Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2919(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1083/2016

Testi mressqa :

B8-1083/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0386

Testi adottati
PDF 279kWORD 53k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
L-introduzzjoni fis-suq ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11
P8_TA(2016)0386B8-1083/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (SYN-BTØ11-1) (D046173/01 – 2016/2919(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (SYN-BTØ11-1) (D046173/01),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tad-19 ta' Mejju 2005(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji dwar il-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti MON 810, maħruġa fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti Bt11 u MON 810, adottata fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, maħruġa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fit-28 ta' Mejju 2015(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., Linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani(7),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi notifika (Referenza C/F/96/05.10) dwar l-introduzzjoni fis-suq ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 ġiet sottomessa fl-1996 minn Syngenta Seeds SAS (li qabel kienet Novartis Seeds) (minn hawn 'il quddiem "in-notifikatur") lill-awtorità kompetenti fi Franza skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(8); billi fl-2003 ġiet sottomessa notifika aġġornata skont id-Direttiva 2001/18/KE;

B.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 għandu l-proteina Cry1Ab, li hija proteina Bt (li toriġina mill-Bacillus thuringiensis subsp. Kurstaki) u tipprovdi reżistenza għall-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u l-Mediterranean corn borer (Sesamia nonagrioides), u l-proteina Pat, li tipprovdi t-tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju;

C.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi fil-każ ta' sustanzi li diġà ġew approvati, il-kriterji ta' esklużjoni japplikaw meta jkun meħtieġ li l-approvazzjoni tiġġedded; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fl-2017; billi l-użu tal-glufosinat għalhekk fil-prinċipju għandu jieqaf fl-2017;

D.  billi, skont l-Artikolu 26c(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 hija pprojbita fit-territorji li ġejjin: il-Vallonja (il-Belġju); il-Bulgarija; id-Danimarka; il-Ġermanja (ħlief għal finijiet ta' riċerka); il-Greċja; Franza; il-Kroazja; l-Italja; Ċipru; il-Latvja; il-Litwanja; il-Lussemburgu; l-Ungerija; Malta; in-Netherlands; l-Awstrija; il-Polonja; is-Slovenja; l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit); l-Iskozja (ir-Renju Unit); Wales (ir-Renju Unit);

E.  billi, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-evidenza tindika li madwar 95 sa 99 % tal-polline rilaxxat jiġi depożitat f'madwar 50 metru mis-sors tal-polline, għalkemm movimenti vertikali tar-riħ jew buffuri tar-riħ matul it-tixrid tal-polline jistgħu jgħollu lill-polline 'l fuq fl-atmosfera u jferrxuh fuq distanzi kbar sa diversi kilometri;

F.  billi, f'opinjoni tal-2005, l-EFSA qieset li l-qamħirrum m'għandux speċijiet selvaġġi marbutin miegħu b'parentela li huma kompatibbli miegħu għall-inkroċjar fl-Ewropa, u b'hekk kienet tal-fehma li ma kien antiċipat l-ebda effett ambjentali mhux mistenni b'riżultat tal-istabbiliment u t-tixrid;

G.  billi t-teosintes, l-antenati tal-qamħirrum ikkultivat, ilhom jeżistu fi Spanja sa mill-2009; billi l-popolazzjonijiet tat-teosinte jaf jibdew jirċievu DNA transġeniku li jkun ġej mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, li huwa kkultivat fi Spanja f'xi wħud mir-reġjuni fejn it-teosinte qed jinfirex ħafna; billi jista' jseħħ fluss ġenetiku lejn it-teosinte, li iġiegħlu jipproduċi t-tossina Bt, u dan jista' jsaħħaħ l-ibridi tal-qamħirrum u t-teosinte meta mqabbla mal-pjanti tat-teosinte indiġeni; billi dan huwa xenarju li jġorr miegħu riskji kbar għall-bdiewa u għall-ambjent;

H.  billi l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-preżenza tat-teosinte fl-għelieqi tal-qamħirrum Spanjoli, inkluża preżenza limitata ħafna fl-għelieqi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat; billi l-informazzjoni disponibbli tindika li t-teosinte nstab wkoll fi Franza;

I.  billi, fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex, sa tmiem Settembru 2016, tivvaluta jekk, abbażi tal-letteratura xjentifika eżistenti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, tfaċċatx evidenza ġdida li tbiddel il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, Bt11, 1507 u GA21;

J.  billi, fil-punt 24 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-mortalità lokali, l-EFSA qieset żewġ livelli ta' mortalità lokali "aċċettabbli" (0,5 % u 1 %); billi, madankollu, fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, l-EFSA tgħid b'mod ċar li "kwalunkwe livell ta' protezzjoni speċifiku utilizzat hawnhekk bħala spjegazzjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM huwa maħsub bħala eżempju biss" u li "kwalunkwe soll applikat irid, neċessarjament, ikun arbitrarju u għandu jkun soġġett għal emendi skont l-għanijiet ta' protezzjoni fis-seħħ fl-Unjoni";

K.  billi fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għażlet livell ta' mortalità lokali taħt iż-0,5 % u fl-Anness tiegħu pprevediet distanzi ta' iżolament arbitrarji ta' mill-inqas 5 metri bejn għalqa tal-qamħirrum Bt11 u ħabitat protett kif definit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/35/KE, minkejja li l-EFSA fil-fatt tikkonferma b'mod ċar li l-impożizzjoni ta' distanza ta' iżolament ta' 20 metru madwar ħabitat protett mill-eqreb għalqa ta' qamħirrum Bt11/MON 810, li hija erba' darbiet akbar mid-distanza proposta mill-Kummissjoni, tkun mistennija tnaqqas il-mortalità lokali anke ta' larvi lepidopterani sensittivi ħafna – u mhux fil-mira – għal livell aktar baxx minn 0,5 %;

L.  billi, fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, l-EFSA tgħid li "fil-preżent m'hemmx biżżejjed data disponibbli biex il-mortalità larvali relatata mal-Bt titqiegħed fil-kuntest tal-mortalità globali";

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fid-Direttiva 2001/18/KE;

2.  Iqis li l-valutazzjoni tar-riskji tal-kultivazzjoni mwettqa mill-EFSA hija inkompleta u r-rakkomandazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskji proposti mill-Kummissjoni huma inadegwati;

3.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, peress li mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li, skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, huwa li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta jitwettaq rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati għal kwalunkwe fini ieħor ħlief l-introduzzjoni fis-suq fi ħdan il-Komunità u l-introduzzjoni fis-suq ta' organiżmi ġenetikament modifikati bħala prodotti jew fi prodotti fi ħdan il-Komunità;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.
(2) Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati fuq talba tal-Kummissjoni rigward in-notifika (Referenza C/F/96/05.10) għall-introduzzjoni fis-suq ta' qamħirrum ġenetikament modifikat li huwa reżistenti għall-insetti 1507, għall-importazzjoni, għall-għalf u għall-ipproċessar industrijali u għall-kultivazzjoni skont il-Parti C tad-Direttiva 2001/18/KE minn Pioneer Hi-Bred International/Mycogen Seeds, Il-Ġurnal tal-EFSA (2005) 213, 1-33.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), Opinjoni Xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat MON 810, Il-Ġurnal tal-EFSA 2012, 10(12):3017. [98 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.3017.
(4) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), Opinjoni Xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat Bt11 u MON 810, Il-Ġurnal tal-EFSA 2012;10(12):3016. [32 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2012.3016.
(5) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati, (GMO); Opinjoni Xjentifika li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, Il-Ġurnal tal-EFSA 2015;13(7):4127 [31 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2015.4127.
(6) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0036.
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15).

Avviż legali - Politika tal-privatezza