Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2910(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1061/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0378

Testi adottati
PDF 274kWORD 53k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
Ir-Rwanda, il-każ ta' Victoire Ingabire
P8_TA(2016)0378RC-B8-1061/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Rwanda, il-każ ta' Victoire Ingabire (2016/2910(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-Rwanda: il-każ ta' Victoire Ingabire(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li ġie ratifikat mir-Rwanda fl-1975,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali 2015 tar-Rwanda u l-osservazzjoni konklużiva 2016 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f'isem l-UE dwar ir-rieżami kostituzzjonali fir-Rwanda, tat-3 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija lokali konġunta tal-UE tat-18 ta' Diċembru 2015 dwar ir-referendum dwar abbozz ta' Kostituzzjoni fir-Rwanda,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-16 ta' Marzu 2016 tal-Forzi Demokratiċi Magħquda dwar l-appell tal-priġuniera politika Victoire Ingabire Umuhoza,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2015 ta' Freedom House dwar ir-Rwanda,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-pajjiż ta' Amnesty International "Rwanda 2015/2016",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International bit-titolu "Justice in jeopardy: The first instance trial of Victoire Ingabire" tal-2013,

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton tal-4 ta’ Frar 2013 għal mistoqsija bil-miktub E-010366/2012 dwar Victoire Ingabire,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Human Rights Watch bit-titolu "Rwanda: Opposition Activist Missing" tad-29 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2014 dwar ir-Rwanda tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Rwanda hija fost il-ftit pajjiżi Afrikani li qegħdin minn ta' quddiem fl-ilħuq tal-MDGs, speċjalment rigward kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-edukazzjoni primarja universali, il-mortalità materna u tat-tfal, il-prevalenza tal-HIV u s-sostenibbiltà ambjentali;

B.  billi tkabbir ekonomiku qawwi kien akkumpanjat minn titjib sostanzjali fl-istandards tal-għajxien, evidenzjat minn tnaqqis ta' żewġ terzi fil-mortalità tat-tfal u l-kisba ta' reġistrazzjoni kważi universali fl-iskola primarja;

C.  billi saru sforzi ekonomiċi u politiċi sabiex tittejjeb l-ekonomija tal-pajjiż u ssir aktar industrijalizzata u orjentata lejn is-servizzi;

D.  billi fit-30 ta' Ottubru 2012 Victoire Ingabire, President tal-Forzi Demokratiċi Magħquda (UDF), ingħatat sentenza ta' tmien snin ħabs għal konfoffa biex issir ħsara lill-awtoritajiet bl-użu tat-terroriżmu, u talli ppruvat tnaqqas il-gravità tal-ġenoċidju tal-1994, abbażi ta' relazzjonijiet mal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR);

E.  billi, f'Settembru 2016, delegazzjoni mill-Parlament Ewropew ma ngħatatx aċċess għall-kap tal-oppożizzjoni Victoire Ingabire li qiegħda l-ħabs; billi għalkemm l-enfasi taż-żjara kienet fuq ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni qies li ma kien hemm "ebda raġuni speċjali biex is-Sinjura Victoire Ingabire, priġuniera li hija soġġetta għal-linji gwida u r-regoli nazzjonali dwar id-detenzjoni, tirċievi żjara tal-Membri tal-Parlament tal-UE fuq missjoni uffiċjali";

F.  billi l-missjoni nnutat li għad fadal sfidi importanti f'dan ir-rigward, bħall-aċċess għall-edukazzjoni fiż-żoni rurali, drittijiet għall-proprjetà aktar ekwi u aċċess aħjar għal xogħol mhux fil-farms, u billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni politika u l-libertà ta' espressjoni fir-Rwanda, għadha preokkupanti, filwaqt li s-soċjetà ċivili indipendenti għadha dgħajfa ħafna;

G.  billi ħafna organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddenunzjaw il-proċess fil-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Victoire Ingabire, billi ġew osservati irregolaritajiet serji u ġiet ittrattata inġustament; billi fir-rapport tagħha Amnesty International tindika l-istqarrijiet pubbliċi preġudizzjali li saru mill-President tar-Rwanda qabel ma beda l-proċess tagħha, u dipendenza fuq konfessjonijiet minn detenuti f'Camp Kami fejn huwa allegat li tintuża t-tortura; billi, wara li xehdu fl-2012 kontra Victoire Ingabire fil-Qorti Għolja tar-Rwanda, erba' xhieda tal-prosekuzzjoni u koakkużati qalu lill-Qorti Suprema fl-2013 li x-xhieda tagħhom kienet ġiet iffalsifikata;

H.  billi fit-13 ta' Settembru 2012, Victoire Ingabire Umuhoza ġiet innominata, flimkien ma' żewġ personalitajiet politiċi Rwandiżi oħra, Bernard Ntaganda u Deogratias Mushyayidi, għall-Premju Sakharov 2012 tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb;

I.  billi fl-2015 is-Sinjura Ingabire appellat quddiem il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u akkużat lill-Gvern tar-Rwanda li kiser id-drittijiet tagħha; billi f'Marzu 2015 ir-Rwanda rtirat mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Afrikana, u ddikjarat li l-qrati tar-Rwanda kienu kapaċi jittrattaw il-każijiet lokali kollha; billi, fid-29 ta' Frar 2016, il-Gvern tar-Rwanda rtira d-dikjarazzjoni tiegħu li tippermetti lil individwi jressqu lmenti direttament mal-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ftit jiem biss qabel l-imħallfin kellhom jisimgħu kawża mressqa kontra l-Gvern tar-Rwanda minn Victoire Ingabire;

J.  billi, skont FDU-Inkingi, il-partit ta' Victoire Ingabire, il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tas-Sinjura Ingabire ddeterjoraw b'mod sinifikanti minn April 2016; billi qed tiġi mċaħħda minn ikliet esterni u għal dieti speċjali u ċ-ċertifikat mediku tagħha ġie invalidat;

K.  billi, fost affarijiet oħra, FDU-Inkingi ma rnexxilux jirreġistra legalment bħala partit politiku u diversi membri tiegħu ġew mhedda, arrestati u detenuti;

L.  billi diversi membri tal-partit tal-oppożizzjoni qed jinżammu l-ħabs; billi Illuminée Iragena, infermiera u attivista politika b'rabta ma' FDU-Inkingi, ilha nieqsa għal dawn l-aħħar ħames xhur u hemm preokkupazzjoni dwar is-sikurezza tagħha; billi Léonille Gasengayire, it-teżorier ta' FDU-Inkingi, ġiet arrestata fit-23 ta' Awwissu 2016 u ġiet akkużata b'inċitament għall-irvelli pubbliċi;

M.  billi r-Rwanda hija kklassifikata fil-161 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2016; billi l-libertà tal-istampa kompliet tiddeterjora hekk kif ġurnalisti indipendenti sikwit ġew iffastidjati, mhedda u arrestati; billi ġurnalisti eżiljati u barranin qed jiġu soġġetti dejjem aktar għal intimidazzjoni illegali, vjolenza u għajbien sfurzat talli jikkritikaw lil uffiċjali fir-rappurtar tagħhom;

N.  billi, f'Ottubru 2014, il-gvern issospenda b'mod indefinit is-servizz tar-radju tal-British Broadcasting Corporation (BBC) bil-lingwa Kinyarwanda wara x-xandir ta' dokumentarju televiżiv kontroversjali tal-BBC dwar il-ġenoċidju tar-Rwanda tal-1994;

O.  billi l-konsolidazzjoni tad-demokrazija – li tinkludi l-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni – hija kruċjali, partikolarment fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali li għandhom isiru fl-2017;

P.  billi n-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Rwandiża waqt il-proċess kriminali ta' Victoire Ingabire ppreġudikaw il-kapaċità tagħha li tieħu ħsieb każijiet politiċi ta' livell għoli;

Q.  billi r-Rwanda għandha rwol ewlieni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u jista' jkollha rwol kruċjali fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-minerali u f'riżorsi naturali oħra; billi r-rapport tal-2015 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) jirrakkomanda li l-Gvern tar-Rwanda jinvestiga u jipproċedi kontra dawk involuti fil-kummerċ illegali fil-landa, it-tantalju u t-tungstenu, kif ukoll fil-laundering ta' minerali mir-RDK fir-Rwanda;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-proċessi politikament motivati, il-proċedimenti fil-konfront tar-rivali politiċi u l-preġudizzju tal-eżitu tal-proċess; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Rwanda jestendi l-kisbiet ekonomiċi u soċjali tiegħu għall-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jersaq tassew lejn demokrazija moderna u inklużiva; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw li l-proċess tal-appell ta' Victoire Ingabire jkun ġust u jilħaq l-istandards previsti fil-leġiżlazzjoni Rwandiża u internazzjonali; jenfasizza li l-proċessi u l-akkużi kontra l-persuni akkużati ma jistgħux ikunu bbażati fuq liġijiet vagi, impreċiżi u li jintużaw ħażin, bħalma qed jiġri fil-każ ta' Victoire Ingabire;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna għal 15-il sena priġunerija min-naħa tal-Qorti Suprema tar-Rwanda fil-konfront ta' Victoire Ingabire u dwar id-deterjorament tal-kundizzjonijiet tagħha fil-ħabs; jemmen li l-proċess tal-appell imwettaq fir-Rwanda, inkluż id-dritt tas-Sinjura Ingabire għall-preżunzjoni tal-innoċenza, ma laħaqx l-istandards internazzjonali;

3.  Jenfasizza li l-irtirar tar-Rwanda mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) f'Marzu 2016, ftit jiem biss qabel is-seduta tal-appell fil-każ tas-Sinjura Ingabire, huwa ċirkostanzjali u għandu l-għan li jillimita l-aċċess dirett għall-Qorti min-naħa tal-individwi u l-NGOs;

4.  Ifakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li l-UE qajmet it-tħassib tagħha dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għal proċess ġust fil-qafas tad-djalogu politiku uffiċjali mar-Rwanda skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou; jitlob rieżami immedjat u imparzjali tal-każ tas-Sinjura Ingabire, abbażi tal-fatti, f'konformità mal-liġi u mingħajr ebda restrizzjonijiet, influwenzi mhux xierqa, pressjoni jew theddid; jitlob li d-drittijiet ta' Victoire Ingabire, fosthom l-aċċess għar-rappreżentanza legali kif ukoll għal ikel u trattament adegwati, jiġu rispettati fil-ħabs;

5.  Jikkundanna kull att ta' intimidazzjoni, l-arresti, id-detenzjonijiet u l-proċedimenti fil-konfront tal-mexxejja, il-membri u l-attivisti tal-partiti tal-oppożizzjoni, kif ukoll ġurnalisti u persuni oħrajn perċepiti bħala kritiċi tal-Gvern tar-Rwanda, sempliċement għaliex esprimew l-opinjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi, f'dan ir-rigward, iwettqu rieżami u aġġustament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 463 u 451 tal-Kodiċi Kriminali, li jirrestrinġu l-libertà ta' espressjoni;

6.  Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda juri l-volontà tiegħu li jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi fil-konfront ta' ġurnalisti u attivisti tal-oppożizzjoni u li jġib iċ-ċentri ta' detenzjoni militari tiegħu f'konformità mal-liġijiet tar-Rwanda u mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jeħilsu minnufih lill-individwi u l-attivisti l-oħra kollha detenuti jew li nstabu ħatja sempliċement għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u jiżguraw is-separazzjoni tas-setgħat leġiżlattivi, amministrattivi u ġudizzjarji, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jżidu l-isforzi tagħhom biex jinvestigaw il-każijiet ta' Illuminée Iragena, John Ndabarasa, Léonille Gasangayire u individwi oħrajn li hemm il-biża' li ġew imġiegħla jgħibu, jiżvelaw fejn qegħdin u jeħilsuhom jew jipproċedu kontrihom, jekk jinsabu arrestati, kif ukoll jiżguraw l-imparzjalità tal-proċessi ta' rivali jew kritiċi reali jew suspettati tal-gvern, inklużi dawk ta' Frank Rusagara, Joel Mutabazi, Kizito Mihigo u dawk akkużati magħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw elezzjonijiet paċifiċi, kredibbli u trasparenti fl-2017 u jistieden lill-gvern jaħdem mal-oppożizzjoni fil-perjodu li jwassal għal dawn l-elezzjonijiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE fuq perjodu twil għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2017, b'enfasi fuq l-ispazju politiku u l-libertajiet fundamentali;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li d-demokrazija tissejjes fuq gvernijiet pluralisti, oppożizzjoni funzjonanti, midja u ġudikatura indipendenti, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tad-dritt ta' espressjoni u ta' għaqda; jistieden lir-Rwanda, f'dan ir-rigward, tiftaħ l-ispazju politiku tagħha, tilħaq dawn l-istandards u ttejjeb ir-rendiment tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistenna li r-Rwanda timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni (2014);

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Rwandiżi biex, b'urġenza, jipproċedu bir-rieżami tad-dikjarazzjoni li tippermetti lill-individwi u l-NGOs iressqu lmenti quddiem il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u jerġgħu jistabbilixxuha u jintroduċuha mill-ġdid;

11.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-poplu tar-Rwanda fil-ħidma tagħhom biex jikkonsolidaw il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tevalwa l-appoġġ tal-UE għall-istituzzjonijiet governattivi Rwandiżi fuq bażi regolari, sabiex ikun żgurat li dan l-appoġġ jippromwovi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-pluraliżmu politiku u s-soċjetà ċivili indipendenti;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Istati Membri tal-UE, lill-avukati difensuri ta' Victoire Ingabire u lill-President tar-Rwanda.

(1) ĠU C 55, 12.2.2016, p. 127.

Avviż legali - Politika tal-privatezza