Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1051/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/10/2016 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0377

Testi adottati
PDF 390kWORD 58k
L-Erbgħa, 5 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
Bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom
P8_TA(2016)0377RC-B8-1051/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom (2016/2891(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi(1),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tat-TUE u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisjoni tal-31 ta' Marzu 2005 bit-titolu "Strutturar mill-ġdid u impjieg: li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol tal-Unjoni Ewropea" (COM(2005)0120) u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2005,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi" (COM(2010)0682),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2013 dwar Qafas ta' kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (COM(2013)0882),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(4),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu "Exploiting the employment potential of green growth" (Nisfruttaw il-potenzjal tal-impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku) (SWD(2012)0092),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582), kif ukoll il-mira ta' reindustrijalizzazzjoni ta' 20 %,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar l-iżvilupp ta' industrija Ewropea sostenibbli tal-metalli komuni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi llum il-ġurnata hemm bżonn assolut ta' koerenza bejn id-diversi politiki tal-UE sabiex tiġi definita politika industrijali ġenwina, b'mod partikolari fid-dawl tal-każijiet Caterpillar u Alstom;

B.  billi fit-2 ta' Settembru 2016 l-azjenda Caterpillar ħabbret pjan kbir ta' ristrutturazzjoni mad-dinja kollha; billi, bħala parti minn dan il-pjan, is-sit ta' Gosselies kien imġiegħel jagħlaq il-bibien tiegħu, bil-konsegwenza ta' 2 500 sensja ta' ħaddiema diretti u b'madwar 4 000 sottokuntrattur fil-periklu li jitilfu l-impjieg;

C.  billi t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni bejn l-2013 u l-2015 kien ippermetta li l-prodotti tal-impjant isiru aktar attraenti mill-prodotti li kienu ġejjin minn barra l-UE; billi, madankollu, il-Caterpillar iddeċidiet li tagħlaq l-impjant sabiex iċċaqlaq il-produzzjoni lejn impjanti oħrajn bi standards aktar baxxi ta' protezzjoni soċjali u ambjentali minn dawk applikabbli għall-industrija Ewropea;

D.  billi, minħabba l-importanza u d-dimensjoni Ewropea ta' dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi task force li tlaqqa' flimkien is-servizzi kompetenti, sabiex din taġixxi bħala interlokutur fil-proċess ta' għeluq tal-Caterpillar;

E.  billi dawn iż-żewġ impjanti ta' produzzjoni mhumiex l-uniċi kkonċernati mir-ristrutturazzjoni; billi sensji oħra huma mistennija fl-impjanti tal-Alstom fi Spanja u fl-Italja kif ukoll fl-impjant tal-Caterpillar fl-Irlanda ta' Fuq;

F.  billi l-industrija ferrovjarja hija s-sinsla tal-industrijalizzazzjoni Ewropea, b'aktar minn 175 sena ta' storja; billi r-rata ta' tkabbir annwali tas-swieq tal-industrija tal-provvista ferrovjarja aċċessibbli mistennija li tkun ta' 2,8 % sal-2019; billi l-industrija Ewropea tal-provvista ferrovjarja timpjega direttament 400 000 persuna fl-UE kollha, li ħafna minnhom jaħdmu f'SMEs; billi huwa essenzjali li l-industrija Ewropea tal-provvista ferrovjarja tkun b'saħħitha u innovattiva biex ikun hemm żieda fl-użu tal-ferroviji, li hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;

G.  billi 65 % tal-infiq tan-negozju fuq ir-R&Ż isir mill-industrija tal-manifattura u billi, għaldaqstant, it-tisħiħ tal-bażi industrijali tagħna huwa essenzjali biex l-għarfien espert u n-know-how jinżammu fl-UE; billi l-iżvilupp diġitali, prijorità tal-Pjan Juncker, għandu bżonn bażi industrijali b'saħħitha biex jitwettaq;

H.  billi l-industrija Ewropea bħal dik ipprovduta mill-Alstom u l-Caterpillar għandha valur miżjud għoli b'għarfien espert rikonoxxut; billi, fil-preżent, din l-industrija ċentrali u strateġika għall-UE qed tiffaċċja kompetizzjoni globali qawwija minn pajjiżi li jesportaw prodotti orħos lejn is-suq Ewropew billi jwettqu politika aggressiva u li qed tespandi malajr fil-kontinenti kollha, spiss bl-appoġġ politiku u finanzjarju mill-gvernijiet tagħhom;

I.  billi, fid-dawl tal-każ reċenti Alstom, il-Kummissjoni se twettaq studju prospettiv ta' 15-il sena (sal-2030) dwar l-iżvilupp tal-industrija ferrovjarja fl-Ewropa, bl-integrazzjoni ta' xenarji differenti b'rabta mal-objettivi ambjentali tal-Istati Membri tal-UE, flimkien ma' studju dwar l-impatt tax-xenarji differenti fuq l-impjiegi, il-professjonijiet u l-ħiliet; billi l-Kummissjoni għandha bżonn tagħti segwitu rapidu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-industrija tal-provvista ferrovjarja tal-UE sabiex tipprovdi impjiegi siguri u sostenibbli u tkabbir inklużiv; billi kwalunkwe segwitu għandu jiġi ffaċilitat permezz ta' djalogu permanenti mal-partijiet ikkonċernati u għandu jinkorpora l-kapitoli kollha tar-riżoluzzjoni;

J.  billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li fl-2013 toħroġ rapport sħiħ dwar l-applikazzjoni tal-Qafas ta' Kwalità; billi jfakkar, f'dan il-kuntest,fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali rilevanti, tressaq proposta għal att ġuridiku dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturazzjoni;

K.  billi l-industrija Ewropea għandha bżonn iżżomm il-kompetittività u l-kapaċità tagħha li tinvesti fl-Ewropa, u billi qiegħda wkoll tħabbat wiċċha ma' sfidi soċjali u ambjentali li jeħtiġilha tegħleb, filwaqt li tibqa' punt ta' riferiment dinji f'termini ta' responsabbiltà soċjali u ambjentali;

L.  billi xi impriżi kienu qed isegwu strateġiji ffukati esklużivament fuq ir-redditu finanzjarju fuq perjodu qasir, li x'aktarx ikunu ta' ħsara għall-innovazzjoni, l-investiment fir-R&Ż, l-impjiegi u t-tiġdid tal-ħiliet;

M.  billi politika ta' innovazzjoni ambizzjuża li tiffavorixxi l-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja, innovattivi u effiċjenti fl-enerġija u tippromwovi proċessi sostenibbli se tippermetti li l-UE żżomm fuq saqajha f'dinja dejjem aktar kompetittiva;

N.  billi l-kummerċ tal-makkinarju tal-kostruzzjoni fl-UE sofra tħarbit serju f'dawn l-aħħar snin, b'rabta mat-tnaqqis ta' investiment pubbliku u privat iżda wkoll minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni kkaġunata miż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima;

O.  billi l-kummerċ ġust tal-prodotti industrijali jrid jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema u r-regoli ambjentali; billi l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika huma xprun importanti għall-investiment fi prodotti industrijali li kapaċi joħolqu ċrieki virtużi; billi l-innovazzjoni u l-investiment fir-R&Ż, fl-impjiegi u fit-tiġdid tal-ħiliet huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli;

P.  billi l-innovazzjoni tal-produzzjoni wriet li għandha impatt pożittiv fuq it-tkabbir tal-impjiegi fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu ekonomiku industrijali; billi l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f'miżuri ta' innovazzjoni u fid-definizzjoni tal-istrateġiji tista' ssaħħaħ is-suċċess ekonomiku b'mod sinifikanti;

Q.  billi l-parti aktar avvanzata u sostenibbli tas-settur tal-azzar, li tipproduċi prodotti teknoloġiċi ta' valur għoli, tirrispetta s-saħħa tal-ħaddiema u tal-popolazzjonijiet tal-madwar u tiggarantixxi standards ambjentali stretti, tiżvolġi rwol importanti fl-istrateġija industrijali Ewropea;

R.  billi t-telfien tan-know-how u tal-ħiliet tal-ħaddiema jissottolinja li l-Ewropa jeħtiġilha żżomm il-kapaċità industrijali li tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha, mingħajr ma jkollha tiddependi minn produtturi li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi;

1.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ qawwijin tiegħu għall-ħaddiema kollha tal-Caterpillar u tal-Alstom u għall-familji tagħhom, kif ukoll għas-sottokuntratturi involuti, u jiddispjaċih għall-impatt negattiv li tali każijiet ta' għeluq għandhom fuq l-ekonomiji u l-komunitajiet lokali; jappella għall-adozzjoni ta' miżuri b'appoġġ għal dawn il-ħaddiema u għall-ekonomiji lokali tagħhom u bħala għajnuna għar-reġjuni biex jegħlbu din is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli;

2.  Jinsab konvint li l-industrija Ewropea għandha titqies bħala valur strateġiku għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE; jissottolinja li huma biss industrija b'saħħitha u reżiljenti u politika industrijali orjentata lejn il-futur illi se jippermettu lill-UE tiffaċċja l-isfidi differenti li qed jistennewha, inklużi r-reindustrijalizzazzjoni tagħha, it-tranżizzjoni tagħha lejn is-sostenibbiltà u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom bżonn jantiċipaw aħjar dawn is-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi u jiżguraw il-kompetittività tan-netwerk industrijali tagħna;

3.  Ifakkar li l-Ewropa hija ekonomija soċjali tas-suq li għandha l-għan li tikseb tkabbir inklużiv u ekonomiku sostenibbli; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' politika industrijali ġenwina tal-UE li tipproteġi wkoll lill-ħaddiema tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija industrijali Ewropea ġenwina fuq perjodu twil sabiex jintlaħaq l-objettiv li 20 % mill-prodott domestiku gross ikun ġej mill-industrija, kif stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi li jippermettu lin-nies jgħixu b'dinjità, jew permezz tal-liġi jew inkella permezz ta' ftehimiet kollettivi, u biex, fil-każ tas-sensji ta' ħaddiema, jiżguraw protezzjoni effikaċi kontra s-sensji inġusti;

5.  Ifakkar li l-kriżi ekonomika fl-Ewropa wriet li l-industriji li jinvestu bl-aktar mod notevoli fl-oqsma tal-innovazzjoni, ir-R&Ż, l-effiċjenza enerġetika, l-ekonomija ċirkolari, eċċ., huma l-aktar industriji reżistenti; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-impatt negattiv li qed ikollu t-tnaqqis kemm fl-investiment pubbliku u privat kif ukoll fil-konsum intern, filwaqt li t-tnejn li huma għandhom jiġu inkoraġġiti sabiex jistimolaw it-tkabbir;

6.  Jemmen li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' konformità għan-negozji, flimkien mat-tħassir ta' leġiżlazzjoni żejda filwaqt li jkomplu jiġu żgurati standards għoljin ta' ħarsien tal-konsumaturi, tal-impjegati, tas-saħħa u tal-ambjent, iridu jkunu komponenti ewlenin ta' kwalunkwe politika ta' reindustrijalizzazzjoni tal-UE;

7.  Jappella biex din il-politika industrijali tal-UE tkun ibbażata fuq miri u indikaturi ċari – inklużi objettivi ambizzjużi dwar l-effiċjenza enerġetika, ir-riżorsi u l-klima – u fuq approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja u l-ekonomija ċirkolari; jisħaq fuq il-fatt li għandha tinkludi taħlita intelliġenti ta' miżuri min-naħa tad-domanda u min dik tal-provvista bl-għan tar-rilokalizzazzjoni tal-ekonomija fl-UE u li din issir aktar reżiljenti u inqas dipendenti fuq ir-riżorsi; jirrimarka li għandha tidderieġi l-investiment lejn il-kreattività, il-ħiliet, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji sostenibbli u tippromwovi l-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali tal-Ewropa permezz ta' politika li tkun konxja mill-katina tal-valur li tinkludi l-industriji bażiċi u l-atturi reġjonali u lokali tagħhom; jemmen li tali approċċ jista' jwassal għal benefiċċji kosteffiċjenti għall-industrija Ewropea u l-ekonomija Ewropea inġenerali;

8.  Jirrimarka li bosta ħafna snin ta' intervent b'appoġġ għall-banek u s-swieq tal-assi fl-UE ma kellhomx impatt fuq l-impjiegi u ma tejbux il-prospetti ekonomiċi; jemmen li l-intervent pubbliku għandu jinbidel mill-istimolazzjoni żejda tan-naħa tal-provvista għal politiki miftiehma bl-għan li jistimolaw id-domanda, anke permezz ta' miżuri fiskali u billi jiġi żgurat li l-pagi jogħlew;

Politika kummerċjali – element ewlieni għal kundizzjonijiet ekwi

9.  Jenfasizza li filwaqt li f'diversi setturi tal-ekonomija l-UE hija fil-parti l-kbira miftuħa għal kompetituri minn pajjiżi terzi, il-pajjiżi terzi għandhom bosta ostakli fis-seħħ li jiddiskriminaw kontra kumpaniji Ewropej; jenfasizza li kompetituri minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari miċ-Ċina, qed jikbru malajr u b'mod aggressiv fl-Ewropa u f'reġjuni oħra tad-dinja, spiss b'appoġġ politiku u finanzjarju qawwi mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom; jenfasizza li tali prattiki jistgħu jikkostitwixxu kompetizzjoni inġusta u jheddu l-impjiegi fl-Ewropa; jissottolinja li ċ-Ċina ma tissodisfax il-ħames kriterji stabbiliti mill-UE biex tiddefinixxi status ta' ekonomija tas-suq;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika kummerċjali tal-UE li tkun konformi mal-objettivi industrijali tagħha u li tqis il-bżonn li jkunu żgurati l-impjiegi industrijali Ewropej u li jiġu evitati rilokazzjonijiet ġodda u aktar deindustrijalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tas-suq kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa u b'hekk tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta għal kulħadd;

11.  Ifakkar fil-ħtieġa li jintlaħaq ftehim malajr dwar ir-reviżjoni tar-regolamentazzjoni dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, sabiex tali regolamentazzjoni tissaħħaħ b'mod sinifikanti permezz tat-titjib tar-reattività u l-effikaċja tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-impatti soċjali u ekonomiċi li r-rikonoxximent tal-istatus ta' ekonomija tas-suq għall-ekonomiji mmexxija mill-Istat jew għal ekonomiji oħra mhux tas-suq jista' jkollu fuq il-kompetittività tal-industriji tal-UE;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li l-politika kummerċjali tal-UE trawwem prattiki antikompetittivi, inkluż id-dumping ambjentali u b'mod partikolari d-dumping ta' prodotti rħas u ta' kwalità baxxa li jqiegħdu l-istandards Ewropej f'riskju u jaffettwaw lill-industriji bbażati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mekkaniżmi ta' aġġustament fil-fruntieri sabiex tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi hija u tfassal politiki maħsubin għall-ksib tal-Istrateġija Ewropa 2020 u bħala mezz biex jiġu evitati d-dumping ambjentali, l-isfruttament tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni inġusta;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu studji dwar in-negozjati kummerċjali, bl-użu ta' approċċ reġjonali u settorjali, li għandhom ukoll itejbu l-fehim tal-impatt fuq l-impjiegi u l-industriji Ewropej;

14.  Jenfasizza x-xejra reċenti tal-kumpaniji li jreġġgħu l-produzzjoni u s-servizzi lura fl-Ewropa u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif l-UE tista' toħloq ambjent favorevoli biex tgħin lin-negozji jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti minn dan ir-"ritorn";

Il-politika tal-kompetizzjoni – element kruċjali għall-industriji tal-UE

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas Ewropew kompetittiv u li jħares 'il barra biex jiġbed u jżomm l-investiment privat, iżomm ktajjen ta' valur qawwija tal-UE u joħloq impjiegi ta' kwalità, sabiex iwassal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tal-UE;

16.  Jinnota wkoll li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat iridu jkunu mfassla aħjar sabiex iwasslu l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà u jaqdu l-objettivi tal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi u tat-trawwim ta' politiki soċjali skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

17.  Jisħaq fuq il-fatt li l-industrija Ewropea qiegħda tiffaċċja kompetizzjoni globali u, għalhekk, jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tqis is-suq dinji bħala punt ta' riferiment meta tkun qed tiddefinixxi s-swieq ġeografiċi fl-analiżi tagħha, u biex ma tillimitax l-analiżi tagħha biss għas-swieq nazzjonali jew għas-suq intern, ħalli b'hekk tippermetti lill-industriji Ewropej joħolqu sħubijiet jew alleanzi strateġiċi fil-qasam tar-R&Ż; jappella, f'dan il-kuntest, biex tkun permessa r-ristrutturazzjoni tal-manifatturi ewlenin Ewropej sabiex permezz ta' hekk ikunu jistgħu jixirfu atturi b'massa kritika biżżejjed biex ilaħħqu mal-kompetizzjoni internazzjonali;

L-akkwist pubbliku – għodda li għandha bżonn titjib

18.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta aħjar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku; ifakkar li d-dispożizzjonijiet tal-UE jippermettu li offerti li jkunu baxxi b'mod anormali jew fejn aktar minn 50 % tal-valur ikun magħmul barra mill-UE jiġu miċħuda;

19.  Jemmen li l-akkwist pubbliku u l-ekotikkettar għandhom rwol x'jiżvolġu fl-adozzjoni ta' prodotti, servizzi u innovazzjonijiet sostenibbli u għal bażi industrijali soda fl-Ewropa; jitlob li jkun hemm sforz ikkoordinat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-aġġudikazzjoni tal-offerti fuq il-prinċipju tal-"aktar offerta ekonomikament vantaġġuża";

Użu mtejjeb tal-fondi tal-UE, ir-R&Ż u l-innovazzjoni – il-mod kif titrawwem politika industrijali ġdida

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, strateġija tal-Unjoni għal politika industrijali koerenti u komprensiva mmirata lejn ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, u bbażata, inter alia, fuq id-diġitalizzazzjoni (b'mod partikolari l-integrazzjoni ta' teknoloġiji intelliġenti u r-robotika f'katini ta' valur industrijali), is-sostenibbiltà, l-effiċjenza enerġetika u r-riżorsi adegwati; jitlob, għal dan il-għan, li jkun hemm kooperazzjoni u konverġenza akbar bejn l-Istati Membri f'materji fiskali, soċjali u baġitarji sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' proġetti industrijali konġunti; jemmen li l-qafas regolatorju Ewropew għandu jippermetti lill-industriji jadattaw għall-bidliet ikkonċernati u jieħdu azzjoni minn qabel sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir u għall-konverġenza reġjonali;

21.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni taħdem mad-diversi setturi industrijali sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu possibbli tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u b'mod aktar preċiż tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), bħala appoġġ għall-proġetti ta' R&Ż fil-livell reġjonali;

22.  Jemmen li l-fondi tal-UE joffru opportunità mill-aqwa biex jiġi ffinanzjat investiment sostenibbli fl-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport pubbliku u fl-użu intelliġenti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; jappella għal titjib fl-implimentazzjoni tad-diversi kriterji, b'mod partikolari l-kriterji tal-impjiegi u dawk ambjentali u soċjali, għall-użu tal-fondi tal-UE u tal-istrumenti finanzjarji kollha ġestiti permezz tal-BEI;

23.  Jitlob li jkun hemm aġenda ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tal-UE u li ssir prijoritizzazzjoni tar-R&Ż f'dawk is-setturi fejn l-UE tista' tkun f'pożizzjoni ta' tmexxija; jappella għal strumenti konkreti li jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-isforzi ta' R&Ż tagħhom biex ikunu jistgħu jassorbu r-riżultati fl-ekonomija lokali; iqis ir-rabta bejn ir-riċerka u l-industrija bħala waħda kruċjali biex tingħata spinta lill-kompetittività industrijali tal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinkoraġġixxu b'mod attiv l-intensifikazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn iċ-ċentri tar-riċerka, l-universitajiet u n-negozji; jappella għal titjib fl-ambjent tar-riċerka permezz ta' żieda fil-baġit għar-RŻ&I u interkonnessjoni aħjar bejn il-programmi differenti ta' finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex, b'mod partikolari, ipoġġu fil-mira tagħhom dawk ir-reġjuni li ntlaqtu l-aktar mid-deindustrijalizzazzjoni u biex jaċċeleraw l-appoġġ għal proġetti f'dawn ir-reġjuni bħala kwistjoni ta' urġenza, filwaqt li jiżguraw li proġetti vijabbli u ta' kwalità għolja jkunu appoġġjati; jemmen li l-potenzjal ta' żieda fis-self strateġiku u mmirat min-naħa tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-proġetti ta' innovazzjoni u ta' trasformazzjoni industrijali, b'mod partikolari fil-manifattura u s-servizzi relatati, għandu jkompli jiġi eżaminat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess aħjar għall-finanzjament għan-negozji tal-UE, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, u b'hekk isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom għall-bini ta' proġetti, u biex jipprovdulhom servizzi ta' konsulenza u appoġġ tekniku aħjar;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'koordinament mal-Istati Membri, teżamina modi kif it-tibdil ekonomiku jista' jiġi permess u filwaqt li tiżgura li l-kumpaniji jassumu bis-sħiħ ir-responsabbiltà ambjentali tagħhom, jirrispettaw id-dritt ambjentali u jimplimentaw standards ambjentali għoljin; jitlob b'insistenza lill-kumpaniji biex fi żmien raġonevoli jnaddfu mit-tniġġis is-siti magħluqa u jiffaċilitaw modi għall-awtoritajiet lokali biex jirkuprawhom;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar kif l-aħjar jiġi indirizzat l-għeluq ta' kumpaniji, filwaqt li tinkoraġġihom iħarsu lejn eżempji li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi sabiex jippruvaw – sa fejn dan ikun fattibbli – jorganizzaw tfittxija għal bejjiegħ jew il-bejgħ tas-sit ħalli jżommu l-fabbriki attivi minkejja l-waqfien mill-attività deċiż mis-sidien oriġinali;

27.  Jemmen li l-evitar tat-taxxa, inkluż permezz tat-trasferiment ta' assi tanġibbli u intanġibbli jew servizzi bejn kumpaniji bi prezzijiet inadegwati (prezz tat-trasferiment), għandu jiġi evitat u li huwa wkoll ir-riżultat tan-nuqqas ta' koordinament Ewropew f'materji fiskali u kummerċjali; jappella għal aktar kooperazzjoni u konverġenza bejn l-Istati Membri f'materji fiskali, soċjali u baġitarji;

Ristrutturazzjoni soċjalment responsabbli u ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità f'oqsma orjentati lejn il-futur

28.  Jilqa' l-inizjattiva ta' wħud mill-awtoritajiet lokali, flimkien mas-sħab soċjali, bħal fil-każ tal-Alstom, biex jippromwovu proġetti sperimentali għall-ħaddiema u l-kumpaniji fil-proċess ta' ristrutturazzjoni, sabiex jiżguraw karrieri professjonali permezz ta' taħriġ u azzjonijiet għaż-żamma ta' impjiegi ta' kwalità;

29.  Jisħaq fuq il-bżonn kruċjali tal-iżvilupp ta' ħiliet tekniċi, b'mod partikolari fis-settur tal-manifattura; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi promossa l-importanza ta' ħaddiema tekniċi tas-sengħa; jemmen li, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal nett tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, huwa kruċjali li l-forza tax-xogħol eżistenti tingħata opportunitajiet xierqa biex tikseb il-ħiliet ġodda meħtieġa għall-ekonomija ċirkolari; ifakkar li forza tax-xogħol tas-sengħa hija importanti għall-vijabbiltà tal-produzzjoni; jissottolinja l-importanza li jiġu promossi sinerġiji aħjar bejn is-sistemi edukattivi, l-universitajiet u s-suq tax-xogħol, inklużi l-esponiment għall-post tax-xogħol u l-kooperazzjoni man-negozji fil-ħolqien ta' "raggruppamenti" innovattivi;

30.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti kollha jiżguraw li l-partijiet kollha involuti jikkonformaw b'mod sħiħ mar-regolamentazzjoni nazzjonali u Ewropea dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, speċjalment waqt ir-ristrutturazzjoni; u anke jiżguraw protezzjoni ambjentali u sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

31.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji jeħtiġilhom jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi tagħhom skont id-dritt Ewropew u nazzjonali, u jipprijoritizzaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-opportunità li jeżaminaw l-alternattivi proposti mis-sħab soċjali;

32.  Iqis li kwalunkwe operazzjoni ta' ristrutturazzjoni għandha tiġi spjegata u ġġustifikata lill-partijiet ikkonċernati, fejn xieraq, inkluż dwar l-għażla tal-miżuri previsti rigward l-objettivi u kwalunkwe alternattiva; jappella għal djalogu lokali li jinkludi lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jiddiskutu l-aħjar arranġamenti possibbli f'każijiet ta' ristrutturazzjoni;

33.  Jissottolinja l-importanza ta' djalogu soċjali sostnut, fil-livelli kollha, ibbażat fuq fiduċja reċiproka u responsabbiltajiet konġunti, bħala wieħed mill-aħjar strumenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet kunsenswali u perspettivi komuni fil-previżjoni, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-proċess ta' ristrutturazzjoni;

34.  Jenfasizza, fil-każ tar-ristrutturazzjoni, il-bżonn li jiġu mħarsa l-ħaddiema affettwati, f'termini tas-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, is-sigurtà soċjali, ir-rikwalifikazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

35.  Jinnota li r-ristrutturazzjoni għandha impatt ferm usa' milli sempliċement fuq il-kumpanija nnifisha, b'effetti mhux previsti fuq il-komunitajiet u fuq in-nisġa ekonomika u soċjali tal-Istati Membri;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni dwar is-sensji kollettivi fid-dawl tal-każijiet Caterpillar u Alstom;

37.  Jiddispjaċih dwar il-finanzjalizzazzjoni gradwali tal-ekonomija reali, iffukata fuq perspettiva finanzjarja fuq perjodu qasir pjuttost milli fuq iż-żamma ta' għodda industrijali innovattiva li tista' tipprovdi impjiegi sostenibbli u ta' kwalità u benefiċċji fit-tul għas-soċjetà; jiddispjaċih li dan l-approċċ wassal għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lis-sħab soċjali dwar l-opportunità għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti rigward is-sensji kollettivi, filwaqt li tqis dawk l-aspetti marbuta mal-każijiet Caterpillar u Alstom, u b'mod partikolari l-involviment fil-proċedura tal-ħaddiema u s-sottokuntratturi kollha, u miżuri effikaċi biex jiġu evitati sensji kollettivi kontra l-liġi li ma jkunux ibbażati fuq raġunijiet ekonomiċi reali, inkluża l-possibbiltà ta' sanzjonijiet - pereżempju, is-sospensjoni tal-aċċess għal programmi ffinanzjati mill-UE jew talba biex l-għajnuna pubblika mogħtija titħallas lura;

38.  Jistieden lit-task force tal-Kummissjoni tinvestiga l-mod kif twettqet il-proċedura ta' konsultazzjoni mal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (EWC); jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-investigazzjoni, tikkunsidra l-bżonn li tirrevedi d-Direttiva EWC;

39.  Jinnota li l-FEG huwa strument essenzjali tal-UE fl-era tal-globalizzazzjoni biex jappoġġja lill-Istati Membri fil-politiki tagħhom ta' rikwalifikazzjoni professjonali tal-ħaddiema u biex jistabbilixxi mill-ġdid in-nisġa ekonomika f'reġjun fir-rigward ta' ħaddiema li qed ibatu mill-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni jew tal-kriżi ekonomika; ifakkar fl-importanza tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2016 dwar l-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014(7);

40.  Jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-FEG huwa għodda li tirreaġixxi biss meta s-sensji jkunu saru, u li jinħtieġu sforzi akbar min-naħa tal-Istati Membri u tal-UE biex joħolqu l-ambjent ekonomiku u leġiżlattiv it-tajjeb ħalli b'hekk jagħtu spinta lill-kompetittività u joħolqu impjiegi sostenibbli fit-tul;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-istrateġija tagħha għas-setturi industrijali prinċipali fl-Ewropa, jiġifieri s-settur tal-provvista ferrovjarja u s-settur tal-makkinarju, sabiex toħloq ambjent tas-suq aktar favorevoli, kif ukoll dwar x'biħsiebha tagħmel biex iżżomm l-impjiegi ta' kwalità, in-know-how u l-investimenti fl-Ewropa;

42.  Jinnota li f'każijiet ta' ristrutturazzjoni, il-ħaddiema żgħażagħ u l-ħaddiema akbar fl-età huma aktar spiss fil-mira għal sensja meta mqabbla ma' gruppi ta' etajiet oħra; jenfasizza li, f'każijiet ta' sensji, l-impjegaturi jridu jirrispettaw l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, partikolarment fir-rigward tad-diskriminazzjoni minħabba l-età;

43.  Jinnota li t-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu rilokati, u f'setturi li ma jistgħux jiġu delokalizzati; jinnota li hemm evidenza qawwija li t-tranżizzjoni ekoloġika, fl-aħħar mill-aħħar, se jkollha impatt pożittiv fuq l-impjiegi, u dan jirrifletti l-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, bħall-iffrankar tal-enerġija, jirrikjedu aktar ħaddiema mill-attivitajiet li qegħdin jissostitwixxu u jista' jkollhom il-potenzjal li jippermettu lil reġjuni jsiru aktar awtosuffiċjenti;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(3) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0032.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0460.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0280.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0361.

Avviż legali - Politika tal-privatezza