ibbażat fuq riflessjoni ġdida dwar il-potenzjal u l-ostakli ġejjiena għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-AKP;
F. billi s-saħħa numerika tal-Istati Membri tal-AKP u tal-UE ma rriżultatx f'biżżejjed azzjoni konġunta fil-fora globali;
G. billi s-sħubija UE-AKP żvolġiet rwol importanti fil-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs);
H. billi, min-naħa l-oħra, ir-riżultati rigward l-għanijiet tal-qerda tal-faqar u l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija dinjija kienu s'issa insuffiċjenti, minħabba li nofs l-istati membri AKP għadhom fost il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u peress li l-istati membri AKP flimkien jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-kummerċ dinji u madwar 2 % tal-PDG globali;
I. billi r-relazzjonijiet kummerċjali jiffurmaw it-tieni pilastru tal-Ftehim ta' Cotonou, u billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) huma mezz biex jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet;
J. billi l-FSE huma previsti fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ta' Cotonou bħala strumenti ta' żvilupp "bl-għan li jħeġġu integrazzjoni armonjuża u gradwali tal-istati AKP fl-ekonomija dinjija, speċjalment billi jagħmlu użu sħiħ tal-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar"; billi l-inklużjoni tal-FSE fil-Ftehim ta' Cotonou tippromwovi l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
K. billi l-Ftehim ta' Cotonou iqis l-importanza dejjem tikber tal-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi AKP u fil-kooperazzjoni AKP-UE, kif ukoll ir-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, il-promozzjoni tat-tkabbir u l-indirizzar ta' sfidi transfruntiera;
L. billi l-Ftehim ta' Cotonou jindirizza sfidi globali ġodda relatati mat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-paċi u s-sigurtà (bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità internazzjonali), iżda pproduċa ftit riżultati konkreti f'dawn l-oqsma;
M. billi l-laqgħat tal-istituzzjonijiet konġunti AKP-UE, u b'mod partikolari tal-Kunsill Konġunt tal-Ministri, ipproduċew biss ftit riżultati konkreti u kien hemm attendenza baxxa u ta' livell baxx;
N. billi l-UE tiffinanzja madwar 50 % tal-ispejjeż tas-Segretarjat AKP; billi għadd ta' stati membri AKP mhumiex qed iħallsu l-kontribuzzjoni sħiħa tas-sħubija tagħhom;
O. billi d-djalogu politiku dwar l-elementi essenzjali, kif imsemmi fl-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa mezz konkret u legali li bih jitħarsu l-valuri komuni tas-sħubija AKP-UE u jkunu promossi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fundamentali għal żvilupp sostenibbli;
P. billi hu ferm meħtieġ li tiġi żgurata l-kundizzjonalità marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jissaħħaħ id-djalogu politiku fil-ftehim il-ġdid;
Q. billi, minkejja r-rikonoxximent tal-importanza tagħhom, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fid-djalogu politiku kien pjuttost limitat; billi r-rwol tal-Grupp AKP bħala tali kien limitat għall-każijiet fejn jiġi invokat l-Artikolu 96; billi d-djalogu politiku, u l-Artikolu 96 b'mod partikolari, intużaw l-aktar fi stadju avvanzat tal-kriżijiet politiċi u mhux b'mod preventiv;
R. billi minkejja rikonoxximent ċar tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat fil-Ftehim ta' Cotonou wara r-reviżjoni tiegħu tal-2010, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-deliberazzjonijiet dwar il-politiki u l-attivitajiet AKP-UE kienet limitata;
S. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin jiffaċċjaw leġislazzjoni dejjem aktar restrittiva kif ukoll ostakli oħrajn li jillimitaw l-attivitajiet u l-ispazju tagħhom;
T. billi r-reġjun AKP jinkludi numru ta' pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCT) assoċjati mal-Unjoni Ewropea li r-rabtiet speċjali tagħhom mal-Unjoni Ewropea jesiġu approċċ li jmur lil hinn minn dak tal-għajnuna għall-iżvilupp tradizzjonali sabiex tiġi kkunsidrata aħjar is-sħubija tagħhom fil-familja Ewropea; billi għalkemm l-OCTs igawdu minn status speċjali, huma baqgħu jirċievu finanzjament taħt il-11-il FEŻ, bl-istess mod bħall-pajjiżi AKP;
U. billi l-FEŻ huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE u mhuwiex suġġett għar-regoli baġitarji normali tal-UE; billi l-Parlament m'għandu l-ebda poter fuq il-baġit tal-FEŻ ħlief billi jagħti l-kwittanza għall-ħlasijiet li diġà jkunu saru, u lanqas ma għandu drittijiet ta' skrutinju formali fuq il-programmazzjoni tal-FEŻ;
V. billi taħt il-11-il FEŻ madwar EUR 900 miljun jitwarrbu għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u madwar EUR 1,4 biljun mir-Riżerva tal-FEŻ se jintużaw għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika;
W. billi r-riżorsi domestiċi tal-pajjiżi AKP, flimkien mal-flus li l-komunitajiet tad-dijaspora jibagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, jista' jkollhom rwol ewlieni fil-finanzjament għall-iżvilupp;
X. billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit tippermetti skrutinju demokratiku, ittejjeb il-viżibbiltà u żżid it-trasparenza fl-użu tal-fondi għall-iżvilupp tal-UE; billi, min-naħa l-oħra, in-natura pluriennali tal-ipprogrammar tal-FEŻ tippermetti prevedibilità tar-riżorsi filwaqt li l-inklużjoni fil-baġit jista' jwassal għal tnaqqis tal-fondi għall-iżvilupp għall-pajjiżi AKP favur prijoritajiet oħra tal-politika esterna u jista' jitqies li jdgħajjef is-sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AKP; billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit jista' wkoll jikkomprometti l-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, u ta' inizjattivi oħra importanti bħall-Fond Fiduċjarju għall-Afrika, sakemm ma jitwaqqafx strument dedikat għall-finanzjament tal-ispejjeż ta' sigurtà marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
1. Jafferma li l-kooperazzjoni AKP-UE hija kisba unika u prezzjuża li saħħet ir-rabtiet bejn il-popli u l-pajjiżi tal-AKP u tal-UE u l-parlamenti tagħhom matul dawn l-aħħar 40 sena; jissottolinja -fid-dawl tal-impenn muri mill-pajjiżi AKP li jieħdu azzjoni konġunta bħala grupp - li sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-kooperazzjoni u tiġi adattata għal sfidi ġodda, trid tiġi adottata struttura ġdida li żżomm dawk il-partijiet tal-acquis AKP-UE li għandhom natura universali, bħall-impenn għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iżvilupp tal-bniedem, il-governanza tajba u d-demokrazija, l-objettiv tal-istat tad-dritt, u l-iskambju ta' prattika tajba f'qafas komuni, filwaqt li l-ħidma prinċipali trid titwettaq bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri, għandha sseħħ fi ftehimiet reġjonali li jkunu mfassla apposta għal ħtiġijiet reġjonali speċifiċi u għall-interessi reċiproċi li jeżistu bejn l-UE u r-reġjun rispettiv;
2. Jenfasizza li kemm il-qafas komuni kif ukoll il-ftehimiet reġjonali għandhom ikunu legalment vinkolanti; jissottolinja li, sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tagħhom, u titnaqqas id-duplikazzjoni u tiġi evitata sovrappożizzjoni tal-oqsfa ta' politika, il-ftehimiet reġjonali mal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku għandhom jiġu mfassla b'tali mod li jqisu l-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali eżistenti, eż. l-Unjoni Afrikana, il-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali, l-istrateġiji reġjonali jew il-ftehimiet reġjonali bħall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE), u għandhom jippermettu l-inklużjoni ta' pajjiżi oħra, bħall-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, jew il-ħolqien ta' gruppi skont interessi jew ħtiġijiet speċifiċi (eż. l-istatus tal-iżvilupp, bħal fil-każ tal-LDCs, jew pekuljaretajiet ġeografiċi, bħal fil-każ ta' stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw);
Objettivi, prinċipji u termini tal-kooperazzjoni
3. Jitlob biex l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jitqiegħdu fil-qalba ta' ftehim ġdid, u jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ b'saħħithom li jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-ftehim tikkontribwixxi għall-SDGs u tippromwovihom;
4. Jitlob mekkaniżmu AKP-UE ta' monitoraġġ minn pari, ta' obbligu ta' rendikont u ta' rieżami li jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-istati membri fuq bażi regolari, b'rappreżentanti tal-AKP u l-UE mhux biss mill-istituzzjonijiet governattivi ċentrali imma wkoll mill-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet xjentifiċi, li kull sena jfassal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għal proċessi ta' rieżami u ta' segwitu nazzjonali, reġjonali u globali;
5. Jenfasizza, barra minn hekk, li għandu jittieħed kont sħiħ tal-politiki bbażati fuq l-għarfien matul l-ipprogrammar, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki pubbliċi speċifiċi għas-settur kif previst skont dan il-ftehim il-ġdid;
6. Jappella biex il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi u eventwalment il-qerda tagħhom kif ukoll il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli isiru l-għanijiet predominanti tal-kooperazzjoni AKP-UE; jinsisti, madankollu, li ftehim ġdid għandu primarjament ikun proġett politiku bbażat fuq il-prinċipju tas-sjieda u b'mod ċar iħalli warajh il-mentalità ta' donatur-riċevitur; iqis li l-kooperazzjoni għandha sseħħ f'oqsma ta' interess komuni fejn ikunu mistennija gwadanji reċiproċi, mhux biss f'termini ekonomiċi imma wkoll fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokrazija, il-migrazzjoni, l-ambjent, it-tibdil fil-klima u oqsma oħra relatati mal-prosperità tal-popolazzjonijiet kemm tal-AKP kif ukoll tal-UE;
7. Itenni l-opinjoni tiegħu li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) hija element ewlieni għall-kisba tal-aġenda l-ġdida għall-iżvilupp sostenibbli; jemmen li n-natura komprensiva tal-Ftehim ta' Cotonou tippromwovi l-PCD u għandha għalhekk tiġi ssalvagwardjata fi ftehim ġdid; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PCD kif ukoll li jissaħħaħ id-djalogu dwar kwistjonijiet relatati fil-qafas ta' dan il-ftehim il-ġdid; ifakkar fil-proposta tiegħu sabiex jinħatru korapporteurs permanenti tal-PCD fil-qafas tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;
8. Jemmen li r-rispett tal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna maqbula internazzjonalment huwa kruċjali għat-twettiq tal-Aġenda 2030, u jqis li għandha tiġi inkluża referenza għal dan fi ftehim futur;
9. Jitlob li l-elementi essenzjali fil-Ftehim ta' Cotonou rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt ikomplu jifformaw il-pedament ibbażat fuq il-valuri ta' ftehim ġdid; jitlob li tiżdied il-governanza tajba bħala element essenzjali, f'konformità ma' 16-il SDG ġdid, li jkopru l-ġustizzja u l-paċi u istituzzjonijiet effikaċi; itenni l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou;
10. Jenfasizza li d-djalogu politiku huwa parti fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou, u li l-Artikoli 8 u 96 huma mezzi konkreti u legali biex iħarsu l-elementi essenzjali tar-relazzjonijiet AKP-UE, għalkemm mhux dejjem intużaw b'mod effettiv fil-passat; jitlob biex id-djalogu politiku jibqa' pilastru ċentrali u legali fil-qafas predominanti u fil-livell reġjonali tal-ftehim il-ġdid; jitlob biex id-djalogu politiku jintuża b'mod aktar effettiv u sistematiku u b'mod proattiv sabiex jiġu evitati kriżijiet politiċi;
11. Jinnota li l-Artikolu 97 tal-Ftehim ta' Cotonou jipprovdi għal proċedura ta' konsultazzjoni u miżuri xierqa li jindirizzaw każijiet serji ta' korruzzjoni, u jiddispjaċih li s'issa dan l-Artikolu ġie invokat darba biss; jitlob li, fil-ftehim ta' sħubija l-ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi AKP, dik il-proċedura tissaħħaħ sabiex issir kompletament operattiva;
12. Jissottolinja f'dan ir-rigward li d-djalogu politiku huwa bażi ta' valur għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-popli tal-pajjiżi sħab; jiddispjaċih dwar l-użu insuffiċjenti ta' dan l-istrument kif ukoll dwar l-effikaċja dgħajfa tiegħu sa issa; jitlob, għalhekk, li jkun hemm monitoraġġ imtejjeb tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-elementi essenzjali u fundamentali l-oħra tal-ftehim, jenfasizza li l-monitoraġġ irid ikun inklużiv u parteċipattiv u jitlob evalwazzjoni biennali jew pluriennali u rapporti konġunti dwar ir-rispett għal dawn l-elementi mill-istati membri kollha AKP-UE bil-għan li jiġu ppubblikati l-ismijiet, biex jiġu mċanfra jew imfaħħra pubblikament; jitlob biex ir-riżultati ta' dawn ir-rapporti jiġu ppreżentati fil-laqgħat ġenerali AKP-UE u jintużaw bħala bażi għad-djalogu politiku, kif ukoll ikunu konsultati matul ir-rieżamijiet ta' implimentazzjoni tal-SDG nazzjonali, reġjonali u globali;
13. Jitlob parteċipazzjoni aktar b'saħħitha tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u tal-awtoritajiet lokali, kemm fil-pajjiżi tal-AKP kif ukoll tal-UE, fl-istadji kollha tal-politiki u l-attivitajiet AKP-UE, mill-ippjanar u l-ipprogrammar għall-ġejjieni sal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;
14. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha għall-ftehim il-ġdid jimpenjaw ruħhom li jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali iżjed awtonomija u jibnu l-kapaċità tagħhom, biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv u l-ftehim ikollu rwol importanti fl-iżvilupp tal-pajjiżi AKP;
15. Jitlob involviment aktar b'saħħtu fid-djalogu politiku, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, u appoġġ għall-bini tal-kapaċità mis-soċjetà ċivili, b'mod speċjali għall-gruppi lokali li huma direttament ikkonċernati mill-politiki; jissottolinja f'dan ir-rigward il-periklu tal-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili f'xi pajjiżi, u l-ħtieġa li jiġu inklużi wkoll gruppi bħal minoranzi, zgħazagħ u nisa li ma jistgħux jorganizzaw l-interessi tagħhom jew li, minkejja interess demokratiku leġittimu, mhumiex rikonoxxuti mill-gvern tagħhom;
16. Jemmen li s-settur privat jista' jiżvolġi rwol ċentrali fil-proċess tal-iżvilupp u jista' jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-iżvilupp, sakemm l-investiment isir b'rispett għall-persuni u għal sjieda jew użu tradizzjonali, kif ukoll għall-ambjent, bi qbil mal-prinċipji gwida tan-NU dwar il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li l-investiment privat ikun appoġġjat taħt l-awspiċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dment li jkun konformi mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-regoli tal-protezzjoni soċjali u ambjentali; jenfasizza li l-prijorità tas-sħubija l-ġdida għandha tingħata lill-produtturi u l-bdiewa fuq skala żgħira u sabiex ikun żgurat ambjent favorevoli għall-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jitlob, barra minn hekk, biex is-settur privat lokali u nazzjonali jkun ikkonsultat matul it-tfassil tal-politiki, u fl-istadji ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni;
Istituzzjonijiet AKP-UE futuri
17. Jitlob li l-laqgħat tal-Kunsill Konġunt AKP-UE jinkludu dibattiti politiċi topiċi u urġenti, inkluż dwar kwistjonijiet sensittivi, bil-għan li jiġu adottati konklużjonijiet konġunti dwarhom; jistieden lill-ministeri rilevanti tal-istati membri tal-AKP u l-UE biex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell tal-ministri, sabiex il-laqgħat jingħataw il-leġittimità politika meħtieġa u jagħtu l-viżibilità meħtieġa lill-prinċipju tas-sħubija;
18. Jitlob li l-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni jinkludi dimensjoni parlamentari b'saħħitha, permezz ta' Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA), li tipprovdi għal djalogu parlamentari demokratiku u komprensiv, inkluż dwar suġġetti diffiċli u sensittivi, tmexxi 'l quddiem proġetti politiċi (reġjonali) komuni, tipprovdi bażi demokratika għalihom permezz tal-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet interessati, tiskrutinizza l-ħidma tal-eżekuttiv u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tagħti kontribut importanti għal sħubija ta' kooperazzjoni ġdida fuq livell ugwali; jenfasizza l-importanza tal-involviment minn kmieni tal-JPA fid-diskussjonijiet rilevanti kollha dwar is-sħubija AKP-UE wara l-2020;
19. Jemmen bil-qawwa li l-JPA għandha tiżgura r-rappreżentanza adegwata demokratika u proporzjonali u l-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi kollha fid-dibattiti tagħha; jitlob, għalhekk, biex id-delegazzjonijiet nazzjonali għall-JPA jinkludu rappreżentanti parlamentari tal-ispettru politiku nazzjonali tagħhom, u jiggarantixxu l-preżenza tal-oppożizzjoni;
20. Jitlob biex il-JPA tkun allinjata mal-istruttura reġjonali l-ġdida, biex b'hekk tiffoka l-ħidma tagħha f'fora reġjonali fuq kwistjonijiet ta' importanza reġjonali, tinvolvi bil-qawwa l-parlamenti nazzjonali u reġjonali filwaqt li tibqa' torganizza wkoll laqgħat konġunti AKP-UE fuq bażi regolari, imma anqas frekwenti; jitlob biex fis-sessjonijiet tal-JPA jiġu inklużi laqgħat topiċi u tematiċi mas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat bil-ħsieb li jkomplu jiġu żviluppati u mwessa' dibattiti dwar suġġetti marbuta mal-aġenda tal-JPA;
21. Jistieden lill-Bureau tal-JPA jiżviluppa orjentazzjoni aktar strateġika tal-programm ta' ħidma tal-Assemblea; jitlob li fil-ġejjieni r-rapporti tal-kumitat tal-JPA jistabbilixxu rabta ċara mas-17-il SDG sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ kontinwu ta' kull wieħed minn dawn l-għanijiet; jitlob allinjament tar-riżoluzzjonijiet komuni fil-forum globali AKP-UE dwar suġġetti internazzjonali urġenti, id-dewmien rigward suġġetti rilevanti għall-SDG u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll allinjament tar-riżoluzzjonijiet fil-laqgħat reġjonali jew laqgħat rispettivi oħra dwar suġġetti u kwistjonijiet attwali li huma urġenti u ta' interess partikolari għal reġjun jew grupp speċifiku; f'dan il-kuntest, ifakkar lill-VP / RGħ dwar l-importanza politika tal-preżenza tal-Kunsill f'livell ministerjali waqt is-sessjonijiet tal-JPA; jitlob biex il-Kopresidenti tal-JPA AKP-UE jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kunsill Konġunt sabiex jiġi żgurat fluss effettiv u reċiproku ta' informazzjoni u tissaħħaħ il-kooperazzjoni istituzzjonali;
22. Jitlob biex isiru sforzi ulterjuri biex jitjieb l-iskrutinju tal-JPA tal-iprogrammar għall-iżvilupp, waqt li jkunu kkunsidrati l-prinċipji dwar l-effikaċja tal-iżvilupp u s-segwitu għal tali skrutinju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet jippromwovu l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-atturi tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u komunitajiet tad-diaspora fil-fażijiet differenti ta' skrutinju tal-ipprogrammar għall-iżvilupp, u sabiex jgħaddu l-informazzjoni disponibbli kollha b'mod trasparenti u f'waqtu lill-parlamenti nazzjonali sabiex jgħinuhom fl-eżerċizzju tagħhom tal-iskrutinju demokratiku;
23. Iqis li s-sħubija UE-AKP għandha tapprofondixxi l-involviment mas-sħab l-oħrajn fil-livell dinji (bħall-Unjoni Afrikana jew in-Nazzjonijiet Uniti) u mal-potenzi internazzjonali l-oħrajn kull fejn ikun possibbli, u taħdem fuq it-tisħiħ tal-koordinament u tal-kooperazzjoni, mingħajr ma tirdoppja x-xogħol jew il-missjonijiet, bil-għan li tindirizza l-isfidi rappreżentati mill-gwerer, mill-kunflitti interni, mill-insigurtà, mill-fraġilità u mit-tranżizzjoni;
Finanzjament futur
24. Jinsab konvint li l-iskadenza simultanja tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-Unjoni joffru l-opportunità biex finalmenttittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit sabiex jissaħħu l-effiċjenza u l-effikaċja, it-trasparenza, l-iskrutinju demokratiku, l-obbligu ta' rendikont u l-viżibilità u l-koerenza tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE; jenfasizza, madankollu, li din l-inklużjoni fil-baġit għandha tkun ikkundizzjonata permezz ta' i) garanzija ta' delimitazzjoni tal-fondi għall-iżvilupp biex jinżamm il-livell ta' finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u ii) soluzzjoni permanenti u separata għall-finanzjament mill-UE tal-ispejjeż tas-sigurtà li huma marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u f'koerenza magħha; jenfasizza li, anke jekk inkluż fil-baġit, il-FEŻ għandu jinkludi punti ta' riferiment li jkunu allinjati mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jimmodernizzaw l-istrumenti ta' finanzjament u jippromwovu appoġġ baġitarju settorjali u ġenerali fejn possibbli;
25. Jirrimarka li l-baġit tal-Unjoni diġà joffri strumenti mmirati lejn sħab speċifiċi u li l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit tista' ssir b'mod li tirrifletti u tippromwovi relazzjoni AKP-UE privileġġata bil-għan li jkun promoss l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali li jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, qabel ma tippreżenta l-proposti meħtieġa għall-QFP li jmiss;
26. Ifakkar li r-relazzjonijiet AKP-UE futuri għandhom ikunu ta' natura politika, eż. jaħdmu lejn proġetti politiċi komuni f'fora internazzjonali differenti, u mhux prinċipalment ta' natura donatur-benefiċjarju; jenfasizza, għalhekk, li l-prinċipji tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għandhom jiġu applikati fuq bażi ugwali għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, u li jeħtieġ li l-pajjiżi AKP li jilħqu stat ta' żvilupp avvanzat ma jibqgħux jirċievu l-għajnuna għall-iżvilupp mill-UE bl-istess mod kif jiġri għall-pajjiżi li mhumiex fl-AKP; iqis li livell ogħla ta' awtofinanzjament mill-pajjiżi AKP ikun konformi mal-ambizzjonijiet tal-AKP li tkun attur awtonomu, u jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li jiġu inklużi fil-ftehim il-ġdid għodod imsaħħa għall-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi AKP biex jiffinanzjaw lis-setturi ekonomiċi vitali; jistieden lill-partijiet jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jibnu l-kapaċità fil-pajjiżi AKP u biex jutilizzaw u jisfruttaw sew ir-riżorsi domestiċi, billi, b'mod partikolari, jsaħħu s-sistemi fiskali, jiżguraw ġestjoni tajba tar-riżorsi naturali u jħeġġu l-industrijalizzazzjoni u l-ipproċessar ta' materja prima għas-swieq lokali, reġjonali u dinjija;
27. Jenfasizza li l-11-il FEŻ huwa s-sors prinċipali ta' finanzjament għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA), minkejja l-fatt li din kellha tkun soluzzjoni proviżorja meta l-FPA ġiet stabbilita fl-2003; jitlob il-ħolqien ta' strument dedikat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sigurtà marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
28. Josserva l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' qafas ta' sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; josserva li l-baġit tal-UE u l-kontribuzzjoni tal-FEŻ għall-pakkett ta' EUR 8 biljun huwa kompost esklużivament mill-għajnuna li diġà kienet ippjanata; jagħmel appell biex l-għajnuna għall-iżvilupp lill-benefiċjarji ma tkunx kompromessa u biex l-inizjattivi relatati mal-migrazzjoni jkunu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;
29. Jitlob l-introduzzjoni ta' strument dedikat għall-OCTs kollha li jkun konformi mal-istatus speċjali tagħhom u s-sħubija tagħhom fil-familja Ewropea; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-AKP u l-OCTs, bil-ħsieb li jitrawwem żvilupp inklużiv u sostenibbli fir-reġjuni rispettivi tagħhom u li l-OCTs jiġu integrati b'mod aktar sħiħ fl-ambjenti reġjonali tagħhom;
Dimensjoni kummerċjali: Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE)
30. Itenni li l-FSE jikkostitwixxu bażi għal kooperazzjoni reġjonali u li dawn għandhom ikunu strumenti għall-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali; jenfasizza, għalhekk, ir-relevanza ta' dispożizzjonijiet legalment vinkolanti ta' sostenibbiltà (dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali) fil-FSE kollha, u jissottolinja l-importanza tal-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ effettivi li jinkludu firxa wiesgħa mis-soċjetà ċivili sabiex jidentifikaw u jipprevjenu kwalunkwe effett negattiv li jista' jirriżulta mill-liberalizzazzjoni tal-kummerċ;
31. Jitlob li l-Ftehim suċċessiv għal dak ta' Cotonou ikun ftehim politiku komprensiv li permezz tiegħu jkunu stabbiliti r-rekwiżiti minimi vinkolanti għall-FSE, sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-konnessjonijiet fil-Ftehim ta' Cotonou eżistenti bejn l-FSE u d-dispożizzjonijiet ta' sostenibbiltà dwar il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fost dawk l-aktar vulnerabbli, u r-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali, u minħabba li dan kieku jipprovdi qafas adegwat għall-iżvilupp sostenibbli u l-koerenza politika; jitlob li jkun hemm proċess parlamentari konġunt ta' skrutinju u monitoraġġ dwar l-impatt tal-FSE kif ukoll mekkaniżmu strutturat ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili;
o o o
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.