Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (C(2016)06329 – 2016/2930(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2016)06329),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 13 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet(1) (ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew – EMIR), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(2), tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE(3), u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(4),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (ASE – l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) fit-8 ta' Marzu 2016 skont l-Artikolu 11(15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-ebda oġġezzjoni ma tqajjmet fil-perjodu stipulat fit-tielet u r-raba' inċiż tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li skada fil-25 ta' Ottubru 2016,
A. billi l-EMIR jistabbilixxi rekwiżiti tal-ikklerjar u tal-ġestjoni bilaterali tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi negozjati barra l-Borża (OTC), rekwiżiti ta' rappurtar għall-kuntratti tad-derivattivi u rekwiżiti uniformi għat-twettiq ta' attivitajiet ta' kontropartijiet ċentrali (CCP) u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.
B. billi l-Artikolu 11(15) tal-EMIR jipprevedi li l-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz komuni ta' standards tekniċi regolatorji (RTS) li jispeċifikaw il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, inklużi l-livelli u t-tip ta' kollateral u l-arranġamenti tas-segregazzjoni, meħtieġa għall-osservanza tal-Artikolu 11(3) tal-EMIR, il-proċeduri għall-kontrapartijiet u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti li għandhom jiġu segwiti fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 11(6) sa (10) tal-EMIR u l-kriterji applikabbli msemmija fl-Artikolu 11(5) sa (10) tal-EMIR inkluż, b'mod partikulari, x'għandu jitqies bħala impediment prattiku jew legali għat-trasferiment immedjat tal-fondi proprji u għar-rimborż ta' passivi bejn il-kontrapartijiet;
C. billi l-Artikolu 11(15) tal-EMIR jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dawk l-RTS, skont in-natura legali tal-kontroparti, f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ir-Regolament dwar l-EBA), tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 (ir-Regolament dwar l-EIOPA) jew tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (ir-Regolament dwar l-ESMA);
D. billi l-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) rrilaxxaw il-qafas konġunt globali tagħhom li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-marġini għal derivattivi kklerjati b'mod mhux ċentrali f'Settembru 2013, u rrivedewh f'Marzu 2015;
E. billi l-ASE ppreżentaw l-abbozz ta' RTS lill-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu 2016;
F. billi l-Kummissjoni nnotifikat lill-ASE fit-28 ta' Lulju 2016 bl-intenzjoni tagħha li tapprova l-abbozz ta' RTS soġġett għal numru ta' bidliet f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolamenti dwar l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA;
G. billi l-ASE ppreżentaw opinjoni formali lill-Kummissjoni fit-8 ta' Settembru 2016, f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolamenti dwar l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA, u l-abbozz ta' RTS rivedut;
H. billi l-Kummissjoni adottat ir-Regolament delegat fl-4 ta' Ottubru 2016;
I. billi dan ir-Regolament delegat jista' jidħol fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' skrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw;
J. billi l-perjodu ta' skrutinju previst skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti dwar l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA huwa tliet xhur mid-data ta' notifika tal-RTS; billi dan il-perjodu ta' skrutinju għalhekk jiskadi fl-4 ta' Jannar 2017;
K. billi l-kalendarju tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini għal derivattivi kklerjati b'mod mhux ċentrali ġie miftiehem fuq livell internazzjonali (BCBS u IOSCO); billi l-Unjoni, filwaqt li ma rrispettatx id-data miftiehma tal-1 ta' Settembru 2016 għall-ewwel stadju ta' implimentazzjoni, xorta għadha fil-ħin li tistabbilixxi r-regoli tagħha qabel it-tieni skadenza tal-1 ta' Marzu 2017, meta numru kbir ta' kontropartijiet finanzjarji u gruppi mhux finanzjarji għandhom jibdew jiskambjaw il-marġini;
L. billi jinħtieġ li jiġi ddikjarat malajr kemm jista' jkun li mhux se jkun hemm oġġezzjoni sabiex l-Unjoni tkun tista' tirrispetta l-impenn internazzjonali tagħha u tippermetti lill-kontropartijiet jħejju għar-rekwiżiti l-ġodda b'biżżejjed avviż minn qabel; billi approċċ bħal dan se jikkontribwixxi, malajr kemm jista' jkun, għall-għoti ta' ċertezza legali lill-parteċipanti tas-suq kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.