Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2235(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0314/2016

Testi mressqa :

A8-0314/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0413

Testi adottati
PDF 432kWORD 55k
L-Erbgħa, 26 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni ppreżentata mill-Estonja – EGF/2016/003 EE/żejt grezz u kimiċi
P8_TA(2016)0413A8-0314/2016
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Estonja – EGF/2016/003 EE/żejt grezz u kimiċi) (COM(2016)0622 – C8-0389/2016 – 2016/2235(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0622 – C8-0389/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0314/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Estonja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/003 EE/petroleum and chemicals biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara xi sensji 2 li seħħew fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 19 (Manifatturar tal-kokk u tal-prodotti tal-petroleum raffinat) u Diviżjoni 20 (Manifatturar tal-kimiċi u tal-prodotti kimiċi). billi l-Estonja mhijiex maqsuma f'reġjuni NUTS 2 u billi 800 mill-1 550 ħaddiem li ngħataw is-sensja huma eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tressqet skont l-intervent tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG li jidderoga mill-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi fil-dawl tat-taqlib reċenti fis-swieq globali taż-żejt, it-tnaqqis ġenerali fil-kummerċ internazzjonali tal-fertilizzanti tal-Ewropa (għall-benefiċċju tal-produtturi Ċiniżi) u reġjuni barra mill-Ewropa li jbiegħu l-gass bl-irħis, Eesti Energia AS, Nitrofert AS u Viru Keemia Grupp AS għalqu jew naqqsu l-produzzjoni fl-impjanti li wassal għal terminazzjoni kollettivi ta' kuntratti tax-xogħol;

G.  billi l-Estonja ddeċidiet li tgħaqqad is-sensji f'applikazzjoni waħda reġjonali, peress li s-sensji seħħew fl-istess post, matul l-istess żmien u involvew ħaddiema ssensjati b'kuntesti simili ħafna;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk l-Estonja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 131 358 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 885 597 għal servizzi speċjalizzati li jikkonsistu f'appoġġ għall-ħlas ta' studji formali, tal-ispiża għat-taħriġ, ir-rimborż tal-ispiża għat-taħriġ għal min jimpjega, taħriġ dwar is-suq tax-xogħol, prattika tax-xogħol, konsultazzjoni dwar id-dejn, konsultazzjoni psikoloġika, allokazzjonijiet għall-istudju dwar il-parteċipazzjoni fi studji formali, boroż ta' studju, allokazzjonijiet għat-trasport u għall-akkomodazzjoni għat-taħriġ tal-lingwa Estonjana;

2.  Jilqa' l-ewwel applikazzjoni għall-FEG imressqa mill-Estonja; jemmen li l-FEG jista' jkun strument partikolarment ta' valur biex jgħin lill-ħaddiema mill-pajjiżi b'ekonomiji tal-Unjoni żgħar u aktar vulnerabbli;

3.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Estonjani, fis-6 ta' Lulju 2016, sa ma ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fit-28 ta' Settembru 2016 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata.

4.  Jinnota li, gradwalment, l-Unjoni tilfet il-pożizzjoni tagħha fil-quċċata tal-bejgħ globali tal-kimiċi liċ-Ċina, li żiedet is-sehem tagħha minn 9 % għal kważi 35 % fl-istess żmien; ifakkar li l-produzzjoni ta' fertilizzanti minerali huwa intensiv ħafna mil-lat enerġetiku (il-prezzijiet tal-gass jammontaw sa 80 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni); jinnota li minħabba li prezzijiet taż-żejt qegħdin dejjem jitbaxxew, l-esportazzjonijiet Estonjani ta' karburanti minerali naqsu b'25 % matul l-ewwel xahrejn tal-2016 meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti; jinnota li konċentrazzjoni għolja ta' industriji fl-Estonja hija dipendenti fuq il-prezzijiet taż-żejt u tal-gass;

5.  Jirrimarka li l-impatt tas-sensji fuq l-ekonomija lokali u reġjonali u fuq l-impjiegi huwa mistenni li jkun sinifikanti.

6.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Estonja li tgħaqqad żewġ setturi ekonomiċi f'applikazzjoni reġjonali waħda, peress li s-sensji seħħew fl-istess reġjun, għaliex dan inaqqas il-piż amministrattiv u jippermetti li jiġu organizzati miżuri konġunti għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja f'dawn iż-żewġ setturi;

7.  Jilqa' l-fatt li tfasslet strateġija ta' żvilupp reġjonali, li hija deskritta fil-pjan ta' azzjoni Ida-Virumaa għall-2015-2020(4), bil-loġistika u t-turiżmu identifikati bħala setturi potenzjali għat-tkabbir; jirrikonoxxi l-fatt li ġew varati proġetti infrastrutturali sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir u biex jiffurmaw bażi għad-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika;

8.  Jinnota li l-għadd relattivament baxx ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri (800 minn 1 550) jista' jiġi spjegat bix-xewqa li jiġu mmirati l-aktar ħaddiema vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-fatt li xi ħaddiema kienu ddikjaraw li huma ma kinux disponibbli għall-parteċipazzjoni fil-miżuri previsti mill-Estonja; jinnota l-persentaġġ relattivament għoli ta' ċittadini mhux tal-Unjoni (63,3 %) bħala benefiċjarji fil-mira;

9.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu l-ħlas tal-ispejjeż tal-istudji formali, ir-rimborż tal-ispejjeż tat-taħriġ għal min iħaddem, it-taħriġ fis-suq tax-xogħol, it-taħriġ fil-lingwa Estonjana, il-prattika tax-xogħol u l-konsulenza; jieħu nota tal-fatt li l-Estonja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont l-arranġamenti kollettivi u kkonfermat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post tali azzjonijiet;

10.  Jinnota li l-Estonja tiddikjara wkoll li l-pakkett koordinat ta' miżuri huwa kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli u turi potenzjal kbir biex tiffaċilitah, li hija konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG;

11.  Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, inklużi t-trade unions, l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, l-intrapriżi u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li saru fuq il-livell nazzjonali u reġjonali biex tfassal il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;

12.  Jinnota li l-azzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG, b’ mod partikolari l-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, tagħrif u pubbliċità, kontroll u rappurtaġġ - jirrappreżentaw sehem relattivament għoli tal-ispejjeż totali (7,7 %);

13.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

14.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jammontaw għal 27,25 % tal-pakkett ġenerali tal-miżuri personalizzati u, għalhekk, huma taħt il-limitu massimu ta' 35 % stipulat fir-Regolament; jinnota barra minn hekk li dawk il-miżuri jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

15.  Jinnota li l-ispejjeż marbutin mal-assistenza teknika jirrappreżentaw perċentwal relattivament għoli tal-ispejjeż totali; iqis li dan huwa ġustifikat fid-dawl tal-fatt li din hija l-ewwel applikazzjoni tal-Estonja fil-qafas tal-FEG;

16.  Jinnota l-fatt li l-Estonja kkonfermat li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

17.  Jinnota li dawn l-azzjonijiet ġew abbozzati skont il-ħtiġijiet identifikati fl-istrateġija ta' żvilupp reġjonali fl-Estonja u huma kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effikaċi u sostenibbli fl-użu tar-riżorsi;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4)https://www.siseministeerium.ee/sites/default/files/dokumendid/Arengukavad/ida-virumaa_tegevuskava_2015-2020_26.02.15.pdf


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (wara applikazzjoni mill-Estonja - EGF/2016/003 EE/żejt grezz u kimiċi)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/2099.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza