Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari (2015/2274(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan, Mohammad Javad Zarif, fis-16 ta' April 2016 f'Tehran,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-20 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ftehim dwar il-programm nukleari tal-Iran tal-20 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, partikolarment dawk tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-approċċ tal-UE rigward l-Iran(1), tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi fl-Iran(2), tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Iran – każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem(3) u tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran(4),
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt(5),
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tal-10 ta' Marzu 2016, id-dikjarazzjonijiet reċenti tiegħu tal-20 ta' Mejju u tat-8 ta' Ġunju 2016 li jesprimu tħassib dwar l-inkarċerazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-mewġa reċenti ta' inċitament għall-mibegħda tal-komunità Baha'i, u r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-3 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 70/173 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran (A/RES/70/173), adottata fis-17 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, dwar l-eżekuzzjoni ta' minorenni fl-Iran, tal-14 ta' Ottubru 2015, u dwar il-kundanna tas-sostenitriċi Iranjana tad-drittijiet tal-bniedem, Narges Mohammadi, tal-20 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0286/2016),
A. billi, b'segwitu għall-Ftehim Nukleari mal-Iran u l-iżviluppi politiċi interni fl-Iran, issa teżisti l-opportunità għal riformi fil-pajjiż u għat-titjib tar-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea;
Relazzjonijiet UE-Iran
Djalogu politiku
1. Jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), magħruf ukoll bħala l-Ftehim Nukleari mal-Iran, kien riżultat notevoli għad-diplomazija multilaterali, u partikolarment għad-diplomazija Ewropea, li għandu jippermetti mhux biss titjib sostanzjali tar-relazzjonijiet UE-Iran, iżda wkoll il-promozzjoni tal-istabbiltà fir-reġjun kollu kemm hu; jemmen li issa l-partijiet kollha huma responsabbli biex jiggarantixxu implimentazzjoni rigoruża u sħiħa tiegħu; jilqa' favorevolment it-twaqqif tal-Kummissjoni Konġunta, komposta minn rappreżentanti tal-Iran u tal-grupp E3/UE+3 (iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Itati Uniti u l-VP/RGħ); jappoġġa bis-sħiħ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fir-rwol tagħha ta' koordinatur tal-Kummissjoni Konġunta fl-ambitu tal-PAKK, u jemmen li l-implimentazzjoni rigoruża u totali tal-PAKK tibqa' ta' importanza enormi;
2. Jilqa' pożittivament iż-żjara fl-Iran, fis-16 ta’ April 2016, tal-VP/RGħ Mogherini, flimkien ma' seba' Kummissarji Ewropej, bħala pass importanti biex tkun stabbilita aġenda ambizzjuża għar-relazzjonijiet bilaterali Iran-UE fis-setturi ta' interess reċiproku; jinnota li bosta dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u delegazzjonijiet tal-UE fl-Iran, li l-aħħar waħda kienet magħmula mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli u seba' Kummissarji, ikkonċentraw fuq rabtiet kummerċjali u ekonomiċi;
3. Ifakkar li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jneħħi s-sanzjonijiet kollha b'rabta man-nukleari kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran b'riżultat tal-implimentazzjoni tal-impenji tagħha skont il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt twitti t-triq għal kooperazzjoni mill-ġdid mal-Iran u se toħloq opportunitajiet u vantaġġi għaż-żewġ naħat, billi tipprovdi l-potenzjal li s-suq Iranjan jinfetaħ mill-ġdid għall-impriżi Ewropej; ifakkar li l-Iran għandu popolazzjoni kbira, b'livell ta' edukazzjoni relattivament għoli u żagħżugħa, għandu waħda mill-aktar kompożizzjonijiet diversi ta' PDG fir-reġjun, għandu bżonn ta' investimenti u huwa suq potenzjali għal prodotti Ewropej ta' kwalità għolja;
4. Jilqa' pożittivament is-sens ta' ftuħ fir-relazzjonijiet mal-Iran; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet UE-Iran għandhom jimxu id f'id mal-implimentazzjoni tal-ftehim nukleari/PAKK; ifakkar li skont it-termini tal-ftehim, jekk l-Iran jonqos milli jimplimentah, dan jista' jwassal għall-introduzzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet; jinkoraġġixxi relazzjoni mġedda bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Iran, li fiha ż-żewġ naħat jaħdmu mill-qrib fuq kwistjonijiet bilaterali u multilaterali biex jiggarantixxu reġjun aktar stabbli u implimentazzjoni effettiva tal-ftehim nukleari; jemmen li r-relazzjonijiet UE-Iran għandhom jiġu żviluppati permezz ta' djalogu fuq bosta livelli li jinvolvi kuntatti politiċi, diplomatiċi, ekonomiċi, akkademiċi, tekniċi u interpersonali li jinkludu atturi tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa l-ftuħ tar-relazzjonijiet UE-Iran għall-benefiċċju reċiproku taż-żewġ partijiet, abbażi ta' valutazzjoni realistika tal-interessi komuni u tad-differenzi, bil-għan li tiġi mħeġġa l-espansjoni gradwali tal-kooperazzjoni fi klima ta' fiduċja, l-ewwel u qabel kollox għall-benefiċċju tal-popli tal-Iran u l-UE; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-impenn imġedded tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-Iran abbażi ta' djalogu tal-erba' "K": djalogu komprensiv fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; kooperazzjoni fl-oqsma li fihom l-Iran u l-UE għandhom interessi reċiproċi; djalogu kritiku, miftuħ u frank fl-oqsma li fihom l-Iran u l-UE ma jaqblux iżda qed ifittxu bażi komuni; u, b'mod ġenerali, kostruttiv fit-ton u fil-prattika;
5. Jilqa' pożittivament il-bidliet istituzzjonali li saru fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex ikunu riflessi r-riżultati tal-PAKK, partikolarment il-ħolqien fis-SEAE ta' task force iddedikata għall-Iran bil-għan li tikkoordina d-diversi linji ta' azzjoni fil-kwistjonijiet relatati mal-Iran; jilqa' favorevolment il-provvedimenti li ħa s-SEAE biex jistabbilixxi delegazzjoni tal-UE f'Tehran, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-PE, billi din se tħalli lill-UE taħdem mal-awtoritajiet Iranjani biex tippermetti għarfien aħjar tal-UE stess min-naħa tal-pubbliku fi ħdan il-pajjiż, biex tikkuntrasta l-każijiet li fihom il-partijiet ma ftehmux u biex tibni kooperazzjoni dejjem akbar bejn l-UE u l-Iran; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kummerċ u l-investimenti huma kompetenzi tal-UE u li l-ħolqien ta' delegazzjoni tal-UE f'Tehran tkun tiffaċilita l-kooperazzjoni UE-Iran fl-oqsma tal-kummerċ, tal-edukazzjoni, tal-kultura, tad-drittijiet tal-bniedem, tas-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li tikkontribwixxi konsiderevolment biex ikunu sodisfatti l-aspettattivi taż-żewġ naħat; jissottolinja li, fil-futur, Euronews Farsi għandu wkoll jagħmilha ta' pont medjatiku importanti bejn l-Unjoni Ewropea u l-pubbliku li jitkellem bil-Persjan;
6. Ifakkar li l-UE u l-Iran iddeċidew li jaffrontaw il-kwistjonijiet ta' interess reċiproku b'mod kostruttiv; jappella għal strateġija tal-UE għal impenn ġdid mal-Iran li jrid jissejjes, għall-ewwel, fuq miżuri biex jibnu l-fiduċja fis-setturi tekniċi b'tali mod li jinħolqu preċedenti pożittivi fil-ħidma konġunta UE-Iran u li x'aktarx iwittu t-triq għal kooperazzjoni aktar sinifikattiva fit-tul;
7. Jinsisti fuq l-importanza li tiġi żviluppata d-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijiet UE-Iran bħala parti mill-istrateġija biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja reċiproka; itenni s-sostenn tiegħu, f'dan ir-rigward, favur il-proposta diskussa bejn il-Parlament u l-Majlis dwar djalogu interparlamentari dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, bħala rikonoxximent tal-isfidi komuni tar-radikalizzazzjoni fl-Iran, fil-Lvant Nofsani u fi ħdan l-UE stess; jilqa' b'sodisfazzjon it-tiġdid tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iran, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-futur, li jinkludi r-rappreżentanti tal-ġudikatura, tal-forzi tas-sigurtà u tas-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi li, filwaqt li jeżistu suspett u diffidenza miż-żewġ naħat, hemm ukoll storja twila bejn bosta Stati Membri u l-Iran u li l-Iran għandu ambizzjoni li jkollu relazzjonijiet tajbin mal-UE, joffri l-potenzjal għal relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja u r-rispett reċiproċi; jirrikonoxxi l-kumplessitajiet tal-politiki interni tal-Iran u jtenni li l-UE m'għandhiex l-intenzjoni li tindaħal fl-għażliet politiċi interni f'dan il-pajjiż jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor, iżda qed tfittex kooperazzjoni msejsa fuq ir-rispett reċiproku tal-istandards u tal-prinċipji internazzjonali; jemmen li n-normalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet tista' sseħħ biss b'mod parallel mal-implimentazzjoni kontinwa tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) permezz ta' djalogu regolari u sostnut, u li l-prijorità immedjata għandha tkun li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-relazzjonijiet UE-Iran f'oqsma fejn jeżisti ftehim komuni li jsir dan; jemmen, madankollu, li l-għan aħħari għandu jkun li tiġi stabbilita sħubija bejn l-Iran u l-UE;
8. Itenni li l-oppożizzjoni b'saħħitha, ta' prinċipju u li ilha żmien tal-Unjoni Ewropea kontra l-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u ċirkostanza, u jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt hija objettiv fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u tal-politika esterna; jibqa' kritiku ferm dwar l-użu frekwenti tal-piena tal-mewt min-naħa tal-Iran; iqis bħala għan ewlieni fi ħdan id-djalogu politiku t-tnaqqis tal-applikazzjoni tal-piena tal-mewt; jitlob għal moratorju immedjat fuq it-twettiq ta' sentenzi tal-mewt fl-Iran; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-eżekuzzjonijiet huma għal reati relatati mad-droga; jifhem l-isfida li jħabbat wiċċu magħha l-Iran bħala wieħed mir-rotot ewlenin ta' tranżitu tad-droga fid-dinja, b'86 % mis-sekwestri dinjija tal-oppju li jseħħu fit-territorju tiegħu; madankollu jemmen li l-impenn dwar kwistjonijiet relatati mal-piena tal-mewt, bħalma huma l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga u kontra individwi taħt l-età ta' 18-il sena, li t-tnejn li huma jiksru l-impenji internazzjonali aċċettati b'mod volontarju mill-Iran, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja, jistgħu jipprovdu aġenda komuni biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; jistieden lill-Membri tal-Parlament Iranjan biex, bħala l-ewwel pass, jirrevedu l-Artikolu 91 tal-kodiċi penali tal-2013 bl-għan li titneħħa l-piena tal-mewt għal persuni taħt l-età ta' 18-il sena; jinnota l-preżentazzjoni ta' abbozz ta' liġi lill-Parlament Iranjan li, jekk approvat, se jnaqqas l-piena tal-mewt għad-delitti mhux vjolenti relatati mad-droga minn mewt għal sentenza ta' għomor il-ħabs; jinnota li, jekk approvat, l-abbozz ta' liġi jista' jnaqqas b'mod sinifikanti n-numru ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran;
9. Jenfasizza l-fatt li t-tneħħija tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga twassal biex jonqos drastikament l-għadd ta' eżekuzzjonijiet (sa 80 % skont l-istimi Iranjani); jitlob għal kooperazzjoni UE-Iran fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tad-droga bħala waħda mill-modi ta' kif tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' eżekuzzjonijiet fil-pajjiż, filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika u ta' bini ta' kapaċitajiet amministrattivi bl-għan li jsaħħaħ l-istat tad-dritt fl-Iran, inkluż billi tippromwovi r-riforma tas-sistema ġudizzjarja biex jitjiebu r-responsabbiltà u l-alternattivi għal priġunerija u l-piena tal-mewt; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe teknika jew assistenza oħra offruti lill-Iran ma jintużawx biex jitwettqu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
Kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi
10. Jieħu nota tal-objettiv iddikjarat tal-Iran li jikseb rata ta' tkabbir annwali ta' 8 %; jemmen li investimenti Ewropej huma fundamentali biex l-Iran jilħaq dan il-għan; jenfasizza l-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tostakolax l-attivitajiet kummerċjali permessi mal-Iran, u mhijiex se tostakola l-kumpaniji internazzjonali jew l-istituzzjonijiet finanzjarji milli jittrattaw mal-Iran, sakemm dawn isegwu l-liġijiet kollha applikabbli; jenfasizza li biex l-Iran ikun jista' jirrealizza l-potenzjal ekonomiku tiegħu, irid jieħu passi biex joħloq ambjent ekonomiku trasparenti favorevoli għall-investiment internazzjonali u jieħu miżuri kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, partikolarment fir-rigward tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) li jindirizzaw kwistjonijiet bħal waqfien ta' flussi finanzjarji għal organizzazzjonijiet terroristiċi; jistieden lill-UE tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Iran f'dan il-proċess, b'mod partikolari, permezz ta' appoġġ għal ħidma favur it-tiswir ta' trattat ta' investiment bilaterali bejn l-UE u l-Iran;
11. Jenfasizza li l-kummerċ u l-aċċess imġedded għas-sistema kummerċjali globali bbażata fuq ir-regoli huma mod potenzjali kif jista' jinqata' l-iżolament tal-Iran, u li l-kummerċ jista' jkun mezz importanti kif jista' jissaħħaħ id-djalogu politiku u tiġi stimolata l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi fir-reġjun, bil-ħsieb li jiżdiedu l-iżvilupp reġjonali, l-impjiegi u l-istabbiltà fir-reġjun b'mod iktar ġenerali;
12. Jinnota li l-Iran huwa t-tieni l-ikbar ekonomija fil-Lvant Nofsani, bi stima ta' PGD nominali ta' USD 397 biljun fl-2015; jinnota wkoll li l-kummerċ bejn l-UE u l-Iran huwa attwalment madwar USD 8 biljun, u mistenni li jiżdied b'erba' darbiet fis-sentejn li ġejjin; ifakkar li l-UE kienet s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Iran u jemmen li għandu jkollha l-għan li hekk terġa' ssir; jappoġġa l-espansjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Iran, u jitlob lill-UE tiżviluppa l-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u kummerċjali mal-Iran, fl-interess ta' titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u x-xogħol tal-poplu Iranjan u żvilupp reġjonali ulterjuri; jemmen li l-espansjoni tal-kummerċ u tal-investiment mal-Iran tista', fit-tul, tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità fir-reġjun kollu, fejn l-UE tista' tfittex opportunitajiet għal skemi ta' investiment reġjonali, pereżempju b'rabta mal-enerġija u l-konnettività tat-trasport;
13. Huwa tal-fehma li, għalkemm ġew iffirmati bosta kuntratti ma' kumpaniji Ewropej, l-Iran ma jistax jonora l-impenji tiegħu minħabba nuqqas ta' likwidità, li jfisser li l-proċess ta' ftuħ tal-Iran huwa maqbud f'ċirku vizzjuż;
14. Jinnota li l-Iran huwa l-akbar ekonomija tad-dinja barra d-WTO; jappoġġa t-talba tal-Iran biex jissieħeb mad-WTO; jinnota li l-mandat attwali tal-UE għan-negozjati għal Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mhuwiex aġġornat; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-għażliet biex issaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali u ta' investiment, bil-għan li l-Iran iqarreb lejn konformità mar-regoli tad-WTO u jitħares l-investiment Ewropew; jenfasizza li qafas formali ta' negozjati jippermetti lill-UE tutilizza l-ingranaġġ sħiħ tagħha bħala l-akbar suq u blokk ekonomiku integrat u biex toħloq forum għal skambju u djalogu; jistieden lill-UE tesplora l-possibbiltà li terġa' tibda t-taħditiet dwar l-adeżjoni tal-Iran mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, hekk kif sħubija mad-WTO ġġib aktar liberalizzazzjoni tal-ekonomija tal-Iran biex tixpruna t-tkabbir, tinkorpora lill-pajjiż f'sistema globali bbażata fuq ir-regoli, tipprovdi mekkaniżmu biex jiġu appoġġati r-riformi ekonomiċi neċessarji mal-Iran u żżomm lill-Iran responsabbli għall-impenji internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tuża dawn in-negozjati bħala opportunità biex ikunu promossi r-riformi ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol, abbażi tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jinsab imħasseb dwar id-dewmien fil-ħatra ta' president ta' grupp ta' ħidma tad-WTO dwar l-adeżjoni tal-Iran; jistieden lill-Kummissjoni teżerċita l-influwenza tagħha sabiex, mingħajr dewmien, jitneħħa dan l-ostakolu u jinbeda l-proċess ta' adeżjoni mad-WTO; jemmen li, biex ikun jista' jikkonkludi l-proċess ta' adeżjoni, l-Iran għandu jitneħħa minn fuq il-lista tad-dikjarazzjoni pubblika tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF);
15. Iqis in-nuqqas ta' libertà ta' espressjoni online, tas-sorveljanza u tal-monitoraġġ sistematiċi fuq l-internet u n-nuqqas ta' libertajiet diġitali bħala ostakolu għall-kummerċ mal-Iran, kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-persuni u tal-libertajiet; jenfasizza l-potenzjal ta' internet miftuħ u sikur fl-Iran għall-ekonomija diġitali; itenni t-talba tiegħu għal reġim effettiv Ewropew ta' kontroll fuq l-esportazzjonijiet biex jiġi evitat li prodotti u teknoloġiji b'użu doppju jintużaw ħażin biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u kontra l-UE;
16. Jenfasizza wkoll l-importanza li l-Iran jiżviluppa relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ma' atturi reġjonali, b'kunsiderazzjoni xierqa tar-regoli tad-WTO, bil-ħsieb li jissawwar blokk ekonomiku u kummerċjali magħqud; jindika li l-UE tista' tipprovdi l-għarfien espert u l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp u l-bini ta' dan id-djalogu reġjonali;
17. Jemmen li t-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji relatati man-nukleari, mill-UE u l-komunità internazzjonali, kif stabbiliti fil-PAKK, huwa element importanti li juri li l-UE implimentat l-impenji tagħha lejn l-Iran, kif ukoll prova tar-rieda li jsaħħu l-kooperazzjoni ekonomika għal benefiċċju ekonomiku reċiproku; jinnota, madankollu, li filwaqt li l-biċċa l-kbira tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji issa tneħħew, xi wħud għadhom fis-seħħ u mhumiex affettwati mill-ftehim nukleari; jistieden lill-UE tinvolvi kumpaniji bbażati fl-UE biex jiżguraw trasparenza sħiħa tal-attivitajiet tagħhom fl-Iran; jitlob li ssir enfasi fuq il-kwalità kif ukoll fuq il-kwantità ta' investimenti, u biex issir inizjattiva li tivvaluta jekk l-investimenti l-ġodda jirrispettawx il-prinċipji gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, simili għal dak li sar meta tneħħew is-sanzjonijiet fil-Mjanmar/Burma; jinnota li l-implimentazzjoni effettiva tal-linji gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva hija kruċjali biex ir-relazzjonijiet kummerċjali ulterjuri bejn l-UE u l-Iran ikollhom effett pożittiv fuq is-soċjetà Iranjana kollha;
18. Ifakkar l-inċertezzi legali tas-sanzjonijiet primarji tal-Istati Uniti u tal-fatt li t-tranżazzjonijiet isiru f'dollari joħolqu għan-negozji tal-UE li huma lesti li jinvestu fl-Iran, li qed jimminaw l-għoti tal-benefiċċji ekonomiċi mistennija tal-PAKK lill-poplu Iranjan; jinsisti fuq il-bżonn li tiġi indirizzata din il-kwistjoni u kwistjonijiet oħra ta' natura finanzjarja, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, biex jinħolqu ċarezza u ċertezza legali għan-negozji tal-UE li joperaw fl-Iran; jitlob bidla fl-approċċ għall-kummerċ mal-Iran; jitlob li l-euro jkun il-munita għat-tranżazzjonijiet mal-Iran sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jimponu penali kif għamlu fil-passat kontra xi banek Ewropej; huwa favur djalogu mill-qrib mal-Istati Uniti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kummerċ Ewropew u investiment fl-Iran;
19. Jenfasizza, fl-istess ħin, li sforzi akbar biex jiżguraw ambjent li jwassal għall-investiment internazzjonali huma essenzjali biex l-Iran jirrealizza l-potenzjal ekonomiku tiegħu; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Iran biex jiżgura t-trasparenza tas-settur finanzjarju tiegħu u biex jiġġieled il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF); jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-gvern Iranjan dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, kif ukoll il-laqgħat tekniċi li saru fit-12 ta' Lulju bejn l-UE u uffiċjali Iranjani biex iwettqu r-riformi meħtieġa f'dan ir-rigward;
20. Jilqa' r-riżultati pożittivi li diġà inkisbu mill-PAKK, bħal żieda ta' 43 % fil-kummerċ bejn l-Iran u l-UE matul l-ewwel sitt xhur tal-2016, meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2015, il-fatt li 30 bank Iranjan reġgħu konnessi mas-SWIFT, u l-impatt pożittiv tal-PAKK fit-tisħiħ tax-xejra ta' tnaqqis tal-inflazzjoni u tar-rati tal-imgħax fl-Iran; jilqa' l-fatt li għadd dejjem jikber ta' banek Ewropej issa huma attivi fl-Iran, u qed jiffaċilitaw il-kreditu għall-SMEs; jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol tal-SMEs fl-Ewropa u l-Iran biex jissaħħew ir-relazzjonijiet kummerċjali;
21. Jilqa' l-fatt li l-gvern Iranjan huwa ħerqan li jattira l-investiment barrani, investiment dirett barrani li huwa meħtieġ fis-setturi ekonomiċi ewlenin kollha; jinnota li x'aktarx se jkun hemm bżonn ta' aktar minn USD 1 triljun f'investiment fl-infrastruttura matul l-10 snin li ġejjin, li jipprovdu opportunitajiet għan-negozji Ewropej, inklużi fis-setturi tal-enerġija u tal-manifattura tal-karozzi u tal-ajruplani; jilqa' l-180 delegazzjoni tal-Kummerċ li żaru Tehran sa mill-iffirmar tal-PAKK, inklużi dawk minn 15-il Stat Membru tal-UE, bħala sinjal ta' interess dejjem akbar fir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Iran; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jesploraw l-użu ta' garanziji ta' kreditu għall-esportazzjoni biex il-kummerċ, il-finanzjament ta' proġetti u l-investiment fl-Iran jingħataw spinta 'l quddiem; jappoġġa l-konklużjoni pożittiva tal-ftehimiet bejn il-gvern Iranjan u Airbus u Boeing, bħala miżura għall-bini tal-fiduċja wara l-adozzjoni tal-PAKK;
Kooperazzjoni settorjali
22. Jinnota li l-Iran għandu t-tieni l-akbar riżervi tal-gass fid-dinja u r-raba' l-akbar riżervi taż-żejt; jemmen li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija jista' jkollha rwol sinifikanti fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-enerġija lejn l-UE u fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-Istati Membri fuq fornituri uniċi, u b'hekk tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jemmen li t-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi għandha l-potenzjal li twitti t-triq għal nefqa sinifikanti fuq l-industrija taż-żejt u l-gass kif ukoll setturi oħra tal-ekonomija, li jibbenefikaw minn investimenti u aċċess għat-teknoloġija l-ġdida; jitlob lill-kumpaniji Ewropej jinvestu fis-settur tal-enerġija Iranjan; jitlob, b'mod partikolari, għall-appoġġ tal-UE fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-LNG fl-Iran; jemmen li investiment fl-Iran irid ikun konformi b'mod sħiħ mal-impenji tal-UE fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni fuq perjodu twil;
23. Jieħu nota li, attwalment, aktar minn nofs il-ħtiġijiet enerġetiċi tal-unitajiet domestiċi Iranjani jiġu ssodisfati permezz tal-gass naturali; jisħaq fuq il-potenzjal kbir li jiġu żviluppati enerġiji rinnovabbli fl-Iran, pajjiż b'medja ta' 300 jum ta' xemx fis-sena, u kapaċità ta' produzzjoni stmata li hija ekwivalenti għal 13-il darba l-konsum totali tal-enerġija tal-Iran; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli fl-Iran bħala kontribut biex tiġi diversifikata t-taħlita tal-enerġija tal-pajjiżi;
24. Jistieden lill-Iran jimplimenta bis-sħiħ l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) u li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iran fir-rigward tal-enerġija tiġi sostnuta b'mod konsistenti mill-għan li jittejbu kemm il-benefiċċji ambjentali u soċjali kif ukoll ekonomiċi tal-popli tal-Iran u tal-UE;
25. Jenfasizza li l-Iran iħabbat wiċċu ma' bosta sfidi ambjentali, inklużi l-iskarsezza tal-ilma u d-degradazzjoni tal-art, u li, filwaqt li tislet vantaġġ mill-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni tan-negozju, l-UE għandha timpenja ruħha mal-Iran biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent u jiġi promoss l-iżvilupp ambjentalment sostenibbli; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni ambjentali fl-oqsma tal-ġestjoni tal-konservazzjoni tal-ilma, inkluż l-appoġġ għall-Iran biex tiġi salvata l-Għadira ta' Urmia, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, il-monitoraġġ tat-terremoti, kif ukoll li tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tniġġis tal-arja u l-ġestjoni tal-iskart; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu f'dan il-kuntest dwar il-livelli ta' tniġġis tal-Baħar Kaspju u jħeġġeġ l-appoġġ attiv mill-UE u l-Istati Membri għall-isforzi tal-Gvern Iranjan li taqleb it-tendenza ta' degradazzjoni qawwija; jilqa' l-fatt li l-NGOs ambjentali Iranjani żviluppaw sħubijiet ma' NGOs oħra fir-reġjun; jilqa' l-parteċipazzjoni tagħhom fl-IUCN u fil-Konvenzjoni ta' Ramsar; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-NGOs Iranjani fl-iżvilupp ta' proġetti ta' ġestjoni parteċipattivi;
26. Huwa tal-fehma li djalogu u kooperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-ambjent bejn l-Iran u l-ġirien tiegħu hija indispensabbli biex jiġu indirizzati sfidi bħalma huma t-tniġġis tal-arja, l-iskarsezza tal-ilma u d-deżertifikazzjoni; jenfasizza li l-UE għandha tiffaċilita tali kooperazzjoni reġjonali bħala miżura importanti għall-bini tal-fiduċja u tibni fuq ir-rieda tal-atturi reġjonali biex jibbenefikaw minn għarfien espert Ewropew f'dan il-qasam;
27. Jieħu nota tal-istudji li jindikaw li l-enerġija nukleari jaf ma tkunx kompetittiva fl-Iran minħabba r-riżervi baxxi tal-uranju u l-ispejjeż tal-estrazzjoni tiegħu; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal għal kooperazzjoni nukleari ċivili mal-Iran, f'konformità mal-impenn tal-PAKK, u tħeġġeġ lill-Iran jiffirma l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari; jilqa' l-proposta mressqa minn xi uffiċjali Iranjani biex jiġi stabbilit djalogu reġjonali dwar is-sigurtà u s-sikurezza ta' programmi nukleari ċivili;
28. Jisħaq fuq il-potenzjal għal kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, biex b'hekk jiġu provduti assistenza teknika u aċċess għall-komponenti meħtieġa biex il-kumpaniji Iranjani jitneħħew mil-lista s-sewda Ewropea;
29. Jieħu nota tal-fatt li l-Iran jospita 3 miljun ċittadin Afgan, li minnhom 950 000 biss għandhom status legali formali ta' rifuġjati fl-Iran, ħaġa li tagħmel lill-Iran wieħed mill-akbar pajjiżi ospitanti ta' rifuġjati; jilqa' l-finanzjament ulterjuri min-naħa tal-UE ta' EUR 6,5 miljun bħala appoġġ għall-Iran fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa tal-popolazzjoni Afgana fil-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri konkreti biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti Afgani u tar-rifuġjati Afgani fl-Iran, inkluż id-dritt tagħhom għal proċess ġust u ugwaljanza quddiem il-liġi; jemmen li l-kooperazzjoni UE-Iran fir-rigward tal-ġestjoni tar-rifuġjati tista' ssaħħaħ il-fehim reċiproku, tippromwovi rispett akbar għad-dritt internazzjonali u ħajjet ir-rifuġjati nfushom, kif ukoll tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti sabiex jitnaqqsu l-kawżi tal-movimenti tar-rifuġjati attwali u futuri; jemmen li l-kooperazzjoni UE-Iran dwar il-ġestjoni tar-rifuġjati se ttejjeb il-benesseri tar-rifuġjati fl-Iran u tipprevjeni t-traffikar tal-bnedmin; jemmen li l-kooperazzjoni UE-Iran għandha tinkludi wkoll djalogu komprensiv dwar il-migrazzjoni, speċjalment dwar il-politika u l-istrateġiji leġiżlattivi u l-prijoritajiet rigward il-migrazzjoni regolari u irregolari, dawk li qed ifittxu l-asil u r-rifuġjati, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali;
30. Jirrikonoxxi li, b'aktar minn 60 % tal-popolazzjoni stmata li għandha anqas minn 30 sena, il-popolazzjoni żgħażugħa, edukata u teknoloġikament avvanzata fl-Iran u l-enerġija tas-soċjetà tiegħu jistgħu jipprovdu opportunitajiet partikolari għall-iżvilupp ta' kuntatti bejn il-popli tal-Iran u tal-UE, fuq sies ta' prinċipji ta' reċiproċità u ta' rispett reċiproku; jemmen li programmi ta' skambju taż-żgħażagħ huma fost l-aktar attivitajiet b'suċċess għat-tqarrib tas-soċjetajiet u tal-kulturi; jilqa', għaldaqstant, iż-żieda tal-istudenti Erasmus Mundus mill-Iran f'universitajiet Ewropej bħala mezz biex jiġu miġġielda l-isterjotipi u l-perċezzjonijiet żbaljati; jitlob għal kooperazzjoni akbar fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' aktar skambji ta' studenti u riċerkaturi, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, fl-oqsma, inter alia, tal-ambjent, l-enerġiji rinnovabbli, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-baġit għall-istudenti tal-Erasmus Mundus mill-Iran; jilqa' favorevolment is-sessjonijiet ta' ħidma li saru dan l-aħħar fl-Università ta' Tehran biex titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji potenzjali li jistgħu jibbenefikaw minnhom l-universitajiet Iranjani li jipparteċipaw fil-programm Orizzont 2020; jistieden lill-Gvern Iranjan jaħtar koordinatur nazzjonali Orizzont 2020 biex jipprovdi assistenza teknika u pariri lill-universitajiet Iranjani fuq l-applikazzjoni għall-proġetti tal-Orizzont 2020; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità li tkun eħfef għall-akkademiċi u r-riċerkaturi Iranjani biex jistudjaw u jitħarrġu f'universitajiet Ewropej; jitlob l-istabbiliment ta' programm tal-UE li jiġbor flimkien riċerkaturi u studenti mill-Iran, il-pajjiżi tal-GCC u l-Ewropa biex jistudjaw l-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda mill-integrazzjoni reġjonali fl-Ewropa;
31. Jesprimi tħassib serju dwar l-arrest ta' ċittadini b'nazzjonalità doppja UE-Iranjana waqt li jkunu deħlin l-Iran, u jenfasizza li dawn l-arresti jfixklu l-possibilitajiet għal kuntatti bejn il-persuni; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jħallu d-dijaspora Iranjana fl-Ewropa jivvjaġġaw b'mod sikur lejn pajjiż twelidhom;
Sigurtà Reġjonali
32. Jissottolinja l-influwenza importanti tad-diversi popli u kulturi tal-Iran tul eluf ta' snin, inkluż fuq l-Ewropa; jinnota li, minħabba l-pożizzjoni ġeostrateġika tiegħu, id-daqs tal-popolazzjoni, iż-żejt u r-riżervi ta' gass naturali u l-influwenza tiegħu fir-reġjun, l-Iran huwa attur ewlieni fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Golf; jenfasizza li l-interessi strateġiċi Iranjani huma moqdija l-aħjar permezz ta' stabbiltà reġjonali mill-ġdid, u li t-triq għall-kisba tagħhom m'għandiex tkun f'kompetizzjoni ma' atturi ewlenin oħra fir-reġjun;
33. Jemmen li l-ftehim nukleari jiftaħ il-possibbiltà li jkun hemm kooperazzjoni biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi tas-sigurtà li għaddej minnha r-reġjun; jemmen li l-Iran jista' u għandu jkollu rwol ta' stabbilizzazzjoni fir-reġjun; jemmen li r-reġjun kollu jista' jibbenefika minn normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Iran; huwa tal-fehma li l-istatus tal-Iran bħala attur reġjonali ewlieni għandu jwassal sabiex ikollu rwol ta' stabbilizzazzjoni fir-reġjun; jirrimarka li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), ippreżentata fit-18 ta' Novembru 2015, tinkludi pjanijiet biex jiġu involuti pajjiżi terzi li huma ġirien ta' pajjiżi sħab tal-viċinat tal-UE fil-kuntest ta' oqfsa ta' kooperazzjoni estiża; iħeġġeġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti oqfsa tematiċi biex toffri kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab fil-Viċinat tan-Nofsinhar u atturi reġjonali ewlenin bħall-Iran dwar kwistjonijiet bħas-sigurtà reġjonali, l-enerġija u l-ġestjoni ta' rifuġjati;
34. Jistieden lill-istati kollha tar-reġjun, b'mod partikolari l-Arabja Sawdija u l-Iran, biex joqogħdu lura minn kunflitti fuq sies ta' retorika ostili, azzjoni u appoġġ għal gruppi armati ostili fir-reġjun, inklużi l-fergħat militari ta' Hezbollah u Al-Nusra; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-militarizzazzjoni li dejjem qed tikber fir-reġjun kollu, u jappoġġa l-isforzi biex ikun hemm aktar kontroll tal-armi, filwaqt li jirrikonoxxi t-tħassib leġittimu f'dak li jikkonċerna d-difiża, iżda f'kuntest fejn l-għan huwa li jiġi promoss ir-rispett sħiħ lejn is-sovranità tal-pajjiżi kollha fir-reġjun innifsu; jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp ta' testijiet ta' missili ballistiċi tal-Iran, li, minkejja li ma jikkostitwixxux ksur tal-PAKK, imorru kontra l-ispirtu tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2231 (2015);
35. Jemmen li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iran għandu jitlob lill-Iran jiżvolġi rwol kostruttiv biex tinstab soluzzjoni għall-kriżijiet politiċi fl-Iraq, il-Jemen, is-Sirja, il-Libanu u l-Afganistan, abbażi tar-rispett għad-dritt internazzjonali u s-sovranità ta' dawn il-pajjiżi; jitlob li jkun hemm mudell ta' diplomazija tal-UE fuq il-bażi tal-prijoritajiet politiċi aktar milli l-identitajiet reliġjużi u fuq il-prinċipju li jiġu żgurati r-rispett, is-sigurtà u s-sikurezza għall-popli fil-pajjiżi kollha fil-Lvant Nofsani, inkluż il-poplu Iżraeljan u dak Palestinjan, bl-għan li jitrawwem Lvant Nofsani aktar stabbli u armonjuż; iqis li kooperazzjoni UE-Iran fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti fir-reġjun huma parti importanti mid-djalogu politiku;
36. Jemmen li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta' Fuq u r-reġjun tal-Golf mingħajr l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Iran fit-taħditiet ta' paċi Sirjani permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja; jiddispjaċih, madankollu, li l-kontribut Iranjan s'issa ma wassalx għal titjib sostanzjali tas-sitwazzjoni, u jitlob li jikkontribwixxi mill-inqas biex ikompli jiffaċilita l-provvista tal-għajnuna umanitarja sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili minn attakki u li jkompli bla qatiegħ ifittex soluzzjoni fit-tul għall-kunflitt; jinnota, f'dan il-kuntest, li r-reġim ta' Assad fis-Sirja sar dejjem aktar dipendenti fuq l-Iran għas-sopravivenza tiegħu stess u għalhekk jappella lill-awtoritajiet Iranjani jużaw l-influwenza tagħhom biex il-kunflitt fis-Sirja jintemm b'mod paċifiku;
37. Jilqa' favorevolment id-disponibbiltà tal-Iran li jappoġġa l-isforzi li għaddejjin favur l-istabbiltà fl-Iraq, iħeġġu jaqdi rwol sinifikanti biex tintemm il-vjolenza settarja, u jappella għal sforzi addizzjonali biex il-milizzji kollha fil-pajjiż jinġiebu taħt l-awtorità tal-Gvern tal-Iraq sabiex jiġu inklużi l-interessi kollha; Jenfasizza li l-UE u l-Iran jiffaċċaw għedewwa komuni fil-forma ta' ISIS/Da'esh, l-Al-Qaeda, Al-Nusra u organizzazzjonijiet terroristiċi simili nominati mill-UNSC, li huma ispirati minn perverżjoni estremista tal-Iżlam; jilqa' l-kontribut tal-Iran fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh, inkluż l-appoġġ bikri tiegħu tal-Gvern Reġjonali Kurd f'Erbil, u jirrikonoxxi l-kontribut deċiżiv tiegħu fl-Iraq, li waqqaf it-tkabbir tal-ISIS/Da'esh u rkupra territorji li qabel kienu soġġetti għal terroriżmu ġiħadista; jinsab imħasseb, madankollu, dwar rapporti ripetuti ta' rilaxx ta' rappreżentanti għolja ta' Al-Qaeda; jinnota l-ftehim li ntlaħaq bejn l-Iran u l-Awstralja għall-kondiviżjoni tal-intelligence fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh;
38. Jemmen li r-rivalitajiet reġjonali huma fattur sottostanti fil-kunflitti f'bosta pajjiżi fir-reġjun; jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-vjolenza settarja fir-reġjun u jenfasizza l-bżonn ta' impenn diplomatiku tal-UE sostnut u komprensiv li jindirizza d-dinamika fundamentali tal-kunflitt permezz ta' appoġġ fuq terminu twil għal rikonċiljazzjoni etnosettarja; jinnota bi tħassib id-deterjorament fit-taqbida bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija għall-influwenza politika u reliġjuża, u jwissi kontra l-implikazzjonijiet tagħha għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u lil hinn minnu; jemmen li politika ta' tqarrib bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija, u l-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom, hija essenzjali ħallijikkalmaw it-tensjonijiet reġjonali, bħala mezz biex jinstabu modi sabiex jintemmu l-kunflitti armati fl-Iraq, is-Sirja u l-Jemen, u l-flussi migratorji, u biex jiġu indirizzati l-għeruq tat-terroriżmu u l-estremiżmu, li huma ta' theddida fir-reġjun, kif ukoll fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha; jappella għal diplomazija attiva tal-UE biex jitnaqqsu t-tensjonijiet bejn Tehran u Riyadh, inklużi l-bini tal-fiduċja, id-diplomazija informali ("track II") u miżuri għat-tnaqqis ta' tensjoni bl-għan li jerġgħu jibdew ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran, bħala l-ewwel pass lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-UE taħdem mal-Istati Uniti u r-Russja għal dan il-għan u, b'mod partikolari, biex tappoġġa l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' sigurtà reġjonali ġdida li tqis il-perċezzjonijiet ta' theddid u t-tħassib leġittimu dwar is-sigurtà tal-Iran u l-Arabja Sawdija u tipprovdi garanziji ta' sigurtà kemm lill-Iran kif ukoll lill-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jisħaq li l-kooperazzjoni dwar is-sigurtà marittima fil-Golf Persiku, inkluż l-iffirmar ta' karta dwar in-navigazzjoni libera, tista' tikkostitwixxi l-ewwel miżura għall-bini tal-fiduċja fl-iżvilupp tal-fiduċja u l-kooperazzjoni reġjonali;
39. Jikkundanna bil-qawwa t-talbiet ripetuti tar-reġim Iranjan għall-qerda tal-Iżrael u l-politika tar-reġim li jiċħad l-eżistenza tal-Olokawstu;
Kwistjonijiet soċjoekonomiċi, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem
40. Jemmen li l-wirt rivoluzzjonarju tal-Iran u l-kostituzzjoni tiegħu bħala Repubblika Iżlamika, kif ukoll id-differenzi prinċipali bejn l-Iran u l-UE fir-rigward tas-sistemi politikoistituzzjonali, m'għandhomx ikunu ta' ostaklu għall-ftuħ u għal djalogu frank u dirett u biex tinstab bażi komuni dwar kwistjonijiet relatati mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Repubblika Iżlamika tkabbar l-ispazju għall-pluraliżmu politiku; waqt li jissottolinja li l-Majlis huwa favur ir-riformi u favur l-Ewropa, jemmen li r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament u l-Assemblea tal-Esperti fi Frar 2016 jirriflettu r-rieda tal-poplu Iranjan, u joffru opportunità għal aktar impenn mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li għandha twassal għal relazzjonijiet kostruttivi, kif ukoll il-possibbiltà ta' riformi ekonomiċi, politiċi u soċjali; jistieden lill-Iran jippermetti elezzjonijiet ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali;
41. Jinnota li l-Iran huwa aktar miftuħ għaliex jeħtieġ l-għajnuna biex jissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tiegħu u biex iżomm iż-żgħażagħ u l-persuni b'livell għoli ta' edukazzjoni fil-pajjiż, li huma importanti għall-istabbiltà tiegħu;
42. Jinnota bi tħassib li l-Iran għandu l-ogħla livell ta' eżekuzzjonijiet bil-piena tal-mewt per capita fid-dinja; jisħaq li l-eliminazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga tnaqqas b'mod drammatiku l-għadd ta' eżekuzzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, il-possibbiltà li l-Majlis li għadu kemm ġie elett qed jikkunsidra leġiżlazzjoni biex jeskludi ċerti reati relatati mad-droga mil-lista ta' reati punibbli bil-piena tal-mewt;
43. Jinnota l-fatt li l-adozzjoni tar-Regolament 2013 tal-Kodiċi Penali Iżlamiku tagħti aktar diskrezzjoni lill-imħallfin u li r-ratifika min-naħa tal-Iran tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal tipprojbixxi l-eżekuzzjonijiet tat-tfal u tippermetti lil trasgressur minorenni kkundannat għall-piena tal-mewt qabel l-2013 jitlob proċess ġdid; jistieden lill-Iran jiżgura li din il-projbizzjoni tiġi implimentata fis-sħiħ u li t-trasgressuri kkonċernati kollha jkunu konxji ta' dan id-dritt; jistieden lill-Iran jiddikjara moratorju fuq il-piena tal-mewt;
44. Ikompli jħeġġeġ lill-Iran biex jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem kollha tan-NU, u sabiex jaħdem favur l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula f'dan il-kuntest, inkluż ir-Rieżami Perijodiku Universali, billi jippermetti li organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu l-missjonijiet tagħhom; dan l-iżvilupp se jżid il-profil tal-Iran fl-opinjoni pubblika Ewropea; jenfasizza l-fatt li l-Gvern Iranjan żied l-impenn tiegħu favur il-Proċeduri Speċjali tan-NU permezz tad-djalogu; jistieden lill-Gvern tal-Iran jindirizza t-tħassib sostantiv enfasizzat fir-rapporti tar-rapporteur speċjali tan-NU u tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, kif ukoll is-sejħiet speċifiċi li jinstabu f'riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;
45. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġaw il-ħolqien ta' ambjent li jippermetti l-funzjonament xieraq u indipendenti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq l-importanza li jibqgħu jiġu rispettati l-prinċipji tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-linji gwida dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-Iran;
46. Jistieden lill-Iran jirrispetta, jipproteġi u jwettaq l-impenji tiegħu skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali billi jirrispetta d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, ta' opinjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u billi jiggarantixxi fil-liġi u fil-prattika t-tgawdija min-naħa taċ-ċittadini tiegħu ta' drittijiet tal-individwu, soċjali u politiċi mingħajr diskriminazzjoni jew persekuzzjoni abbażi ta' sess, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjonijiet oħra, oriġini nazzjonali, etnika jew soċjali, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew kwalunkwe status ieħor, kif provdut f'dawn l-istrumenti; jinnota li dan jinkludi d-dritt fundamentali tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, kif ukoll id-dritt ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-opportunitajiet professjonali;
47. Jilqa' r-riformi mwettqa skont il-Proċedura tal-Kodiċi Kriminali l-ġdida, iżda jesprimi tħassib serju li l-Kodiċi ma jiggarantixxix bis-sħiħ is-salvagwardji internazzjonali ta' proċess ġust; jistieden lill-Iran tipproċedi b'rieżami tal-Proċedura tal-Kodiċi Kriminali tal-2014 biex tiżgura l-inklużjoni ta' garanziji ta' proċċess ġust; jistieden lill-Iran jirrevedi u jemenda l-liġi sabiex jiġi żgurat li d-dikjarazzjonijiet li saru permezz tat-tortura, it-trattament ħażin jew forom oħra ta' sfurzar jiġu esklużi bħala provi fi proċedimenti kriminali, u li l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura u trattament ħażin ieħor li jiġbu l-attenzjoni tal-awtoritajiet għalihom jiġu awtomatikament investigati;
48. Jappella sabiex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-Iran jeħles liċ-ċittadini tal-UE miżmuma l-ħabs, li ġew arrestati jew ikkundannati skont proċess ġudizzjarju li ma kinux jilħqu l-istandards internazzjonali, inkluż: Nazak Afshar, ta' 58 sena, li ilha miżmuma minn Marzu 2016, Kamal Foroughi, ta' 76 sena, li ilu miżmum minn Mejju 2011, Homa Hoodfar, ta' 65 sena, li ilha miżmuma minn Ġunju 2016 u Nazanin Zaghari-Ratcliffe, ta' 37 sena, li ilha miżmuma minn April 2016;
49. Jirrikonoxxi l-eżistenza ta' varjetà kbira ta' reliġjonijiet u twemmin differenti fl-Iran; jinnota li xi minoranzi reliġjużi u l-libertajiet reliġjużi bażiċi tagħhom huma protetti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran; jinsab, madankollu, imħasseb li l-għadd ta' individwi arrestati minn komunitajiet minoritarji reliġjużi jew minħabba t-twemmin tagħhom żdiedu; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li d-drittijiet ta' minoranzi reliġjużi u dawk etniċi jiġu rispettati bis-sħiħ u li jiġu protetti mil-liġi u li l-libertà tar-reliġjon tiġi estiża;
50. Jinnota l-iżviluppi li saru min-nisa Iranjani fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka, kif jidher mill-fatt li l-maġġoranza tal-istudenti fl-universitajiet tal-Iran huma nisa; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jqajmu kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi waqt l-involviment bilaterali tagħhom mal-awtoritajiet Iranjani; jitlob li jkun hemm aktar ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' miżuri biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni eżistenti legali u prattika kontra n-nisa u biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-aspetti kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika, kulturali u politika; jilqa' t-tentattivi għall-abbozzar ta' liġi "dwar il-protezzjoni tan-nisa kontra l-vjolenza" u jittama li l-Parlament li għadu kemm ġie elett se jikkunsidra leġiżlazzjoni li tikkriminalizza kompletament il-vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-vjolenza domestika u l-istupru fiż-żwieġ;
51. Jilqa' l-wegħda tal-President Rohani waqt il-kampanja tiegħu biex jippreżenta karta tad-drittijiet taċ-ċittadini u d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi etniċi; jemmen li l-karta għandha tibni fuq, u tirrispetta bis-sħiħ, l-obbligi internazzjonali tal-Iran dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali meħtieġa għal investimenti diretti barranin, iżda l-ewwel u qabel kollox fl-interess tal-poplu tal-Iran stess; jistieden lill-ġudikatura tirrispetta proċess ġust u proċess dovut u tagħti lis-suspettati aċċess għal avukat; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Iranjani f'oqsma bħar-riforma ġudizzjarja u r-riforma tas-sistema tal-ħabsijiet, inklużi l-kondizzjonijiet fil-ħabsijiet, ir-responsabilità tal-gvern, ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
o o o
52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvern u lill-parlament tal-Iran, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lis-SEAE.