Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2059(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0278/2016

Testi mressqa :

A8-0278/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 19
CRE 24/10/2016 - 19

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0406

Testi adottati
PDF 491kWORD 61k
It-Tlieta, 25 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
Strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass
P8_TA(2016)0406A8-0278/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass (2016/2059(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2016 dwar Strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass (COM(2016)0049),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080) u l-annessi ta' magħha,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Enerġija 2030, kif murija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030" (COM(2014)0015),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 bit-titolu "L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija" (COM(2014)0520),

–  wara li kkunsidra l-Ħames rapport ta' valutazzjoni tal-IPCC - Ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma I "Climate Change 2013: The Physical Science Basis" (Tibdil fil-Klima 2013: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi milħuq f'Diċembru 2015 fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2016 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ"(COM(2016)0051),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 16/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija: jinħtieġu sforzi akbar",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0278/2016),

A.  billi l-gass jista' jaqdi rwol importanti fis-sistema tal-enerġija tal-UE għall-għexieren ta' snin li ġejjin, fil-produzzjoni industrijali u bħala sors ta' sħana fil-binjiet kif ukoll bħala appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-UE tilħaq il-miri tagħha dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u twettaq tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju, fejn ir-rwol tal-gass se jonqos gradwalment favur l-enerġiji nodfa;

B.  billi l-gass naturali huwa fjuwil fossili li jista' jirrilaxxa ammonti sinifikanti ta' metan tul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu (produzzjoni, trasport, konsum) jekk ma jkunx immaniġġjat sew; billi l-metan għandu potenzjal ta' tisħin globali li huwa sinifikament ogħla minn dak tas-CO2 fuq perjodu ta' żmien ta' 20 sena u għalhekk għandu impatt konsiderevoli fuq it-tibdil fil-klima;

C.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 80-95 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050;

D.  billi d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-gass tal-Ewropa fis-snin li ġejjin hija mistennija li tikber u f'ċerti Stati Membri diġà laħqet 100 % f'każijiet fejn hemm biss għadd limitat ta' fornituri jew rotot alternattivi tal-provvista jew m'hemm l-ebda;

E.  billi l-gass naturali likwifikat (LNG) jippreżenta opportunità għall-Ewropa kemm f'termini ta' żieda fil-kompetittività billi jeżerċita pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet tal-gass naturali kif ukoll iżid is-sigurtà tal-provvista; billi l-gass naturali huwa wkoll backup flessibbli għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni tal-elettriku;

F.  billi l-użu tal-gass naturali fit-trasportazzjoni (tas-CNG u tal-LNG), kif previst mid-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, jiġġenera benefiċċji ambjentali kbar;

G.  billi l-UE għandha ssegwi b'mod attiv l-iżvilupp tar-riżorsi tal-gass domestiċi konvenzjonali tagħha, bħal dawk skoperti f'Ċipru;

H.  billi l-UE, bħala t-tieni l-akbar importatur fid-dinja tal-LNG, għandha taqdi rwol aktar proattiv fl-arena internazzjonali tad-diplomazija dwar l-enerġija;

I.  billi huwa importanti li tiġi promossa proposta integrata għall-użu ta' sorsi tal-enerġija indiġeni bħad-depożiti tal-gass naturali fiż-ŻEE ta' Ċipru, u li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' terminal ta' likwifazzjoni tal-LNG f'Ċipru biex jiġu sfruttati d-depożiti miż-żoni tal-viċinat ukoll;

J.  billi l-UE għadha mhix kapaċi tisfrutta kompletament il-benefiċċji ta' suq intern integrat tal-enerġija minħabba nuqqas ta' interkonnessjonjiet suffiċjenti u koerenza u l-implimentazzjoni mhux sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija;

K.  billi l-qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika progressiva dwar it-tibdil fil-klima jiddefinixxi ħames dimensjonijiet li jsaħħu lil xulxin u huma relatati mill-qrib, jiġifieri: is-sigurtà tal-enerġija; suq Ewropew tal-enerġija integrat b'mod sħiħ, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; u r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività; billi l-istrateġija għandha tippromwovi wkoll prezzijiet tal-enerġija affordabbli għal kulħadd;

Introduzzjoni

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass"; jemmen li suq intern tal-enerġija li jintegra bis-sħiħ l-LNG u l-ħażna tal-gass se jkollu rwol sinifikanti fil-kisba tal-objettiv aħħari ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti;

2.  Ifakkar li l-istrateġija tal-UE għal-LNG u l-ħażna tal-gass hija element wieħed tal-Unjoni tal-Enerġija, li għandha l-għan li tagħti espressjoni konkreta lill-ambizzjoni tal-UE li twettaq tranżizzjoni rapida għal sistema ta' enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva u li għandha wkoll l-għan li ttemm id-dipendenza fuq fornituri esterni tal-gass; jenfasizza li waħda mill-miri tal-Unjoni tal-Enerġija hija li tpoġġi lill-UE fuq quddiem nett fid-dinja fl-enerġiji rinnovabbli;

3.  billi, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi COP21, il-politika tal-UE dwar il-gass jeħtiġilha tiġi adattata ħalli tkun konformi mal-għan konkluż li tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura globali għal 1.5°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali; billi l-gass huwa mistenni li jkompli jaqdi rwol fis-sistema tal-enerġija tal-UE sal-2050 meta, skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija tal-UE, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra se jkollhom jitnaqqsu għal 80-95% taħt il-livelli tal-1990, speċjalment fil-produzzjoni industrijali u bħala sors ta' sħana fil-bini; billi r-rwol tal-gass se jonqos u jeħtieġ li jitneħħa gradwalment fuq terminu twil, hekk kif l-UE tilħaq il-miri ambizzjużi tagħha dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u twettaq tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli;

4.  Huwa tal-fehma li s-sigurtà tal-enerġija tista' tinkiseb bl-aktar mod effikaċi permezz ta' kooperazzjoni aħjar tal-politiki tal-enerġija nazzjonali, l-istabbiliment ta' Unjoni tal-Enerġija reali b'suq uniku tal-enerġija, u b'politika komuni dwar l-enerġija, kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-kwistjoni, bi qbil mal-prinċipji tas-solidarjetà u l-fiduċja; jemmen, f'dan il-kuntest, li integrazzjoni ulterjuri tal-politika tal-enerġija għandha tkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri, bi qbil mal-għanijiet tal-UE u mal-obbligi internazzjonali kif ukoll mal-objettivi dikjarati, u ma għandhiex tmur kontra l-interessi tal-Istati Membri jew taċ-ċittadini tagħhom; jappoġġja l-isforzi biex tissawwar pożizzjoni komuni tal-UE fl-istituzzjonijiet u fl-oqfsa multilaterali tal-enerġija;

5.  Iqis li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandu jkollhom aċċess għal provvista tal-enerġija sigura u bi prezz raġonevoli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-iżviluppi attwali fis-swieq internazzjonali tal-LNG, fejn il-provvista żejda wasslet għal prezzijiet aktar baxxi u b'hekk ġabet magħha opportunità biex il-konsumaturi tal-UE jgawdu minn spejjeż tal-enerġija aktar baxxi permezz ta' provvisti tal-gass relattivament orħos; jenfasizza li enerġija sikura, sostenibbli u bi prezz raġonevoli tikkostitwixxi mutur ewlieni tal-ekonomija Ewropea u hija essenzjali għall-kompetittività industrijali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, bħala parti mill-istrateġija tal-UE fil-qasam tal-enerġija, jagħtu prijorità lill-qerda tal-faqar enerġetiku u jsaħħu l-provvista tal-enerġija permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE;

6.  Jenfasizza li strateġija tal-UE għal-LNG għandha tkun konsistenti mal-qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti sabiex tikkontribwixxi għal żieda fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni, is-sostenibilità tal-ekonomija fit-tul u toffri prezzijiet tal-enerġija raġonevoli u kompetittivi;

7.  Jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istati Membri fir-reġjun tal-Baħar Baltiku u fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, u l-Irlanda – minkejja l-isforzi ta' żvilupp infrastrutturali kbar imwettqa minn ċerti Stati Membri – għadhom jiddependu ħafna fuq fornitur wieħed u huma esposti għal xokkijiet u għal tfixkil fil-provvista;

8.  Jirrikonoxxi li d-disponibilità tal-LNG, inkluż appoġġ għall-infrastruttura tal-pipelines f'dawn l-Istati Membri tista' ttejjeb b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista attwali mhux f'termini fiżiċi iżda wkoll f'termini ekonomiċi, u tikkontribwixxi għal prezzijiet tal-enerġija aktar kompetittivi;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinċentivaw użu aktar effiċjenti u aħjar tal-infrastruttura eżistenti, inkluża l-ħażna tal-gass;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal tat-teknoloġija gass bl-elettriku biex jinħażnu l-enerġiji rinnovabbli u biex dawn ikunu jistgħu jintużaw bħala gass newtrali fir-rigward tal-karbonju għat-trasport, it-tisħin u l-ġenerazzjoni tal-enerġija;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistema tal-gass tal-UE ssir aktar varjata u flessibbli, u b'hekk tikkontribwixxi għall-objettiv ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija ta' provvista tal-gass sikura, reżiljenti u kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija li jkollha l-għan li tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-gass fuq medda ta' żmien twil, li tirrifletti l-impenn tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra bi 80-95 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050, u jenfasizza f'dan ir-rigward li jekk l-effiċjenza enerġetika titqies bħala "l-ewwel prinċipju" u jekk jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati titnaqqas b'mod sinifikanti;

12.  Ifakkar li l-Parlament talab ripetutament li jkun hemm miri vinkolanti rigward il-klima u l-enerġija għall-2030 bi tnaqqis domestiku ta' mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, mill-anqas 30 % għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija, li għandhom jiġu implimentati permezz ta' miri nazzjonali individwali;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa, qabel ma jiġu appoġġjati terminali ta' rigassifikazzjoni ġodda, li jiġi promoss l-użu l-aktar effiċjenti tat-terminali tal-LNG eżistenti minn perspettiva transkonfinali, sabiex jiġi evitat lock-in teknoloġiku jew assi mhux irkuprabbli fl-infrastruttura tal-fjuwils fossili u li jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jkollhom iħallsu għan-nefqa tal-ebda proġett ġdid ta' kostruzzjoni; jemmen li jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi bir-reqqa l-analiżi tagħha tad-domanda għall-gass u l-valutazzjonijiet tar-riskji u l-ħtiġijiet;

L-ikkompletar tal-infrastruttura nieqsa

L-infrastruttura tal-LNG

14.  Ifakkar li l-UE kollha kemm hi hija suffiċjentement fornuta b'terminali ta' rigassifikazzjoni tal-LNG u jirrikonoxxi li, minħabba d-domanda interna dgħajfa f'dawn l-aħħar snin u prezz globali tal-LNG relattivament għoljin, bosta terminali ta' rigassifikazzjoni tal-LNG tal-UE qed jesperjenzaw rati baxxi ta' utilizzazzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri kollha, speċjalment dawk li jiddependu fuq fornitur uniku, għandu jkollhom aċċess għal-LNG, jew direttament jew indirettament, permezz ta' Stati Membri oħra;

15.  Jenfasizza li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għandha tingħata prijorità lis-soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq u lill-użu tal-infrastruttura tal-LNG eżistenti fuq livell reġjonali; jinnota, madankollu, li s-soluzzjonijiet jistgħu jkunu differenti skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u tas-suq, bħal-livell tal-interkonnettività, id-disponibilità tas-soluzzjonijiet għall-ħażna u l-istruttura tas-suq;

16.  Jenfasizza li, bil-għan li jiġi evitat li jkun hemm assi mhux irkuprabbli, jeħtieġ li titwettaq analiżi bir-reqqa tal-alternattivi u tal-għażliet tal-provvista tal-LNG minn perspettiva reġjonali kif ukoll mil-lat tas-sostenibilità ambjentali, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija u l-prinċipju tal-bilanċ ġeografiku, qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet dwar infrastrutturi l-ġodda, sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti;

17.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fil-bini ta' terminali ġodda tal-LNG u interkonnessjonijiet u jenfasizza li l-Istati Membri b'aċċess għall-baħar għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-pajjiżi mdawrin bl-art sabiex jevitaw investiment żejjed fi proġetti mhux meħtieġa u mhux ekonomiċi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, użu aktar ottimali tal-kurituri Tramuntana-Nofsinhar u Punent-Lvant, b'kapaċità mtejba ta' fluss fid-direzzjoni opposta, iżżid l-għażliet tal-provvista tal-LNG; jemmen li l-għarfien u l-informazzjoni jistgħu jiġu żviluppati b'mod konġunt fir-rigward ta' kwistjonijiet bħall-faċilitajiet tal-ħażna tal-enerġija, u l-proċessi ta' sejħiet għall-offerti għal-LNG u l-interkonnetturi; jemmen bis-sħiħ li l-istrateġija tal-UE għandha tiżgura li l-LNG ikun aċċessibbli fil-livell reġjonali madwar l-Ewropa kollha;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqiegħdu fis-seħħ strateġiji biex jappoġġjaw faċilitajiet li jistgħu jintużaw fil-futur biex jimmaniġġjaw it-trasferiment u l-ħażna ta' gass naturali rinnovabbli;

19.  Jenfasizza li l-istrateġija għandha tinkludi wkoll l-użu tal-LNG bħala alternattiva għall-iżvilupp ta' infrastruttura ta' distribuzzjoni u trażmissjoni tal-gass f'żoni fejn bħalissa dan mhuwiex kost-effettiv; jinnota li l-installazzjonijiet tal-LNG jistgħu jipprovdu l-aqwa infrastruttura għal żieda fl-użu tal-gass naturali f'żoni fejn l-investimenti fl-infrastruttura tal-gass ma jsirx qligħ minnhom, inkluż biex jiżdied l-użu tal-gass għall-ġenerazzjoni tas-sħana u b'hekk jitnaqqsu l-hekk imsejħa emissjonijiet "low-stack";

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-proġetti importanti ta' interess komuni (PCIs), u jagħtu prijorità għolja primarjament lill-proġetti l-aktar ekonomikament u ambjentalment effiċjenti identifikati mit-tliet gruppi reġjonali ta' livell għoli; jenfasizza li l-bini ta' terminals tal-LNG li huma meħtieġa għad-domandi tal-gass u kompatibbli magħha mhuwiex biżżejjed, u li l-appoġġ għall-infrastruttura tal-pipelines bit-tariffi xierqa huwa indispensabbli sabiex il-benefiċċji jitwettqu barra mill-pajjiżi riċevituri;

21.  Jilqa' l-fatt li proġetti importanti tal-LNG (pereżempju l-kuritur Tramuntana-Nofsinhar) qed jiġu definiti bħala proġetti ta' interess komuni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi bis-sħiħ il-pajjiżi tal-Balkani fl-ippjanar ta' rikostruzzjoni ulterjuri ta' pajpijiet tal-gass u n-netwerk TEN-E sabiex jiġi żgurat rwol prinċipali fis-settur tal-enerġija tal-UE fir-reġjun;

22.  Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, fir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista, li l-eżenzjonijiet eżistenti fuq l-interkonnetturi tal-flussi fid-direzzjoni opposta jiġu riveduti, u japprova r-rwol akbar tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) fil-proċess; jinnota n-nuqqas ta' persunal u n-nuqqas ta' riżorsi tal-ACER; jenfasizza l-ħtieġa li l-ACER tingħata r-riżorsi meħtieġa, b'mod partikolari li jkollha biżżejjed persunal tagħha, sabiex l-aġenzija tkun tista' twettaq il-kompiti mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni;

L-infrastruttura għall-ħażna

23.  Ifakkar li l-ġeoloġija hija fattur determinanti ewlieni meta jkunu qed jiġu żviluppati ħażniet ġodda tal-gass u jinnota l-kapaċitajiet żejda attwali fil-ħażniet tal-gass Ewropej; jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali u livell adegwat ta' interkonnessjonijiet tal-gass, kif ukoll it-tneħħija ta' konġestjonijiet interni, jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti r-rata ta' utilizzazzjoni tal-ħażniet eżistenti tal-gass; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-ogħla standards ambjentali fl-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-użu tal-infrastruttura tal-ħażna tal-LNG;

24.  Ifakkar li l-aċċessibilità transkonfinali tal-ħażniet tal-gass hija waħda mill-għodod ewlenin għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà tal-enerġija matul eventi ta' nuqqas ta' gass u l-kriżi ta' emerġenza;

25.  Jenfasizza li użu aktar estensiv tal-kapaċità ta' ħażna tal-Ukrajna jkun possibbli biss jekk jiġu ggarantiti qafas kummerċjali u ġuridiku xieraq u stabbli u l-integrità tal-infrastruttura tal-provvista fl-Ukrajna u sakemm il-livell xieraq tal-interkonnessjonijiet tal-gass ikun fis-seħħ, sabiex l-enerġija tkun tista' tgħaddi liberament bejn il-fruntieri mingħajr ostakli fiżiċi; barra minn hekk, jenfasizza li, minħabba li s-settur industrijali dipendenti fuq il-gass tal-Ukrajna qed jirpilja fiż-żmien qasir, se jkollhom jiġu impurtati provvisti tal-gass addizzjonali; iqis li l-UE għandha tappoġġja lill-Ukrajna fit-tranżizzjoni mid-dipendenza fuq il-gass naturali Russu għal-LNG;

Il-konnessjoni tal-LNG u tal-ħażna mas-swieq

26.  Jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-gruppi reġjonali ta' livell għoli, bħall-Gruppi ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC), il-Pjan ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP) u l-Grupp tal-Lbiċ tal-Ewropa; jemmen li dan it-tip ta' koordinazzjoni reġjonali fuq bażi volontarja huwa effettiv ħafna, u jilqa' r-rwol faċilitattiv tal-Kummissjoni f'dawn l-arranġamenti; jenfasizza l-ħtieġa għal eżekuzzjoni prammatika u f'waqtha tal-pjanijiet ta' azzjoni approvati, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni;

27.  Jenfasizza l-importanza li jinstabu għażliet għall-provvista tal-enerġija kosteffiċjenti u ambjentalment sostenibbli biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista fit-tul għall-Peniżola Iberika, l-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, l-Istati Baltiċi u l-Irlanda, li kollha mhumiex konnessi u/jew integrati biżżejjed mas-suq intern tal-enerġija u jistħoqqilhom l-appoġġ sħiħ tal-UE f'isem il-prinċipju tas-solidarjetà; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-aktar pajjiżi vulnerabbli li jibqgħu gżejjer tal-enerġija, bħal Ċipru u Malta, sabiex jiddiversifikaw is-sorsi u r-rotot ta' provvista tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-LNG u l-ħażna tal-gass għandhom jikkontribwixxu lejn it-tmiem tal-iżolament enerġetiku ta' kull tip li jolqot lill-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE;

28.  Jappella għal produzzjoni tal-gass fir-reġjuni tal-Mediterran, tal-Baħar l-Iswed u tal-Kaspju, kif ukoll biex il-pajjiżi mingħajr kosta fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk jiġu interkonnessi ma' dawn il-kapaċitajiet ġodda sabiex jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista f'dawn ir-reġjuni; jinnota li dan jista' jippermetti kompetizzjoni fost is-sorsi multipli tal-gass u se jissostitwixxi l-importazzjonijiet ta' volumi ta' gass naturali taħt kuntratti b'indiċjar taż-żejt u, għaldaqstant, se jkabbar is-setgħa tan-negozjar tal-Istati Membri; jenfasizza li l-ebda sors wieħed tal-enerġija mhu sejjer qatt jissodisfa waħdu l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE u li d-diversità fil-każ kemm tas-suq domestiku kif ukoll dak barranin hija essenzjali; iqis, għalhekk, li l-iżvilupp tar-riżorsi tal-gass konvenzjonali domestiċi skoperti f'Ċipru għandu jiġi segwit b'mod attiv;

29.  Jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi aktar informazzjoni u assistenza lill-promoturi ta' proġetti dwar diversi għażliet ta' finanzjament tal-proġetti, bħall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u dwar diversi soluzzjonijiet tekniċi;

30.  Jinnota li s-sejba ta' soluzzjonijiet kosteffiċjenti u ambjentalment sostenibbli għandha tkun prinċipju ewlieni għall-kisba tal-aħjar kundizzjonijiet tal-UE u reġjonali, u jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jallokaw ir-riżorsi limitati disponibbli għall-iżvilupp ta' infrastruttura kritika sabiex jiġi attirat investiment privat għall-infrastruttura u l-interkonnetturi tal-LNG;

31.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li fl-2015 l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja kienu 7 % ogħla milli fl-2014, u li 41 % tal-gass importat minn barra l-UE fl-2015 kien ġej mir-Russja; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-LNG u tal-ħażna tal-gass, flimkien ma' żieda fl-effiċjenza u l-użu ta' enerġija rinnovabbli, sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-gass mir-Russja;

32.  Jesprimi tħassib dwar l-irduppjar propost fil-kapaċità tal-pipeline Nord Stream u dwar l-effetti kontroproduċenti li dan jista' jkollu fuq is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista u l-prinċipju tas-solidarjetà fost l-Istati Membri; jenfasizza l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi tal-proġett u l-prinċipji ta' bażi tal-Unjoni tal-Enerġija totalment integrata, sikura, kompetittiva u sostenibbli, filwaqt li jisħaq li bħala tali m'għandux jibbenefika mill-appoġġ finanzjarju tal-UE jew minn derogi mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li l-irduppjar tal-kapaċità tal-pipeline Nord Stream jagħti lil kumpanija waħda pożizzjoni dominanti fis-suq tal-gass Ewropew, li għandu jiġi evitat;

33.  Iqis li jekk, għall-kuntrarju tal-interessi Ewropej, in-Nord Stream 2 kellu jinbena, dan ikun jeħtieġ li jkun soġġett għal valutazzjoni soda tal-aċċessibilità ta' terminals tal-LNG u analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni attwali dwar il-kuritur tal-gass Tramuntana-Nofsinhar;

It-twettiq tas-suq intern tal-gass: aspetti kummerċjali, legali u regolatorji

L-UE bħala suq attraenti għal-LNG

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ it-Tielet Pakkett tal-Enerġija u l-kodiċijiet tan-netwerk tal-gass;

35.  Jenfasizza r-rwol importanti li ċ-ċentri tal-gass likwidu interkonnessi sew għandhom fis-swieq tal-gass, li jiżguraw suq integrat uniku fejn il-gass jista' jgħaddi liberament bejn il-fruntieri skont is-sinjali fil-prezz tas-suq;

36.  Jenfasizza li riżervi tal-gass sinifikanti fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-iskoperti riċenti fil-Lvant tal-Mediterran jipprovdu r-reġjun b'opportunità li jsir ċentru vibranti għat-trasport tal-gass fl-Ewropa; jemmen li l-kapaċità ġdida tal-LNG żviluppata fil-Mediterran tista' tifforma l-bażi ta' ċentru tal-infrastruttura;

37.  Jinsisti li l-ikkompletar tas-suq intern tal-gass u l-eliminazzjoni tal-ostakli regolatorji jtejbu bil-kbir il-likwidità tas-swieq tal-gass; iħeġġeġ lill-partijiet interessati jiffinalizzaw il-kodiċi tan-netwerk dwar regoli li jikkonċernaw strutturi tariffarji armonizzati ta' trażmissjoni għall-gass mill-aktar fis possibbli;

38.  Ifakkar il-ħtieġa kontinwa għal kooperazzjoni attiva bejn il-gvernijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-investimenti transkonfinali, filwaqt li dejjem titqies perspettiva Ewropea minbarra l-interessi nazzjonali;

Il-ħażna tal-gass fis-suq intern

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati strutturi tariffarji armonizzati madwar l-UE kollha u li tiżdied it-trasparenza fid-definizzjoni tat-tariffi sabiex tinkiseb rata ogħla ta' utilizzazzjoni tal-ħażniet tal-gass eżistenti; huwa tal-fehma li l-kodiċi tan-netwerk li jirrigwardaw ir-regoli dwar l-istrutturi tariffarji armonizzati għat-trasport tal-gass għandu jqis il-ħtieġa ta' armonizzazzjoni;

40.  Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jkunu jistgħu jintużaw il-bijometan u gassijiet rinnovabbli oħra li jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità rilevanti tal-UE fit-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħażna tal-gass; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, il-kunsiderazzjoni ta' parametri tekniċi, il-kwalità tal-gass, il-kosteffiċjenza, l-ekonomiji tal-iskala u l-possibilità ta' soluzzjonijiet ta' grilji lokali jew reġjonali;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ it-Tielet Pakkett tal-Enerġija b'mod partikolari b'relazzjoni mad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta' aċċess lill-bijometan għall-grilja u għall-faċilitajiet tal-ħażna; jenfasizza f'dan ir-rigward id-Direttiva 2009/73/KE, li skontha l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti ta' kwalità meħtieġa, il-bijogass u l-gass mill-bijomassa jew tipi oħra ta' gass jingħataw aċċess mhux diskriminatorju għas-sistema tal-gass, sakemm tali aċċess ikun kompatibbli b'mod permanenti mar-regoli tekniċi u l-istandards tas-sigurtà rilevanti;

42.  Jinkoraġġixxi lill-operaturi tal-LNG u tal-ħażna biex f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda u flessibbli, li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, sabiex jagħmlu r-rigassifikazzjoni u l-ħżin tal-LNG aktar attraenti, u jimmassimizzaw l-użu tal-faċilitajiet tal-LNG u tal-ħażna eżistenti;

L-ottimizzazzjoni tar-rwol ta' ħażna għas-sigurtà tal-provvista tal-gass

43.  Jenfasizza r-rwol tas-servizz immedjat u ferm flessibbli li toffri l-ħażna tal-gass f'ċerti Stati Membri, u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol differenti li jista' jkollha l-ħażna waqt qtugħ fil-provvista meta mqabbel mal-LNG, fejn il-loġistika fil-katina tal-provvista tista' ma tagħtix l-istess rispons;

44.  Jenfasizza l-importanza li jitneħħew l-ostakli regolatorji għall-iżvilupp ta' kunċetti ta' ħażna reġjonali; jemmen li ċerti ħażniet jistgħu joffru servizzi internazzjonali mfassla speċifikament, jiġifieri servizzi ta' ħażna marbuta ma' trasportazzjoni transkonfinali; jipproponi li l-gruppi ta' livell għoli reġjonali jikkooperaw b'mod aktar estensiv biex isibu soluzzjonijiet innovattivi dwar kif jużaw assi strateġikament ta' valur b'mod effettiv fil-livell reġjonali u Ewropew;

L-UE bħala attriċi fis-swieq internazzjonali tal-LNG

45.  Jinnota t-tendenza globali emerġenti li tiżdied il-kapaċità tal-likwifazzjoni u l-impatt potenzjali tagħha fuq is-swieq tal-gass Ewropej;

46.  Iqis li, bil-mod kif saret suq importanti, l-UE tista' tikkontribwixxi għall-evoluzzjoni ta' regoli dwar il-kummerċ tal-gass bil-għan li tittejjeb il-flessibilità u tiżdied il-konverġenza tas-swieq internazzjonali tal-gass;

47.  Jappoġġja lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri fl-impenn attiv tagħhom fid-diplomazija enerġetika sabiex irawmu suq internazzjonali tal-gass li jkun ibbażat fuq ir-regoli, ikun trasparenti u jiffunzjona tajjeb;

48.  Jenfasizza l-importanza li titnaqqas jew titneħħa d-dipendenza tal-UE fuq importazzjonijiet tal-gass u ż-żejt minn reġimi awtoritarji li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, sabiex ikun hemm konformità mal-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE;

49.  Jappella għal konverġenza u sinerġija istituzzjonali akbar, u b'mod partikolari għall-integrazzjoni aħjar tal-prijoritajiet esterni tas-sigurtà enerġetika fil-politiki segwiti mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u wkoll għal koordinament aħjar bejn il-VP/RGħ u l-Kummissarji responsabbli; jappella lill-VP/RGħ, flimkien mal-Istati Membri, biex issaħħaħ il-mezzi eżistenti u tistabbilixxi mezzi ġodda ta' kooperazzjoni dwar l-enerġija mal-fornituri attwali u potenzjali, kif ukoll ma' stati ta' tranżitu u ma' atturi ewlenin oħra; jappella, f'dan il-kuntest, lill-VP/RGħ biex tinforma lill-Parlament b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni dwar id-Diplomazija tal-Enerġija tal-UE;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli kollha għall-kummerċ ħieles globali fl-LNG, li l-produzzjoni tiegħu għandha tkun sostenibbli; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lil min ifassal il-politika tal-Istati Uniti biex iżid iċ-ċertezza tal-investimenti bl-introduzzjoni ta' kriterji u skadenzi ċari fil-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-gass lejn pajjiżi mhux tal-FTA;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatti ambjentali, klimatiċi u soċjali ta' LNG importat f'fora globali tal-kummerċ ħieles; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-emmissjonijiet li jaħarbu tal-metan jiġu minimizzati;

52.  Jenfasizza li l-użu tal-LNG jista' jwassal ukoll għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport marittimu u mit-trasport tat-triq, bil-kundizzjoni li jittieħdu l-miżuri kollha effettivi biex l-emissjonijiet tal-metan jiġu minimizzati matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwil, inkluż fil-fażijiet tal-produzzjoni, distribuzzjoni u kombustjoni; jitlob, għalhekk, li jiġu stabbiliti miżuri adegwati biex l-emissjonijiet tal-metan jiġu minimizzati matul il-katina sħiħa tal-LNG permezz tal-użu tal-aqwa teknoloġiji disponibbli u li jiġi żgurat finanzjament adegwat tar-Riċerka u l-Iżvilupp għal dak il-għan;

53.  Jenfasizza li l-kummerċ għandu rwol ewlieni fis-sigurtà tal-enerġija, u li sħubijiet b'saħħithom fis-settur tal-enerġija, imsaħħa bl-inklużjoni ta' kapitoli dwar l-enerġija fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, huma għodda essenzjali; iqis ta' importanza kbira li l-politika kummerċjali tal-UE għandha ssaħħaħ id-diversifikazzjoni tal-enerġija tal-Unjoni u tal-Istati Membri u tnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq l-enerġija importata minn għadd żgħir wisq ta' fornituri; jenfasizza li l-UE għandha tesplora sħubijiet ġodda, teżamina mill-ġdid is-sħubijiet eżistenti tagħha u tidħol f'taħditiet speċifiċi dwar l-enerġija ma' sħab oħra f'żoni li jinkludu – iżda mhux biss – l-Asja Ċentrali, l-Afrika ta' Fuq, l-Amerka ta' Fuq u l-Amerka t'Isfel; jinnota li l-UE għandu jkollha rwol aktar proattiv fix-xena tad-diplomazija enerġetika internazzjonali; jitlob koerenza akbar bejn il-politika kummerċjali u dik enerġetika tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fin-negozjati internazzjonali dwar l-LNG; jemmen li n-negozjati attwali u tal-futur ma' sħab bħall-Istati Uniti u l-Awstralja għandhom jinkludu komponent enerġetiku b'saħħtu; jenfasizza li l-UE għandha tikkollabora mill-qrib mas-sħab internazzjonali tagħha lejn suq internazzjonali tal-LNG kompetittiv u trasparenti;

54.  Ifakkar li biex jiffaċċjaw l-isfidi attwali u jimplimentaw l-objettivi tagħhom dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima fil-kuntest tar-restrizzjonijiet li jeżistu fil-livell internazzjonali f'dawn l-oqsma tal-politika, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom, abbażi tal-oqfsa legali u l-konvenzjonijiet multilaterali eżistenti, jieħdu wkoll azzjoni komuni fix-xena internazzjonali billi jqajmu kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija u s-sostenibilità fil-fora tal-kummerċ internazzjonali, inkluż ma' pajjiżi sħab li jiddependu fuq il-gass importat; jenfasizza li, fl-istess ħin, l-UE għandha tappoġġja u tippromwovi l-effiċjenza enerġetika;

55.  Iqis li politika kummerċjali li tiġġenera opportunitajiet sinifikanti għall-kumpaniji privati u pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE f'teknoloġiji nodfa, sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija hija partikolarment importanti, speċjalment fid-dawl ta' domanda internazzjonali dejjem akbar għall-enerġija; jappella għal tnaqqis sinifikanti fit-tariffi fuq teknoloġiji nodfa fil-qafas tal-inizjattiva dwar il-prodotti ekoloġiċi u anki fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE, li għandhom jindirizzaw l-ostakli nontariffarji għall-kummerċ fis-sorsi tal-enerġija;

56.  Jenfasizza l-importanza tal-kapitolu dwar l-enerġija u l-materja prima tal-ftehim tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni favur it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-gass mill-Istati Uniti lejn l-UE;

57.  Iqis li t-12,2-il biljun metru kubu fis-sena li se jiżdiedu fis-suq fl-2016 permezz tas-Sabine Pass LNG fil-kosta tal-Lvant tal-Istati Uniti, flimkien ma' – potenzjalment – kapaċità ta' 74 biljun metru kubu miżjuda permezz ta' diversi proġetti tal-Istati Uniti qabel l-2020, jirrappreżentaw opportunità sinifikanti għall-Ewropa biex iżżid ir-rabtiet kummerċjali mal-Istati Uniti fil-qasam tal-enerġija; jemmen li l-konklużjoni tal-ħidma fuq il-kapitolu dwar l-enerġija u l-materja prima tat-TTIP se żżid b'mod sinifikanti l-għażliet fejn tidħol il-provvista tal-gass tal-UE;

58.  Iqis li l-kumpaniji Ewropej m'għandux ikollhom restrizzjonijiet biex joperaw fis-swieq tal-enerġija ta' pajjiżi terzi bl-istess kundizzjonijiet bħall-kumpaniji nazzjonali; jenfasizza li l-kumpaniji ta' pajjiżi terzi li joperaw fis-swieq Ewropej tal-enerġija jeħtieġ ikunu konformi mad-dritt Ewropew; jenfasizza li dawn l-entitajiet għandu jkollhom struttura trasparenti li tippermetti t-traċċabbiltà tal-azzjonisti tagħhom;

59.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ħarsien ambjentali fl-ippjanar, il-bini u l-użu tal-faċilitajiet tal-LNG kif ukoll fl-isfruttament ta' riżervi u sorsi indiġeni, u li jiġu rispettati l-istandards internazzjonali tax-xogħol dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar l-impatti ambjentali, klimatiċi u soċjali tal-LNG importat; itenni l-ħtieġa li jiġu involuti l-komunitajiet lokali u li wieħed jibbaża ruħu fuq valutazzjonijiet realistiċi dwar il-konsum u – fil-każ ta' kostruzzjoni – dwar l-ippjanar ta' infrastrutturi ġodda; jenfasizza l-potenzjal li toffri t-tranżizzjoni għall-LNG biex tintemm id-dipendenza tat-trasport marittimu fuq il-faħam; jitlob li l-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti Ewropej għal dan il-għan;

60.  Jindika li, minħabba l-prospetti ta' tkabbir tal-LNG fis-snin li ġejjin, din l-istrateġija tista' tiġi kkumplimentata minn valutazzjoni tal-ħtiġijiet, f'termini ta' bastimenti għall-ġarr tal-LNG u miżuri li jippermettu li l-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-UE taħtaf din l-opportunità, u dan jikkontribwixxi biex jiżdied is-sehem tal-industrija tal-PDG għal 20 % fl-2020; jappella għal standards ta' sikurezza sabiex it-trasport tal-LNG ikun jista' jiġi mmonitorjat u, jekk ikun meħtieġ, jiġi suġġett għal kundizzjonijiet aktar stretti fil-kuntest ta' miżuri għall-prevenzjoni tat-terroriżmu;

Is-sostenibilità u l-użu tal-LNG bħala fjuwil alternattiv fit-trasport, fit-tisħin u fl-enerġija

61.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-LNG bħala fjuwil alternattiv, kemm fit-trasport tat-triq kif ukoll marittimu; jenfasizza li użu akbar tal-LNG fit-trasport tal-merkanzija jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tas-CO2, SOx u NOx, speċjalment permezz ta' użu akbar tal-magni tal-LNG fit-trasport marittimu;

62.  Jenfasizza l-fatt li n-netwerk tal-infrastruttura tal-fjuwil huwa prerekwiżit għal użu sostantiv tal-LNG bħala fjuwil alternattiv fis-settur tat-trasport; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/94/UE dwar karburanti alternattivi, inkluż l-istabbiliment ta' punti ta' riforniment tal-LNG tul il-kurituri tat-TEN-T u fil-portijiet marittimi u interni, li jieħdu post il-fjuwils konvenzjonali li jniġġsu; jenfasizza, madankollu, li f'dan ir-rigward l-LNG m'għandux jieħu post is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi ta' sostenibilità;

63.  Jappella għall-iżvilupp ta' rotot marittimi, b'mod partikolari fl-arċipelagu tal-Ażores li, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tiegħu, jista' jservi bħala ċentru ewlieni tal-fjuwil għar-rotot transatlantiċi tal-LNG; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni fondi biex tappoġġja proġetti Ewropej għal dan l-għan;

64.  Jitlob lill-Kummissjoni toħloq, b'mod konġunt mal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, proġett komuni ta' ''Kurituri Blu tal-LNG għall-Gżejjer'' għas-settur marittimu, inklużi portijiet tan-Netwerk Komprensiv TEN-T bil-għan li jiġu stabbiliti l-infrastrutturi tal-LNG meħtieġa u biex dan in-netwerk jiġi konness man-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T;

65.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE rigward l-istabbiliment ta' punti ta' riforniment tas-CNG, sabiex jiġi żgurat li l-vetturi bil-mutur li jaħdmu b'dak il-fjuwil ikunu jistgħu jiċċirkolaw f'agglomerazzjonijiet urbani/suburbani u żoni oħra b'densità għolja ta' popolazzjoni, u tal-anqas tul in-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T eżistenti, biex b'hekk jiġi żgurat li dawn il-vetturi jkunu jistgħu jiċċirkolaw madwar l-Unjoni;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti ta' riforniment tal-LNG għal bastimenti tal-baħar, bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni u vetturi bil-mutur, kif previst fid-Direttiva 2014/94/UE; jappella għal regoli armonizzati ta' sikurezza u taħriġ rigorużi għall-ħażna, il-bunkering u l-użu abbord tal-LNG madwar l-Unjoni, filwaqt li tkun permessa wkoll il-possibilità ta' operazzjonijiet ta' bunkering u ta' ġarr ta' merkanzija simultanji; jinnota li din il-ħidma għandha titwettaq b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-EMSA;

67.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat tar-R&Ż għall-iżvilupp ta' teknoloġiji mtejba għall-bastimenti għall-passaġġi tal-ilma interni, bastimenti tal-baħar u vetturi bil-mutur bil-għan li ssir qalba b'ħeffa għal flotta b'livell ta' karbonju aktar baxx, kif ukoll għall-iżvilupp ta' sistemi mingħajr ekwipaġġ għall-installazzjoni ta' punti ta' riforniment tal-LNG; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi għall-iżvilupp ta' bastimenti u vetturi bil-mutur li jaħdmu bl-LNG, jew l-immodernizzar ta' dawk li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali sabiex ikunu jistgħu jużaw l-LNG;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi għat-trasport tal-LNG bil-ferrovija, peress li dan min-naħa se jnaqqas it-trasport bit-triq u min-naħa l-oħra jikkontribwixxi għal trasport ekoloġiku u sikur ta' fjuwil li jkollu livell baxx ta' tniġġis;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li tikkonsulta mal-partijiet interessati, teżamina jekk, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 443/2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri, tistax tistabbilixxi ekwivalenti ta' CO2 għall-emissjonijiet ta' idrokarboni, mhux l-anqas bil-għan li jiġu infurmati l-konsumaturi;

70.  Jinnota li l-użu tat-teknoloġija tal-LNG fuq skala żgħira f'ċerti oqsma, bħalma huma t-trasportazzjoni fuq distanzi twal jew applikazzjonijiet industrijali bi prestazzjoni għolja, jistgħu mhux biss jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar il-klima iżda jwasslu wkoll għal vantaġġ kummerċjali sinifikanti;

71.  Jinnota li l-LNG, u b'mod partikolari s-CNG, huwa wkoll soluzzjoni vijabbli għat-trasport pubbliku, li diġà huwa disponibbli u jista' jgħin biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u tal-ħsejjes, biex b'hekk jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien speċjalment fl-agglomerazzjonijiet urbani;

72.  Jinnota li għalkemm l-LNG u s-CNG jistgħu jippreżentaw soluzzjonijiet tranżitorji vijabbli sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport, il-benefiċċji fit-tul tagħhom jistgħu jitwettqu biss jekk tranżizzjoni bla intoppi lejn l-użu tal-bijogass likwifikat (LGB) u forom oħra ta' enerġija rinnovabbli tiġi promossa simultanjament billi tiġi żgurata wkoll l-interoperabilità tas-sistemi LNG u LBG; jenfasizza li jeħtieġ li l-istrateġija tal-UE għal LNG tiġi integrata fil-miri u l-prijoritajiet Ewropej usa' tal-klima u l-enerġija, u li tikkorrispondi mal-ftehim COP21, b'enfasi fuq it-tnaqqis fid-domanda, it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija u l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili;

73.  Jenfasizza li netwerk effiċjenti ta' infrastruttura ta' riforniment huwa prerekwiżit għall-introduzzjoni sostantiva tal-LNG bħala fjuwil alternattiv fis-settur tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi għall-iżvilupp ta' din l-infrastruttura sabiex jingħalqu l-lakuni eżistenti fil-provvista u jinħoloq netwerk ta' provvista komplet;

74.  Jenfasizza l-importanza tal-infrastruttura tal-LNG fil-portijiet marittimi u interni fil-promozzjoni tal-multimodalità, billi din l-infrastruttura tista' tintuża minn bastimenti tal-baħar, bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u trakkijiet għal trasport ulterjuri tal-fjuwil fuq l-art; iħeġġeġ lill-operaturi nazzjonali u reġjonali jikkooperaw mill-qrib, bil-għan li jissaħħu l-multifunzjonalità u l-kapaċità ta' sfruttament ta' din l-infrastruttura;

75.  Iqis li t-trawwim tal-użu tal-gass naturali bħala fjuwil alternattiv fit-trasport huwa sfida globali importanti u jitlob li jkun hemm impenn sabiex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet li għandu jsir permezz tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO);

o
o   o

76.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

(1) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0444.

Avviż legali - Politika tal-privatezza