Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (2015/2254(INL))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni, ir-raba', il-ħames u s-seba' premessa tiegħu,
– wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikoli 6,7 u 11 tat-TUE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli tat-TFUE relatati mar-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom, inklużi l-Artikoli 70, 258, 259, 260, 263 u 265 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 5 tat-TUE, l-Artikolu 295 tat-TFUE u l-Protokolli Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, annessi mat-TUE u mat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu E tagħha,
– wara li kkunsidra l-kriterji ta' Copenhagen, u l-korp ta' regoli tal-UE li pajjiż kandidat jeħtieġlu jissodisfa jekk jixtieq jingħaqad mal-Unjoni (l-acquis), b'mod partikolari l-Kapitoli 23 u 24 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R(2000)21 tal-25 ta' Ottubru 2000 u l-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rwol tal-Avukati tal-1990, li jappellaw lill-Istati biex jiggarantixxu l-libertà u l-indipendenza tal-professjoni legali;
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, tat-23 ta' Mejju 2007,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa;
– wara li kkunsidra l-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-106 Sessjoni Plenarja tagħha, fit-18 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra t-trattati tan-NU dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-ġurisprudenza tal-korpi tat-trattati tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Approċċ tan-NU għall-Assistenza favur l-Istat tad-Dritt, ta' April 2008,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u b'mod partikolari l-Għan 16:
– wara li kkunsidra l-Ħamsa u Għoxrin Rapport Biennali tal-COSAC: Developments in European Union Procedures and Practices Relevant to Parliamentary Scrutiny (Żviluppi fi Proċeduri tal-Unjoni Ewropea u Prattiki Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari) tat-18 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), inkluża s-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali (EFRIS) proposta fid-dokument tal-istess aġenzija tal-31 ta' Diċembru 2013 dwar id-drittijiet fundamentali fil-ġejjieni tal-Ġustizzja u l-Intern tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-FRA tat-8 ta' April 2016 dwar l-iżvilupp ta' għodda integrata ta' indikaturi oġġettivi tad-drittijiet fundamentali li tkun kapaċi tkejjel il-konformità mal-valuri komuni elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE abbażi ta' sorsi eżistenti ta' informazzjoni,
– wara li kkunsidra l-ittra tas-6 ta’ Marzu 2013 mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja u n-Netherlands lill-President tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra n-nota mill-Presidenza Taljana tal-15 ta' Novembru 2014 bit-titolu ‘Niżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea’,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett tal-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra l-ewwel u t-tieni djalogu tal-Kunsill dwar l-istat ta' dritt, matul il-Presidenza Lussemburgiża u Netherlandiża tal-UE, tas-17 ta' Novembru 2015 u l-24 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-"Linji gwida dwar passi metodoloġiċi li għandhom jittieħdu biex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tad-drittijiet fundamentali fil-korpi preparatorji tal-Kunsill", maħruġa mill-Kunsill fid-19 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea",
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2011, bit-titolu "Operational Guidance on taking account of Fundamental rights in Commission Impact Assessments" (Gwida Operazzjonali dwar il-kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni),
– wara li kkunsidra l-mekkaniżmu eżistenti ta' monitoraġġ u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika tal-Kummissjoni, inkluż il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, ir-rapporti kontra l-korruzzjoni u l-Media Monitor,
– wara li kkunsidra l-Kollokju Annwali tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, tat-13 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra l-"Kodiċi ta' Prattika Tajba għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-Proċess tat-Teħid tad-Deċiżjoni", maħruġ mill-Kunsill tal-Ewropa fl-1 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja 2016 tal-UE u r-Rapport mill-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2016 bit-titolu "Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni: Rapport Annwali tal-2015",
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament, ta' April 2016, dwar "Mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali",
– wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarjiet Kostituzzjonali (A8-0283/2016),
A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif minquxa fil-prinċipji u l-objettivi fundamentali fl-ewwel artikoli tat-TUE, u fil-kriterji għall-adeżjoni mal-Unjoni;
B. billi l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom isostnu u jagħtu eżempju billi jissodisfaw l-obbligi tagħhom b'mod ġenwin u jipproċedu għat-tfassil ta' kultura kondiviża tal-istat tad-dritt bħala valur universali fit-28 Stat Membru u fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandha tiġi applikata b'mod uniformi mill-partijiet kollha kkonċernati, filwaqt li r-rispett sħiħ lejn dawn il-prinċipji u l-promozzjoni tagħhom hu l-prerekwiżit essenzjali għal-leġittimità tal-proġett Ewropew kollu kemm hu u l-kundizzjoni bażika biex tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni;
C. billi, skont l-Opinjoni 2/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) tat-18 ta' Diċembru 2014(1) u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta huma fil-qalba tal-istruttura legali tal-Unjoni u r-rispett ta' dawn id-drittijiet huwa kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, hekk li miżuri li jkunu inkompatibbli ma' dawk id-drittijiet mhumiex aċċettabbli fl-Unjoni;
D. billi, skont l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7 tat-TUE, l-Unjoni għandha l-possibbiltà li taġixxi sabiex tipproteġi l-'qalba kostituzzjonali' tagħha u l-valuri komuni li hija msejsa fuqhom;
E. billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija liberali Ewropea u huwa wieħed mill-prinċipji ta' bażi tal-Unjoni Ewropea li joriġinaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kollha;
F. billi l-Istati Membri kollha, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u l-pajjiżi kandidati huma obbligati jirrispettaw, jipproteġu u jippromwovu dawk il-prinċipji u valuri, u għandhom id-dmir ta' kooperazzjoni leali;
G. billi f’ konformità, fost oħrajn, mal-Protokoll Nru 24 dwar l-asil għal ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u mat-TFUE, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI(2) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (bħal M.S.S. vs. Il-Belġju u l-Ġreċja, sentenza tal-21 ta’ Jannar 2011) u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (bħal N.S. u M.E., sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011(3) u Aranyosi u Căldăraru, sentenza tal-5 ta’ April 2016(4)), l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, għandhom l-obbligu li jżommu lura milli jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta' Stati Membri oħra fl-eventwalità li jkun hemm riskju ċar ta' ksur gravi jew ksur gravi u persistenzi tal-istat tad-dritt u tad-drittjiet fundamentali tal-Istati Membri l-oħra;
H. billi r-rispett lejn l-istat tad-dritt fi ħdan l-Unjoni huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll għar-rispett tad-drittijiet u l-obbligi kollha li jitnisslu mit-Trattati u mid-dritt internazzjonali, u hu prekundizzjoni għar-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja kif ukoll fattur ewlieni għal oqsma tal-politika bħas-suq intern, it-tkabbir u l-impjiegi, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-inklużjoni soċjali, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, iż-żona ta' Schengen, u l-politiki dwar l-asil u l-migrazzjoni, u bħala konsegwenza, l-erożjoni tal-istat tad-dritt, il-governanza demokratika u d-drittijiet fundamentali hija theddida serja għall-istabbiltà tal-Unjoni, l-unjoni monetarja u l-ispazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-prosperità tal-Unjoni;
I. billi l-mod li bih jiġi implimentat l-istat tad-dritt fl-Istati Membri jiżvolġi rwol ewlieni fl-iżgurar tal-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u fis-sistemi ġuridiċi tagħhom, u b'hekk għandu importanza vitali għall-ħolqien ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni;
J. billi l-Unjoni hija msejsa fuq sett komuni ta' valuri u prinċipji fundamentali u billi d-definizzjoni ta' dawk il-valuri u l-prinċipji fundamentali, li jippermettu li d-demokrazija tiffjorixxi u li d-drittijiet fundamentali jiġu protetti, hija proċess ħaj u permanenti, u billi dawk il-valuri u prinċipji jaf jevolvu maż-żmien, jeħtieġ ikunu mħarsa u għandhom ikunu l-bażi għad-deċiżjonijiet politiċi, indipendenti mill-maġġoranzi politiċi differenti u jirreżistu l-bidliet temporanji, u għaldaqstant ġudikatura indipendenti u imparzjali bir-responsabbiltà li tinterpretahom għandha rwol vitali;
K. billi ċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni mhumiex dejjem konxji biżżejjed tad-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini Ewropej; billi huma għandhom ikunu f'pożizzjoni li jkunu jistgħu jsawru l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u fuq kollox jieħdu s-sjieda tagħhom;
L. billi skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, u billi r-rispett għad-diversità kulturali u t-tradizzjonijiet nazzjonali, fi ħdan u fost l-Istati Membri, m'għandux jimpedixxi l-protezzjoni uniformi u ta' livell għoli tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni kollha; billi l-prinċipju tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huwa prinċipju universali u jirrappreżenta l-element komuni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-UE;
M. billi s-salvagwardja tal-istat tad-dritt u ta' sistemi ġudizzjarji indipendenti effettivi għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta' ambjent politiku pożittiv li jkun jista' jikseb lura l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet, u għaldaqstant anke għal ambjent li jiffavorixxi l-investiment u biex ikun hemm prevedibbiltà regolatorja akbar u tkabbir sostenibbli;
N. billi ż-żieda tal-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri hija aspett ewlieni tal-istat tad-dritt u hija essenzjali biex jiġi żgurat trattament ugwali, ikunu sanzjonati l-abbużi tal-gvern u tiġi prevenuta l-arbitrarjetà, u hija meqjusa mill-Kummissjoni bħala element ewlieni għar-riformi strutturali fis-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni; billi professjoni legali indipendenti hija waħda mill-pedamenti ta' soċjetà libera u demokratika;
O. billi n-Nota ta' Gwida tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, intitolata "L-Approċċ tan-NU għall-Assistenza favur l-Istat tad-Dritt", tirrakkomanda li l-istat tad-dritt għandu jinkludi soċjetà pubblika u ċivili li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u biex l-uffiċjali u l-istituzzjonijiet pubbliċi jinżammu responsabbli;
P. billi l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew intitolat "il-Kost ta' Non-Ewropa fil-qasam tal-kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni" jenfasizza li l-integrazzjoni tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ eżistenti tal-UE, bħall-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja u r-Rapporti Kontra l-Korruzzjoni, f'qafas ta' monitoraġġ usa' għall-istat tad-dritt jirriżulta fl-iffrankar ta' EUR 70 biljun fis-sena;
Q. billi l-governanza demokratika u legali tal-Unjoni ma għandhiex bażi leġiżlattiva soda għall-governanza ekonomika tagħha, peress li l-Unjoni ma turiex l-istess intransiġenza u fermezza fl-appell għar-rispett tal-valuri fundamentali tagħha, bħalma turi meta tiżgura li r-regoli ekonomiċi u fiskali tagħha huma implimentati korrettament;
R. billi n-nuqqas ta' pajjiż kandidat li jissodisfa l-istandards, il-valuri u l-prinċipji demokratiċi meħtieġa jirriżulta f'dewmien fl-adeżjoni mal-Unjoni, sakemm il-pajjiż jissodisfa dawk l-istandards għalkollox, filwaqt li n-nuqqas ta' Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni li jissodisfaw dawn l-istess standards fil-prattika ftit għandu konsegwenzi;
S. billi l-obbligi imposti fuq il-pajjiżi kandidati skont il-kriterji ta' Copenhagen jibqgħu japplikaw għall-Istati Membri wara li jaderixxu mal-Unjoni permezz tal-Artikolu 2 tat-TUE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4 tat-TUE, u billi mhux biss l-Istati Membri l-ġodda iżda anke l-Istati Membri l-antiki għandhom għaldaqstant jiġu vvalutati fuq bażi regolari sabiex jiġi vverifikat li l-liġijiet u l-prattiki tagħhom għadhom konformi mal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE;
T. billi madwar 8 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jappartjenu għal minoranza nazzjonali, u madwar 10 % jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja; billi ma jeżisti l-ebda qafas legali tal-UE li jiggarantixxi d-drittijiet tagħhom bħala minoranza; billi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu effikaċi biex jissorvelja d-drittijiet tagħhom fl-UE huwa importanti ħafna; billi hemm differenza bejn il-protezzjoni tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni; billi t-trattament ugwali huwa dritt bażiku, mhux privileġġ, taċ-ċittadini kollha;
U. billi l-koerenza u l-konsistenza tad-demokrazija interna u esterna, l-istat tad-dritt u l-politika tad-drittijiet fundamentali huma kruċjali għall-kredibilità tal-Unjoni;
V. billi jeżistu ftit strumenti biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet politiċi leġiżlattivi u eżekuttivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkonformaw mal-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni;
W. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea riċentement tat diversi sentenzi li jiżvalidaw ċerti liġijiet tal-Unjoni, deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew prattiki leġiżlattivi, għax jiksru l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew immorru kontra l-prinċipji tat-Trattat fir-rigward tat-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti, iżda f'bosta każijiet l-istituzzjonijiet tal-Unjoni naqsu milli jikkonformaw għalkollox mat-test u mal-ispirtu tas-sentenzi;
X. billi l-adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB hija obbligu tat-Trattat taħt l-Artikolu 6(2) tat-TUE;
Y. billi l-promozzjoni u l-ħarsien tad-demokrazija pluralista, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-kooperazzjoni politika u legali, il-koeżjoni soċjali u l-iskambju kulturali huma fil-qalba tal-kooperazzjoni bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni;
Z. billi l-bżonn ta' mekkaniżmi aktar effettivi u vinkolanti biex tkun żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji u l-valuri tat-Trattati ġie rikonoxxut mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, u tpoġġew fil-prattika permezz tal-ħolqien tad-Djalogu tal-Kunsill dwar l-Istat tad-Dritt u tal-Qafas tal-UE għat-Tisħiħ tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni;
AA. billi l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha għadd kbir ta' strumenti u proċessi biex tiżgura applikazzjoni sħiħa u xierqa tal-prinċipji u l-valuri tat-Trattat, iżda m'hemm l-ebda reazzjoni rapida u effettiva min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; billi l-istrumenti eżistenti għandhom jiġu infurzati, evalwati u kumplimentati fil-qafas ta' mekkaniżmu tal-istat tad-dritt biex ikunu adegwati u effettivi, u mhux meqjusa li kienu politikament motivati jew arbitrarji jew inġusti fil-konfront ta' ċerti pajjiżi;
AB. billi l-għadd ta' kawżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ċċitaw il-Karta żdied minn 43 fl-2011 għal 210 fl-2014;
AC. billi l-koerenza bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri f’konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali ser tipprovdi benefiċċji ċari, bħal kawżi inqas għalja, aktar ċarezza għaċ-ċittadini tal-Unjoni u d-drittijiet tagħhom, u iktar ċertezza għall-Istati Membri f'termini ta' implimentazzjoni;
AD. billi xi gvernijiet tal-Istati Membri jikkontestaw li l-ħarsien tal-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni huwa obbligu imposti mit-Trattati, jew li l-Unjoni għandha l-awtorità biex tiġi żgurata l-konformità;
AE. billi f'sitwazzjonijiet fejn Stat Membru ma jibqax jiggarantixxi r-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, jew f'każijiet ta' ksur tal-istat tad-dritt, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jipproteġu l-integrità u l-applikazzjoni tat-Trattati u li jipproteġu d-drittijiet ta' kulħadd fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha;
AF. billi s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti fil-bini u t-tisħiħ tad-demokrazija, il-monitoraġġ, u t-trażżin tas-setgħa tal-istat u l-promozzjoni tal-governanza tajba, it-trasparenza, l-effikaċja, l-aċċess miftuħ, ir-reazzjoni f'waqtha u r-responsabilità;
AG. billi l-prinċipju ta' sussidjarjetà ma jistax jiġi invokat biex jiġi rrifjutat kwalunkwe intervent tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità tal-Istati Membri mal-prinċipji u l-valuri tat-Trattati;
AH. billi azzjoni mill-Unjoni sabiex tiżgura li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet jirrispettaw il-valuri li fuqhom hija mibnija, u li minnhom huma derivati d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej, hija kundizzjoni essenzjali biex huma jkunu parti mill-proġett Ewropew;
AI. billi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea li għaddej bħalissa u l-iżviluppi riċenti f'xi Stati Membri wrew li n-nuqqas ta' osservanza tal-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali mhux qed jiġi prevenut kif jixraq u li huwa meħtieġ li jiġu riveduti u integrati l-mekkaniżmi eżistenti u li jiġi żviluppat mekkaniżmu effettiv biex jingħalqu l-lakuni li fadal u biex ikun żgurat li l-prinċipji u l-valuri tat-Trattat jiġu rispettati, imħarsa u promossi fl-Unjoni kollha;
AJ. billi Patt tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali ġdid (il-Patt tal-UE għad-DRF) għandu jiġu stabbilit u billi l-Patt tal-UE għad-DRF għandu jkun ibbażat fuq l-evidenza; oġġettiv u mhux soġġett għal influwenza esterna, b'mod partikolari l-influwenza politika, nondiskriminatorju u jivvaluta fuq bażi ugwali; filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, in-neċessità u l-proporzjonalità; jindirizza kemm l-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; u jkun ibbażat fuq approċċ gradat, li jinkludi kemm fergħa preventiva kif ukoll fergħa korrettiva;
AK. billi l-Patt tal-UE għad-DRF għandu jimmira li joffri qafas uniku u koerenti, li jibni fuq strumenti u mekkaniżmi eżistenti u jinkorporahom, u jagħlaq kwalunkwe lakuni li baqa';
AL. billi l-ħolqien ta' Patt tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 7(1) u (2) tat-TUE;
1. Jirrakkomanda li sakemm isiru l-bidliet possibbli fit-Trattat, jitwaqqaf mekkaniżmu komprensiv tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li jkun jinkludi l-partijiet konċernati rilevanti kollha u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tissottometti, sa Settembru 2017, abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE, proposta għall-konklużjoni ta' patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF) fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi arranġamenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE, li jintegra, jallinja u jikkumplimenta l-mekkaniżmi eżistenti, wara r-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness u li jinkludi, għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni li jixtiequ jagħmlu dan, l-għażla li jissieħbu mal-Patt tal-UE għad-DRF;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha fi djalogu ġenwin mas-soċjetà ċivili, filwaqt li tiżgura li l-kontribut u r-rwol tagħha jitqies fil-proposta tagħha għal ftehim interistituzzjonali;
3. Jirrakkomanda b'mod partikolari li l-Patt tal-UE għad-DRF jinkludi elementi preventivi u korrettivi, u jittratta lill-Istati Membri kollha bl-istess mod kif ukoll lit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji ta' sussidjarjetà, neċessità u proporzjonalità;
4. Iqis li filwaqt li l-iskop ewlieni tal-Patt tal-UE għad-DRF ikun li jipprevjeni u jikkoreġi l-ksur tal-valuri tal-Unjoni, dan għandu jinkludi wkoll sanzjonijiet possibbli li jistgħu jaġixxu bħala deterrent;
5. Jemmen li l-konklużjonijiet u l-opinjonijiet tal-FRA flimkien mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkostitwixxu bażi tajba għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tat-TUE u l-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet minquxa fil-Karta;
6. Ifakkar li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha d-dmir li timmonitorja u tivvaluta l-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u r-rispett tal-prinċipji u tal-objettivi minquxa fit-Trattati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jirrakkomanda, għaldaqstant, li jitqies dan il-kompitu tal-Kummissjoni biex tivvaluta l-konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, fi ħdan iċ-Ċiklu tal-Politika għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (iċ-Ċiklu tal-Politika tad-DRF);
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor, mill-2018 'il quddiem, ir-rapporti tematiċi annwali rilevanti tagħha, kif ukoll ir-riżultati tal-mekkaniżmi attwali tal-monitoraġġ u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika, li għandhom jiġu ppreżentati kollha fl-istess jum u jikkontribwixxu għaċ-ċiklu tal-politika tad-DRF;
8. Iqis li huwa importanti li jkun promoss djalogu kontinwu u li naħdmu lejn it-tisħiħ tal-kunsens bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bl-għan li jiġu promossi u protetti d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, għas-salvagwardja tal-valuri komuni tagħhom kif stabbiliti fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b'mod kompletament trasparenti u oġġettiv; jinsab konvint li ma jista' jkun hemm l-ebda kompromess rigward id-drittijiet fundamentali u l-valuri minquxa fit-Trattati u fil-Karta;
9. Jenfasizza r-rwol ewlieni li l-Parlament u l-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom fil-valutazzjoni tal-progress tal-valuri komuni tal-Unjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma' dawn tal-aħħar, kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; jinnota r-rwol ewlieni tal-Parlament fiż-żamma tad-dibattitu kontinwu meħtieġ fi ħdan il-kunsens komuni tal-Unjoni dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali filwaqt li jitqiesu l-bidliet fis-soċjetà tagħna; iqis li l-implimentazzjoni ta' dawn il-valuri u prinċipji jeħtieġ li tissejjes ukoll fuq monitoraġġ effettiv tar-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantit fil-Karta;
10. Jirrakkomanda li kwalunkwe dibattitu interparlamentari dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jinkludi s-soċjetà ċivili, u jqis li l-parteċipazzjoni ċivika u s-saħħa tas-soċjetà ċivili jiġu meqjusa bħala indikatur għad-demokrazija;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa Ġunju 2017, abbozz ta' ftehim ġdid għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB, għall-konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6 tat-TUE, filwaqt li jindirizza l-Opinjoni 2/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja; barra minn hekk, jistieden lill-Kunsill tal-Ewropa jiftaħ l-iffirmar tal-Karta Soċjali Ewropea lil partijiet terzi, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tibda n-negozjati għal adeżjoni tagħha tal-Unjoni;
12. Jistieden lill-Ombudsman Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tas-soċjetà, jenfasizza u jikkonsolida f'kapitolu speċifiku, bħala parti mir-rapport annwali tiegħu, każijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u mal-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza dawk ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura, f'konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, aċċess ġenerali għall-assistenza legali għal individwi u organizzazzjonijiet li jiftħu kawżi relatati ma' ksur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex meta jkun meħtieġ jikkumplimenta l-iskemi nazzjonali u d-Direttiva mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill dwar l-għajnuna legali għal persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali u għall-persuni mfittxa fi proċeduri tal-mandat ta' arrest Ewropew;
14. Jilqa' riforma tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħha l-għadd ta' mħallfin fil-Qorti qiegħed jiżdied gradwalment sabiex jiġġestixxu aħjar il-piż tax-xogħol u jitnaqqas it-tul tal-proċeduri;
15. Jirrakkomanda li bord ta' esperti dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Bord ta' Esperti tad-DRF), previst fil-ftehim interistituzzjonali, iwettaq huwa wkoll valutazzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-Unjoni, inklużi aspetti bħall-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati u l-imħallfin, professjoni legali indipendenti, regoli dwar il-locus standi, it-tul u l-ispejjeż tal-litigazzjoni, l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema ta' għajnuna legali, kif ukoll l-eżistenza tal-fondi meħtieġa għaliha, l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti, il-kamp ta' applikazzjoni tal-kontroll ġudizzjarju u r-rimedju disponibbli għaċ-ċittadini, u l-alternattivi għal rimedju kollettiv transfruntier; iqis, f'dan ir-rigward, li jenħtieġ li l-attenzjoni tiffoka fuq l-Artikolu 298(1) tat-TFUE u d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tissieħeb mas-soċjetà ċivili biex tiżviluppa u timplimenta kampanja ta' sensibilizzazzjoni, biex tippermetti liċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni jieħdu sjieda sħiħa tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mit-Trattati u mill-Karta (pereżempju l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u d-dritt tal-vot), li tipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini għal rimedju ġudizzjarju u azzjonijiet legali f'kawżi relatati mal-ksur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali mill-gvernijiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;
17. Jitlob li jinħoloq fond għal organizzazzjoni b'għotjiet għad-demokrazija li tappoġġja l-atturi lokali li jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni;
18. Jirrimarka li jekk l-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti fil-ftehimiet internazzjonali tagħha biex tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, għandha bl-istess mod tiżgura li l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha jikkonformaw mal-istat tad-dritt u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali;
19. Jirrakkomanda, barra minn hekk, li Patt tal-UE għad-DRF jinkludi l-monitoraġġ regolari tal-konformità mal-ftehimiet internazzjonali ratifikati mill-Istati Membri u l-Unjoni flimkien mad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni;
20. Iqis, barra minn hekk, li f'każ li fil-futur tiġi kkunsidrata reviżjoni tat-Trattati, jistgħu jiġu previsti l-bidliet li ġejjin:
–
Li jipprovdu għall-Artikolu 2 tat-TUE u l-Karta jsiru bażi ġuridika għall-miżuri leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
–
Il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, taħt l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Karta, iressqu proċedimenti dwar il-legalità tal-azzjonijiet tal-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;
–
L-Artikolu 7 tat-TUE jiġi rivedut biex jipprovdi sanzjonijiet rilevanti u applikabbli kontra kwalunkwe Stat Membru, filwaqt li jidentifika d-drittijiet tal-Istati Membri inadempjenti (apparti d-drittijiet tal-vot fil-Kunsill) li jistgħu jiġu sospiżi, pereżempju sanzjonijiet finanzjarji jew is-sospensjoni tal-finanzjament mill-Unjoni;
–
Li jsir possibbli li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, wara l-adozzjoni tagħha u qabel l-implimentazzjoni tagħha, tiġi riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja minn terz tal-Membri tal-Parlament;
–
il-persuni fiżiċi u ġuridiċi milquta direttament u individwalment b'azzjoni jingħataw lok li jressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal ksur allegat tal-Karta jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew minn Stat Membru, billi jiġu emendati l-Artikoli 258 u 259 tat-TFUE;
–
it-tneħħija tal-Artikolu 51 tal-Karta, u l-bidla tal-Karta f'Karta tad-Drittijiet tal-Unjoni;
–
li jsir rieżami tar-rekwiżit għal unanimità fl-oqsma relatati mar-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;
21. Jikkonferma li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-principju ta' sussidjarjetà;
22. Iqis li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-proposti rikjesti għall-baġit tal-Unjoni għandha tkun koperta mill-allokazzjonijiet baġitarji attwali; jenfasizza li kemm għall-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll għaċ-ċittadini, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawk il-proposti jistgħu jirriżultaw f'iffrankar sostanzjali ta' spejjeż u ħin, jistgħu jrawmu fiduċja reċiproka u rikonoxximent tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni, u jistgħu għaldaqstant ikunu ta' benefiċċju f'termini ekonomiċi u soċjali;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati akkumpanjanti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni biex jitqassmu lill-parlamenti u l-kunsilli sottonazzjonali.
Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).
Rakkomandazzjonijiet dettaljati għal abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar arranġamenti li jirrigwardaw proċeduri ta' monitoraġġ u segwitu dwar is-sitwazzjoni tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali fl-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE
ABBOZZ TA' FTEHIM INTERISTITUZZJONALI
PATT TAL-UNJONI EWROPEA DWAR ID-DEMOKRAZIJA, L-ISTAT TAD-DRITT U D-DRITTIJIET FUNDAMENTALI
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea:
Wara li kkunsidraw il-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni, ir-raba', il-ħames u s-seba' premessa tiegħu,
Wara li kkunsidraw, b'mod partikolari, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikoli 7 u 11 tat-TUE,
Wara li kkunsidraw l-Artikoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom, inklużi l-Artikoli 70, 258, 259, 260, 263 u 265 tiegħu,
Wara li kkunsidraw l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 5 tat-TUE, l-Artikolu 295 tat-TFUE u l-Protokolli Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, annessi mat-TUE u mat-TFUE,
Wara li kkunsidraw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),
Wara li kkunsidraw il-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu E tagħha, dwar in-nondiskriminazzjoni,
Wara li kkunsidraw il-kriterji ta' Copenhagen, u l-korp ta' regoli tal-Unjoni li pajjiż kandidat jeħtieġu jissodisfa jekk jixtieq isir membru tal-UE (l-acquis), b'mod partikolari l-Kapitoli 23 u 24 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,
Wara li kkunsidraw il-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-106 Sessjoni Plenarja tagħha, fit-18 ta' Marzu 2016,
Wara li kkunsidraw il-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Mejju 2007,
Wara li kkunsidraw il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,
Wara li kkunsidraw il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa;
Wara li kkunsidraw id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
Wara li kkunsidraw it-trattati tan-NU dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-ġurisprudenza tal-korpi tat-trattati tan-NU,
Wara li kkunsidraw il-pubblikazzjonijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), inkluża s-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali (EFRIS) proposta fid-dokument tal-istess aġenzija, dwar id-drittijiet fundamentali fil-ġejjieni tal-Ġustizzja u l-Intern tal-Unjoni Ewropea,tal-31 ta' Diċembru 2013,
Wara li kkunsidraw l-Approċċ tan-NU għall-Assistenza favur l-Istat tad-Dritt, ta' April 2008,
Wara li kkunsidraw l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u b'mod partikolari l-Għan 16:
Wara li kkunsidraw il-Ħamsa u Għoxrin Rapport Biennali tal-COSAC: Developments in European Union Procedures and Practices Relevant to Parliamentary Scrutiny (Żviluppi fi Proċeduri tal-Unjoni Ewropea u Prattiki Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari) tat-18 ta' Mejju 2016,
Wara li kkunsidraw l-ittra tas-6 ta' Marzu 2013 mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja u n-Netherlands lill-President tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-FRA tat-8 ta' April 2016 dwar l-iżvilupp ta' għodda integrata ta' indikaturi oġġettivi tad-drittijiet fundamentali li tkun tista' tkejjel il-konformità mal-valuri komuni elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE abbażi ta' sorsi eżistenti ta' informazzjoni,
Wara li kkunsidraw in-nota tal-Presidenza Taljana "Niżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea" tal-15 ta' Novembru 2014,
Wara li kkunsidraw il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett tal-istat tad-dritt,
Wara li kkunsidraw il-"Linji gwida dwar passi metodoloġiċi li għandhom jittieħdu biex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tad-drittijiet fundamentali fil-korpi preparatorji tal-Kunsill", maħruġa mill-Kunsill fid-19 ta' Diċembru 2014,
Wara li kkunsidraw l-ewwel u t-tieni djalogu tal-Kunsill dwar l-istat ta' dritt, matul il-Presidenza Lussemburgiża u Netherlandiża tal-UE, fis-17 ta' Novembru 2015 u l-24 ta' Mejju 2016,
Wara li kkunsidraw il-mekkaniżmu eżistenti ta' monitoraġġ u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika tal-Kummissjoni, inkluż il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, ir-rapporti kontra l-korruzzjoni u l-Media Monitor,
Wara li kkunsidraw il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea",
Wara li kkunsidraw id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2011 dwar gwida operazzjonali dwar il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt",
Wara li kkunsidraw il-Kollokju Annwali tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Fundamentali,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, tat-13 ta' April 2016,
Wara li kkunsidraw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(1),
Wara li kkunsidraw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE (2013-2014)(2),
(1) Billi huwa meħtieġ mekkaniżmu tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li jkun oġġettiv, ibbażat fuq l-evidenza u li jiġi japplikat b'mod ugwali u ġust għall-Istati Membri kollha kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u li jinkludi kemm dimensjoni preventiva kif ukoll dik korrettiva.
(2) Billi l-għan ewlieni ta' mekkaniżmu tali għandu jkun li jiġu evitati l-ksur u n-nuqqas ta' konformità mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi l-istrumenti meħtieġa biex il-fergħa preventiva kif ukoll dik korrettiva tal-Artikolu 7 tat-TUE, kif ukoll l-istrumenti l-oħra previsti fit-Trattati, ikunu operazzjonali fil-prattika.
(3) Billi d-duplikazzjoni u l-ħolqien bla bżonn ta' strutturi ġodda għandhom jiġu evitati, u għandhom ikunu preferuti l-integrazzjoni u l-inkorporazzjoni ta' strumenti eżistenti.
(4) Billi t-tfassil ta' definizzjonijiet, standards u parametri referenzjarji fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali mhux deċiżjoni ta' darba iżda pjuttost proċess permanenti u interattiv imsejjes fuq dibattitu u konsultazzjoni pubbliċi wiesa', reviżjoni regolari u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.
(5) Billi biex ikun effettiv, il-mekkaniżmu jrid ikollu l-appoġġ wiesa' taċ-ċittadini tal-Unjoni u jippermettilhom li jieħdu f'idejhom is-sjieda tal-proċess.
(6) Billi l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għaż-żamma ta' standards komuni, iżda meta jonqsu milli jagħmlu dan, l-Unjoni għandha d-dmir li tintervjeni biex tipproteġi l-qalba kostituzzjonali tagħha u tiżgura li l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta jiġu garantiti għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni.
(7) Billi huwa importanti li l-livelli kollha tal-gvern jaħdmu flimkien mill-qrib fuq il-bażi tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom sabiex jidentifikaw it-theddid sistematiku possibbli għall-istat tad-dritt fi stadju bikri, u biex itejbu l-protezzjoni tal-istat tad-dritt.
(8) Billi hemm diversi strumenti għall-indirizzar tar-riskju ta' ksur serju tal-valuri tal-Unjoni iżda jeħtieġ li jiġu żviluppati parametri referenzjarji ċari u oġġettivi biex dawk l-istrumenti jkunu sodi u dissważiva biżżejjed sabiex jipprevjenu ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali; Billi l-Unjoni ma għandha l-ebda mekkaniżmu ġuridikament vinkolanti fis-seħħ li jissorvelja b'mod regolari konformità tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni mal-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.
(9) Billi, skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, dan il-ftehim interistituzzjonali jistabbilixxi biss arranġamenti għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, Il-KUnsill u l-Kummissjoni, u, skont l-Artikolu 13(2) tat-TUE, dawk l-istituzzjonijiet għandhom jaġixxu fil-limiti tas-setgħat konferitit lilhom permezz tat-Trattati, u f'konformità mal-proċeduri, kundizzjonijiet u oġġettivi stipulati fihom; billi dan il-ftehim interistituzzjonali huwa mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni awtentika tad-dritt tal-Unjoni,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-valuri u l-prinċipji ewlenin li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, għandhom jiġu mħarsa fl-Unjoni kollha f'Patt tal-Unjoni dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF), li jipprevedi d-definizzjoni, it-tfassil, il-monitoraġġ u l-infurzar ta' dawk il-valuri u l-prinċipji, u li jindirizza kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 2
Il-Patt tal-UE għad-DRF għandu jikkonsisti f'dan li ġej:
– rapport annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (Rapport Ewropew dwar id-DRF) b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jinkorpora r-rappurtar magħmul mill-FRA, il-Kunsill tal-Ewropa, u awtoritajiet rilevanti oħra f'dan il-qasam,
– dibattitu interparlamentari annwali abbażi ta' dak ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF,
– arranġamenti biex jiġu rimedjati r-riskji u l-ksur potenzjali, kif previst fit-Trattati, inkluża l-attivazzjoni tal-fergħa preventiva jew korrettiva tal-Artikolu 7 tat-TUE,
– ċiklu tal-politika għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (Ċiklu tal-Politika tad-DRF) fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Patt tal-UE għad-DRF għandu jiġi estiż biex jinkorpora l-Qafas għall-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni u d-Djalogu dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kunsill fi strument uniku tal-Unjoni.
Artikolu 4
Ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri għandu jitfassal mill-Kummissjoni, b'konsultazzjoni mal-bord ta' esperti indipendenti (Bord ta' Esperti tad-DRF) msemmi fl-Artikolu 8. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali. Ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF għandu jkun magħmul disponibbli għall-pubbliku.
Ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF għandu jinkludi parti ġenerali u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
Jekk il-Kummissjoni ma tadottax, fil-ħin, ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF, inklużi r-rakkomandazzjoni speċifiċi għall-pajjiż, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jitlob formalment lill-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjoni għad-dewmien u biex tadottaha mingħajr dewmien sabiex jiġi evitat aktar dewmien.
Artikolu 5
Ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF għandu jinkorpora u jikkomplementa strumenti eżistenti, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, l-Istrument ta' Sorveljanza tal-Pluraliżmu tal-Midja, ir-rapport kontra l-korruzzjoni u l-proċeduri ta' evalwazzjoni bejn il-pari abbażi tal-Artikolu 70 tat-TFUE u jissostitwixxi l-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika għall-Bulgarija u r-Rumanija.
Artikolu 6
Ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF għandu jitfassal bl-użu ta' varjetà ta' sorsi u l-għodod eżistenti għall-valutazzjoni, ir-rappurtar u l-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' Stati Membri, inklużi:
– kontributi mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward tar-rispett tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,
– l-FRA, partikolarment l-istrument EFRIS,
– aġenziji speċjalizzati oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u l-Eurostat,
– esperti, akkademiċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet professjonali u settorjali, pereżempju, ta' mħallfin, avukati u ġurnalisti;
– indiċijiet u parametri referenzjarji eżistenti żviluppati minn organizzazzjonijiet u NGOs internazzjonali;
– il-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Kummissjoni ta' Venezja, il-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u l-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ);
– organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD);
– il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u ta' qrati, tribunali u korpi tat-Trattati internazzjonali oħra;
– kull riżoluzzjoni jew kontribut ieħor pertinenti tal-Parlament Ewropew, inkluż ir-rapport annwali tiegħu dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni;
– kontributi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Il-kontributi kollha mis-sorsi msemmija f'dan l-Artikolu kif ukoll l-abbozz tar-Rapport Ewropew dwar id-DRF imħejji mill-Bord ta' Esperti tad-DRF, inklużi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Artikolu 7
Ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF għandu għandu jiġi ppreżentat f'format armonizzat u akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u mħejji b'fokus speċifiku fuq l-aspetti li ġejjin:
– is-separazzjoni tal-poteri,
– in-natura imparzjali tal-Istat,
– ir-riversibilità tad-deċiżjonijiet politiċi wara l-elezzjonijiet,
– l-eżistenza ta' kontrolli u bilanċi istituzzjonali li jiżguraw li l-imparzjalità tal-Istat ma tiġix iddubitata,
– il-permanenza tal-Istat u l-istituzzjonijiet, ibbażata fuq l-immutabilità tal-kostituzzjoni,
– il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja,
– il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda,
– il-promozzjoni ta' spazju ċiviku u mekkaniżmi effettivi għal djalogu ċivili,
– id-dritt għal parteċipazzjoni demokratika attiva u passiva fl-elezzjonijiet u d-demokrazija parteċipattiva,
– l-integrità u l-assenza tal-korruzzjoni,
– it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont,
– il-legalità,
– iċ-ċertezza tad-dritt,
– il-prevenzjoni tal-abbuż jew l-użu ħażin tal-poter,
– l-ugwaljanza quddiem il-ġustizzja u n-nondiskriminazzjoni,
– sfidi partikolari għall-istat tad-dritt: il-korruzzjoni, il-kunflitt ta' interess, il-ġbir ta' data personali u s-sorveljanza,
– Titoli I sa IV tal-Karta;
– il-KEDB u l-protokolli tagħha.
Artikolu 8
Il-valutazzjoni tal-istat tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, kif ukoll l-iżvilupp ta' abbozz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, għandhom jitwettqu minn bord ta' esperti indipendenti (Bord ta' Esperti tad-DRF), abbażi ta' rieżami kwantitattiva u kwalitattiva tad-data u l-informazzjoni disponibbli.
8.1. Il-Bord ta' Esperti tad-DRF għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:
– espert indipendenti wieħed nominat mill-parlament nazzjonali ta' kull Stat Membru, li huwa mħallef ikkwalifikat ta' qorti kostituzzjonali jew qorti suprema, li attwalment mhuwiex f'impjieg attiv;
– għaxar esperti oħra maħtura mill-Parlament Ewropew, b'maġġoranza ta' żewġ terzi, magħżula minn lista ta' esperti nominati minn:
(i) il-Federazzjoni ta' "All European Acadamies" (ALLEA);
(ii) in-Netwerk Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (ENNHRI);
(iii) il-Kunsill tal-Ewropa, fosthom il-Kummissjoni ta' Venezja, GRECO u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa;
(iv) il-CEPEJ u l-Kunsill tal-Ligi u tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE - Council of Law and Bars and Societies of Europe);
(v) in-NU, l-OSCE u l-OECD.
8.2. Il-Bord ta' Esperti tad-DRF għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu.
8.3. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-abbozz ta' Rapport Ewropew tad-DRF u l-abbozz tar-rakkomandazzjonijiet għall-pajjiż, il-Kummissjoni għandha tipprovdi segretarjat lill-Bord ta' Esperti tad-DRF, li jippermettilu jiffunzjona b'mod effiċjenti, b'mod partikolari billi jiġbor id-data u s-sorsi ta' informazzjoni li għandhom jiġu rieżaminati u valutati, u billi jipprovdilu appoġġ amministrattiv matul il-proċess ta' abbozzar.
Artikolu 9
Il-Bord ta' Esperti tad-DRF għandu jivvaluta l-Istati Membri fir-rigward tal-aspetti elenkati fl-Artikolu 7 u għandu jidentifika r-riskji u infrazzjonijiet possibbli. Dik il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi anonima u indipendenti minn kull wieħed mill-membri tal-bord għas-salvagwardja tal-indipendenza tal-Bord ta' Esperti tad-DRF u l-oġġettività tar-Rapport Ewropew tad-DRF. Il-membri tal-Bord ta' Esperti tad-DRF jistgħu, madankollu, jikkonsultaw ma' xulxin bl-għan li jiddiskutu l-metodi u l-istandards miftiehma.
Il-metodi ta' valutazzjoni għandhom jiġu riveduti annwalment mill-Bord ta' Esperti tad-DRF, u fejn meħtieġ, għandhom jiġu elaborati, raffinati, supplimentati u emendati, bi qbil komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, esperti u s-soċjetà ċivili.
Artikolu 10
L-adozzjoni tal-Rapport Ewropew tad-DRF mill-Kummissjoni għandha tibda d-dibattitu interparlamentari u d-dibattitu fil-Kunsill, li għandhom jimmiraw li jindirizzaw ir-riżultati tar-Rapport Ewropew tad-DRF u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż permezz tal-passi li ġejjin:
– Il-Parlament Ewropew għandu jorganizza dibattitu interparlamentari abbażi tar-Rapport Ewropew tad-DRF u għandu jadotta riżoluzzjoni. Dak id-dibattitu għandu jiġi organizzat b'mod li jistabbilixxi l-parametri referenzjarji u l-għanijiet li jinkisbu u jipprovdi l-mezzi biex jiġu vvalutati l-bidliet minn sena għal oħra fi ħdan il-kunsens eżistenti tal-Unjoni dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Il-proċeduri rilevanti għandhom jiġu aċċellerati sabiex jinħolqu mezzi tali, li mhux biss jippermettu monitoraġġ immedjat u effettiv tal-bidliet annwali, iżda jiżguraw ukoll konformità mal-impenji mill-partijiet rilevanti kollha.
– Id-dibattitu interparlamentari annwali għandu jagħmel parti minn djalogu strutturat pluriennali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali u għandu jinvolvi wkoll is-soċjetà ċivili, l-FRA u l-Kunsill tal-Ewropa.
– Il-Kunsill għandu jorganizza dibattitu annwali, li jibni fuq id-Djalogu dwar l-Istat tad-Dritt tiegħu, abbażi tar-Rapport Ewropew tad-DRF u għandu jadotta l-konklużjonijiet tal-Kunsill, filwaqt li jistieden lill-parlamenti nazzjonali jipprovdu rispons għar-Rapport Ewropew tad-DRF, proposti jew riformi.
– Abbażi tar-Rapport Ewropew tad-DRF, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tniedi azzjoni ta' "ksur sistematiku" skont l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikolu 258 tat-TFUE, filwaqt li tgħaqqad flimkien diversi każijiet ta' ksur.
– Abbażi tar-Rapport Ewropew tad-DRF, wara li tikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq proposta għal evalwazzjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-politika tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja taħt l-Artikolu 70 tat-TFUE.
10.1. Abbażi tar-Rapport Ewropew tad-DRF, jekk Stat Membru jikkonforma mal-aspetti kollha elenkati fl-Artikolu 7, ma għandhiex tkun meħtieġa aktar azzjoni.
10.2. Fuq il-bażi tar-Rapport Ewropew tad-DRF, jekk Stat Membru jonqos f'wieħed jew iktar mill-aspetti elenkati fl-Artikolu 7, il-Kummissjoni għandha tibda djalogu mal-Istat Membru mingħajr dewmien, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
10.2.1. Jekk ir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar Stat Membru tinkludi d-dikjarazzjoni mill-bord ta' esperti li hemm riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u li hemm biżżejjed raġunijiet biex jiġi invokat l-Artikolu 7(1) tat-TUE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom kull wieħed minnhom jiddiskuti l-kwistjoni u jieħu deċiżjoni motivata, li għandha tkun magħmula pubblika.
10.3. Fuq il-bażi tar-Rapport Ewropew tad-DRF, jekk ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar Stat Membru jinkludu l-valutazzjoni mill-bord ta' esperti li jeżisti ksur serju u persistenti - jiġifieri li jiżdied jew jibqa' l-istess matul perjodu ta' mill-inqas sentejn, tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u li hemm raġunijiet biżżejjed biex jiġi invokat l-Artikolu 7(2), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom kull wieħed jiddiskutu l-kwistjoni mingħajr dewmien u kull istituzzjoni għandha tieħdu deċiżjoni motivata li għandha tkun magħmula pubblika.
Artikolu 11
Id-drittijiet fundamentali għandhom jiġu inklużi bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt għall-proposti leġiżlattivi kollha li tagħmel il-Kummissjoni, skont il-Paragrafu 25 tal-Ftehim interistituzzjonali dwar it-Tfassil aħjar tal-Liġijiet.
Il-Bord ta' Esperti tad-DRF imsemmi fl-Artikolu 8, għandha jivvaluta l-konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.
Artikolu 12
Għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma interistituzzjonali għall-valutazzjoni tal-impatt ("Grupp ta' Ħidma") bl-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni interistituzzjonali dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt, u li tinħoloq kultura ta' konformità mad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Il-Grupp ta' Ħidma għandu jikkonsulta ma' esperti nazzjonali fi stadju bikri sabiex ikunu jistgħu jbassru aħjar l-isfidi tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri, kif ukoll biex jgħin ħalli jingħelbu interpretazzjonijiet u fehimiet differenti min-naħa tal-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni fir-rigward tal-impatt tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fuq l-atti legali tal-Unjoni. Il-Grupp ta' Ħidma għandu jibni fuq il-Linji Gwida tal-Kunsill dwar passi metodoloġiċi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tad-drittijiet fundamentali fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-"Operational Guidance on taking account of Fundamental rights in Commission Impact Assessments" (il-Gwida Operazzjonali dwar it-teħid f'kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni) tal-Kummissjoni, l-Għodda # 24 mis-Sett ta' Għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-Artikolu 38 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew sabiex tkun żgurata l-konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-promozzjoni tagħhom.
Artikolu 13
Ir-rapporti annwali li ġejjin tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-infurzar u l-konformità mal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu ppreżentati flimkien maċ-Ċiklu tal-Politika annwali tad-DRF tar-Rapport Ewropew tad-DRF:
– Rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta;
– Rapport annwali dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;
– Rapport annwali dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3)
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).