Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2315(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0243/2016

Testi mressqa :

A8-0243/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 18
CRE 24/10/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0405

Testi adottati
PDF 397kWORD 62k
It-Tlieta, 25 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
Responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi
P8_TA(2016)0405A8-0243/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (2015/2315(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81, 82, 83, 114, 208 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012(1), u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015(2),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2013 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, li fiha l-UNHRC ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ inkarigat li jfassal strument ġuridikament vinkolanti f'livell internazzjonali għall-kumpaniji transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida riveduti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Impriżi Multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Qafas tal-Kumitat Internazzjonali għar-Rapportar Integrat (International Integrated Reporting Council - IIRC), l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istandard ISO 26000 dwar il-"Gwida għar-Responsabbiltà Soċjali" tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni u l-Manwal tal-Użu għall-SMEs Ewropej dwar l-ISO 26000 – Gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Artiġjanat, tas-Snajja' u tal-Impriżi Żgħar u ta' daqs Medju għall-Istandardizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-proġett "Realising Long-term Value for Companies and Investors" (Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri), li attwalment qiegħed jiġi implimentat fl-ambitu tal-inizjattiva tan-NU "Prinċipji għall-Investiment Responsabbli" (PRI) u l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju, adottata fit-2 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija rinnovata tal-UE 2011-14 (COM(2011)0681) u l-Green Paper tal-Kummissjoni intitolata "Promozzjoni ta' qafas Ewropew għar-responsabbiltà korporattiva soċjali" (COM(2001)0366) u d-definizzjoni tar-responsabbiltà korporattiva soċjali li tinsab fiha, kif ukoll il-komunikazzjonijiet tagħha li segwew fl-2006 u fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-obbligi extraterritorjali tal-Istati li jirriżultaw mill-prinċipji ta' Maastricht,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0243/2016),

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; u billi l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali (inkluża l-politika kummerċjali tagħha) "għandha tkun gwidata [minn dawn il-]prinċipji";

B.  billi l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem japplikaw għall-Istati kollha u għall-impriżi kummerċjali kollha, kemm transnazzjonali kif ukoll ta' natura oħra, indipendentement mid-daqs, mis-settur, mill-post, mis-sjieda u mill-istruttura tagħhom, għad li mekkaniżmi effikaċi ta' kontroll u ta' sanzjonijiet għadhom jirrappreżentaw sfida fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji gwida fil-livell dinji; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013, il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċjali tal-SMEs li l-politiki fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji għandhom jikkunsidraw sewwa kif ukoll għall-bżonn ta' approċċ flessibbli lejn ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji adattat għall-potenzjal tagħhom;

C.  billi l-Patt Globali tan-NU(8), li jinkludi għaxar prinċipji, jitlob lill-kumpaniji jaċċettaw, jappoġġaw u jattwaw, fi ħdan l-isfera ta' influwenza tagħhom, ġabra ta' valuri fundamentali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jieħdu impenn favur tali valuri u jintegrawhom fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq bażi volontarja;

D.  billi l-kumpaniji huma fost l-atturi ewlenin tal-globalizzazzjoni ekonomika, tas-servizzi finanzjarji u tal-kummerċ internazzjonali u huma meħtieġa kemm jikkonformaw mal-liġijiet kollha applikabbli u mat-trattati internazzjonali kollha fis-seħħ kif ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; billi l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin, u billi l-komunità tan-negozju, filwaqt li għandha l-obbligu li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, jista' jkollha wkoll rwol importanti biex toffri inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istandards ambjentali u tar-responsabbiltà korporattiva;

E.  billi, madankollu, dawn l-impriżi kummerċjali jistgħu xi kultant jikkawżaw jew jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew jaffettwaw id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli bħall-minoranzi, il-popolazzjonijiet indiġeni, in-nisa u t-tfal jew jikkontribwixxu għall-problemi ambjentali;

F.  billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommess mill-kumpaniji jikkostitwixxi għajn ta' preokkupazzjoni fil-livell dinji, u billi l-kumpaniji kollha tad-dinja għandhom id-dmir li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li, kontemporanjament, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom dmir primarju li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-kumpaniji li għandhom rabta mal-UE;

G.  billi għadd kbir ta' kumpaniji attivi fil-livell internazzjonali, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, u li joperaw f'pajjiżi terzi, għandhom attivitajiet kummerċjali sostanzjali fl-Ewropa jew għandhom is-sede prinċipali hemmhekk, u/jew jappartjenu għal kumpaniji Ewropej, għandhom assi jew beni fl-Ewropa, jew jikkontrollaw lil kumpaniji oħra fl-Ewropa, jew jirċievu investimenti jew inkella jużaw is-servizzi finanzjarji ta' istituzzjonijiet fl-Ewropa; billi l-globalizzazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija wasslu lill-kumpaniji biex jesternalizzaw l-attivitajiet lill-fornituri lokali jew jużaw fil-katini tal-provvista u tal-produzzjoni tagħhom beni jew servizzi li jkunu ġew prodotti jew fornuti minn kumpaniji oħrajn f'bosta pajjiżi differenti, u għalhekk taħt ġurisdizzjonijiet differenti, b'ordinamenti ġuridiċi differenti, livelli ta' protezzjoni u ta' standards differenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u livelli ta' eżekuzzjoni differenti;

H.  billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem trid tkun prijorità għall-Istati Membri u għall-Unjoni nnifisha; billi l-UE żvolġiet rwol ewlieni fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi ta' responsabbiltà globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u mar-rispett tal-istandards internazzjonali; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ rimedji effettivi; billi hija neċessarja, fl-ambitu tad-dritt kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, sistema ta' rimedji aktar ġusta u aktar effettiva biex tittratta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommess mill-impriżi kummerċjali;

I.  billi għad hemm nuqqas ta' approċċ olistiku fil-livell dinji tar-responsabbiltà tal-kumpaniji fil-qasam tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi huma bosta l-ostakli li jimpedixxu lill-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu lill-kumpaniji internazzjonali milli jkollhom aċċess għal rimedji ġudizzjarji, fosthom ostakli ta' natura proċedurali relatati mal-ammissibbiltà u mad-divulgazzjoni tal-provi, l-ispejjeż tal-kontenzjoni spiss projbittivi u l-assenza ta' standards ċari fil-qasam tar-responsabbiltà tal-kumpaniji involuti fl-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

Kumpaniji u drittijiet tal-bniedem

1.  Josserva li l-globalizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni dejjem jikbru tal-attivitajiet kummerċjali u tal-katini tal-provvista se jżidu l-importanza tar-rwol li jiżvolġu l-kumpaniji fl-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u joħolqu sitwazzjoni li fiha l-istandards, ir-regoli u l-kooperazzjoni internazzjonali huma kruċjali biex ikuni evitati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi; jinsab imħasseb sew bil-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommessi fil-pajjiżi terzi, inkluż bħala r-riżultat ta' deċiżjonijiet li jkunu ħadu d-diriġenti ta' ċerti kumpaniji u impriżi kummerċjali tal-UE, kif ukoll minn individwi, atturi mhux statali u mill-Istati wkoll; ifakkar lill-atturi soċjetarji fir-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet globali tagħhom kollha, indipendentement mill-post fejn jinsabu l-utenti tagħhom u minn jekk l-Istat ospitanti jissodisfax l-obbligi tiegħu stess marbuta mad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Josserva li l-progress rapidu tat-teknoloġija jirrikjedi attenzjoni urġenti u qafas ġuridiku xieraq;

3.  Jerġa' jafferma l-bżonn urġenti ta' azzjoni kontinwa, effikaċi u koerenti fil-livelli kollha, anki fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, bil-għan li jiġu affrontati b'mod effikaċi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kommessi mill-kumpaniji internazzjonali meta jidhru, u jiġu affrontati l-problemi ġuridiċi li jirriżultaw mid-dimensjoni extraterritorjali tal-kumpaniji u tal-imġiba tagħhom, kif ukoll mill-inċertezza relatata ma' min għandu jinżamm responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

Kuntest internazzjonali

4.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU u jsostni bis-saħħa l-implimentazzjoni tagħhom fuq skala dinija; jissottolinja li fi ħdan in-NU ntlaħaq qbil unanimu dwar dawn il-Prinċipji Gwida bl-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri tal-UE, tal-ILO u tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, inkluż appoġġ għall-kunċett ta' "smart mix" (taħlita intelliġenti) ta' azzjoni volontarja u ta' regolamentazzjoni; jitlob li l-Prinċipji Gwida tan-NU u l-istandards l-oħra ta' responsabbiltà internazzjonali tal-kumpaniji jiġu invokati b'mod konsistenti minn rappreżentanti tal-UE fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jistieden, barra minn hekk, lill-kumpaniji jimplimentaw dawn il-Prinċipji Gwida, anki billi jadottaw politiki relatati mad-diliġenza dovuta u joħolqu salvagwardji ta' ġestjoni tar-riskji, kif ukoll proċeduri li jippermettu rimedji effettivi meta l-attivitajiet tagħhom ikunu kkaġunaw impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem jew ikkontribwew għalih;

5.  Jirrikonoxxi li l-Patt Globali tan-NU, l-istandard ISO 26000 dwar ir-responsabbiltà soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO u l-Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali tal-OECD bħala strumenti li jistgħu jimmobilizzaw ir-responsabbiltà fl-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi;

Appelli indirizzati lill-kumpaniji u d-dmir tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem

6.  Jistieden lill-kumpaniji, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, iwettqu d-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jintegraw il-konklużjonijiet tagħhom fil-politiki u fil-proċeduri interni, billi jqassmu, konsegwentement, ir-riżorsi u r-responsabbiltajiet u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li dan jirrikjedi l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi; jenfasizza li t-trasparenza u l-komunikazzjoni dwar il-miżuri meħudin biex ikun evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi huma kruċjali għall-eżerċizzju ta' kontroll demokratiku xieraq u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla abbażi tal-fatti;

7.  Jirrikonoxxi l-importanza enormi tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u jilqa' favorevolment l-użu dejjem aktar mifrux ta' strumenti bbażati fuq ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u l-impenn spontanju min-naħa tal-kumpaniji; jisħaq, madankollu, bil-qawwa fuq il-fatt li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa obbligu morali u ġuridiku għall-kumpaniji u għad-diriġenti tagħhom u għandu jkun integrat f'perspettiva ekonomika fit-tul, ikun xi jkun il-post fejn joperaw u jkun xi jkun id-daqs jew is-settur industrijali tagħhom; jirrikonoxxi li l-obbligi ġuridiċi speċifiċi tal-kumpaniji għandhom ikunu adattati konkretament għad-daqs u għall-kapaċitajiet tagħhom u li l-UE u l-Istati Membri għandhom jimmiraw biex jilħqu l-aħjar protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bis-saħħa tal-aktar miżuri effikaċi u mhux billi sempliċement jgħabbu lill-impriżi b'regoli amministrattivi u burokratiċi formalistiċi żejda;

8.  Jemmen li jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji sabiex jitħalla marġni ta' manuvra għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru u reġjun, u b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-SMEs; jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni attiva tal-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, flimkien ma' korpi internazzjonali oħrajn, biex tintlaħaq konverġenza fundamentali tal-inizjattivi fil-qasam tal-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fit-tul u l-iskambju u l-promozzjoni ta' prattika korporattiva tajba rigward ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, kif ukoll biex il-linji gwida li jinsabu fl-Istandard ISO 26000 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni jiġu promossi ħalli tkun żgurata definizzjoni unika globali, koerenti u trasparenti tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-gwida u għall-koordinament tal-politiki tal-Istati Membri, u b'hekk timminimizza r-riskju ta' spejjeż addizzjonali fuq l-impriżi li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed bħala riżultat ta' dispożizzjonijiet diverġenti;

9.  Itenni li jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-karatteristiċi speċjali tal-SMEs, li joperaw prinċipalment fil-livell lokali jew reġjonali f'setturi partikolari; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-politiki tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, inklużi l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, jikkunsidraw sewwa l-ħtiġijiet essenzjali tal-SMEs, bi qbil mal-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir", u jirrikonoxxu l-approċċ informali u intuwittiv tal-SMEs fil-konfront tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji; jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal kull miżura li tista' tikkawża piżijiet amministrattivi jew finanzjarji addizzjonali għall-SMEs, filwaqt li juri l-appoġġ tiegħu favur miżuri li jħallu lill-SMEs jieħdu azzjonijiet konġunti;

10.  Ifakkar li jekk ikun stabbilit li kumpanija tkun ikkaġunat dannu jew tkun ikkontribwiet biex dan jokkorri, hija għandha tassumi r-responsabbiltà morali iżda wkoll ġuridika u jeħtiġilha tipprovdi rimedju effettiv lill-individwi u lill-komunitajiet affettwati jew tipparteċipa f'tali rimedju; josserva li dan jinkludi r-restituzzjoni, ir-riżarċiment, ir-riabilitazzjoni u l-garanziji ta' nonripetizzjoni;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-prassi ta' inkorporazzjoni tar-responsabbiltà fil-konfront tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fir-rekwiżiti kuntrattwali vinkolanti bejn il-kumpaniji u l-klijenti u l-fornituri soċjetarji u privati tagħhom; josserva li tali rekwiżiti jistgħu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jiġu eżegwiti bis-saħħa ta' mezzi ġudizzjarji;

Appelli indirizzati lill-Istati Membri u d-dmir tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma li nbdiet fit-tħejjija ta' Trattat vinkolanti tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jiddeplora kull ostruzzjoniżmu f'dan il-proċess u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod kostruttiv f'dawn in-negozjati;

13.  Ifakkar fir-rwoli differenti iżda komplementari tal-Istati u tal-kumpaniji fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-Istati, huma u jaġixxu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom, għandhom id-dmir li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, inkluż kontra l-abbużi kommessi min-naħa ta' kumpaniji, anki meta dawn tal-aħħar joperaw f'pajjiżi terzi; ifakkar bil-qawwa li, f'każ ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, l-Istati jeħtiġilhom jagħtu aċċess lill-vittmi għal rimedju effettiv; ifakkar li, f'dan il-kuntest, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pajjiżi terzi, inkluża l-garanzija ta' rimedju effettiv għall-persuni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, jikkostitwixxi element essenzjali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE ma' tali pajjiżi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu koerenza fil-politiki fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha: fi ħdan id-diversi istituzzjonijiet tal-UE, bejn l-istituzzjonijiet u bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, u b'mod partikolari fir-rigward tal-politika kummerċjali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu b'mod espliċitu dan il-prinċipju fit-trattati kollha ffirmati minnhom, f'konformità mal-impenji internazzjonali meħuda fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; josserva li dan se jirrikjedi kooperazzjoni intensa bejn id-diversi direttorati ġenerali fi ħdan il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

15.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri, lill-pajjiżi terzi u lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kollha jadottaw, b'urġenza u b'mod kemm jista' jkun wiesa', strumenti vinkolanti ddedikati lill-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-qasam, u jiżguraw li l-obbligi nazzjonali u internazzjonali kollha li joħorġu mir-regoli internazzjonali hawn fuq imsemmija jiġu eżegwiti b'mod sħiħ; jesprimi t-tama li l-isforzi Ewropej fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji jkunu ta' eżempju għal pajjiżi oħra; huwa konvint li l-banek nazzjonali għall-iżvilupp jeħtiġilhom iġibu ruħhom b'mod eżemplari f'dak li huwa r-rispett verifikabbli tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-Istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri, jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti b'ħeffa u b'sodezza fl-oqsma kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza rispettiva tagħhom, inkluż billi jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni; jiddepora l-fatt li, minkejja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji tal-2011, mhux l-Istati Membri kollha adottaw dikjarazzjonijiet jew politiki marbuta mar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji li jsemmu d-drittijiet tal-bniedem jew ippubblikaw il-pjanijiet tagħhom dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-UE tippubblika l-pjan tagħha; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw jew jirrieżaminaw il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali skont il-gwida mogħtija mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jagħmel appell biex dawn il-pjanijiet ikunu żviluppati fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet ta' riferiment li jidentifikaw lakuni fil-liġijiet, tal-ħolqien ta' mekkaniżmi maħsuba biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-pjanijiet, tal-politiki u tal-prassi u permezz tal-parteċipazzjoni sinifikanti tal-partijiet interessati;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jilleġiferaw b'mod koerenti, olistiku, effikaċi u vinkolanti bil-għan li jaqdu dmirhom li jipprevjenu, jinvestigaw, jissanzjonaw u joffru rimedju għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-kumpaniji li joperaw taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, inkluż il-ksur kommess fil-pajjiżi terzi;

18.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli ċari li jiddefinixxu li l-kumpaniji stabbiliti fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom iridu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem waqt l-operazzjonijiet kollha tagħhom, f'kull pajjiż u kuntest li fih joperaw, u fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, anki barra mill-UE; iqis li l-kumpaniji, skont id-daqs u l-kapaċitajiet tagħhom, inklużi l-banek u l-istituzzjonijiet mutwanti u ta' finanzjament oħrajn attivi fil-pajjiżi terzi, għandhom jiżguraw li jkunu mgħammra b'sistemi ta' valutazzjoni tar-riskji u ta' taffija tal-impatti potenzjalment negattivi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, max-xogħol, mal-ħarsien tal-ambjent u mal-aspetti relatati mad-diżastri tal-operazzjonijiet u tal-katini tal-valur tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw perjodikament l-adegwatezza ta' tali liġijiet u jimlew kwalunkwe lakuna;

19.  Ifakkar li l-iżviluppi leġiżlattivi reċenti fil-livell nazzjonali, bħall-klawsola dwar it-trasparenza fil-katini tal-provvista li tinsab fl-Att dwar l-Iskjavitù Moderna tar-Renju Unit u l-abbozz ta' liġi Franċiż dwar id-dmir ta' diliġenza, jirrappreżentaw passi importanti lejn id-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-UE diġà adottat miżuri f'dan is-sens (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, id-Direttiva tal-UE dwar ir-Rapportar mhux Finanzjarju, il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Istati kollha, jieħdu nota ta' dan il-mudell fir-rigward tal-introduzzjoni tad-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

20.  Jenfasizza li d-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għandha ssegwi l-passi meħtieġa fil-Prinċipji Gwida tan-NU u għandha tkun immexxija minn ċerti prinċipji trasversali dwar l-identifikazzjoni proattiva tar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem, it-tfassil ta' pjanijiet ta' azzjoni rigorużi u verifikabbli li jipprevjenu jew itaffu dawn ir-riskji, reazzjoni adegwata għall-abbużi magħrufa u t-trasparenza; jenfasizza li l-politiki għandhom iqisu d-daqs tal-kumpaniji u tal-kapaċitajiet li jirriżultaw, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju; jenfasizza li l-konsultazzjoni mal-atturi rilevanti għandha tkun żgurata f'kull fażi, kif ukoll id-divulgazzjoni, fost il-partijiet interessati, ta' kull informazzjoni rilevanti speċifika għall-proġetti jew għall-investimenti;

21.  Jistieden lill-Istati kollha, u b'mod partikolari lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità, biex tittieħed azzjoni immedjata, lill-istabbiliment tad-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-impriżi kummerċjali li jappartjenu għall-Istat jew huma kkontrollati mill-Istat u/jew jibbenefikaw minn sostenn sostanzjali u mis-servizzi offruti mill-aġenziji tal-Istat jew mill-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll għall-impriżi li jfornu beni jew servizzi permezz ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku;

22.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitolbu lill-kumpaniji li, fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva attwali, jużaw materji primi li jafu jkunu ġejjin minn żoni ta' kunflitt, biex jagħmlu pubbliċi l-oriġini tagħhom u l-użu li jsir minnhom permezz ta' tikketti tal-prodotti u biex jagħtu informazzjoni kompluta dwar il-kontenut u l-oriġini tal-prodotti billi lill-fornituri tagħhom, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, jitolbuhom jiddivulgaw din id-data; jappella għal appoġġ favur id-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tal-l-hekk imsejħa minerali ta' kunflitt għall-importaturi ta' minerali u metalli landa, tantalu, tungstenu u deheb, abbażi tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli; jappella biex jiġi kkunsidrat li d-diliġenza dovuta tal-katini tal-provvista tiġi inkluża f'dan il-proċess;

23.  Jikkonstata b'sodisfazzjon li, b'segwitu għar-reviżjoni tal-Direttiva 2014/95/UE dwar il-Kontabilità fis-seħħ fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar se jkunu meħtieġa, mill-2017, jiddivulgaw l-informazzjoni dwar il-politiki, ir-riskji u r-riżultati fir-rigward tar-rispett tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u ta' kwistjonijiet marbuta; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw totalment id-Direttiva dwar il-Kontabilità riveduta fit-termini stabbiliti, inkluż il-ħolqien ta' mekkaniżmi adegwati u effikaċi li jiżguraw li l-kumpaniji jirrispettaw ir-rekwiżiti fil-qasam tar-rapportar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal gwida ċara għall-kumpaniji dwar ir-rekwiżiti l-ġodda għar-rapportar mhux finanzjarju; jirrakkomanda li dan jinkludi u jelabora l-elementi minimi essenzjali li jridu jiġu divulgati għal fehim eżatt u komprensiv tar-riskji prinċipali u l-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-attivitajiet ta' kumpanija u fil-katina ta' valur mondjali ta' kumpanija;

Aċċess għal rimedji effettivi

24.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, fosthom is-soċjetà ċivili u l-kumpaniji, l-ostakli eżistenti għall-ġustizzja fil-każijiet imressqa quddiem il-qrati tal-Istati Membri dwar l-allegati abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kommessi mill-impriżi bbażati fl-UE barra minn pajjiżhom; jinsisti li din il-valutazzjoni għandha tkun immirata biex tidentifika u tippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri effikaċi li jneħħu jew inaqqsu dawn l-ostakli;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-provvedimenti kollha meħtieġa, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, biex jiżguraw, bis-saħħa ta' proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi, leġiżlattivi jew ta' mezzi oħrajn xierqa, li fil-preżenza ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, dawk li ntlaqtu jkollhom aċċess għal rimedju effettiv, f'każ li kumpanija b'sede fl-Istati kkonċernati tiddetjeni, tidderieġi jew tikkontrolla kumpaniji li huma responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati msemmija jieħdu provvedimenti xierqa biex jeliminaw l-ostakli ġuridiċi, prattiċi u rilevanti oħrajn li jistgħu jċaħħdu l-aċċess għal rimedju u jistabbilixxu l-mezzi proċedurali xierqa biex jippermettu l-aċċess għall-ġustizzja lill-vittmi li jkunu ġejjin mill-pajjiżi terzi kemm fi qrati ċivili kif ukoll f'dawk kriminali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati jwarrbu l-personalità ġuridika, li tista' taħbi s-sjieda effettiva ta' ċerti kumpaniji;

26.  Jistieden lill-UE u lill-Istati kollha, b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE, isibu tarf il-piżijiet finanzjarji u proċedurali fil-kontenzjoni ċivili; jilqa' pożittivament ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE, adottata fil-11 ta' Ġunju 2013(9), u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jikkonformaw magħha; iqis li l-istrument offrut mill-istess rakkomandazzjoni jista' potenzjalment inaqqas l-ispejjeż tal-kontenzjoni għall-vittmi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ biex dan it-tip ta' rimedju jkun applikabbli għall-vittmi kollha tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi, u jappella għal standards komuni biex l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jitħallew iressqu pretensjonijiet f'isem l-allegati vittmi;

Appelli indirizzati lill-Kummissjoni

27.  Huwa konxju li r-"responsabbiltà tal-kumpaniji" mhijiex kwistjoni għaliha waħedha iżda waħda li tirrigwarda firxa wiesgħa ta' oqsma ġuridiċi u politiċi differenti;

28.  Jilqa' favorevolment l-inizjattivi mhux vinkolanti tas-settur privat rigward il-ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista introdotti mis-servizzi tal-Kummissjoni, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-inizjattivi mhux vinkolanti tas-settur privat fihom innifishom mhumiex biżżejjed; jagħmel appell għal regoli eżegwibbli u vinkolanti urġenti u s-sanzjonijiet relatati kif ukoll mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti;

29.  Jilqa' pożittivament ir-Regolament il-ġdid dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP+), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014(10), bħala strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-governanza t-tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma vulnerabbli; japprezza, partikolarment, il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ rigoruż u sistematiku tal-SĠP+ u jappella biex issir enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni effikaċi fil-livell nazzjonali tal-konvenzjonijiet elenkati fil-konvenzjoni;

30.  Jissottolinja l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jissalvagwardaw id-drittijiet tal-bniedem; josserva li l-ftehimiet kummerċjali ġeneralment jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sistema dinjija tal-kummerċ ibbażata fuq ir-regoli u li l-kummerċ u l-valuri jridu javvanzaw pari passu, kif dan l-aħħar affermat il-Kummissjoni fl-istrateġija kummerċjali l-ġdida tagħha intitolata "Il-kummerċ għal kulħadd"; ifakkar fil-bżonn li ssir valutazzjoni tar-riperkussjonijiet possibbli tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment fuq id-drittijiet tal-bniedem u li, abbażi ta' dan, jiġu inkorporati l-klawsoli u s-salvagwardji kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jistgħu jtaffu u jittrattaw ir-riskji identifikati tar-riperkussjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-provvedimenti kollha neċessarji u possibbli biex taġixxi b'mod olistiku u koerenti, u jappella bil-qawwa biex fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ikunu inklużi sistematikament regoli dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jridu jkunu implimentati fil-livell nazzjonali, kif ukoll riferimenti għall-prinċipji u għal-linji gwida rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta b'urġenza proposta leġiżlattiva dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju, billi t-teknoloġiji prodotti mill-kumpaniji Ewropej għadhom jikkaġunaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

32.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta' corpus ta' liġijiet konsistenti li jkun fih regoli li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja, il-kompetenza ġurisdizzjonali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f'materji ċivili u kummerċjali, il-liġi applikabbli lif ukoll l-assistenza ġudizzjarja fis-sitwazzjonijiet transfruntieri li jinvolvu lill-pajjiżi terzi;

33.  Jinkoraġġixxi riflessjoni dwar l-estensjoni tar-regoli dwar il-kompetenza ġurisdizzjonali fl-ambitu tar-Regolament Brussell I(11) għal konvenuti ta' pajjiżi terzi f'azzjonijiet kontra kumpaniji li jkollhom rabta ċara ma' Stat Membru wieħed fost oħrajn – minħabba li jkunu domiċiljati jew ikollhom attivitajiet kummerċjali sostanzjali hemmhekk jew is-sede prinċipali tagħhom tkun tinsab fl-UE – jew kumpaniji li għalihom l-UE tikkostitwixxi suq ta' żbokk essenzjali;

34.  Jagħmel appell biex jitjieb l-aċċess għall-provi permezz ta' proċeduri msaħħa dwar id-divulgazzjoni tal-provi;

35.  Ifakkar li, meta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikun kommess mill-kumpaniji, tali azzjonijiet jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà penali individwali, u jitlob li dawk responsabbli minn tali delitti jitħarrku fil-livell xieraq; jistieden lill-Istati Membri jsibu tarf l-ostakli ġuridiċi, proċedurali u prattiċi li jxekklu lill-awtoritajiet inkarigati mill-prosekuzzjoni milli jinvestigaw u jħarrku lill-kumpaniji Ewropej u/jew lir-rappreżentanti tagħhom involuti fid-delitti marbuta mal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

36.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaġixxu skont l-Artikolu 83 tat-TFUE, bil-għan li jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u tas-sanzjonijiet fl-isfera tal-kriminalità partikolarment gravi b'dimensjoni transfruntiera li tagħmel parti mill-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi kommess mill-kumpaniji, fid-dawl tan-natura u tal-impatt ta' tali reati u tal-bżonn speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni;

37.  Jenfasizza li l-r-rispett totali tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-produzzjoni huwa fundamentali u mhuwiex sempliċement kwistjoni ta' għażla għall-konsumatur; jirrakkomanda l-ħolqien, fil-livell tal-UE u fuq bażi volontarja, ta' tikketta li tiċċertifika li prodott ikun "abuse-free" (jiġifieri li jkun sar mingħajr abbużi), bil-għan li tippromwovi aktar sensibilizzazzjoni fost il-produtturi u l-konsumaturi, monitorjata minn korp indipendenti rregolat minn regoli stretti u mgħammar b'setgħat ta' spezzjoni, kompetenti biex jivverifika u jiċċertifika li l-ebda abbuż ma ġie kommess fl-ebda fażi tal-katina tal-produzzjoni tal-prodott rilevanti; jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jippromwovu din it-tikketta "abuse-free"; jirrakkomanda li l-prodotti li jiksbu din it-tikketta "abuse-free" jingħataw vantaġġi;

38.  Jistieden bil-qawwa lill-Kummissjoni tvara fil-livell tal-UE kampanja intiża biex tintroduċi u tippromwovi t-tikketta "abuse-free", biex tħeġġeġ lill-konsumaturi Ewropej jagħżlu l-prodotti u l-kumpaniji li jiksbu din it-tikketta u biex tistieden lill-kumpaniji u lill-impriżi kollha jadottaw l-aħjar prattiki f'dak li huwa rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kwistjonijiet relatati;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrapportaw regolarment dwar il-provvedimenti li jkunu ħadu biex jiggarantixxu l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-attivitajiet tal-impriżi, ir-riżultati miksuba, il-lakuni li jkun għad baqa' fil-protezzjoni u l-azzjonijiet rakkomandati futuri biex dawn il-lakuni jimtlew;

o
o   o

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11855-2012-INIT/mt/pdf
(2) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10897-2015-INIT/mt/pdf
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0470.
(4) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 141.
(5) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 2.
(6) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 28.
(7) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 33.
(8) https://www.unglobalcompact.org/what-is-gc/mission/principles
(9) ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60.
(10) http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/development/generalised-scheme-of-preferences/
(11) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=URISERV%3Al33054

Avviż legali - Politika tal-privatezza