Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2016 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: Is-Sigurtà tal-Istituzzjonijiet (12600/2016 – C8-0409/2016 – 2016/2121(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat b'mod definittiv fil-25 ta' Novembru 2015(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2016 adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2016 (COM(2016)0310),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2016 adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Ottubru 2016 u li ntbagħtet lill-Parlament fl-istess ġurnata (12600/2016 – C8-0409/2016),
— wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Parlament lill-President tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016, b'mod partikolari l-paragrafu 3 tagħha;
— wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali li hija parti mill-konklużjonijiet konġunti li ntlaħqu fil-qafas tal-proċess ta' konċiljazzjoni għall-baġit tal-2016 fl-14 ta' Novembru 2015;
– wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0295/2016),
A. billi l-attakki terroristiċi riċenti wasslu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jirrevedu l-ħtiġijiet tagħhom ta' sigurtà u biex jidentifikaw il-ħtieġa ta' riżorsi addizzjonali fl-2016;
B. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2016 għaldaqstant jipproponi li l-baġit għas-sigurtà jiżdied b'ammont totali ta' EUR 15,8 miljun għall-Iskejjel Ewropej, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
C. billi, b'mod partikolari, l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2016 għandu l-għan li joħloq 35 post tax-xogħol permanenti addizzjonali għar-reklutaġġ ta' aġenti tas-sigurtà addizzjonali fil-Parlament Ewropew; billi dawn il-postijiet tax-xogħol għandhom jinżammu fil-baġit tal-2017 u għandhom jiġu eżentati mill-mira ta' tnaqqis fil-persunal ta' 5 %, peress li dawn jikkorrispondu għal attività ġdida; billi l-Parlament jirrispetta bis-sħiħ id-dikjarazzjoni tiegħu dwar tnaqqis ta' 5 % tal-persunal annessa mal-konklużjonijiet konġunti dwar il-baġit tal-2016;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2016, kif imressaq mill-Kummissjoni;
2. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2016;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2016 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.