Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2108(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0301/2016

Testi mressqa :

A8-0301/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0395

Testi adottati
PDF 253kWORD 49k
It-Tlieta, 25 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen
P8_TA(2016)0395A8-0301/2016

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen (2016/2108(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra ż-żewġ talbiet għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen ippreżentati mill-avukat ġenerali tal-istat fil-qorti tal-appell ta' Pariġi fl-14 ta' Marzu 2016, u li ġew ikkomunikati fil-plenarja fit-8 ta' Ġunju 2016, b'rabta ma' żewġ proċeduri pendenti li jinsabu quddiem l-imħallfin investigattivi fil-qorti reġjonali ta' Pariġi għal inċitament ta' mibegħda razzjali ((2211/15/21 u 2226/15/9), u li t-tnejn jikkonċernaw l-istess kwistjoni,

–  wara li sema' lil Jean-Marie Le Pen skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0301/2016),

A.  billi żewġ imħallfin investigattivi fil-qorti reġjonali ta' Pariġi talbu t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jean-Marie Le Pen fir-rigward ta' allegat reat;

Β.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew fit-territorju tal-Istat tagħhom igawdu l-istess invjolabbiltà mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

C.  billi, skont l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, "l-ebda Membru tal-Parlament m'għandu jiġi mħarrek, imfittex, arrestat, miżmum jew iġġudikat minħabba l-opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi ta' dmirijietu", u li "l-ebda Membru tal-Parlament m'għandu jiġi arrestat għal att kriminali serju jew reat gravi ieħor, lanqas m'għandu jiġi soġġett għal miżura ta' kustodja jew ta' semikustodja mingħajr l-awtorizzazzjoni" parlamentari;

D.  billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

E.  billi permezz ta' din id-dispożizzjoni għandu jiġi żgurat li l-Membri tal-Parlament Ewropew fil-prinċipju għandhom id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, iżda li dan id-dritt ma jawtorizzax il-kalunja, defamazzjoni, inċitament għall-mibegħda jew dikjarazzjonijiet libellużi jew affermazzjonijiet oħra, li jmorru kontra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

F.  billi d-dispożizzjonijiet dwar l-immunità parlamentari huma interpretati fid-dawl tal-valuri, tal-objettivi u tal-prinċipji tat-Trattati tal-UE;

G.  billi, fil-każ ta' Membru tal-Parlament Ewropew, din l-immunità assoluta ma tkoprix biss l-opinjonijiet espressi mill-Membru waqt il-laqgħat uffiċjali tal-Parlament iżda anke l-fehmiet espressi fi bnadi oħra, pereżempju fil-midja, fejn ikun hemm rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari;

H.  billi Jean-Marie Le Pen ġie akkużat li fis-6 ta' Ġunju 2014 inċita pubblikament il-mibegħda razzjali f'vidjo ppubblikat fuq l-internet;

I.  billi m'hemm l-ebda rabta bejn l-espressjoni kontroversjali ta' Jean-Marie Le Pen u l-ħidma paralmentari tiegħu, u billi għaldaqstant Jean-Marie Le Pen ma aġixxiex fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

J.  billi m'hemm l-ebda evidenza ta' suspett ta' fumus persecutionis, jiġifieri t-tentattiv li tiġi ostakolata l-ħidma parlamentari ta' Jean-Marie Le Pen;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-Marie Le Pen;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Franċiża.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza